EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0428

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tas-27 ta’ Ottubru 2016.
Child and Family Agency kontra J. D.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Supreme Court.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikolu 15 – Rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor – Kamp ta’ applikazzjoni – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Qorti f’pożizzjoni aħjar – L-aħjar interessi tal-minuri.
Kawża C-428/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:819

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

27 ta’ Ottubru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Artikolu 15 — Trasferiment tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor — Kamp ta’ applikazzjoni — Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni — Qorti f’pożizzjoni aħjar — L-aħjar interess tal-minuri”

Fil-Kawża C‑428/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Awwissu 2015, fil-proċedura

Child and Family Agency

vs

J. D.,

fil-preżenza ta’:

R. P. D.,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, M. Vilaras, J. Malenovský (Relatur), M. Safjan u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-12 ta’ Mejju 2016,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Child and Family Agency, minn L. Jonker, solicitor, T. O’Leary, SC, u D. Leahy, barrister,

għal D., minn I. Robertson, solicitor, u M. de Blacam, SC, kif ukoll minn G. Lee, BL,

għall-wild R. P. D., minn G. Irwin, solicitor, u G. Durcan, SC, kif ukoll minn S. Fennell, BL, u N. McDonnell, BL,

għall-Irlanda, minn E. Creedon u L. Williams kif ukoll minn A. Joyce, bħala aġenti, assistiti minn A. Carroll, BL,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Slovakk, minn B. Ricziová, bħala aġent,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Wilderspin, bħala aġent,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Ġunju 2016,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, u rettifika ĠU 2013, L 82, p. 63).

2

Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn iċ-Child and Family Agency (aġenzija għat-tfal u l-familja, l-Irlanda, iktar ’il quddiem l-“aġenzija”) u J. D., rigward il-futur tat-tieni wild ta’ din tal-aħħar, il-minuri ta’ età żgħira R.

Il-kuntest ġuridiku

3

Il-premessi 5, 12, 13, u 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdu:

“(5)

Sabiex l-ugwaljanza għal minuri kollha tkun assigurata, dan ir-Regolament ikopri d-deċizjonijiet kollha dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, inkluzi l-miżuri ta’ protezzjoni għall-minuri, indipendentement minn xi konnessjoni ma’ xi proċedura matrimonjali.

[...]

(12)

Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwel nett mal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skont ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabbiltà.

(13)

Fl-interess ta’ l-minuri, dan ir-Regolament jippermetti, permezz ta’ eċċezzjoni u taħt ċerti kondizzjonijiet, li l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni tista’ tittrasferixxi każ għal qorti oħra ta’ Stat Membru jekk din il-qorti hija f’posizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ. Madankollu, f’dan il-każ it-tieni qorti m’għandiex titħalla tittrasferixxi l-każ għal qorti terza.

[...]

(33)

Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ l-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ l-Karta tat-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

4

L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika, tkun xi tkun in-natura ta’ l-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar:

[...]

b)

l-attribuzzjoni, l-ezerċizzju, id-delegazzjoni, ir-restrizzjoni jew it-terminazzjoni tar-responsabbilità ta’ l-ġenituri.

2.   Il-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(b) jistgħu, partikolarment, jittrattaw fi:

a)

drittijiet ta’ kustodja u drittijiet ta’ aċċess;

[...]

d)

it-tqegħid ta’ l-minuri ma’ familja tar-rispett jew f’kustodja stituzjonali [istituzzjonali];

[...]”

5

Il-punt 7 tal-Artikolu 2 jipprovdi li, għall-finijiet ta’ dan:

“il-kliem “responsabbilità ta’ l-ġenituri” għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma mogħtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess”.

6

Il-Kapitolu II tal-imsemmi regolament intitolat “Il-Ġurisdizzjoni” jinkludi b’mod partikolari t-Taqsima 2, intitolata “Ir-Responsabbiltà ta’ l-ġenituri”, li tipprovdi, fl-Artikoli 8 sa 15, sett ta’ regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri f’dan il-qasam.

7

L-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali” jipprovdi b’mod partikolari fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess”.

8

Skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “It-Trasferiment għal qorti li tinstab f’post [f’pożizzjoni] aħjar sabiex jinstema’ l-każ”:

“B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza [il-mertu] ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’pożizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:

a)

twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 4; jew

b)

titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skont il-paragrafu 5.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika:

a)

malli ssir l-applikazzjoni minn parti waħda; jew

b)

fuq mozzjoni proprja ta’ l-qorti: jew

ċ)

mal-applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari, skont il-paragrafu 3.

Trasferiment magħmul fuq mozzjoni ta’ l-qorti proprja jew b’applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jiġi aċċettat mill-inqas minn wieħed mill-partijiet.

