EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62022CN0573

Kawża C-573/22: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fis-26 ta’ Awwissu 2022 – A, B u Foreningen C vs Skatteministeriet

ĠU C 424, 7.11.2022, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.11.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 424/31


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Østre Landsret (id-Danimarka) fis-26 ta’ Awwissu 2022 – A, B u Foreningen C vs Skatteministeriet

(Kawża C-573/22)

(2022/C 424/41)

Lingwa tal-kawża: id-Daniż

Qorti tar-rinviju

Østre Landsret

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: A, B u Foreningen C

Konvenut: Skatteministeriet

Domandi preliminari

1)

L-Artikolu 370, flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X, tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1) għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istati Membri kkonċernati jimponu l-VAT fuq tariffa obbligatorja fuq il-mezzi tax-xandir intiża li tiffinanzja l-attivitajiet mhux kummerċjali ta’ xandara tar-radju u tat-televiżjoni pubbliċi, minkejja l-assenza ta’ “provvista ta’ servizzi bi ħlas” fis-sens tal-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva?

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-Qorti tal-Ġustizzja qiegħda tintalab tagħti risposta għad-domandi preliminari segwenti:

2)

L-Artikolu 370, flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X, tad-Direttiva 2006/112/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jżomm il-possibbiltà li jimponi l-VAT fuq tariffa obbligatorja fuq il-mezzi tax-xandir bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda, jekk, wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 1978, tad-Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE tas-17 ta’ Mejju 1977 fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ – Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (is-Sitt Direttiva) (2), dan l-Istat Membru jkun biddel is-sistema tariffarja minn impożizzjoni għall-pussess ta’ apparat tar-radju u tat-televiżjoni għal impożizzjoni għall-pussess ta’ kwalunkwe apparat li jista’ jirċievi direttament programmi u servizzi awdjoviżivi, inkluż, fost l-oħrajn, smartphones, kompjuters, eċċ?

3)

L-Artikolu 370, flimkien mal-punt 2 tal-Parti A tal-Anness X, tad-Direttiva 2006/112/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li Stat Membru jżomm il-possibbiltà li jimponi l-VAT fuq tariffa obbligatorja fuq il-mezzi tax-xandir bħal dik imsemmija fl-ewwel domanda, jekk, wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 1978, tad-Direttiva 77/388/KEE, dan l-Istat Membru jkun biddel is-sistema tariffarja fis-sens li parti żgħira mit-tariffa tintuża, skont id-diskrezzjoni tal-Ministru għall-Kultura, sabiex tiffinanzja, l-ewwel, xandara tar-radju u tat-televiżjoni li jirċievu sussidji pubbliċi iżda li ma humiex huma stess xandara pubbliċi, u t-tieni, organizzazzjonijiet tal-mezzi tax-xandir u taċ-ċinema li jikkontribwixxu għall-attivitajiet tar-radju u tat-televiżjoni iżda li ma jeżerċitawx huma stess tali attivitajiet?


(1)  ĠU 2006 L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007 L 335, p. 60

(2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1. p. 23


Top