EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009PC0366

Proposta għal regolament tal-Kunsill li jemenda r-regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

/* KUMM/2009/0366 finali - CNS 2009/0104 */

52009PC0366




[pic] | KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ |

Brussel 15.7.2009

KUMM(2009) 366 finali

2009/0104 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. Il-kuntest tal-proposta

Bil-proposta tagħha għal din l-emenda lir-Regolament (KE) 539/2001[1], kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1932/2006[2], il-Kummissjoni qed issegwi l-għanijiet li ġejjin:

- l-aġġustament taż-żewġ annessi għar-Regolament, sabiex jirriflettu b'mod sħiħ is-sitwazzjoni l-ġdida fir-reġjun tal-Balkani tal-Punent, li jikkonsidra l-impenn politiku mill-Unjoni Ewropea dwar il-liberalizzazzjoni tal-ħtieġa ta' viża f'termini qosra għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kollha bħala parti mill-aġenda ta' Tessalonika u l-progress li sar fid-djalogi għal-liberalizzazzjoni tal-viża li bdew fl-2008 mal-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u Serbja;

- li tiżgura li dan l-aġġustament għall-pajjiżi Balkani tal-Punent huwa skont il-bżonn ta’ reviżjoni perjodika tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 u l-kompożizzjoni tal-annessi tiegħu – li fihom il-lista ta’ pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandu jkollhom viżi huma u jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri (l-Anness I) u l-lista ta’ dawk il-pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati minn din il-ħtieġa (l-Anness II) – u li tikkonforma mal-kriterji stabbiliti fil-premessa 5, partikolarment f’dak li jirrigwarda l-immigrazzjoni illegali u l-kriterji ta’ politika pubblika għat-trasferiment ta’ pajjiżi minn anness għall-ieħor skont kif ikun xieraq;

- it-trasferiment ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u Serbja minn Anness I għal Anness II tar-Regolament; l-introduzzjoni tal-Kosovo taħt ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) 1244/99 f’Anness I tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 taħt “Entitajiet u Awtoritajiet teritorjali li mhumiex rikonoxxuti bħala stati minn mill-inqas Stat Membru wieħed” Dan mingħajr preġudizju għall-istatus tal-Konsovo skont UNSCR 1244/99

° Tagħrif u dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam tal-proposta

Skont Artikolu 62(2)(b)(i) tat-Trattat tal-KE l-Kunsill adotta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom jinħtieġu viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni (l-hekk imsejħa ‘lista negattiva’) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom m'għandhomx bżonn din il-viża (l-hekk imsejħa ‘lista pożittiva’)[3]. L-Artikolu 61 tat-Trattat tal-KE jelenka dawk il-listi fost il-miżuri laterali li huma direttament marbuta mal-moviment ħieles ta' persuni ġewwa żona ta' libertà, sigurtà u ġustizja.

Id-deċiżjoni dwar liema huma l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għall-ħtieġa tal-viża, u dawk li ċ-ċittadinini tagħhom huma eżentati minnha, hija rregolata minn kriterja meqjusa, bil-valutazzjoni skont il-każ tal-varjetà tal-kriterji li jirrelataw, inter alia, mal-immigrazzjoni illegali, il-poltika u s-sigurtà pubblika, u mar-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea ma’ pajjiżi terzi, konsiderazzjoni qedha wkoll tinagħta għall-implikazzjonijiet tal-koerenza u r-reċiproċità (ara l-ħames premessa tal-prejambolu tar-Regolament (KE) Nru 539/2001). Ladaraba dawn il-kriterji relatai ma pajjiżi terzi jistgħu jevolvu maż-żmien, il-kompożizzjoni tal-lista negattiva u dik pożittiva għandha tkun reveduta regolarment. Għalhekk, mill-adozzjoni tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 kien emendat ħames darbiet[4]. Meta wieħed jikkunsidra l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni imsemmija hawn fuq fir-rigward ta’ uħud mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, huwa xieraq li l-listi jerġgħu jkunu reveduti fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar.

° Politika dwar il-viża għal żmien qasir għall-pajjiżi Balkani tal-Punent – Is-Segwitu tal-aġenda ta’ Tessalonika

Meta adotta ir-Regolament (KE) Nru 2317/95[5], il-Kunsill stipula għall-ewwel darba tali lista negattiva. din il-lista kienet tinkludi l-Albanija, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u r-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (is-Serbja u l-Montenegro). Il-Bosnja-Ħerzegovina ma kienitx inkluża fil-lista, b'hekk tħalli l-Istati Membri liberi li jiddeċiedu fuq il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini ta’ dan il-pajjiż: l-Istati Membri kollha minbarra wieħed imponew l-obligazzjoni tal-viża[6].

