EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0604

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-9 ta’ Marzu 2023.
Vapo Atlantic SA vs Entidade Nacional para o Setor Energético E.P.E. (ENSE).
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Tribunal Administrativo e Fiscal de Braga.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni – Direttiva 98/34/KE – Il-punt 4 tal-Artikolu 1 – Kunċett ta’ ‘ħtiġiet oħra’ – Il-punt 11 tal-Artikolu 1 – Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’ – Artikolu 8(1) – Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea kull abbozz ta’ regolament tekniku – Dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi l-inkorporazzjoni ta’ ċertu perċentwali ta’ bijokarburanti fil-karburanti tat-trasport fit-toroq – It-tielet inċiż tal-Artikolu 10(1) – Kunċett ta’ ‘klawżola ta’ salvagwardja prevista f’att vinkolanti tal-Unjoni’ – Nuqqas ta’ inklużjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/30/KE.
Kawża C-604/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:175

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

9 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi u tar-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà tal-Informazzjoni – Direttiva 98/34/KE – Il-punt 4 tal-Artikolu 1 – Kunċett ta’ ‘ħtiġiet oħra’ – Il-punt 11 tal-Artikolu 1 – Kunċett ta’ ‘regolament tekniku’ – Artikolu 8(1) – Obbligu tal-Istati Membri li jinnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea kull abbozz ta’ regolament tekniku – Dispożizzjoni nazzjonali li tipprevedi l-inkorporazzjoni ta’ ċertu perċentwali ta’ bijokarburanti fil-karburanti tat-trasport fit-toroq – It-tielet inċiż tal-Artikolu 10(1) – Kunċett ta’ ‘klawżola ta’ salvagwardja prevista f’att vinkolanti tal-Unjoni’ – Nuqqas ta’ inklużjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/30/KE”

Fil-Kawża C‑604/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-Tribunal Administrativo e Fiscal de Braga (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Braga, il-Portugall), permezz ta’ deċiżjoni tal‑14 ta’ Settembru 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑28 ta’ Settembru 2021, fil-proċedura

Vapo Atlantic SA

vs

Entidade Nacional para o Setor Energético E.P.E. (ENSE),

fil-preżenza ta’:

Fundo ambiental,

Fundo de Eficiência Energética (FEE),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Jürimäe, Presidenta tal-Awla, M. Safjan, N. Piçarra, N. Jääskinen u M. Gavalec (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: N. Emiliou,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vapo Atlantic SA, minn N. Franco Bruno, R. Leandro Vasconcelos u M. Martins Pereira, advogados,

għal Entidade Nacional para o Setor Energético E.P.E., minn G. Capitão, advogado,

għall-Gvern Portugiż, minn P. Barros da Costa, M. Branco, C. Chambel Alves u J. Reis Silva, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn G. Braga da Cruz, B. De Meester u M. Escobar Gómez, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-punt 3 tal-Artikolu 1 tal-Artikolu 8(1) u tat-tielet inċiż tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 337), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE tal‑20 ta’ Novembru 2006 (ĠU 2008, L 352M, p. 709) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/34”), tal-Artikolu 7a(2) tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 23, p. 182), kif emendata bid-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 23, p. 182, rettifika fil-ĠU 2015, L 116, p. 25), (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 98/70”), tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/30 u tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal‑enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE (ĠU 2009, L 140, p. 16).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Vapo Atlantic SA u l-Entidade Nacional para o Setor Energtico E.P.E. (Entità Nazzjonali tas-Settur tal-Enerġija) (iktar ’il quddiem l-“ENSE”), dwar deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li timponi kumpens finanzjarju fuq Vapo Atlantic talli ma pproduċietx il-prova tal-inkorporazzjoni ta’ bijokarburanti fil-karburanti tat-trasport fit-toroq li din kienet irrilaxxat għall-konsum matul it-tieni semestru tal‑2020.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Id‑Direttiva 98/34

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 kien jipprevedi:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw it-tifsriet li Ġejjin:

[…]

3)

‘speċifikazzjoni teknika’, speċifikazzjoni li tinsab f’dokument li jistabbilixxi l-karatteristiċi meħtieġa ta’ prodott bħalma huma l-livelli ta’ kwalità, ir-riżultat tal-ħidma, is-sigurtà jew id-dimensjonijiet, inklużi l-ħtiġiet li japplikaw għall-prodott rigward l-isem li bih il-prodott jinbiegħ, it-terminoloġija, is-simboli, l-eżaminazzjoni u l-metodi ta’ l-eżaminazzjoni, l-imballaġġ, l-immarkar jew l-ittikkettjar u l-proċeduri ta’ stima tal-konformità.

[…]

4)

‘ħtiġiet oħra’, ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq;

[…]

6)

‘standard’, speċifikazzjoni teknika approvata minn korp rikonoxxut ta’ l-istandardizzazzjoni għal applikazzjoni mtennija jew kontinwa, li l-konformità magħha mhijiex obbligatorja u li hija waħda minn dawn li ġejjin:

standard internazzjonali: standard adottat minn organizzazzjoni internazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku,

standard Ewropew: standard adottat minn organizzazzjoni Ewropea ta’ l-istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku,

standard nazzjonali: standard adottat minn organizzazzjoni nazzjonali ta’ l-istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku;

[…]

11)

‘regolament tekniku’, speċifikazzjonijiet tekniċi u ħtiġiet oħra jew regoli dwar servizzi, inklużi d-dispożizzjonijiet amministrattivi rilevanti, li l-osservanza tagħhom hija obbligatorja, de jure jew de facto, fil-każ tat-tqegħid fis-suq, il-forniment ta’ servizz, l-istabbiliment ta’ operatur tas-servizz jew l-użu fi Stat Membru jew f’parti l-kbira minnu, kif ukoll il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri, għajr dawk ipprovduti fl-Artikolu 10, li jipprojbixxu l-fabbrikazzjoni, l-importazzjoni, it-tqegħid fis-suq jew l-użu ta; prodott, jew li jipprojbixxu l-forniment jew l-użu ta’ servizz, jew l-istabbiliment ta’ fornitur tas-servizz.