3.   Il-minuri għanhom ikunu kkunsidrati li għandhom konnessjoni partikolari ma xi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 1, jekk dak l-Istat Membru:

a)

ikun sar ir-residenza abitwali ta’ l-minuri wara li l-qorti msemmija fil paragrafu 1 tkun ħadet il-pussess; jew

b)

hija r-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri; jew

ċ)

huwa l-post taċ-ċittadinanza ta’ l-minuri; jew

d)

huwa r-residenza abitwali tad-detentur tar-responsabbiltà bejn il-ġenituri; jew

e)

huwa l-post fejn tinstab proprjetà ta’ l-minuri u l-każ jikkonċerna miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew ħelsien ta’ din il-proprjetà.

4   Il-qrati tal-Istat Membru li għandu l-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza tal-kwistjoni għandhom jiffissaw żmien limitat b’liema l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor għandhom jieħdu l-pussess skont il-paragrafu 1.

Jekk il-qrati ma jkunux ħadu pussess f’dak iż-żmien, il-qorti li kellha l-pussess għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 8 sa 14.

5.   Il-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu’, fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi ta’ l-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-pussess tagħhom skont il-paragrafu 1(a) jew 1(b). F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni. Inkella, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 8 sa 14.

6.   Il-qrati għandhom jikkoperaw għar-raġunijiet ta’ dan l-Artikolu, direttament jew permezz tal-awtoritajiet ċentrali maħtura skont l-Artikolu 53.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9

J. D. hija ċittadina tar-Renju Unit.

10

Matul is-sena 2010, l-ewwel wild tagħha tqiegħed f’istitut fir-Renju Unit wara li ġie kkonstatat, minn naħa, li J. D. kienet issofri minn mard tal-personalità kklassifikat bħala “aġir asoċjali”, u min-naħa l-oħra, li kienet abbużat fiżikament dan il-wild.

11

Meta kienet għadha tirrisjedi f’dan l-Istat Membru, J. D. kienet suġġetta, fis-27 ta’ Awwissu 2014, għal eżami prenatali mill-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-minuri tal-post ta’ residenza tagħha qabel it-twelid tat-tieni wild tagħha, R., u dan minħabba l-passat mediku u familjari tagħha. Minn dan l-eżami rriżulta, b’mod partikolari, li J. D. kienet uriet imħabba lejn l-ewwel wild tagħha, kienet qed tistenna t-twelid tat-tieni wild R. b’mod pożittiv, u li kienet għamlet l-arranġamenti minn qabel għal dan it-twelid u li hija kienet, b’mod partikolari, uriet il-volontà li tikkoopera mal-ħaddiema soċjali f’dan ir-rigward. Madankollu, l-awtoritajiet kompetenti dehrilhom li R. kellu jitqiegħed ma’ familja tar-rispett, sakemm tinbeda proċedura ta’ adozzjoni minn terza persuna.

12

Għaldaqstant, J. D. itterminat il-kirja tagħha u biegħet ħwejjiġha fir-Renju Unit, qabel ma marret toqgħod l-Irlanda, fid-29 ta’ Settembru 2014. R. twieled f’dan it-tieni Stat Membru fil-25 ta’ Ottubru 2014. It-tnejn li huma ilhom jirrisjedu hemmhekk minn dakinhar.

13

Ftit wara t-twelid ta’ R., l-aġenzija talbet lid-District Court (qorti tad-distrett, l-Irlanda), li kellha ġurisdizzjoni, tordna li dan il-wild ikun is-suġġett ta’ ordni għall-ħarsien. Din it-talba ġiet madankollu miċħuda minħabba li l-provi bbażati fuq għajdut provenjenti mir-Renju Unit li fuqhom ibbażat ruħha l-aġenzija kienu inammissibbli.

14

Adita b’appell mill-aġenzija, is-Circuit Court (qorti taċ-ċirkwit, l-Irlanda), li kellha ġurisdizzjoni, ordnat it-tqegħid għall-ħarsien provviżorju ta’ R. ma’ familja tar-rispett. Minn dakinhar lil hawn, din il-miżura ġiet imġedda regolarment. J. D. madankollu ngħatat id-dritt ta’ aċċess regolari għal binha, li għamlet użu minnu.

15

Barra minn hekk, l-aġenzija talbet lill-High Court (qorti superjuri, l-Irlanda) li l-kawża fuq il-mertu tintbagħat lill-High Court of Justice (England & Wales) [qorti superjuri tal-ġustizzja (l-Ingilterra u Wales), ir-Renju Unit], u dan skont l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003. Din it-talba kienet sostnuta mill-kuratur ad litem ta’ R.

16

Permezz ta’ sentenza tas-26 ta’ Marzu 2015, il-High Court (qorti superjuri) awtorizzat lill-aġenzija titlob lil din il-qorti teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tal-kawża inkwistjoni.

