EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R0675

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 675/2012 tat- 23 ta’ Lulju 2012 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tat-Terra (E 553b) u tax-Xama' tal-Karnawba (E 903) fuq bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar u l-użu tax-Xellak (E 904) fuq bajd mhux imqaxxar Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 196, 24.7.2012, p. 52–54 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/675/oj

24.7.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 196/52


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 675/2012

tat-23 ta’ Lulju 2012

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tat-Terra (E 553b) u tax-Xama' tal-Karnawba (E 903) fuq bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar u l-użu tax-Xellak (E 904) fuq bajd mhux imqaxxar

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 30(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Dik il-lista tista' tiġi emendata skont il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta' awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2).

(3)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista' tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel tista' tiġi aġġornata fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(4)

Tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tat-Terra (E 553b) u tax-Xama' tal-Karnawba (E 903) fuq bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar u l-użu tax-Xellak (E 904) fuq bajd mhux imqaxxar, u saret disponibbli għall-Istati Membri.

(5)

Meta użati fuq wiċċ il-bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar, l-addittivi tal-ikel Terra (E 553b), Xama' tal-Karnawba (E 903) u Xellak (E 904) jistgħu jżejnu billi joħolqu effett xi ftit jew wisq ta' tlellix. Barra minn hekk, ix-Xellak (E 904) jista' jikkontribwixxi għal preservazzjoni aħjar tal-bajd mgħolli kollu li mhux imqaxxar meta jintuża fuq il-wiċċ tiegħu.

(6)

Dawk l-additivi tal-ikel mhumiex mistennija li jippenetraw fil-parti ġewwinija edibbli tal-bajda minħabba l-insolubbiltà tagħhom u l-piż molekulari għoli tagħhom. L-użu ta' dawn l-addittivi tal-ikel x'aktarx ma jħallix effett fuq is-saħħa tal-bniedem peress li x-xama' tagħhom tibqa' fuq il-qoxra tal-bajda. Għalhekk huwa xieraq li t-Terra (E 553b) u x-Xama' tal-Karnawba (E 903) jitħallew jintużaw fuq bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar, u x-Xellak (E 904) jitħalla jintuża fuq bajd mgħolli mhux imqaxxar kemm ikkulurit kif ukoll mhux ikkulurit.

(7)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni x'aktarx ma jħallix effett fuq is-saħħa tal-bniedem.Peress li l-awtorizzazzjoni tal-użu tat-Terra (E 553b), ix-Xama' tal-Karnawba (E 903) u x-Xellak (E 904) fuq bajd mgħolli mhux imqaxxar tikkostitwixxi aġġornament ta' dik il-lista li x'aktarx ma tħallix effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhux meħtieġ li tintalab l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

(8)

Skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta' Novembru 2011 li jemendaw l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxu lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel (3), l-Anness II li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni ta' addittivi tal-ikel approvata għall-użu fl-ikel u l-kondizzjonijiet tal-użu, japplika mill-1 ta' Ġunju 2013. Sabiex jitħalla l-użu tat-Terra (E 553b) u x-Xama' tal-Karnawba (E 903) fuq il-bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar u x-Xellak (E 904) fuq bajd mgħolli mhux imqaxxar qabel dik id-data, huwa meħtieġ li tiġi speċifikata data aktar kmieni tal-applikazzjoni fir-rigward ta' dawk l-addittivi tal-ikel.

(9)

Il-miżuri sabbiliti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Lulju 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jiddaħħlu dawn l-entrati li ġejjin fil-kategorija tal-ikel 10.2 “Bajd u prodotti tal-bajd ipproċessati” wara l-entrata għall-E 520-523:

 

“E 553b

Terra

5 400

 

fuq il-wiċċ biss ta' bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar

Il-perjodu tal-applikazzjoni:

it-13 ta’ Awwissu 2012

 

E 903

Xama' tal-Karnawba

3 600

 

fuq il-wiċċ biss ta' bajd mgħolli kkulurit mhux imqaxxar

Il-perjodu tal-applikazzjoni:

it-13 ta’ Awwissu 2012

 

E 904

Xellak

quantum satis

 

fuq il-wiċċ biss ta' bajd mgħolli mhux imqaxxar

Il-perjodu tal-applikazzjoni:

it-13 ta’ Awwissu 2012”


Top