Ir-regolamenti tekniċi de facto jinkludu:

il-liġijiet, ir-regolamenti jew id-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ Stat Membru li jirreferu jew għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, jew għall-kodiċijiet professjonali jew il-kodiċijiet ta’ prattika li, min-naħa tagħhom, jirreferu għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi jew għal ħtiġiet oħra jew għal regoli dwar is-servizzi, li l-ħarsien tagħhom jagħti preżunzjoni ta’ konformità ma’ l-obbligi imposti mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi msemmija iktar ’il fuq,

[…]”

4

L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“Soġġetti għall-Artikolu 10, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw fil-pront lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku, għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew, f’liema każ l-informazzjoni li jkollha x’taqsam ma’ l-istandard relevanti tkun biżżejjed; għandhom ukoll iħallu lill-Kummissjoni tagħmel dikjarazzjoni dwar ir-raġunijiet li jagħmlu meħtieġa l-leġislazzjoni ta’ dan ir-regolament tekniku, fejn dawn ma jkunux diġà ġew magħmula ċari fl-abbozz.

[…]”

5

Skont it-tielet inċiż tal-Artikolu 10(1) tal-imsemmija direttiva:

“L-Artikoli 8 u 9 ma għandhomx japplikaw għal dawk il-liġijiet, ir-regolament u d-dispożizzjonijiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri jew għal ftehim volontarju li permezz tiegħu l-Istati Membri:

[…]

jagħmlu użu mill-klawsoli ta’ salvagwardja li jipprovdu għalihom atti tal-Komunità li jorbtu”.

Id‑Direttiva 98/70

6

L-Artikolu 7a tad-Direttiva 98/70, intitolat “Tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gass b’effett serra”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2:

“1.   L-Istati Membri għandhom jinnominaw il-fornitur jew il-fornituri responsabbli għall-monitoraġġ u r-rappurtar tal-emissjonijiet tal-gass b’effett serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal kull unità ta’ enerġija mill-karburant u l-enerġija fornuta. Fil-każ tal-fornituri tal-elettriku għall-użu f’vetturi tat-toroq, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawn il-fornituri jkunu jistgħu jagħżlu li jsiru kontributuri għall-obbligu ta’ tnaqqis stabbilit fil-paragrafu 2 jekk ikunu jistgħu juru li jistgħu jkejlu u jimmonitorjaw b’mod adegwat l-elettriku fornut għall-użu f’dawk il-vetturi

B’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, il-fornituri għandhom jirrapportaw kull sena, lill-awtorità nnominata mill-Istat Membru, dwar l-intensità tal-gass b’effett serra tal-karburant u l-enerġija pprovduta f’kull Stat Membru billi jagħtu, bħala minimu, l-informazzjoni li ġejja:

(a)

il-volum totali ta’ kull tip ta’ karburant jew enerġija fornuta, filwaqt li jindikaw minn fejn inxtraw u l-oriġini tagħhom; u

(b)

l-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal kull unità ta’ enerġija.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rapporti jkunu soġġetti għal verifika.

Il-Kummissjoni għandha, fejn ikun il-każ, tistabbilixxi linji gwida għall-implimentazzjoni ta’ dan il-paragrafu.

2.   L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-fornituri jnaqqsu bl-iktar mod gradwali possibbli ċ-ċiklu ta’ ħajja tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra għal kull unità ta’ enerġija mill-provvista ta’ karburant u ta’ enerġija sa massimu ta’ 10 % sal-31 ta’ Diċembru 2020, meta mqabbel mal-istandard ta’ referenza tal-karburant stabbilit L-Istati Membri għandhom jeħtieġu l-fornituri biex bl-aktar mod gradwali possibbli jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gass b’effett serra tul iċ-ċiklu ta’ ħajja għal kull unità ta’ enerġija mill-karburant u mill-enerġija fornuti sa massimu ta’ 10 % sal‑31 ta’ Diċembru 2020, meta mqabbel mal-istandard tal-linja bażi tal-karburant imsemmi fil-paragrafu 5(b). Dan it-tnaqqis għandu jikkonsisti fi:

(a)

6 % sal-31 ta’ Diċembru 2020. L-Istati Membri jistgħu jitolbu lill-fornituri, għal dan it-tnaqqis, biex jikkonformaw mal-miri intermedji li ġejjin: 2 % sal-31 ta’ Diċembru 2014 u 4 % sal-31 ta’ Diċembru 2017;

(b)

mira addizzjonali indikattiva ta’ 2 % sal-31 ta’ Diċembru 2020, soġġetti għall-Artikolu 9(1)(h), li għandha tintlaħaq permezz ta’ wieħed mill-metodi li ġejjin, jew it-tnejn li huma:

(i)

il-forniment ta’ enerġija għat-trasport fornuta għall-użu fi kwalunkwe tip ta’ vettura tat-triq, makkinarju mobbli mhux tat-triq (inklużi bastimenti tal-passaġġi tal-ilma interni), tratturi tal-biedja jew tal-forestrija jew dgħajjes li jintuaw għar-rikreazzjoni;

(ii)

l-użu ta’ kwalunkwe teknoloġija (fosthom il-qbid tal-karbonju u l-ħażna) li tkun kapaċi li tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gass b’effett serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja għal kull unità ta’ enerġija mill-karburant jew l-enerġija fornuti;

(c)

mira addizzjonali indikattiva ta’ 2 % sal-31 ta’ Diċembru 2020, soġġetta għall-Artikolu 9(1)(i), li għandha tintlaħaq permezz tal-użu ta’ krediti mixtrija permezz tal-Mekkaniżmu għall-Iżvilupp Nadif tal-Protokoll ta’ Kjoto, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwwa l-Komunità [u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631]), għal tnaqqis fis-settur tal-provvista tal-karburanti”.