17

J. D. talbet li tkun awtorizzata tappella minn din is-sentenza direttament quddiem is-Supreme Court (qorti suprema, l-Irlanda), li laqgħet it-talba tagħha wara li nstemgħu l-partijiet.

18

Fid-deċiżjoni tar-rinviju tagħha, is-Supreme Court (qorti suprema) tistaqsi, qabelxejn, jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistax jiġi applikat f’rikors li s-suġġett tiegħu huwa proċedura ta’ tqegħid għall-ħarsien magħmula abbażi tad-dritt pubbliku, bħal dik li ġiet sottomessa lilha, minkejja l-fatt li ebda proċedura ma hija pendenti fir-Renju Unit u li dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ dan l-Istat Membru tkun timplika għalhekk, sussegwentement, li l-awtoritajiet għall-protezzjoni tal-minuri tal-imsemmi Stat Membru jaċċettaw li jisimgħu l-każ ta’ R., billi jibdew tali proċedura abbażi tad-dritt intern tagħhom.

19

Sussegwentement, il-qorti tar-rinviju tistaqsi kif għandu jiġi interpretat il-kunċett tal-“aħjar interessi għall-minuri” stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003. Hija tal-opinjoni li dan l-Artikolu ma jeżiġix li l-qorti li normalment ikollha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża, twettaq, meta tikkontempla li tittrasferixxi din il-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li jidhrilha li tkun f’pożizzjoni aħjar li tismagħha, twettaq eżami komplet tal-aħjar interess tal-minuri. Hija tqis li l-qorti li normalment ikollha ġurisdizzjoni għandha pjuttost tagħmel evalwazzjoni sommarja ta’ din il-kwistjoni, fid-dawl tal-prinċipju li huwa fl-aħjar interess tal-minuri li evalwazzjoni tas-sitwazzjoni ssir mill-qorti li tkun fl-aħjar pożizzjoni li tagħmel dan, filwaqt li l-qorti tal-Istat Membru l-ieħor ikollha l-kompitu li tagħmel analiżi iktar approfondita.

20

Fl-aħħar nett, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest ta’ tali evalwazzjoni sommarja. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza li J. D. telqet mir-Renju Unit u stabbilixxiet ruħha fl-Irlanda legalment qabel it-twelid ta’ R., filwaqt li madankollu tistaqsi jekk huwiex possibbli li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-tluq tagħha kien motivat mill-biża’ li dan il-wild jittieħed mingħandha mis-servizzi għall-protezzjoni tal-minuri tal-ewwel minn dawn iż-żewġ Stati Membri.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Supreme Court (qorti suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

L-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003 għandu japplika fil-każ ta’ rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri ibbażat fuq id-dritt pubbliku, ippreżentat minn awtorità lokali ta’ Stat Membru, meta, jekk qorti ta’ Stat Membru ieħor tiddikjara li għandha ġurisdizzjoni, ikun hemm bżonn li istituzzjoni oħra tibda proċeduri separati abbażi ta’ leġiżlazzjoni differenti u possibbilment jekk mhux probabbilment, skont ċirkustanzi fattwali differenti?

2)

Jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, il-qorti sa fejn għandha tevalwa l-impatt li x’aktarx ikollha talba bbażata fuq l-Artikolu 15, jekk hija tintlaqa’, fuq id-dritt tal-moviment liberu tal-persuni kkonċernati?

3)

Fil-każ li ‘fl-aħjar interessi’ għall-minuri inkwistjoni fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003 tirrigwarda biss id-deċiżjoni dwar il-forum, liema huma l-elementi li qorti tista’ tieħu inkunsiderazzjoni meta tirreferi għal din l-espressjoni u li hija għadha ma eżaminatx meta kienet qiegħda tara jekk qorti oħra kinitx tinsab ‘f’pożizzjoni aħjar’ biex tisma’ l-każ?

4)

Tista’ qorti, għall-finijiet tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003, tieħu inkunsiderazzjoni l-liġi sostanzjali, ir-regoli proċedurali jew il-prassi tal-qrati tal-Istat Membru rilevanti?

5)

Sa fejn qorti nazzjonali, meta tikkunsidra l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003, għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, inkluż ix-xewqa ta’ omm li taħrab mis-servizzi soċjali tal-Istat ta’ oriġini tagħha billi tmur, sabiex twelled it-tifel tagħha, f’pajjiż ieħor li fil-fehma tagħha s-sistema ta’ servizzi soċjali hija iktar favorevoli?

6)

Eżattament liema huma l-punti li qorti nazzjonali għandha teżamina sabiex tistabbilixxi liema qorti tinsab f’pożizzjoni aħjar biex tiddeċiedi l-każ?”

Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

22

Il-qorti tar-rinviju talbet li l-kawża tibbenefika mill-proċedura b’urġenza għal deċiżjoni preliminari prevista fl-Artikolu 23a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 107 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

23

Fl-14 ta’ Awwissu 2015, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, fuq proposta tal-imħallef relatur, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li ma tilqax din it-talba, wara li qieset li ċ-ċirkustanzi esposti insostenn tagħha ma kinux jistabbilixxu l-urġenza meħtieġa sabiex tiġi ġġustifikata l-applikazzjoni tal-imsemmija proċedura.

24

Madankollu, hija ddeċidiet li tagħti prijorità lil din il-kawża, skont l-Artikolu 53(3) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fuq it-talbiet ta ’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

25

Wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, fis-16 ta’ Ġunju 2016, l-aġenzija u l-Irlanda, permezz ta’ atti ppreżentati rispettivament fil-5 u 19 ta’ Awwissu 2016, talbu l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, billi invokaw in-neċessità li jikkjarifikaw il-preżentazzjoni tal-kuntest proċedurali tal-kawża prinċipali, kif magħmula mill-qorti tar-rinviju.

26

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura jipprevedi li l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tista’ tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed.

27

F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, madankollu tqis li għandha biżżejjed informazzjoni, peress li fil-proċess hemm il-provi neċessarji sabiex tiddeċiedi u peress li l-persuni kkonċernati setgħu jieħdu pożizzjoni dwar dan is-suġġett kemm bil-miktub kif ukoll oralment. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi ordnat il-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura.

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

28

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli fil-każ ta’ rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri bbażat fuq id-dritt pubbliku ppreżentat mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru wieħed, bħal dak fil-kawża prinċipali, f’sitwazzjoni fejn id-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor teżiġi, sussegwentement, li awtorità ta’ dan l-Istat Membru ieħor tibda proċeduri separati minn dawk ippreżentati fl-ewwel Stat Membru, skont id-dritt intern tiegħu u fir-rigward ta’ ċirkustanzi fattwali possibbilment differenti.

29

Għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003 jinsab fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament, li tistabbilixxi sett ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni f’kawżi dwar responsabbiltà tal-ġenituri, minn naħa, u li dan l-artikolu jipprevedi regola ta’ ġurisdizzjoni speċifika u derogatorja għar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali li tindika l-qrati tal-post ta’ residenza abitwali tal-wild bħala l-qrati li għandhom ġurisdizzjoni jieħdu konjizzjoni tal-mertu ta’ dawn il-kawżi, stabbilita fl-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, min-naħa l-oħra.

30

Fid-dawl tal-istruttura tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tar-Regolament (KE) Nru°2201/2003 u l-post li jokkupa fiha l-Artikolu 15, hemm lok li jitqies li l-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae ta’ dan l-artikolu huwa l-istess bħal dak tas-sett ta’ regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti fl-imsemmija taqsima, u b’mod partikolari tal-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, P, C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 44).

31

F’dan ir-rigward, mill-kliem tal-Artikolu 1(1) u (2) tar-Regolament Nru 2201/2003 ċertament jirriżulta li dawn ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni japplikaw għal “kwistjonijiet ċivili” relatati mal-għoti, mal-eżerċizzju, mad-delegazzjoni u mar-revoka totali jew parzjali tar-responsabbiltà tal-ġenituri, kif hija ddefinita din tal-aħħar fil-punt 7 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament.

32

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, diversi drabi, li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni previsti mir-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri għandhom jiġu interpretati, fid-dawl tal-premessa 5 ta’ dan ir-regolament, fis-sens li huma applikabbli f’kawżi ta’ responsabbiltà tal-ġenituri li għandhom bħala suġġett l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-minuri, inkluż fil-każ fejn dawn huma meqjusa, skont id-dritt intern ta’ Stat Membru, bħala li jaqgħu taħt id-dritt pubbliku (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Novembru 2007, C, C‑435/06, EU:C:2007:714, punti 34 u 50 sa 51; tat-2 ta’ April 2009, A, C‑523/07, EU:C:2009:225, punti 24 u 27 sa 29, kif ukoll tas-26 ta’ April 2012, Health Service Executive, C‑92/12 PPU, EU:C:2012:255, punti 60 u 61).

33

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru°2201/2003 huwa applikabbli fil-każ ta’ rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri ppreżentat abbażi tad-dritt pubbliku mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru u li għandu bħala suġġett l-adozzjoni ta’ miżuri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri.

