EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32001H0166

Valutazzjoni kwalitattiva tal-edukazzjoni fl-iskejjel

Valutazzjoni kwalitattiva tal-edukazzjoni fl-iskejjel

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Rakkomandazzjoni 2001/166/KE — Kooperazzjoni Ewropea fir-rigward tal-valutazzjoni tal-kwalità tal-edukazzjoni fl-iskejjel

X’INHU L-GĦAN TAR-RAKKOMANDAZZJONI?

Hija tfittex li tħeġġeġ in-netwerking bejn il-pajjiżi tal-UE bil-għan li tiżviluppa prattiki u għodod biex tivvaluta l-kwalità tal-edukazzjoni fl-iskejjel.

PUNTI EWLENIN

  • Għalkemm il-kwalità ta’ sistema tal-iskejjel ma tistax tiġi definita f’termini assoluti, xorta possibbli li jiġu stabbiliti objettivi u jiġu analizzati l-modi kif dawn jintlaħqu.
  • L-objettivi għadhom jinvolvu l-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali b’mod ġenerali, u r-rakkomandazzjoni tiddistingwi bejn 2 forom ta’ valutazzjoni kwalitattiva:
    • il-valutazzjoni esterna; u
    • l-awtovalutazzjoni.
  • Ir-rakkomandazzjoni tħeġġeġ lil dawk kollha involuti fis-sistema tal-iskejjel (għalliema, studenti, ġenituri u speċjalisti) biex jipparteċipaw fil-proċessi tal-awtovalutazzjoni u l-valutazzjoni esterna. Hija tiddikjara li l-għan tal-valutazzjoni esterna huwa li tipprovdi kemm appoġġ metodoloġiku għall-awtoevalwazzjoni tal-iskola kif ukoll perspettiva objettiva tal-iskola.
  • Waħda mill-aktar karatteristiċi importanti tas-sistema edukattiva Ewropea hija d-diversità tagħha. B’riżultat ta’ dan, mhux possibbli li jitfasslu metodi ta’ valutazzjoni standard li jistgħu jiġu applikati għall-pajjiżi kollha tal-UE. Kull valutazzjoni kwalitattiva fil-livell tal-UE trid tqis il-fatturi soċjokulturali, storiċi u politiċi speċifiċi għal kull pajjiż tal-UE.
  • Ir-rakkomandazzjoni tenfasizza l-fatt li l-qsim tal-informazzjoni jikkostitwixxi l-biċċa l-kbira tal-valur miżjud tal-UE. L-iskambju tal-informazzjoni jenħtieġ li jkun iffukat b’mod partikolari fuq żviluppi metodoloġiċi u eżempji ta’ prattika tajba, b’mod speċjali:
    • permezz tal-użu ta’ teknoloġiji ġodda;
    • permezz tal-organizzazzjoni ta’ konferenzi, seminars u l-ġbir ta’ data;
    • u permezz tal-iżvilupp ta’ għodod u riżultati tal-pubblikazzjoni.
  • Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni Ewropea biex:
    • toħloq bażi tad-data tal-Internet għat-tixrid ta’ għodod, l-eżempji ta’ prattika tajba, u għodod effettivi għall-valutazzjoni tal-kwalità ta’ stabbilimenti edukattivi;
    • toħloq inventarju għall-istrumenti u l-istrateġiji għall-valutazzjoni tal-kwalità fl-edukazzjoni primarja u sekondarja li diġà qed jintużaw f’diversi pajjiżi tal-UE;
    • tinkorpora r-riżultati miksuba fil-programmi eżistenti u tiżviluppa n-netwerks eżistenti;
    • kull 3 snin tirrapporta lill-Parlament, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni;
    • tagħmel proposti abbażi ta’ dan ir-rapport.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2014

  • Fil-konklużjonijiet tagħhom ta’ Mejju 2014, il-ministri tal-edukazzjoni tal-pajjiżi tal-UE enfasizzaw l-irwol importanti li għandhom il-mekkaniżmi tal-assigurazzjoni tal-kwalità fl-għajnuna lill-iskejjel u lil dawk li jfasslu l-politiki biex jipprovdu edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità. L-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità huma vitali għall-impjegabbiltà, l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku.
  • Il-ministri saħqu fuq l-importanza ta’ approċċi għall-assigurazzjoni tal-kwalità bbażati fuq prinċipji li jmorru lil hinn minn approċċ ta’ “lista ta’ kontroll” u l-ħtieġa għall-iżvilupp ta’ kultura li tirsisti biex kontinwament ittejjeb il-kwalità tat-tagħlim u tat-taħriġ.

Studji

Fl-2015 ġew ippubblikati 2 studji f’dan il-qasam:

  • rapport minn Eurydice li jevalwa kif 32 pajjiż Ewropew jivvalutaw il-kwalità tal-iskejjel tagħhom, billi jqabbel l-approċċi, l-istrutturi u l-irwoli li għandhom is-sistemi tal-evalwazzjoni tal-iskejjel;
  • studju komparattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità fis-sistemi edukattivi tal-iskejjel tal-UE. Dan ikopri politiki, proċeduri, attivitajiet u prattiki tal-assigurazzjoni tal-kwalità fil-livell primarju, fil-livell baxx ta’ edukazzjoni sekondarja u fil-livell għoli ta’ edukazzjoni sekondarja. Huwa jqis kif l-azzjonijiet tal-UE fil-qasam jistgħu jgħinu biex jiżdied il-valur ma’ dak li qed iseħħ fil-livell nazzjonali.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Rakkomandazzjoni 2001/166/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2001 fuq il-koperazzjoni Ewropea fil-valutazzjoni tal-kwalità tal-Edukazzjoni fl-iskejjel (ĠU L 60, 1.3.2001, pp. 51-53)

DOKUMENTI RELATATI

Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġja l-edukazzjoni u t-taħriġ (ĠU C 183, 14.6.2014, pp. 30-35)

l-aħħar aġġornament 06.11.2017

Fuq