Id‑Direttiva 2009/30

7

Il-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2009/30 jipprevedu li:

“(8)

Il-kombustjoni tal-karburant tat-trasport fit-toroq hija responsabbli għal madwar 20 % mill-emissjonijiet Komunitarji tal-gassijiet b’effett serra. Metodu wieħed sabiex jitnaqqsu dawn l-emissjonijiet huwa billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra tul iċ-ċiklu ta’ ħajja […] ta’ dawn il-karburanti. Dan jista’ jsir b’għadd ta’ modi. Meta wieħed iqis l-ambizzjoni tal-Komunità li l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra jitnaqqsu iktar u l-kontribuzzjoni sinifikanti li l-emissjonijiet tat-trasport fit-toroq jagħmlu, ikun xieraq li jiġi stabbilit mekkaniżmu li jeħtieġ li l-fornituri tal-karburant jirrappurtaw l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karburant li huma jfornu u li jnaqqsuhom mill-2011 ‘il quddiem. Il-metodoloġija għall-kalkolu tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra mill-bijokarburanti għandha tkun identika għal dik stabbilita għall-finijiet tal-kalkolu tal-impatti tal-gassijiet b’effett serra taħt id-[Direttiva 2009/28].

(9)

lI-fornituri għandhom, sal-31 ta’ Diċembru 2020, b’mod gradwali jnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett serra tul iċ-ċiklu tal-ħajja tal-karburant sa 10 % għal kull unità ta’ enerġija mill-karburant u mill-enerġija fornuta. Dan it-tnaqqis għandu jammonta għal mill-inqas 6 % sal-31 ta’ Diċembru 2020, meta mqabbel mal-livell medju fl-UE tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra tul iċ-ċiklu ta’ ħajja tagħhom fir-rigward ta’ kull unità ta’ enerġija mill-karburanti fossili fl-2010, permezz tal-użu tal-bijokarburanti, karburanti alternattivi u tnaqqis fl-ivvampar u l-kombustjoni fis-siti tal-produzzjoni. Soġġett għal reviżjoni, għandu jinkludi tnaqqis ulterjuri ta’ 2 % milħuq permezz tal-użu ta’ teknoloġiji tal-qbid u l-ħżin tal-karbonju li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u vetturi elettriċi u tnaqqis ta’ 2 % ulterjuri addizzjonali milħuq permezz tax-xiri ta’ krediti skont il-Mekkaniżmu tal-Iżvilupp Nadif tal-Protokoll ta’ Kjoto. Dawn it- tnaqqis addizzjonali m’għandhomx ikunu vinkolanti għall-Istati Membri jew għall-fornituri tal-karburant mad-dħul fis-seħħ ta’ din id-Direttiva. Ir-reviżjoni għandha tindirizza l-karattru mhux vinkolanti tagħhom.”

8

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2009/30, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprevedi:

“1.   L-Istati Membri għandhom iġibu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2010.

Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk il-miżuri.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati b’tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu il-metodi dwar kif għandha ssir din ir-riferenza.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.”

Id‑Direttiva 2009/28

9

Id-Direttiva 2009/28 tħassret bid-Direttiva (UE) 2018/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑11 ta’ Diċembru 2018 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli (ĠU 2018, L 328, p. 82, rettifiki fil-ĠU 2020, L 311, p. 11, fil-ĠU 2021, L 224, p. 42, fil-ĠU 2022, L 41, p. 37), b’effett mill‑1 ta’ Lulju 2021. Madankollu, fid-dawl tad-data tal-fatti inkwistjoni, it-tilwima fil-kawża prinċipali tibqa’ rregolata mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2009/28.

10

Il-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2009/28 jipprevedu:

“ (8)

Il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta’ Jannar 2007 intitolata “Il-Pjan Direzzjonali għall-Enerġija Rinnovabbli — L-Enerġija Rinnovabbli fis-seklu 21: il-bini ta’ futur iżjed sostenibbli” wera li mira ta’ 20 % għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli u mira ta’ 10 % għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport ikunu miri xierqa u li jistgħu jinkisbu, u li qafas li jinkludi miri mandatorji għandu jipprovdi lill-komunità kummerċjali bl-istabbiltà fuq -perijodu twil li għandha bżonn biex tagħmel investimenti sostenibbli u razzjonali fis-settur tal-enerġija rinnovabbli li jkunu kapaċi li jnaqqsu d-dipendenza fuq karburanti fossili impurtati u ssaħħaħ l-użu ta’ teknoloġiji ġodda tal-enerġija. Dawn il-miri jeżistu fil-kuntest tal-20 % titjib fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sal-2020 stabbilit permezz tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2006 intitolata “Pjan ta’ Azzjoni għall-Effiċjenza fl-Enerġija: It-Twettiq tal-Potenzjal”, li ġie endorsjat mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2007, u mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-31 ta’ Jannar 2008 dwar dak il-Pjan ta’ Azzjoni.