Meta wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Amsterdam, il-Kunsill adotta ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 li ddetermina għall-ewwel darba lista negattiva u oħra pożittiva, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent kollha barra il-Kroazja kienu inklużi fil-lista n-negattiva: l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, r-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (is-Serbja u l-Montenegro)u dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja. War l-indipendenza tal-Montenegro, is-Serbja u l-Montenegro kienu t-tnejn inklużi fil-lista negattiva[7].

Il-kapijiet tal-Istat u tal-Gvern reġgħu ikkonfermaw l-importanza ta’ djalogu dwar il-viżi għall-żmien qasir fil-konklużjonijiet tal-Laqgħa Għolja bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent li saret f’Tessalonika fil-21 ta’ Ġunju 2003, li kkonfermat ukoll il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. L-“aġenda ta’ Tessaloniki” kkonfermat b’mod partikolari li l-perspettiva dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent hija għan marbut mal-progress tal-pajjiżi involuti fl-implimentazzjoni ta’ riformi ewlenin f’oqsma bħat-tisħiħ tas-sovranità tal-liġi, tal-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-migrazzjoni illegali u t-tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva tagħhom fil-kontroll fuq il-fruntieri u s-sigurtà tad-dokumenti.

Bħala l-ewwel pass konkret lejn l-istabbiliment ta’ reġim ta’ vjaġġar mingħajr viża, u meta kien ikkunsidrat li l-iffaċilitar ta’ kuntant bejn il-persuni huwa kundizjoni importanti għall-iżvilupp kontinwu ta’ rabtiet ekonomiċi, umanitarji, kulturali, xjentifiċi u oħrajn, fl-2007 l-Komunità Ewropea ikkonkludiet Ftehimiet għall-Iffaċilitar tal-Viża mal-Albanija, mal-Bosnja-Ħerzegovina, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u is-Serbja[8] (fl-istess waqt li saru ftehimiet ta’ riammissjoni).

L-għan ta’ dawn il-ftehimiet kien li jgħamilha iktar faċli għaċ-ċittadini tal-pajjiżi Balkani tal-Punent, b’mod partikolari għal dawk li jsifru ta’ spiss lejn L-Unjoni Ewropea, biex jiksbu viża għal żjara qasira, waqlt li fl-istess ħin jistipulaw regoli ċari biex tkun miġġielda l-imigrazzjoni illegali permezz ta’ ftehimiet ta’ riammissjoni tal-Komunità. Dawn il-ftehimiet daħlu fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2008. Matul l-2008 u l-2009 il-Kummissjoni segwiet mill-qrib l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet għall-Iffaċiltar tal-Viża mill-ħames pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Fuq il-bażi tar-riżultati tal-ewwel perjodu ta’ moniteraġġ, il-Kummissjoni ikkunsidrat li dan l-istrument legali ġdid wassal għal titjib fil-proċedura biex tinħareġ il-viża fil-pajjiżi Balkani tal-Punent.

° Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża mal-Albanija, mal-Bosnja-Ħerzegovina, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja – kisbiet tal-proċess

Il-Ftuħ tad-Djalogu dwar il-Liberalizzazzjoni tal-Viża

Fi ħdan dan il-kuntest dinamiku u fl-istess waqt mal-implimentazzjoni tal-Ftehim għall-Iffaċilitar tal-VIŻA, il-Kummissjoni Ewropea espremiet l-intenzjoni tagħha li tibda djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Albanija, mal-Bosnja-Ħerzegovina, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u is-Serbja. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni fil-Komunikazzjoni tagħha tas-6 ta’ Novembru 2007[9] dwar l-istrateġija għat-tkabbir ħabbret l-intenzjoni tagħha biex gradwalment tersaq lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-pajjiżi Balkani tal-Punent permezz ta’ iktar passi konkreti. Lejn dan il-għan, hija proponiet li tiftaħ djalogu ma kull wieħed mill-pajjiżi kkonċernati bil-ħsieb li jkun stabilit pjan direzjonali dwar il-kundizjonijiet li għandhom jintlaħqu.