34

Fir-rigward, sussegwentement, tad-domanda dwar jekk l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru°2201/2003 jistax jiġi applikat fil-każ fejn id-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor teżiġi, sussegwentement, li awtorità ta’ dan l-Istat Membru ieħor tibda proċeduri separati minn dawk ippreżentati fl-ewwel Stat Membru, skont id-dritt intern tiegħu u fir-rigward ta’ ċirkustanzi fattwali possibbilment differenti, għandu jiġi rrilevat li mill-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jirriżulta li tali dikjarazzjoni hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-qorti inkwistjoni tkun adita b’talba ppreżentata jew mill-partijiet fil-kawża jew mill-qorti kompetenti ta’ dan l-ewwel Stat Membru.

35

Min-naħa l-oħra, la minn dan l-artikolu u lanqas minn ebda artikolu ieħor tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jirriżulta li tali talba, ippreżentata mill-partijiet fil-kawża jew mill-qorti ta’ Stat Membru li normalment għandha ġurisdizzjoni, tkun suġġetta għal kundizzjoni proċedurali li tiżdied ma’ dik evokata fil-punt preċedenti.

36

Madankollu, sa fejn regola proċedurali nazzjonali li tipprovdi li d-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor teżiġi, sussegwentement, li awtorità ta’ dan l-Istat Membru tressaq azzjoni separata minn dik imressqa fl-ewwel Stat Membru, hija intiża li tiġi implementa biss wara d-deċiżjoni li biha l-qorti ta’ dan l-ewwel Stat Membru li normalment għandha l-ġurisdizzjoni tkun talbet ir-rinviju tal-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 u wara d-deċiżjoni li biha din il-qorti l-oħra tkun inkarigat ruħha bil-ġurisdizzjoni abbażi tal-paragrafu 5 tal-istess artikolu, din ir-regola ma tistax titqies li tostakola l-adozzjoni ta’ dawn id-deċiżjonijiet.

37

Barra minn hekk, l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jipprekludix li t-tressiq ta’ azzjoni separata mill-awtorità tal-Istat Membru l-ieħor iwassal, fejn xieraq, il-qorti ta’ dan l-Istat Membru l-ieħor tieħu inkunsiderazzjoni ċirkustanzi fattwali differenti minn dawk li setgħu ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti li inizjalment kellha ġurisdizzjoni. Għall-kuntrarju, tali ipoteżi hija inerenti għall-mekkaniżmu stabbilit minn dan l-artikolu ta’ rinviju lil qorti li tkun f’pożizzjoni aħjar.

38

Fid-dawl tar-raġunijiet preċedenti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli fil-każ ta’ rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri ppreżentat abbażi tad-dritt pubbliku mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru u li għandu bħala suġġett l-adozzjoni ta’ miżuri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, bħal dak fil-kawża prinċipali, meta d-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun teżiġi, sussegwentement, li awtorità ta’ dan l-Istat Membru ieħor tressaq azzjoni separata minn dik ippreżentata fl-ewwel Stat Membru, skont id-dritt intern tiegħu u fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali possibbilment differenti.

Fuq it-tielet, ir-raba ’ u s-sitt domandi

39

Permezz tat-tielet, ir-raba’ u s-sitt domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, kif għandha tinterpreta u tartikola l-kunċetti tal-qorti “f’posizzjoni aħjar” u “fl-aħjar interessi għall-minuri” imsemmija fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003.

40

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi li l-qrati ta’ Stat Membru li għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża jistgħu jitolbu r-rinviju ta’ din il-kawża jew ta’ parti speċifika ta’ din tal-aħħar lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri jkollu konnessjoni partikolari, jekk hija tqis li din il-qorti tkun f’pożizzjoni aħjar li tieħu konjizzjoni tagħha, meta dan ikun fl-aħjar interess tal-minuri.

41

Peress li l-kunċetti ta’ “f’posizzjoni aħjar” u “fl-aħjar interessi għall-minuri” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma huma ddefiniti minn ebda dispożizzjoni oħra tar-Regolament Nru 2201/2003, hemm lok li jiġu interpretati billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kuntest tagħhom u l-għanijiet segwiti mill-imsemmi regolament.

42

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li r-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri huma mfassla fid-dawl tal-aħjar interessi tal-minuri.

43

Ir-rekwiżit li r-rinviju ta’ kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jaqdi l-aħjar interessi tal-minuri jikkostitwixxi, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 70 tal-konklużjonijiet tiegħu, espressjoni tal-prinċipju gwida tal-leġiżlatur fit-tfassil ta’ dan ir-regolament, minn naħa, u li għandu jistruttura l-implementazzjoni tiegħu fil-kawżi tar-responsabbiltà tal-ġenituri li jaqgħu taħtu, min-naħa l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-11 ta’ Lulju 2008, Rinau, C‑195/08 PPU, EU:C:2008:406, punt 51; tal-1 ta’ Ottubru 2014, E., C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt 45, u tat-12 ta’ Novembru 2014, L, C‑656/13, EU:C:2014:2364, punt 48).