(9)

Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2007 afferma mill-ġdid l-impenn tal-Komunità lejn l-iżvilupp madwar il-Komunità ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli lil hinn mill-2010. Huwa approva mira mandatorja ta’ sehem ta’ 20 % ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum globali tal-enerġija fil-Komunità sal-2020 u mira minima mandatorja ta’ 10 % li trid tintlaħaq mill-Istati Membri kollha għas-sehem ta’ bijokarburanti fil-konsum tal-petrol u d-diżil sal-2020, li jridu jiġu introdotti b’infiq effettiv. Huwa ddikjara li l-karattru vinkolanti tal-mira tal-bijokarburanti huwa xieraq, kemm-il darba l-produzzjoni hija sostenibbli, bil-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni jsiru kummerċjalment disponibbli u d-[Direttiva 98/70] li qed tkun emendata biex tippermetti livelli adegwati ta’ taħlit. Il-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2008 tenna li huwa essenzjali li jiġu żviluppati u ssodisfatti kriterji effettivi ta’ sostenibbiltà għall-bijokarburanti u tiġi żgurata d-disponibbiltà kummerċjali tal-bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni. Il-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2008 rrefera mill-ġdid għall-kriterji ta’ sostenibbiltà u l-iżvilupp ta’ bijokarburanti tat-tieni ġenerazzjoni, u enfasizza l-ħtieġa li jiġu evalwati l-impatti possibbli tal-produzzjoni tal-bijokarburanti fuq il-prodotti tal-ikel agrikoli u li tittieħed azzjoni, jekk meħtieġ, biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet. Huwa ddikjara wkoll li għandha ssir evalwazzjoni ulterjuri tal-konsegwenzi ambjentali u soċjali tal-produzzjoni u l-konsum tal-bijokarburanti.”

11

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Suġġett u Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprevedi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas komuni għall-promozzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli. Hija tistabbilixxi miri nazzjonali mandatorji għas-sehem globali ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija u għas-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-trasport. […]”

12

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/28, intitolat “Miri u miżuri globali nazzjonali mandatorji għall-użu ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli”, jipprevedi, fil-paragrafi 4:

“Kull Stat Membru għandu jiżgura li s-sehem ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-forom kollha ta’ trasport fl-2020 huwa mill-inqas 10 % tal-konsum finali ta’ enerġija fit-trasport f’dak l-Istat Membru.

[…]”

13

Fl-aħħar verżjoni tagħha fis-seħħ, id-Direttiva 2009/28 kienet ġiet emendata bid-Direttiva (UE) 2015/1513 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad‑9 ta’ Settembru 2015 (ĠU 2015, L.239, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 234, p. 26), li kienet tipprevedi, konformement mal-Artikolu 4(1) tagħha, li l-emendi magħmula minnha kellhom jiġu trasposti mill-Istati Membri mhux iktar tard mill‑10 ta’ Settembru 2017, li kienu wkoll obbligati jinformaw immedjatament lill-Kummissjoni b’kull miżura ta’ traspożizzjoni.

Id‑dritt Portugiż

14

L-Artikolu 11(1) tad-Decreto-Lei n.° 117/2010 (id-Digriet-Liġi Nru 117/2010) tal‑25 ta’ Ottubru 2010, kif emendat bid-Decreto-Lei n.°6/2012 (id-Digriet-Liġi Nru 6/2012) tas‑17 ta’ Jannar 2012 (iktar ’il quddiem id-“Digriet-Liġi Nru 117/2010”), jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-entitajiet li jwettqu r-rilaxx għall-konsum ta’ karburanti tat-toroq, billi jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet ta’ rilaxx għall-konsum (DRK) skont il-Kodiċi tas-Sisa, approvat bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 73/2010, tal‑21 ta’ Ġunju 2010, emendat bil-Liġi Nru 55-A/2010 tal‑31 ta’ Diċembru 2010, […] għandhom jikkontribwixxu għall-osservanza tal-għanijiet ta’ inkorporazzjoni tal-bijokarburanti fil-perċentwali li ġejjin, f’kontenut enerġetiku, fir-rigward tal-kwantitajiet ta’ karburanti tat-trasport fit-toroq li huma jqiegħdu għall-konsum, bl-eċċezzjoni tal-gass tal-petroleum likwifikat (LPG) u tal-gass naturali:

a)

2011 u 2012 – 5.0 %;

b)

2013 u 2014 – 5.5 %;

c)

2015 u 2016 – 7.5 %;

d)

2017 u 2018 – 9.0 %;

e)

2019 u 2020 – 10.0 %.”

15

Il-preambolu tad-Digriet Liġi Nru 6/2012 jippreċiża li “d-Digriet-Liġi Nru 117/2010 […] li jittrasponi parzjalment fid-dritt nazzjonali d-[Direttiva 2009/28] u d-[Direttiva 2009/30], jistabbilixxi l-kriterji ta’ sostenibbiltà għall-produzzjoni u l-użu tal-bijokarburanti u tal-bijolikwidi, il-mekkaniżmi intiżi sabiex jippromwovu l-bijokarburanti fit-trasport tal-art u jistabbilixxi l-limiti għall-inkorporazzjoni obbligatorja tal-bijokarburanti”.

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

16

Vapo Atlantic hija kumpannija li teżerċita l-attività tagħha fis-suq tal-karburanti fil-Portugall.

17

Peress li għandha l-istatus fiskali ta’ destinatarju rreġistrat, hija ma tissodisfax il-kundizzjonijiet legali sabiex twettaq l-inkorporazzjoni fiżika tal-bijokarburanti fil-karburanti tat-trasport fit-toroq li hija tqiegħed għall-konsum fil-Portugall. Konsegwentement, hija tixtri, mingħand kumpannija stabbilita fi Spanja, tali karburanti li fihom bijokarburant fi proporzjonijiet li josservaw id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Spanjola.

18

Vapo Atlantic ma ppreżentat lil ENSE ebda prova tal-approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea tal-iskema ta’ ċertifikazzjoni volontarja applikata mill-kumpannija li mingħandha hija tixtri karburanti tat-trasport fit-toroq fi Spanja.