Fil-konklużjonijiet tiegħu tat-28 ta’ Jannar 2008 il-Kunsill tal-Affarijiet Ġenerali u r-Relazzjonijiet Esterni “ laqa' wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tniedi dalwaqt djalogu dwar il-viża mal-pajjiżi kollha fir-reġjun u esprima r-rieda tiegħu li jiddiskuti aktar din il-kwistjoni… bil-ħsieb li jiġu definiti roadmaps dettaljati li jistabbilixxu punti ta' referenza ċari li għandhom jiġu sodisfatti mill-pajjiżi kollha fir-reġjun sabiex javvanzaw gradwalment lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża. Dan jippermetti lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jissorveljaw mill-qrib il-progress fir-riformi meħtieġa”.

Meta ħejjiet l-metodoloġija għall-proċess strutturat għal-liberalizzazzjoni tal-viża b’impenn ċar għall djalogu orjentat għar-riżultati, l-Unjoni Ewropea ikkunsidrat il-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi Balkani tal-Punent, l-impenn li sar għal-liberalizzazzjoni tal-viżi għall-żmien qasir, il-konklużjoni mill-ħames pajjiżi ta’ ftehim ta’ riammissjoni tal-Komunità kif ukoll l-eżenzjoni mill-viża mogħtija liċ-ċittadini tal-UE mill-pajjiżi kollha kkonċernati.

Fil-Komunikazzjoni tagħha tal-5 ta’ Marzu 2008 dwar it-titjib tal-perspettiva Ewropea tal-pajjiżi Balkani tal-Punent[10], il-Kummissjoni spjegat il-proċess li proponiet sabiex nimxu lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża fil-Blakani tal-Punent. Hija emfasizzat l-importanza konsiderevoli li l-ivjaġġar mingħajr viża lejn l-UE għandu għan-niex tal-Balkani tal-Punent, innutat li l-mixja lejn reġim mingħajr viża hija, għall-pajjiżi kollha tar-reġjun, parti mill-preparazzjoni tagħhom għas-sħubija fl-UE u saħqet fuq l-intenzjoni tagħha li tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tar-riformi neċessarji lejn il-kisba ta’ dan l-objettiv.

Il-Kummissjoni formalment nediet id-djalogu għal-liberalizzazzjoni tal-viża kmieni fl-2008, rispettivament: mas-Serbja (30 ta’Jannar 2008[11]), ma’ dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (20 ta' Frar 2008), mal-Montenegro (21 ta' Frar 2008), mal-Albanija (3 ta’ Marzu 2008), mal-Bosnja-Ħerzegovina (26 ta’ Mejju 2009).

Bi qbil mal-Istati Membri u f’konsultazzjoni mal-pajjiżi rispettivi l-Kummissjoni stabbilit pjani direzzjonali għal kull wieħed mill-ħames pajjiżi. L-għan tal-pjani direzzjonali kien li jidentifikaw il-miżuri kollha li għandhom ikunu adottati u implimentati minn kull wieħed mill-pajjiżi Balkani tal-Punent u li jistipula ħtiġijiet ċari li jridu jintlaħqu. Il-proċess jimmira li jgħin lill-pajjiżi kkonċernati jilħqu l-kriterji mniżżla fil-ħames premessa tal-preambolu tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. Partikolarment, il-pjani direzzjonali kienu maqsuma f'erba' settijiet ta' kwistjonijiet: is-sigurtà tad-dokumenti, l-immigrazzjoni illegali, l-ordni u s-sigurtà pubblika kif ukoll kwistjonijiet tar-relazzjonijiet esterni marbuta mal-moviment tal-persuni. Id-djalogi u l-pjani direzzjonali kienu magħmulin tal-qies sabiex iħallu kull pajjiż jiffoka l-isforzi ta’ riforma u jindirizza l-ħtiġijiet tal-UE. Il-veloċità tal-moviment lejn il-liberalizzazzjoni tal-viża tiddependi fuq il-progress magħmul minn kull pajjiż waqt li jwettaq il-kundizjonijiet stipulati.

Stadji Ewlenin fil-Proċess

F’Novembru 2008 il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel valutazzjoni preliminari, ibbażata fuq rapporti dettaljati pprovduti mill-ħames pajjiżi konċernati, lill-Kunsill dwar il-progress magħmul mill-ħames pajjiżi konċernati għall-implimentazzjoni tal-pjani direzzjonali għal-liberalizzazzjoni tal-viża.