44

F’dan ir-rigward, għandu wkoll jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-minuri, fil-kuntest tar-Regolament Nru 2201/2003, huwa intiż, kif jirriżulta mill-premessa 33 ta’ dan ir-regolament, li jiżgura l-osservanza tad-drittijiet fundamentali tal-minuri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punti 53 sa 55, u tal-5 ta’ Ottubru 2010, McB., C‑400/10 PPU, EU:C:2010:582, punt 60).

45

Bil-għan li jiġi żgurat it-teħid inkunsiderazzjoni tal-aħjar interess tal-minuri matul l-implementazzjoni tar-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 2201/2003 fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, il-leġiżlatur tal-Unjoni rrikorra, kif jirriżulta mill-premessa 12 tar-regolament, għall-kriterju tal-qrubija.

46

Skont dan il-kriterju, il-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istati Membri fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri hija bħala regola ġenerali ddeterminata, konformement mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, mal-post tar-residenza abitwali tal-minuri fil-mument tat-tressiq tal-kawża.

47

Madankollu, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippermetti r-rinviju ta’ kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor għajr dak tal-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni, sakemm, kif jirriżulta mill-premessa 13 ta’ dan ir-regolament, tali rinviju jissodisfa kundizzjonijiet speċifiċi, minn naħa, u li l-qorti tintervjeni biss f’każijiet eċċezzjonali, min-naħa l-oħra.

48

Għaldaqstant, ir-regola ta’ rinviju lil qorti ta’ Stat Membru ieħor prevista fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 tikkostitwixxi regola speċjali u derogatorja fir-rigward tar-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali stabbilita fl-Artikolu 8(1) tal-imsemmi regolament, b’mod li għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 38, u tal-21 ta’ Ottubru 2015, Gogova, C‑215/15, EU:C:2015:710, punt 41).

49

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti ta’ Stat Membru li normalment għandha ġurisdizzjoni li tieħu konjizzjoni ta’ kawża partikolari għandha, sabiex tkun tista’ titlob ir-rinviju lil qorti ta’ Stat Membru ieħor, tkun kapaċi tikkonfuta l-preżunzjoni qawwija favur iż-żamma tal-ġurisdizzjoni tagħha li tirriżulta minn dan ir-regolament, kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 90 tal-konklużjonijiet tiegħu.

50

B’mod iktar partikolari, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-rinviju ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, minn qorti ta’ Stat Membru għandu jitwettaq biss favur qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu “konnessjoni partikolari”.

51

Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali rabta f’każ partikolari, hemm lok li jsir riferiment għall-fatturi elenkati, b’mod eżawrjenti, fl-Artikolu 15(3)(a) sa (e) tar-Regolament Nru 2201/2003. Minn dan isegwi li huma immedjatament esklużi mill-mekkaniżmu tar-rinviju l-kawżi li fihom huma neqsin dawn l-elementi.

52

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-fatturi kollha jikkonfermaw ‑ jekk mhux espressament, tal-inqas essenzjalment – qrubija bejn il-minuri kkonċernat fil-kawża u Stat Membru għajr dak tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni abbażi tal-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament.

53

Fil-fatt, l-ewwel żewġ fatturi jirrigwardaw ir-residenza miksuba mill-wild ikkonċernat fl-Istat Membru l-ieħor inkwistjoni qabel jew wara t-tressiq ta’ kawża quddiem il-qorti li normalment għandha ġurisdizzjoni. It-tielet fattur jirrigwarda n-nazzjonalità ta’ dan il-wild. Ir-raba’ fattur jidentifika, fil-kawżi rilevanti, il-qrubija tal-imsemmi wild mal-Istat Membru l-ieħor inkwistjoni minħabba l-beni li huwa jkollu hemmhekk. Fl-aħħar nett, il-ħames fattur huwa bbażat fuq ir-rabta ta’ qrubija li għandu l-wild ma’ Stat Membru partikolari permezz tal-qraba tiegħu.

54

Minħabba n-natura tal-imsemmija fatturi, għandu jitqies li, meta jiġi applikat l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għal każ partikolari, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni għandha tagħmel paragun bejn l-importanza u l-intensità tar-rabta ta’ qrubija “ġenerali” li tgħaqqadha mal-wild ikkonċernat, skont l-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, ma’ dawk tar-rabta ta’ qrubija “partikolari” ikkonfermati minn fattur wieħed jew iktar stabbiliti fl-Artikolu 15(3) tar-regolament u li jeżistu, f’dan il-każ, bejn dan il-wild u ċerti Stati Membri oħra.