19

Matul it-tieni trimestru tal‑2020, Vapo Atlantic irrilaxxat għall-konsum 7582 tunnellata ta’ karburanti tat-trasport fit-toroq.

20

ENSE kkonstatat li, kuntrarjament għall-obbligu impost fuqha permezz tad-Digriet-Liġi Nru 117/2010, Vapo Atlantic ma kellha ebda ċertifikat dwar il-bijokarburanti, filwaqt li hija kellha żżomm mill-inqas 758 ċertifikat sabiex turi li hija kienet tosserva l-obbligu li tinkorpora 10 % tal-bijokarburanti mal-karburanti tat-trasport fit-toroq li hija rrilaxxat għall-konsum fit-tieni trimestru tal‑2020.

21

Konsegwentement, ENSE adottat deċiżjoni li timponi fuq Vapo Atlantic il-ħlas ta’ somma ta’ EUR 908084 bħala kumpens finanzjarju minħabba li din ma kinitx ipprovat l-inklużjoni ta’ bijokarburanti fil-karburanti tat-trasport fit-toroq irrilaxxati minnha għall-konsum matul it-tieni trimestru tal‑2020, u dan bi ksur tal-Artikolu 11(1) tad-Digriet-Liġi Nru 117/2010.

22

Vapo Atlantic ikkontestat din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Braga (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Braga, il-Portugall), li hija l-qorti tar-rinviju.

23

Din il-qorti tenfasizza li l-abbozz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali msemmija fil-punt 21 ta’ din is-sentenza ma jidhirx li ġie nnotifikat lill-Kummissjoni qabel il-pubblikazzjoni u d-dħul fis-seħħ ta’ din il-leġiżlazzjoni.

24

L-imsemmija qorti tistaqsi, essenzjalment, dwar l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 98/34, sabiex jiġi ddeterminat jekk l-imsemmija leġiżlazzjoni tikkostitwixxix “regolament tekniku” li kellu jkun innotifikat lill-Kummissjoni.

25

Fl-ewwel lok, din l-istess qorti tistaqsi jekk l-Artikolu 11(1) tad-Digriet-Liġi Nru 117/2010, li jillimita ruħu li jiddetermina perċentwali ta’ inkorporazzjoni tal-bijokarburanti fil-karburanti tat-trasport fit-toroq irrilaxxati għall-konsum mingħajr ma jiddetermina ebda karatteristika ta’ dawn il-bijokarburanti, jistax jitqies bħala “regolament tekniku”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, u, b’mod iktar partikolari, jekk dan huwiex “ħtiġiet oħra”, fis-sens ta’ dan il-punt 4 tal-Artikolu 1.

26

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-Artikolu 11(1) tad-Digriet-Liġi Nru 117/2010 jistax jaqa’ taħt l-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, sa fejn din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali “sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard […] Ewropew”. Fil-fatt, l-Artikolu 7a(2) tad-Direttiva 98/70 jimponi l-obbligu fuq l-Istati Membri li jitolbu lill-fornituri jnaqqsu, kemm jista’ jkun progressivament, l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra prodotti sa 10 %.

27

Fit-tielet lok, din il-qorti tistaqsi dwar jekk l-Artikolu 11(1) tad-Digriet-Liġi Nru 117/2010 jaqax taħt it-tielet inċiż tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 98/34, fid-dawl tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/30 u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2015/1513. Fil-fatt, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet tal-aħħar jistgħu jiġu analizzati bħala “klawsoli ta’ salvagwardja li jipprovdu għalihom atti tal-Komunità li jorbtu”, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 98/34.

28

Fir-raba’ lok, l-imsemmija qorti tistaqsi, sussidjarjament, dwar il-konsegwenzi li jirriżultaw min-nuqqas ta’ twettiq tal-obbligu ta’ komunikazzjoni tal-abbozz ta’ leġiżlazzjoni, previst fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34. Il-qorti tar-rinviju rrikonoxxiet li, fil-prinċipju, l-assenza ta’ notifika ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali skont din id-dispożizzjoni twassal għan-nuqqas ta’ infurzabbiltà tagħhom. Madankollu, hija għandha dubji f’dan ir-rigward, peress li tali interpretazzjoni twassal għal nuqqas ta’ osservanza ġġeneralizzata tal-obbligu ta’ inkorporazzjoni tal-bijokarburanti fil-karburanti tat-trasport fit-toroq irrilaxxati għall-konsum. Din l-istess interpretazzjoni tikkomprometti mhux biss l-għan nazzjonali iżda wkoll l-għan Ewropew ta’ tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra u ta’ promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-Tribunal Administrativo e Fiscal de Coimbra (il-Qorti Amministrattiva u Fiskali ta’ Coimbra, il-Portugall) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

L-Artikolu 1(3) tad-[Direttiva 98/34] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-determinazzjoni tal-perċentwali ta’ bijokarburanti li, bis-saħħa tal-Artikolu 7a tad-[Direttiva 98/70, introdott permezz tad-[Direttiva 2009/30], u b’mod konformi mal-għan imsemmi fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva [2009/28], operatur ekonomiku speċifiku huwa obbligat li jinkorpora fil-karburanti li huwa jirrilaxxa għall-konsum, bħalma huwa l-każ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni, taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħtieġa oħra”, għall-finijiet tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34?

2)

L-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, meta jindika ‘għajr fejn dan sempliċiment jittrasponi t-test ta’ standard internazzjonali jew Ewropew’, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa jeskludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li tiddetermina l-perċentwali ta’ inkorporazzjoni ta’ bijokarburanti, skont l-Artikolu 7a(2) tad-Direttiva 98/70, introdott permezz tad-Direttiva 2009/30, u b’mod konformi mal-għan imsemmi fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/28?