Fil-25 ta’ Mejju 2009, wara serje ta’ laqgħat u missjonijiet ta’ esperti fil pajjiżii milquta (li fihom esperti tal-Istati Membru kienu attivament involuti), il-Kummissjoni ppreżentat lill-Kunsill verżjoni aġġornata tar-rapporti ta’ valutazzjoni. Ir-rapporti ta’ valutazzjoni kienu ppreżentati lill-pajjiżi Balkani tal-Punent milquta fil-11 u fit-12 ta’ Ġunju 2009.

Partikolarment, il-verżjonjiet aġġornati tar-rapporti ta’ valutazzjoni kkonkludew li:

- dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja laħqet il-parametri kollha stipulati fil-pjan direzzjonali;

- għal żewġ pajjiżi, il-Montenegro u s-Serbja, sar progress importanti u baqa’ biss numru limitat ta' parametri miftuħa;

- għal żewġ pajjiżi oħra, l-Albanija u Bosnja-Ħerzegovina, minkejja l-progress importanti li sar, serje ta’ parametri għadhom miftuħin.

Wara diskussjonijiet tar-rapporti ta’ valutazzjoni fil-Gruppi ta’ Ħidma kompetetnti tal-Kunsill, fil-15 ta’ Ġunju 2009 il-Kunsill (KAĠRE) ikkonkluda kif ġej:

“Il-Kunsill jerġa' jiddikjara l-appoġġ tiegħu għad-djalogu dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża mal-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja, ibbażat fuq il-pjani direzzjonali li jinkludu parametri ċari u realistiċi u fuq valutazzjoni pajjiż b'pajjiż. Il-Kunsill ifakkar li l-pajjiżi kkonċernati għandhom ikomplu jiffokaw fuq l-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn il-parametri.

F'dan ir-rigward, il-Kunsill jilqa' b'sodisfazzjon ir-rapporti ta' valutazzjoni aġġornati ppreżentati mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress fid-djalogi dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża ma' dawn il-pajjiżi. Ir-rapporti jirriflettu l-progress ċar miksub minn dawn il-pajjiżi fl-ilħuq tal-parametri stabbiliti fil-pjani direzzjonali dwar il-liberalizzazzjoni tal-viża. F'dan il-kuntest, il-Kunsill iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex mill-aktar fis possibbli tippreżenta proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 539/2001, sabiex sa tmiem l-2009 jinkiseb reġim mingħajr viża ma' dawk il-pajjiżi li jkunu laħqu l-parametri.

Waqt li jirrikonoxxi l-importanza tal-liberalizzazzjoni tal-viża għar-reġjun tal-Balkani tal-Punent, il-Kunsill jissottolinja l-importanza li l-pajjiżi kollha kkonċernati jiksbu reġim mingħajr viża bil-mertu tagħhom stess. Għalhekk, il-Kunsill jilqa' b'sodisfazzjon il-progress miksub sa issa u jappella lill-pajjiżi fir-reġjun biex ikomplu jaċċelleraw u jimplimentaw ir-riformi biex f'qasir żmien jilħqu l-parametri meħtieġa.”

Il-proposta preżenti tirrifletti dak li ħareġ mill-proċess imsemmi hawn fuq: meta wieħed jikkunsidra wkoll, fuq naħa, li l-Ftehimiet għall-Iffaċilitar tal-Viża u Riammissjoni mal-pajjiżi milquta huma implimentati b’mod sodisfaċenti u, minn naħa l-oħra, ir-rati ta’ rifjut tal-viża u d-dħul rispettiv għaċ-ċittadini, il-Kummissjoni tipproponi li titrasferixxi dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li diġa laħqet il-parametri kollha, u l-Montenegro u s-Serbja li qedin ferm qrib li jilħquhom, mil-lista negattiva għal dik pożittiva, sakemm ikun miftihem li sal-ġurnata tal-adozzjoni tal-proposta mill-Kunsill, anke it-tnejn tal-aħħar iridu jkunu laħqu l-parametri kollha.

Il-Passi li Jmiss

Flimkien mal-analiżi tal-proposta tagħha fil-PE u fil-Kunsill, il-Kummissjoni se tkompli tevalwa l-implimenatzzjoni tal-parametri miftuħa għas-Serbja u l-Motenegro u ser taqsam l-evalwazzjonijiet tagħha mal-PE u mal-Kunsill fil-pront.

