EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62008CJ0168

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tas-16 ta' Lulju 2009.
Laszlo Hadadi (Hadady) vs Csilla Marta Mesko, épouse Hadadi (Hadady).
Talba għal deċiżjoni preliminari: Cour de cassation - Franza.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Regolament (KE) Nru 2201/2003 - Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri - Artikolu 64 - Dispożizzjonijiet tranżitorji - Applikazzjoni għal sentenza mogħtija fi Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-2004 - Artikolu 3(1) - Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju - Elementi ta’ rabta rilevanti - Residenza abitwali - Ċittadinanza - Konjuġi residenti fi Franza u li għandhom, it-tnejn, ċittadinanza Franċiża u Ungeriża.
Kawża C-168/08.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2009 I-06871

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2009:474

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

16 ta’ Lulju 2009 ( *1 )

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Regolament (KE) Nru 2201/2003 — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Artikolu 64 — Dispożizzjonijiet tranżitorji — Applikazzjoni għal sentenza mogħtija fi Stat Membru li ssieħeb fl-Unjoni Ewropea fl-2004 — Artikolu 3(1) — Ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju — Elementi ta’ rabta rilevanti — Residenza abitwali — Ċittadinanza — Konjuġi residenti fi Franza u li għandhom, it-tnejn li huma, ċittadinanza Franċiża u Ungeriża”

Fil-Kawża C-168/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Cour de cassation (Franza), permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ April 2008, fil-proċedura

Laszlo Hadadi (Hadady)

vs

Csilla Marta Mesko, miżżewġa Hadadi (Hadady),

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh (Relatur), J. Klučka, P. Lindh u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Frar 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal L. Hadadi (Hadady), minn C. Rouvière, avocate,

għal C. M. Mesko, minn A. Lyon-Caen, avocat,

għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues u A.-L. During u B. Beaupère-Manokha, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, bħala aġent,

għall-Gvern Ungeriż, minn K. Szíjjártó u M. Kurucz, bħala aġenti,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

għall-Gvern Slovakk, minn J. Čorba, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn A. Guimaraes-Purokoski, bħala aġent,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn V. Joris u S. Saastamoinen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn L. Hadadi (Hadady) u C. M. Mesko dwar ir-rikonoxximent mill-qrati Franċiżi ta’ deċiżjoni tal-qorti ta’ Pest (l-Ungerija) li ddikjarat id-divorzju tagħhom.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

Ir-Regolament Nru 1347/2000

3

Skont ir-raba’ u t-tnax-il premessa tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materjali matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjugi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 1, p. 209):

“(4)

Differenzi bejn ċerti regoli nazzjonali li jirregolaw il-ġurisdizzjoni u l-infurzar jfixklu l-moviment liberu ta’ persuni u l-operazzjoni tajba tas-suq intern. Għalhekk hemm raġunijiet ħalli jkunu preskritti dispożizzjonijiet li jgħaqqdu r-regoli tal-konflitt ta’ ġurisdizzjoni f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbilità tal-ġenituri sabiex jissimplifikaw il-formalitajiet għal riknoxximent ta’ malajr u awtomatiku u l-infurzar ta’ sentenzi.

[…]

(12)

Il-bażijiet ta’ ġurisdizzjoni aċċettati f’dan ir-Regolament huma msejsa fuq ir-regola li għandu jkun hemm rabta vera bejn il-parti konċernata u l-Istat Membru li jeżerċita l-ġurisdizzjoni. […]”

4

L-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 1347/2000, li jipprovdi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ divorzju, separazzjoni legali u annullament taż-żwieġ, ġie ssostitwit bl-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 2201/2003, u ż-żewġ Artikoli ġew redatti bi kliem identiku.

Ir-Regolament Nru 2201/2003

5

Skont l-ewwel u t-tmien premessi tar-Regolament Nru 2201/2003:

“(1)

Il-Komunitajiet Ewropej iffissaw l-oġġettiv li joħolqu żona ta’ libertà, siġurtà u ġustizzja, li fiha l-moviment liberu tal-persuni huwa assigurat. Għal din il-għan, il-Komunità għandha taddotta, fost affarijiet oħra, miżuri fl-oqsma ta’ koperazzjoni ġudizzjarji fi kwistjonijiet ċivili li huma neċessarji għat-tħaddim kif suppost tas-suq intern.