55

Madankollu, l-eżistenza ta’ “konnessjoni partikolari” fis-sens tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, rilevanti fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-kawża, bejn il-wild u Stat Membru ieħor ma tippreġudikax neċessarjament, fiha nfisha, il-kwistjoni, barra minn hekk, dwar jekk qorti ta’ dan l-Istat Membru ieħor hijiex “f’ posizzjoni aħjar biex [tisma’] l-każ”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, mill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni, u lanqas, fl-affermattiv, dwar jekk ir-rinviju tal-kawża lil din il-qorti tal-aħħar taqdix l-aħjar interessi tal-minuri.

56

Għalhekk, huwa l-kompitu ukoll tal-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni li tiddetermina, fit-tieni lok, jekk hemmx, fi ħdan l-Istat Membru l-ieħor li miegħu l-wild għandu konnessjoni partikolari, qorti f’pożizzjoni aħjar li tieħu konjizzjoni tal-kawża.

57

Għal dan il-għan, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni trid tiddetermina jekk ir-rinviju tal-kawża lil din il-qorti huwiex tali li jipprovdi valur miżjud ġenwin u konkret għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni fuq il-wild, meta mqabbel mal-possibbiltà li l-kawża tinżamm quddiemha. F’dan il-kuntest, hija tista’ tieħu inkunsiderazzjoni, fost affarijiet oħra, ir-regoli proċedurali tal-Istat Membru l-ieħor, bħal dawk applikabbli għall-preżentazzjoni tal-provi neċessarji għat-trattament tal-kawża. Min-naħa l-oħra, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni, skont tali evalwazzjoni, il-liġi sostantiva ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor li tista’ tkun applikabbli mill-qorti ta’ dan tal-aħħar, fil-każ fejn il-kawża tkun irrinvijata lilha. Fil-fatt, tali kunsiderazzjoni tmur kontra l-prinċipji ta’ fiduċja reċiproka bejn l-Istati Membri u r-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi li fuqhom huwa bbażat ir-Regolament Nru 2201/2003 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 45, kif ukoll tal-15 ta’ Lulju 2010, Purrucker, C‑256/09, EU:C:2010:437, punti 70 u 71).

58

Fit-tielet u fl-aħħar lok, ir-rekwiżit li r-rinviju għandu jaqdi l-aħjar interessi tal-minuri jimplika li l-qorti li għandha ġurisdizzjoni tiżgura, fid-dawl taċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, li r-rinviju propost minn din tal-aħħar lil qorti ta’ Stat Membru ieħor probabbilment ma huwiex ser ikollu impatt detrimentali fuq is-sitwazzjoni tal-wild ikkonċernat.

59

Għal dan il-għan, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni trid tevalwa l-impatt negattiv probabbli li jista’ jkollu tali rinviju fuq ir-relazzjonijiet emozzjonali, familjari u soċjali tal-wild ikkonċernat fil-kawża jew fuq is-sitwazzjoni materjali ta’ dan tal-aħħar.

60

F’dan il-kuntest, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni tista’ wkoll tiddeċiedi, abbażi tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li titlob ir-rinviju mhux tal-kawża kollha, iżda biss ta’ parti speċifika minnha, jekk iċ-ċirkustanzi li jikkaratterizzawha jiġġustifikaw dan. Possibbiltà bħal din tista’, b’mod partikolari, tiġi prevista meta r-rabta ta’ qrubija ma’ Stat Membru ieħor ma tirrigwardax direttament lill-wild bħala tali, iżda waħda mill-persuni inkarigati bir-responsabbiltà tal-ġenituri, għar-raġuni stabbilita fl-Artikolu 15(3)(d) tar-Regolament Nru 2201/2003.

61

Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet, għar-raba’ u għas-sitt domandi għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex tkun tista’ tqis li qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-wild għandu konnessjoni partikolari hija f’pożizzjoni aħjar, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandha tiżgura li r-rinviju tal-kawża lil din il-qorti l-oħra huwa tali li jipprovdi valur miżjud ġenwin u konkret fl-eżami ta’ din il-kawża, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tar-regoli proċedurali applikabbli fl-imsemmi Stat Membru l-ieħor;

sabiex tkun tista’ tqis li tali rinviju jaqdi l-aħjar interessi tal-minuri, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandha b’mod partikolari tiżgura li ma hemmx riskju li l-imsemmi rinviju jkollu impatt detrimentali fuq is-sitwazzjoni tal-wild.

Fuq it-tieni u l-ħames domandi

62

Permezz tat-tieni u tal-ħames domandi, il-qorti tar-rinviju tistaqsi essenzjalment jekk l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandha tieħu inkunsiderazzjoni, meta tiġi implementata din id-dispożizzjoni f’kawża ta’ responsabbiltà tal-ġenituri partikolari, l-impatt ta’ rinviju possibbli ta’ din il-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor fuq id-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni kkonċernati jew ir-raġuni li għaliha l-omm tal-wild inkwistjoni għamlet użu minn dan id-dritt, qabel it-tressiq tal-kawża.