Għall-Montenegro, il-parametri li fadal miftuħin jittrattaw:

- l-implimentazjoni effettiva tal-Liġi dwar il-barranin, li daħlet fis-seħħ f’Jannar 2009;

- id-definizzjoni ta’ soluzzjoni sostenibbli rigward l-istatus ta’ persuni spostati u persuni spostati internament, inkluż aċċess għal dokumenti ta' identità;

- it-tisħiħ ta’ kapaċitajiet fil-qasam tal-infurzar tal-liġi u l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas legali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni, inkluż permezz tal-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji, umani u tekniċi adekwati.

Għas-Serbja, il-parametri li fadal miftuħin jittrattaw:

- it-titjieb tas-sorveljanza bejn il-fruntieri/transkonfinali, li tinkludi partikolarment l-iskambju ta’ informazzjoni mal-EULEX/pulizija tal-Kosovo:

- l-implimentazzjoni effettiva tal-Liġi fuq il-Baranin li ilha fis-seħħ minn April 2009 u l-adozzjoni tal-Istrateġija għall-Ġestjoni tal-Migrazzjoni;

- l-implimentazzjoni effettiva tal-qafas legali għall-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzjoni, inkluż permezz tal-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji u umani adegwati;

- l-integrità u s-sigurtà tal-proċeduri segwiti fil-ħruġ tal-passaporti biometriċi lill-persuni li jgħixu l-Kososvo.

Mill-1999 is-Serbja ma kellhiex il-possibiltà li tagħmel verifiki fuq il-post rigward persuni li jgħixu fil-Kosovo skont UNSCR 1244/99. Rigward il-ħruġ ta’ passaporti biometriċi mis-Serbja lil persuni li jgħixu fil-Kosovo, minħabba n-nuqqas ta’ djalogu għal-liberalizzazzjoni tal-viża, il-Kummissjoniu l-esperti tal-Istati Membri ma kienux f’pożizzjoni li jivverifikaw (partikolarment permezz ta’ missjonijiet tal-esperti) il-ħruġ ta' dokumenti oriġinaturi u l-integrità u s-sigurtà tal-proċeduri segwiti mill-awtoritajiet Serbi għall-verifikazzjoni tal-korrettezza tad-dejta mogħtija mill-persuni li jgħixu l-Kososvo meta japplikaw għall-passaport biometriku Serbjan. Sabiex jiprevenju l-abbuż minn din is-sitwazzjoni waqt l-applikazzjoni għall-passaporti biometriċi, l-awtoritajiet Serbi f’Lulju ħabbru l-ħolqien ta’ Direttorat ta’ Kordinazzjoni speċifiku (bis-Serb Koordinaciona uprava ), li jieħu ħsieb biss l-ipproċessar tal-applikazzjoni kollha għall-passaport irċevuti minn persuni li jgħixu fil-Kososvo u persuni li ċ-ċertifikat taċ-ċittadinanza tagħhom kien maħruġ għat-territorju tal-Kosovo skont UNSCR1244/99.

Għalhekk fid-dawl tat-tħassib dwar is-sigurtà partikolarment rigward l-immigrazzjoni illegali potenzjali mir-residenti tal-Kosovo u minn persuni li ċ-ċertifikat taċ-ċittadinanza tagħhom kien maħruġ għat-territorju tal-Kosovo skont UNSCR1244/99 u fin-nuqqas ta’ kwalunkwe verifikazzjoni tal-poċeduri għall-ħruġ ta’ passaport mill-Awtoritajiet Serbi għal din il-kategorija ta’ persuni, il-Kummissjoni tikkunsdra li d-detenturi ta' passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat ta’ Kordinazzjoni speċifiku (bis-Serb Koordinaciona uprava ) għandhom ikunu esklużi mir-reġim ħieles mill-viża tas-Serbja.

Għall-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina, id-djalogu għal-liberalizazjoni tal-viża ser ikompli u l-Kummissjoni ser isaħħaħ l-isforzi tagħha biex tgħin dawn il-pajjiżi jilħqu l-parametri. Il-Kummissjoni bi ħsiebha tipproponi it-trasferiment tagħhom għal-lista pożittiva immedjatament ladarba huma jkunu laħqu l-parametri.