[…]

(8)

Fir-rigward ta’ sentenzi dwar divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg, dan ir-Regolament għandu japplika biss għax-xoljiment tar-rabtiet matrimonjali u m’għandux jittratta ma’ kwistjonijiet bħal raġunijiet għal divorzju, il-proprjetà bħala konsegwenza taż-żwieg jew kwalsiasi miżuri oħra anċillari.”

6

Skont l-Artikolu 1(1)(a) tiegħu, ir-Regolament Nru 2201/2003 japplika, tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tribunal, fi kwistjonijiet ċivili dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali u l-annullament taż-żwieġ.

7

L-Artikolu 3(1) tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-ġurisdizzjoni ġenerali” jipprovdi:

“Fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, il-ġurisdizzjoni ħa taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru

a)

f’liema territorju:

il-konjuġi huma abitwalment residenti, jew

il-konjuġi kienu joqgħodu hemm l-aħħar, peress illi xi ħadd minnhom għadu/għadha residenti hemm, jew

il-konvenut huwa abitwalment residenti, jew

fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta, wieħed jew waħda mill-konjuġi huwa abitwalment residenti, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu joqgħodu hemm mill-inqas sena mmedjatament qabel ma saret l-applikazzjoni, jew

L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu residenti hemm mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel saret l-applikazzjoni u jekk wieħed jew waħda minnhom huwa ċittadin ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ hemmhekk;

b)

dwar in-nazzjonalità taż-żewg konjuġi jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, dwar ‘id-domiċilju’ taz-żewġ konjuġi.”

8

L-Artikolu 6 ta’ dan l-istess regolament, intitolat “In-natura esklussiva ta’ l-ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 3, 4 u 5” jipprovdi:

“Il-konjuġi li:

a)

huwa/hija abitwalment residenti fit-territorju ta’ Stat Membru; jew

b)

huwa/hija ċittadin ta’ Stat Membru, jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ fit-territorju f’wieħed minn dawn l-aħħar Stati Membri,

jista’ jiġi mħarrek/imħarrka fi Stat Membru ieħor skond l-Artikoli 3, 4 u 5 biss.”

9

L-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Pussess ta’ Qorti” jipprovdi:

“Qorti għandha tiġi kkunsidrata li hija fil-pussess;

a)

fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti jew dokument ekwivalenti jiġu ppreżentati l-qorti, dement li l-applikant ma naqasx/sitx sussegwentement milli jieħu/tieħu l-passi neċessarji li kienu dovuti li sabiex issir in-notifika fuq il-konvenut;

jew

b)

jekk id-dokument għandu jiġi notifikat qabel ma jiġi ppreżentat il-qorti, waqt iż-żmien li jiġi riċevut mill-awtorità responsabbli għas-servizz, dement li l-applikant ma jonqosx milli jieħu l-passi li kellu jieħu biex id-dokument jiġi ppreżentat il-qorti.”

10

L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament jipprovdi dan li ġej:

“1.   Fejn il-proċedimenti dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg bejn l-istess partijiet jinġiebu quddiem qrati ta’ Stati Membri differenti, it-tieni qorti li tkun ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni proprja żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti li tkun ħadet il-pussess l-ewwel tigi stabbilita.

[…]

3.   Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

F’dak il-każ, il-parti li tkun ġabet il-kawza relevanti quddiem il-qorti li ħadet il-pussess wara, tista’ ġġib dik il-kawza quddiem il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel.”

11

Skont l-Artikolu 21(1) u (4) tal-istess regolament, intitolat “Ir-Rikonoxximent ta’ sentenza”:

“1.   Sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali.

[…]

4.   Fejn ir-rikonoxximent ta’ xi sentenza titressaq bħala kwistjoni nċidentali f’qorti ta’ xi Stat Membru, dik il-qorti tista’ tiddetermina dik il-kwistjoni.”