3)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/30 u l-Artikolu 4(1) tad-[Direttiva 2015/1513] għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma jikkostitwixxu klawżoli ta’ salvagwardja previsti minn atti tal-Komunità vinkolanti fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 98/34?

4)

Jekk ir-risposta għad-domandi preċedenti ma tirrendix din id-domanda superfluwa, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-proċedura fil-kawża prinċipali, li tiddetermina l-perċentwali ta’ inkorporazzjoni ta’ bijokarburanti b’applikazzjoni tal-Artikolu 7a(2) tad-Direttiva 98/70, introdott permezz tad-Direttiva 2009/30, ma tistax tiġi invokata [inforzata] kontra l-operaturi ekonomiċi?”

Fuq l‑ammissibbiltà tat‑talba għal deċiżjoni preliminari

30

ENSE tqis li t-talba għal deċiżjoni preliminari hija inammissibbli, peress li l-formulazzjoni tad-dispożizzjonijiet li l-qorti tar-rinviju titlob l-interpretazzjoni tagħhom hija ċara u għalhekk ma hemm l-ebda dubju li jiġu ċċarati.

31

F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li, fil-kuntest tal-proċedura stabbilita fl‑Artikolu 267 TFUE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà għad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ‑ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti s-sentenza tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għaldaqstant, meta d-domandi magħmula jkunu jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja hija, bħala prinċipju, marbuta li tagħti deċiżjoni (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sumal, C‑882/19, EU:C:2021:800, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

32

F’dan il-każ, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta mit-talba għal deċiżjoni preliminari, id-domandi magħmula għandhom rabta diretta mal-kawża prinċipali u li huma rilevanti sabiex jippermettu lill-qorti tar-rinviju tiddeċidiha. Barra minn hekk, din it-talba tinkludi biżżejjed elementi sabiex tkun tista’ tiġi ddeterminata l-portata ta’ dawn id-domandi u tkun tista’ tingħata risposta utli għalihom.

33

Fi kwalunkwe każ, ma huwa bl-ebda mod ipprojbit għal qorti nazzjonali li tagħmel domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja li, fl-opinjoni ta’ waħda mill-partijiet fil-kawża prinċipali, ir-risposta ma tħalli ebda dubju raġonevoli. B’hekk, anki jekk jitqies li dan huwa l-każ, it-talba għal deċiżjoni preliminari li tinkludi tali domandi ma ssirx madankollu inammissibbli (sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2021, Viesgo Infraestructuras Energéticas, C‑683/19, EU:C:2021:847, punt 26).

34

Għaldaqstant, it-talba għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u r‑raba’ domanda

35

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, fil-kawża prinċipali, Vapo Atlantic ġiet imposta fuqha l-ħlas ta’ kumpens finanzjarju talli kisret l-Artikolu 11(1) tad-Digriet-Liġi Nru 117/2010, sa fejn din il-kumpannija ma kinitx issodisfat l-obbligu tagħha li tippreżenta ċertifikati li jippermettu li tiġi prodotta l-prova tal-inkorporazzjoni ta’ bijokarburanti fil-karburanti tat-trasport fit-toroq irrilaxxati għall-konsum minnha matul it-tieni trimestru tal‑2020.

36

F’dan ir-rigward, għalkemm il-qorti tar-rinviju rreferiet formalment, fl-ewwel domanda tagħha, għall-punt 3 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, mill-formulazzjoni ta’ din id-domanda jirriżulta li hija tistaqsi jekk l-obbligu impost mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jaqax taħt il-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, u jikkostitwixxix b’hekk “regolament tekniku” fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija direttiva.

37

Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li, permezz tal-ewwel u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi għan marbut mal-inkorporazzjoni ta’ 10 % ta’ bijokarburanti fil-karburanti tat-trasport fit-toroq li jkunu rrilaxxati għall-konsum minn operatur ekonomiku għal sena partikolari taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva, u tikkostitwixxi “regolament tekniku”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1, liema regolament jista’ jkun infurzat kontra l-individwi biss jekk l-abbozz tiegħu ġie nnotifikat konformement mal-Artikolu 8(1) tal-istess direttiva.

38

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra” ġie ddefinit fil-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 bħala “ħtieġa, għajr speċifikazzjoni teknika, imposta fuq prodott bil-għan li tipproteġi, b’mod partikolari, il-konsumatur jew l-ambjent, u li taffettwa ċ-ċiklu tal-ħajja tiegħu wara li jkun inħareġ fis-suq, bħalma huma l-kondizzjonijiet dwar l-użu, ir-riċiklaġġ, l-użu mill-ġdid jew ir-rimi, fejn dawn il-kondizzjonijiet jistgħu jinfluwenzaw b’mod sinifikanti l-kompożizzjoni jew in-natura tal-prodott jew il-bejgħ tiegħu fis-suq”.