° Iktar Kjarifiki Rigward id-Detenturi ta’ Passaporti Biometriċi u Ftehimiet biex Titneħħa l-Viża

L-introduzzjoni tal-passaporti biometriċi mill-pajjiżi Balkani tal-Punent kien element ta’ importanza fundamentali għat-tlestija b'suċċess tad-djalogi għal-liberalizzazzjoni tal-viża. F’dan il-kuntest, għar-raġunijiet relatati mas-sigurtà u l-prevenzjoni tal-migrazzjoni illegali, it-tneħħija tal-viża għaċ-ċittadini ta' dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja għandha tapplika biss għal dawk li għandhom il-passaporti biometriċi l-ġodda maħruġa minn kull wieħed minn dawn il-pajjiżi,

Meta wieħed jikkunsidra l-vokazzjoni Ewropea tal-pajjiżi Balkani tal-Punent u l-fatt li huma diġa eżentaw liċ-ċittadini kollha tal-UE mill-ħtieġa tal-viża, ma hemm l-ebda raġuni għaliex it-tneħħija tal-viża għal dawn it-tlett pajjiżi tkun ikkundizzjonata fuq il-konklużjoni tal-ftehimiet għat-tneħħija tal-viża mal-KE (kif kien il-każ għall-Bahamas u l-ħames pajjiżi l-oħra trasferiti mill-lista negattiva għal dik pożittiva f’Diċembru 2006).

° Kosovo skont UNSCR 1244/99.

Il-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta’ Ġunju 2008 emfasizza ir-‘rieda tal-UE li tgħin fl-iżvilupp ekonomiku u politiku tal-Kosovo permezz ta’ perspettiva Ewropea ċara, konformi mal-perspettiva Ewropea tar-reġjun’. Wara d-dikjarazzjoni ta’ indipendenza tal-Assemblea tal-Kosovo fis-17 ta’ Frar 2008, il-Kunsill iddikjara li l-Kosovo tikkostitwixxi każ sui generis u ħalliet f'idejn l-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar ir-relazzjonijiet tagħhom mal-Kosovo skont il-liġi internazzjonali u l-prattiċi nazzjonali. Sal-lum 22 Stat Membru tal-UE għaraf lill-Kosovo bħala Stat Indipendenti.

Il-verżjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 fis-seħħ preżentament ma fiha l-ebda referenza għall-Kosovo. Fil-preżent il-Kummissjoni ma fetħitx djalogu għal-liberalizazzjoni tal-viża mal-Kosovo. Għalhekk, f’konformità mal-Artikolu 1(3) tar-regolament (KE) Nru 539/2001 għandha tiddaħħal referenza għall-Kosovo skont UNSCR 1244/99 f’Anness 1 tar-Regolament sabiex persuni li jgħixu l-Kosovo jkunu sottomessi għal-ħtieġa tal-viża. Din il-proposta hija mmotivata esklussivament minn ansjetà dwar is-sigurtà ddeterminata objettivament dwar il-potenzjal ta' migrazzjoni illegali li toħroġ u tgħaddi mill-Kosovo skont UNSCR 1244/99. Dan mingħajr preġudizzju għall-istatus tal-Konsovo skont UNSCR 1244/99

2. L-elementi legali tal-proposta

° Sommarju tal-azzjoni proposta

- L-għan tal-proposta hu t-trasferiment ta’ dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, li diġa laħqet il-parametri kollha, u l-Montenegro u s-Serbja li qegħdin ferm qrib li jilħquhom, mil-lista negattiva għal dik pożittiva, sakemm ikun miftihem li t-tnejn tal-aħħar iridu jilħqu l-parametri kollha tal-pjani direzzjonali rispettivi tagħhom sad-data tal-adozzjoni tal-proposta mill-Kunsill.

- Għal dawn ir-raġunijiet stipulati hawn fuq, detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat ta’ Kordinazzjoni Serb ser ikunu esklużi mir-reġim ħieles mill-viża għas-Serbja.

- Meta wieħed iżomm f’moħħu li l-introduzzjoni ta’ passaporti biometriċi ġodda mill-pajjiżi Balkani tal-Punent tikkostitwixxi element fundamentali fid-djalogi għal-liberalizazzjoni tal-viża, it-tneħħija tal-viża għaċ-ċittadini ta’ kull wieħed minn dawn il-pajjiżi għandha tapplika biss għal dawk li huma detenturi ta’ tali passaporti biometriċi.

- Waqt li tirrifletti s-sitwazzjoni kurrenti, il-proposta preżenti għandha iżżid lill-Kososvo skont UNSCR 1244/99 fil-lista negattiva għax sal-lum l-ebda djalogu dwar il-viza ma nfetaħ mal-Kosovo.