63

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, kif ġie kkonstatat fil-punt 42 ta’ din is-sentenza, li r-regola prevista fl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 hija mfassla, bħar-regoli l-oħra ta’ ġurisdizzjoni previsti minn dan ir-regolament fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fid-dawl tal-aħjar interessi tal-minuri, u li l-kwistjoni dwar jekk, f’każ partikolari, ir-rinviju tal-kawża jaqdix dan l-interess superjuri timplika b’mod partikolari, kif ġie kkonstatat fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, li jiġi vverifikat li ma hemmx riskju li tali rinviju jkollu impatt detrimentali fuq is-sitwazzjoni tal-minuri kkonċernat.

64

Minn dan jirriżulta li r-riskju li rinviju possibbli tal-kawża jkollu impatt detrimentali fuq id-dritt ta’ moviment liberu tal-wild ikkonċernat huwa wieħed mill-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi implementat l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

65

Min-naħa l-oħra, il-kunsiderazzjonijiet dwar persuni oħra li jistgħu jkunu kkonċernati mill-kawża ma għandhomx, fil-prinċipju, jittieħdu inkunsiderazzjoni, sakemm ma jkunux ukoll rilevanti sabiex jiġi evalwat l-imsemmi riskju għall-wild.

66

Konsegwentement, l-impatt possibbli ta’ tali rinviju fuq id-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni l-oħra kkonċernati, inkluża l-omm tal-wild inkwistjoni, ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni mill-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni, sakemm ma tkunx tista’ taffettwa b’mod detrimentali s-sitwazzjoni ta’ dan il-wild. Dan japplika wkoll għar-raġuni li għaliha omm il-wild għamlet użu mid-dritt tagħha ta’ moviment liberu, qabel ma tressqet il-kawża quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni.

67

Minn dan isegwi li r-risposta li għandha tingħata għat-tieni u għall-ħames domandi għandha tkun li l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’kawża partikolari ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru la għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt ta’ rinviju possibbli ta’ din il-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor fuq id-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni kkonċernati oħra għajr il-wild inkwistjoni u lanqas ir-raġuni li għaliha l-omm ta’ dan il-wild tkun għamlet użu minn dan id-dritt qabel it-tressiq tal-kawża, ħlief jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet ikunu tali li jistgħu jaffettwaw b’mod detrimentali s-sitwazzjoni tal-imsemmi wild.

Fuq l-ispejjeż

68

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osserevazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, għandu jiġi interpretat fis-sens li huwa applikabbli fil-każ ta’ rikors fil-qasam tal-protezzjoni tal-minuri ppreżentat abbażi tad-dritt pubbliku mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru u li għandu bħala suġġett l-adozzjoni ta’ miżuri dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri, bħal dak fil-kawża prinċipali, meta d-dikjarazzjoni ta’ ġurisdizzjoni ta’ qorti ta’ Stat Membru ieħor tkun teżiġi, sussegwentement, li awtorità ta’ dan l-Istat Membru ieħor tressaq azzjoni separata minn dik ippreżentata fl-ewwel Stat Membru, skont id-dritt intern tiegħu u fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali possibbilment differenti.

 

2)

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li:

sabiex tkun tista’ tqis li qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-wild għandu konnessjoni partikolari hija f’pożizzjoni aħjar, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandha tiżgura li r-rinviju tal-kawża lil din il-qorti l-oħra huwa tali li jipprovdi valur miżjud ġenwin reali u konkret fl-eżami ta’ din il-kawża, b’teħid inkunsiderazzjoni b’mod partikolari tar-regoli proċedurali applikabbli fl-imsemmi Stat Membru ieħor;

sabiex tkun tista’ tqis li tali rinviju jaqdi l-aħjar interessi tal-minuri, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru għandha b’mod partikolari tiżgura li ma hemmx riskju li l-imsemmi rinviju jkollu impatt detrimentali fuq is-sitwazzjoni tal-minuri.

 

3)

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fl-implementazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni f’kawża partikolari ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni ta’ Stat Membru la għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt ta’ rinviju possibbli ta’ din il-kawża lil qorti ta’ Stat Membru ieħor fuq id-dritt ta’ moviment liberu tal-persuni kkonċernati oħra għajr il-wild inkwistjoni, u lanqas ir-raġuni li għaliha l-omm ta’ dan il-wild tkun għamlet użu minn dan id-dritt qabel it-tressiq tal-kawża, ħlief jekk dawn il-kunsiderazzjonijiet ikunu tali li jistgħu jaffettwaw b’mod detrimentali s-sitwazzjoni tal-imsemmi wild.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.

Top