39

Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, taqa’ taħt din il-kategorija leġiżlazzjoni li tistabbilixxi kundizzjoni li tista’ tinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kompożizzjoni, in-natura jew il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodott, peress li dawn il-“ħtiġiet oħra” jirrigwardaw ir-rekwiżiti li jirriżultaw mit-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja tal-prodott inkwistjoni wara t-tqegħid tiegħu fis-suq u li huma relatati, b’mod partikolari, mal-użu tiegħu (sentenza tat‑28 ta’ Mejju 2020, ECO-WIND Construction, C‑727/17, EU:C:2020:393, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40

F’dan il-każ, id-domandi tal-qorti tar-rinviju jirrigwardaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tirrikjedi li l-operaturi ekonomiċi li jirrilaxxaw għall-konsum karburanti tat-trasport fit-toroq, bl-eċċezzjoni tal-LPG u l-gass naturali, jikkontribwixxu għall-osservanza tal-għanijiet ta’ inkorporazzjoni tal-bijokarburanti fil-kwantitajiet annwali ta’ karburanti tat-trasport fit-toroq li huma jirrilaxxaw għall-konsum, jiġifieri għan ta’ 10 % għall‑2020. Anki jekk tali leġiżlazzjoni ma tippreċiżax it-tip ta’ karburant tat-trasport fit-toroq imsemmi, la tiffissa perċentwali ta’ bijokarburant li għandu jiġi inkorporat fiżikament fil-karburanti tat-trasport fit-toroq, u lanqas ma tippreċiża t-tip ta’ bijokarburant li għandu jiġi inkorporat, ir-rekwiżit li hija tipprevedi, adottata għall-finijiet ta’ protezzjoni tal-ambjent, jirrigwarda ċ-ċiklu tal-ħajja tal-karburanti tat-trasport fit-toroq wara r-rilaxx tagħhom fis-suq u jista’ jinfluwenza b’mod sinjifikattiv il-kummerċjalizzazzjoni tal-imsemmija prodotti, sa fejn il-ksur tal-obbligu ta’ inkorporazzjoni tal-bijokarburanti li hija tipprevedi jista’ jwassal għal impożizzjoni ta’ kumpens finanzjarja.

41

Minn dan jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi għan marbut mal-inkorporazzjoni ta’ 10 % ta’ bijokarburanti fil-karburanti tat-trasport fit-toroq irrilaxxati għall-konsum minn operatur ekonomiku għall‑2020 taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, u tikkostitwixxi b’hekk “regolament tekniku”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 ta’ din id-direttiva.

42

Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 98/34 hija intiża, permezz ta’ kontroll preventiv, sabiex tħares il-moviment liberu tal-merkanzija, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-Komunità. Dan il-kontroll huwa utli sa fejn regolamenti tekniċi li jaqgħu taħt din id-direttiva jistgħu jikkostitwixxu ostakoli għall-kummerċ tal-merkanzija bejn l-Istati Membri, peress li dawn l-ostakoli jistgħu jiġu aċċettati biss jekk ikunu neċessarji sabiex jissodisfaw rekwiżiti imperattivi li għandhom għan ta’ interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑30 ta’ April 1996, CIA Security International, C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 40, u tad‑19 ta’ Lulju 2012, Fortuna et, C‑213/11, C‑214/11 u C‑217/11, EU:C:2012:495, punt 26 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

43

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 jimponi, bħala prinċipju, fuq l-Istati Membri l-obbligu li jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni kull abbozz ta’ regolament tekniku. F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-ksur tal-obbligu ta’ notifika previst f’dan l-Artikolu 8(1) jikkostitwixxi difett proċedurali sostanzjali ta’ natura li jwassal għall-inapplikabbiltà tar-regolamenti tekniċi kkonċernati, b’tali mod li dawn ma jistgħux jiġu inforzabbli kontra individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 1996, CIA Security International, C‑194/94, EU:C:1996:172, punt 54).

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet premessi, ir-risposta għall-ewwel u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi għan marbut mal-inkorporazzjoni ta’ 10 % ta’ bijokarburanti għall-karburanti tat-trasport fit-toroq irrilaxxati għall-konsum minn operatur ekonomiku għal sena partikolari taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, u tikkostitwixxi b’hekk “regolament tekniku”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tagħha, liema regolament jista’ jiġi infurzat għall-individwi biss jekk l-abbozz tiegħu ġie nnotifikat konformement mal-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva.

Fuq it‑tieni domanda

45

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 għandux jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża li tittrasponi l-Artikolu 7a(2) tad-Direttiva 98/70 b’mod konformi mal-għan li jinsab fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/28 tistax tikkostitwixxi sempliċi traspożizzjoni sħiħa ta’ standard Ewropew fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, u għaldaqstant, li tevita l-obbligu ta’ notifika previst minn din id-dispożizzjoni.

46

F’dan ir-rigward, konformement mal-punt 6 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, tikkostitwixxi “standard”, fis-sens ta’ din id-direttiva, speċifikazzjoni teknika approvata minn korp irrikonoxxut tal-istandardizzazzjoni li l-osservanza tiegħu ma hijiex obbligatorja u li taqa’ taħt il-kategorija tal-istandards internazzjonali, taħt dik tal-istandards Ewropej jew taħt dik tal-istandards nazzjonali. “Standard Ewropew” huwa ddefinit minn din id-dispożizzjoni bħala dak li huwa adottat minn korp Ewropew tal-istandardizzazzjoni u magħmul disponibbli għall-pubbliku,

47

B’hekk minn dawn id-definizzjonijiet jirriżulta li l-kunċett ta’ “standard Ewropew” li jinftiehem fil-kuntest tar-regolamenti tekniċi, u b’mod iktar speċifiku tad-Direttiva 98/34, għandu kamp limitat għall-istandards adottati minn korp Ewropew ta’ standardizzazzjoni.

48

Issa, la mill-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/28 u lanqas mill-Artikolu 7a(2) tad-Direttiva 98/70 ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni adotta, permezz ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, “standards Ewropej” fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34.

49

Fil-fatt, minn naħa, l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/28, moqri fid-dawl tal-premessi 8 u 9 kif ukoll tal-Artikolu 1 tagħha, jillimita ruħu li jistabbilixxi għanijiet vinkolanti li jgħidu li s-sehem tal-enerġija prodotta minn sorsi rinnovabbli fil-forom kollha ta’ trasport fl‑2020 huwa mill-inqas 10 % tal-konsum finali tal-enerġija fis-settur tat-trasport f’kull Stat Membru, filwaqt li jħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tal-miżuri li huma jqisu xierqa sabiex jilħqu dawn l-għanijiet.