° Il-bażi legali

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa bbażat fuq Artikolu 62(2)(b)(i) tat-Trattat tal-KE. Il-proposta li temenda dan ir-Regolament għandha ssegwi l-istess bażi legali.

° Il-prinċipji ta' propozjonalità u sussidjaretà

Skont Artikolu 62(2)(b)(i), ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom jinħtieġu viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni (il-‘lista negattiva’) u dawk li ċ-ċittadini tagħhom m'għandhomx bżonn din il-viża (il-‘lista pożittiva’).

Id-deċiżjoni biex tbiddel il-listi, biex titrasferixxi pajjiż mil-lista negattiva għal-lista pożittiva jew viċe versa, taqa’ taħt il-kompetenza esklussiva tal-KE.

° L-għażla tal-istrumenti

Regolament bħala istrument biex jiġi emendat hu ir-Regolament (KE) Nru 539/2001.

3. L-implikazzjoni baġitarja

Il-proposta ma għandha l-ebda effett fuq il-baġit tal-Komunità.

2009/0104 (CNS)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsilll (KE) Nru 539/2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 62(2)(b)(i) tiegħu,

Wara li kkunsidra il-proposta mill-Kummissjoni[12],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew[13],

Billi:

(1) Il-kompożizzjoni tal-listi ta’ pajjiżi terzi fl-Annessi I u II għar-Regolament (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001[14] għandu jkun, u għandu jibqa’, konsistenti mal-kriterji imniżżla fil-premessa (5) tiegħu. Uħud mill-pajjiżi terzi, li għalihom inbidlet is-sitwazzjoni fir-rigward ta' dawn il-kriterji, għandhom jkunu trasferiti minn Anness għall-ieħor.

(2) B’ħames pajjiżi Balkani tal-Punent - l-Abanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja - Il-ftehimiet għall-Faċilitazzjoni tal-Viża daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2008, bħala l-ewwel pass konkret fit-triq stipulata mill-aġenda ta’ Tessalonika lejn reġim ħieles mil-viża għaċ-ċittadini tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Ma kull wieħed minn dawn il-pajjiżi, fl-2008 infetaħ djalogu dar il-liberalizzazzjoni tal-viża u ġew stabbiliti pjani direzjonali għal-liberalizazzjoni tal-viża. Fil-valutazzjoni tagħha tal-implimentazzjoni tal-pjani direzzjonali ta' Mejju 2009, il-Kummissjoni ikkunsidrat li dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja laħqet mar-parametri kollha fil-pjan direzzjonali tagħha. Il-Montenegro u s-Serbja laħqu mal-maġġoranza tar-rekwiżiti mininimi fil-pjani direzzjonali rispettivi tagħhom.

(3) Għall-persuni li joqgħodu l-Kosovo skont UNSCR 1244/99 u persuni li ċ-ċertifikat taċ-ċittadinanza tagħhom ħareġ għat-teritorju tal-Kosovo skont UNSCR 1244/99, Direttorat ta’ Kordinazzjoni speċifiku f’Belgrad ser ikun jieħu ħsieb tal-ġbir tal-applikazzjonjiet tal-passaporti u l-ħruġ ta’ passaporti. Madanakollu, fid-dawl ta’ tħassib dwar is-sigurtà partikolarment rigward il-migrazzjoni illegali potenzjali, id-detenturi tal-passaporti Serbi maħruġa minn dan id-Direttorat tal-Kordinazzjoni speċifiku (bis-Serb Koordinaciona uprava ) għandhom ikunu esklużi mir-reġim ħieles mill-viża għas-Serbja.

(4) Għalhekk dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegrro u s-Serbja (l-aħħar tnejn jilħqu l-parametri kollha sad-data tal-adozzjoni tar-Regolament preżenti), għandhom ikunu trasferiti għall-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 539/2001. It-tneħħija tal-viża għandha tapplika biss għal dawk id-detenturi tal-passaporti biometriċi maħruġa minn kull wieħed mit-tlett pajjiżi involuti.

(5) Għal raġunijiet ta’ ċarezza legali u sigurtà, u skont Artikolu 1(3) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001, il-Kosovo skont UNSCR 1244/99 għandha tiżdied ma Anness I tar-Regolament. Dan mingħajr preġudizzju għall-istatus tal-Kosovo skont UNSCR 1244/99

(6) Għal dak li għandu x'jaqsam mal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fit-tifsira tal-Ftehim konkluż bejn il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ir-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen li jaqgħu taħt il-qasam li għalih hemm referenza fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċertu ftehimiet għall-applikazzjoni ta' dak il-Ftehim[15].

