EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1175

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2021/1175 tas-16 ta’ Lulju 2021 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-polijoli f’ċerti prodotti tal-ħelu b’enerġija mnaqqsa (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2021/5213

ĠU L 256, 19.7.2021, p. 53–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1175/oj

19.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 256/53


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1175

tas-16 ta’ Lulju 2021

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-polijoli f’ċerti prodotti tal-ħelu b’enerġija mnaqqsa

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Dik il-lista tista’ tiġi aġġornata f’konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Fit-18 ta’ Diċembru 2018 ġiet imressqa applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-polijoli bħala sustanza li tagħti l-ħlewwa f’ħelu iebes (ħelu u lollies), f’ħelu artab (ħelu li togħmodu, gums tal-frott u prodotti taz-zokkor tar-ragħwa/marshmallows), f’għud is-sus, f’qubbajt u f’marżipan; f’mustardini b’togħma qawwija li jiffriskaw il-griżmejn u f’ħelu żgħir li jiffriska n-nifs li huma b’enerġija mnaqqsa. Sussegwentement, din l-applikazzjoni saret disponibbli għall-Istati Membri skont l-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008.

(4)

Il-polijoli huma sustanzi li jagħtu l-ħlewwa b’ammont baxx ta’ kaloriji u jistgħu jintużaw biex jissostitwixxu parzjalment jew kompletament iz-zokkor kaloriku f’ċerti prodotti tal-ħelu. Dan iwassal għal tnaqqis fil-kontenut kaloriku tagħhom u fl-offerta ta’ prodotti b’enerġija mnaqqsa lill-konsumaturi f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008. L-użu kombinat ta’ polijoli u ta’ zokkor f’ħelu b’enerġija mnaqqsa jipprovdi ħlewwa lill-prodotti u l-funzjonalitajiet u l-proprjetajiet organolettiċi mixtieqa li ma jistgħux jinkisbu b’ingredjenti oħrajn jew bl-użu tal-polijoli biss.

(5)

Użu limitat ta’ polijoli bħala sustanzi li jagħtu l-ħlewwa jitqies aċċettabbli fl-ikel diment li tiġi kkunsidrata l-azzjoni lassattiva tagħhom (3). Ġeneralment, ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 ma jippermettix l-użu tal-polijoli fix-xorb minħabba l-potenzjal lassattiv tagħhom. Madankollu, meta jintużaw fl-ikel solidu, bħall-prodotti tal-ħelu kkonċernati mill-applikazzjoni, x’aktarx il-polijoli ma jikkawżaw l-ebda sintomu lassattiv mhux mixtieq meta jiġu kkonsmati inqas minn 20 g ta’ polijoli kuljum mis-sorsi kollha (4). Għalhekk, ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 diġà jippermetti l-użu tagħhom fi quantum satis fil-kategorija tal-ikel 05.2 “Ħlewwiet oħra inkluż ħelu żgħir li jiffriska n-nifs”, għas-sosituzzjoni totali taz-zokkor fi prodotti mingħajr zokkor miżjud, fost skopijiet oħrajn. L-estensjoni proposta tal-użu tikkonċerna biss is-sostituzzjoni parzjali taz-zokkor fl-istess tipi ta’ prodotti, u għalhekk, il-polijoli jintużaw f’livell mhux assoċjat ma’ sintomi lassattivi mhux mixtieqa.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità biex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta t-tali aġġornament mhuwiex mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem. L-awtorizzazzjoni tal-użu tal-polijoli bħala sustanzi li jagħtu l-ħlewwa fi ħlewwiet b’enerġija mnaqqsa, flimkien mal-użu diġà awtorizzat tagħhom fil-ħelu mingħajr zokkor miżjud, tikkostitwixxi aġġornament ta’ din il-lista li mhuwiex mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Għalhekk, m’hemmx bżonn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità. Sabiex jiġi żgurat li l-konsumaturi jirċievu informazzjoni adegwata, it-tikkettar tal-ikel li fih aktar minn 10 % ta’ polijoli miżjuda awtorizzati skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jrid jinkludi d-dikjarazzjoni obbligatorja “konsum eċċessiv jista’ jipproduċi effetti lassattivi” f’konformità mal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(7)

B’riżultat ta’ dan, jixraq li jiġi awtorizzat l-użu tal-polijoli bħala sustanzi li jagħtu l-ħlewwa f’ċerti prodotti b’enerġija mnaqqsa msemmija fl-ewwel sentenza tal-premessa (3) fis-subkategorija tal-ikel 05.2 “Ħlewwiet oħra inkluż ħelu żgħir li jiffriska n-nifs” fi quantum satis.

(8)

Jenħtieġ li l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Lulju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  Report of the scientific Committee for Food (SCF) concerning sweeteners (SCF, 1984), Opinion of the Scientific Committee on Food on Erythritol (opinjoni tal-5 ta’ Marzu 2003).

(4)  Report of the scientific Committee for Food (SCF) concerning sweeteners (Opinjoni espressa fil-11 ta’ Diċembru 1987 u fl-10 ta’ Novembru 1988)

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1924/2006 u (KE) Nru 1925/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva tal-Kummissjoni 87/250/KEE, id-Direttiva tal-Kunsill 90/496/KEE, id-Direttiva tal-Kummissjoni 1999/10/KE, id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kummissjoni 2002/67/KE u 2008/5/KE u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18).


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fil-kategorija tal-ikel 05.2 “Ħlewwiet oħra inkluż ħelu żgħir li jiffriska n-nifs”, l-annotazzjoni li ġejja tiddaħħal wara l-annotazzjoni għall-Grupp IV “Polijoli” awtorizzati bir-restrizzjoni “biss għall-frott kristallizzat, b’enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud”:

 

“Grupp IV

Polijoli

quantum satis

 

ħelu iebes u lollies, ħelu li tomogħdu, gums tal-frott, u prodotti taz-zokkor tar-ragħwa/marshmallows, għud is-sus, qubbajt, marżipan, ħelu żgħir li jiffriska n-nifs u mustardini b’togħma qawwija li jiffriskaw il-griżmejn, b’enerġija mnaqqsa jew mingħajr zokkor miżjud biss”


Top