50

Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 7a(2) tad-Direttiva 98/70 jikkonkretizza r-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra prodotti fiċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-karburant jew tal-enerġija pprovduti, għal kull unità tal-enerġija, għal 10 %. Madankollu, kif jirriżulta minn din id-dispożizzjoni, ikkunsidrata flimkien mal-premessi 8 u 9 tad-Direttiva 2009/30, l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jaslu għal dan it-tnaqqis, permezz tal-użu tal-bijokarburanti jew tal-karburanti sostituttivi jew inkella permezz tal-operazzjonijiet tat-tnaqqis fl-ivvampar.

51

Minn dan isegwi li la l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/28 u lanqas l-Artikolu 7a(2) tad-Direttiva 98/70 ma jimponu “standard” fis-sens tal-punt 6 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34.

52

Fid-dawl tal-motivi preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34 għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża li tittrasponi l-Artikolu 7a(2) tad-Direttiva 98/70 b’mod konformi mal-għan li jinsab fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/28 ma tistax tikkostitwixxi sempliċi traspożizzjoni sħiħa ta’ standard Ewropew fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, u, għaldaqstant, li tevita l-obbligu ta’ notifika previst minn din id-dispożizzjoni.

Fuq it‑tielet domanda

53

Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali daħlet fis-seħħ fit‑18 ta’ Jannar 2012 filwaqt li d-Direttiva 2015/1513, li għaliha tirreferi l-qorti tar-rinviju fit-tielet domanda, daħlet fis-seħħ, skont l-Artikolu 5 tagħha, fil‑5 ta’ Ottubru 2015. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma hemmx lok li din id-direttiva tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tingħata risposta għal din id-domanda.

54

Għaldaqstant, għandu jitqies li, permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/30 għandux jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tikkostitwixxi klawżola ta’ salvagwardja prevista f’att vinkolanti tal-Unjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 98/34.

55

Għandu jiġi rrilevat li l-ewwel żewġ subparagrafi tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/30 jillimitaw ruħhom li jiffissaw lill-Istati Membri terminu għat-traspożizzjoni tagħha, jiġifieri mhux iktar tard mill‑31 ta’ Diċembru 2010, permezz ta’ liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji għal dan il-għan, filwaqt li jitolbuhom jikkomunikaw immedjatament lill-Kummissjoni t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. It-tielet subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprevedi, min-naħa tiegħu, li, meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jirreferu għad-Direttiva 2009/30.

56

Issa, ma hemm xejn fit-test tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/30 li jagħti x’jifhem li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni jintroduċi fiha klawżola ta’ salvagwardja, fis-sens tal-Artikolu 114(10) TFUE, li l-Istati Membri setgħu jużaw.

57

F’dan ir-rigward, din l-aħħar dispożizzjoni tipprevedi li l-miżuri ta’ armonizzazzjoni fil-każijiet xierqa jinkludu klawżola ta’ salvagwardja li tawtorizza lill-Istati Membri li jieħdu, għal raġuni waħda jew iktar li ma hijiex ta’ natura ekonomika msemmija fl-Artikolu 36 TFUE, miżuri provviżorji suġġetti għall-proċedura tal-kontroll tal-Unjoni. Minn dan isegwi li tali klawżola ta’ salvagwardja għandha tkun espressament prevista mill-att ta’ armonizzazzjoni. Issa, l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/30 ma jissodisfax dawn il-karatteristiċi u ma jistax, għaldaqstant, jikkostitwixxi tali klawżola ta’ salvagwardja.

58

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li r-risposta għat-tielet domanda għandha tkun li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/30 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix klawżola ta’ salvagwardja prevista f’att vinkolanti tal-Unjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 98/34.

Fuq l‑ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Il-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tat‑22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura dwar l-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u r-regolamenti tekniċi u r-regoli dwar is-servizzi tas-Soċjetà ta’ l-Informatika kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2006/96/KE tal‑20 ta’ Novembru 2006,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi għan marbut mal-inkorporazzjoni ta’ 10 % ta’ bijokarburanti għall-karburanti tat-trasport fit-toroq irrilaxxati għall-konsum minn operatur ekonomiku għal sena partikolari taqa’ taħt il-kunċett ta’ “ħtiġiet oħra”, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, u tikkostitwixxi b’hekk “regolament tekniku”, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34, kif emendata, liema regolament jista’ jiġi infurzat għall-individwi biss jekk l-abbozz tiegħu ġie nnotifikat konformement mal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, kif emendata.

 

2)

L-Artikolu 8(1) u (2) tad-Direttiva 98/34, kif emendata bid-Direttiva 2006/96,

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

leġiżlazzjoni nazzjonali li hija intiża li tittrasponi l-Artikolu 7a(2) tad-Direttiva 98/70/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑13 ta’ Ottubru 1998 dwar il-kwalità tal-karburanti tal-petrol u tad-diżil u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/12/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2009/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ April 2009, b’mod konformi mal-għan li jinsab fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill tat‑23 ta’ April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal‑enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE ma tistax tikkostitwixxi sempliċi traspożizzjoni sħiħa ta’ standard Ewropew fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 98/34, kif emendata, u, għaldaqstant, li tevita l-obbligu ta’ notifika previst minn din id-dispożizzjoni.

 

3)

It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2009/30/KE

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

din id-dispożizzjoni ma tikkostitwixxix klawżola ta’ salvagwardja prevista f’att vinkolanti tal-Unjoni, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 98/34, kif emendata bid-Direttiva 2006/96.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Portugiż.

Top