(7) Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen, fit-tifsira tal-Ftehim iffirmat mill-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqa’ fiż-żona msemmija fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/860/KE dwar l-iffirmar tal-imsemmi ftehim[16].

(8) Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll iffirmat bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Svizzera u l-Prinċipat ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat ta' Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Svizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, li jaqgħu fiż-żona imsemmija fl-Artikolu 1, punt B tad-Deċiżjoni 1999/437/KE kkunsidrata flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/261/KE tat-28 ta' Frar 2008[17].

(9) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li mhux qed jipparteċipa fih ir-Renju Unit, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 Mejju 2000 dwar it-talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[18]. Għalhekk ir-Renju Unit mhux qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhux marbut minnu jew soġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

(10) Dan ir-Regolament huwa żvilupp fuq id-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fih l-Irlanda ma tieħux sehem, skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 dwar it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’uħud mid-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen[19]. Għalhekk l-Irlanda mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhux marbuta minnu jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

(11) Dan ir-Regolament jikkostitwixxi dispożizzjonijiet li jibnu fuq l-acquis ta' Schengen jew relatati miegħu b'mod ieħor skont it-tifsira tal-Artikolu 3(1) tal-Att dwar l-Adeżjoni tal-2003 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 huwa b’dan emendat kif ġej:

1) L-Anness I għandu jiġi emendat kif ġej:

(a) f'Parti 1, ir-referenza għal dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja;

(b) f'Parti 2, għandha tiddaħħal ir-referenza li ġejja:

“Kosovo skont UNSCR 1244/99”.

2) Fl-Anness 2, Parti 1 għandhom jiddaħħlu r-referenzi li ġejjin:

”dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja(*)

il-Montenegro (*)

is-Serbja [eskluż detenturi ta’ passaporti Serbi maħruġa mid-Direttorat tal-Kordinazzjoni Serb (bis-Serb Koordinaciona uprava ) ](*)

(*) L-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża tapplika biss għad-detenturi tal-passaporti biometriċi”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

[1] ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.

[2] ĠU L 405, 30.12.2006, p. 23.

[3] ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.

[4] Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2414/2001 tas-7 ta’ Diċembru 2001 (ĠU L 327, 12.12.2001, p. 1), (KE) Nru 453/2003 tas-6 ta’ Marzu 2003 (ĠU L 69 13.3.2003, p. 10), (KE) Nru 851/2005 tat-2 ta’ Ġunju 2005 (ĠU L 141 4.6.2005, p. 3), (KE) Nru 1791/2006 tal-20 ta’ Novembru 2006 (ĠU L 363 20.12.2006, p. 1), (KE) Nru 1932/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 (ĠU L 405 30.12.2006, p. 23).

[5] Tal-25 ta’ Settembru 1995, (ĠU L234, 3.10.1995, p. 1)

[6] Ara, pereżempju, il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni wara r-regolament tal-Kusnill (KE) Nru 2317/95 tal-25 ta’ Settembru 1995 li jiddetermina dawk il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom jrid jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri, (ĠU C101, 3.4.1998, p.4).

[7] Emenda tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1936/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006, (ĠU L405, 30.12.2006), u l-corrigendum (ĠU L29, 03.02.2007 p. 10).

[8] Ara l-preambolu ta’ dawn il-ftehimiet mal-Albania (ĠU L 334, 19.12.2007,p. 85), Bosnja-Ħerzegovina (ĠU L 334, 19.12.2007,p. 97), dik li kienet ir-Repubblika Juoslava tal-Maċedonja (ĠU L 334, 19.12.2007,p. 125), il-Montenegro (ĠU L334, 19.12.2007,p. 169) u s-Serbja (ĠU L 334, 19.12.2007,p. 109)

[9] COM(2007) 663, 6.11.2007.

[10] COM(2008) 127, 5.3.2008.

[11] Dan id-djalogu għal-liberalizzazzjoni tal-viża ma jkoprix it-teritorju tal-Kosovo skont UNSCR 1244/99.

[12] ĠU C , , p. .

[13] ĠU C , , p. .

[14] ĠU L 81, 21.3.2001, p. 1.

[15] ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31.

[16] ĠU L 370, 17.12.2004, p. 78.

[17] ĠU L 83, 26.3.2008, p. 3.

[18] ĠU L 131, 1.6.2000, p.43.

[19] ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20.

Top