12

L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Il-Projbizzjoni ta’ reviżjoni ta’ ġurisdizzjoni fil-qrati ta’ l-oriġini” jipprovdi:

“Il-ġurisdizzjoni ta’ l-qorti ta’ l-Istat Membru ta’ l-oriġini ma tistax tiġi riveduta. Il-prova ta’ l-politika pubblika imsemmija fl-Artikoli 22(a) u 23(a) ma tistax ssir fuq ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni imsemmija fl-Artikolu 3 sa 14.”

13

Fil-Kapitolu VI tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “Id-disposizzjonijiet tranżizzjonali”, l-Artikolu 64(1) u (4) tiegħu jipprovdi kif ġej:

“1.   Id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw biss għall-proċedimenti ġudizzjarji stitwiti, għad-dokumenti li ġew formalment miktuba jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi u għall-kuntratti konklużi bejn il-partijiet wara d-data ta’ l-applikazzjoni tagħha skond l-Artikolu 72.

[…]

4.   Is-sentenzi mogħtija qabel id-data ta’ l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament imma wara d-data tad-dħul tas-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1347/2000 fil-proċedimenti stitwiti qabel id-data tad-dħul tas-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1347/2000 għandhom jiġu rikonoxxuti u nfurzati skond id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament kemm-il darba dawn jirrigwardaw id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieg jew ir-responsabbilità tal-ġenituri għall-minuri taż-żewġ konjuġi fl-okkażjoni ta’ dawn il-proċedimenti matrimonjali u dik il-ġurisdizzjoni kienet ibbażata dwar regoli li jaqblu ma’ dawk imsemmija jew fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament jew fil-Regolament (KE) Nru 1347/2000 jew inkella f’konvenzjoni konkluża bejn l-Istat Membru ta’ l-oriġini u l-Istat Membru ndirizzat li kienet fis-seħħ meta l-proċedimenti ġew istitwiti.”

14

Skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 2201/2003, dan daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2004 u għandu japplika mill-1 ta’ Marzu 2005, bl-eċċezzjoni tal-Artikoli 67 sa 70, li mhumiex rilevanti fil-kawża prinċipali.

Il-leġiżlazzjoni Franċiża

15

Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 1070 tal-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili jipprovdi:

“Il-ġurisdizzjoni lokali għandha tiġi ddeterminata b’referenza għall-post tar-residenza fil-jum meta ssir it-talba jew, fil-każ ta’ divorzju, fil-jum meta tiġi mressqa t-talba inizjali.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Fl-1979, L. Hadadi u C. M. Mesko, it-tnejn ta’ ċittadinanza Ungeriża, iżżewġu fl-Ungerija. Huma emigraw lejn Franza fl-1980, fejn, skont id-deċiżjoni tar-rinviju, għadhom jirrisjedu. Fl-1985, huma saru ċittadini Franċiżi, b’tali mod li kull wieħed minnhom għandu ċittadinanza Ungeriża u Franċiża.

17

Fit-23 ta’ Frar 2002, L. Hadadi ressaq talba għad-divorzju quddiem il-qorti ta’ Pest.

18

C. M. Mesko bdiet proċeduri ta’ divorzju quddiem it-tribunal de grande instance de Meaux (Franza) fid-19 ta’ Frar 2003.

19

Fl-4 ta’ Mejju 2004, jiġifieri wara l-adeżjoni tar-Repubblika Ungeriża fl-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum tal-istess xahar, ġie ddikjarat id-divorzju bejn L. Hadadi u C. M. Mesko permezz ta’ sentenza tal-qorti ta’ Pest. Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li din is-sentenza saret definittiva.

20

Permezz ta’ digriet tat-8 ta’ Novembru 2005, il-juge aux affaires familiales (qorti tal-familja) tat-tribunal de grande instance de Meaux iddikjarat inammissibbli t-talba għad-divorzju magħmula quddiemha minn C. M. Mesko.

21

Fit-12 ta’ Ottubru 2006, wara appell ippreżentat minn C. M. Mesko kontra dan id-digriet, il-cour d’appel de Paris (Franza) iddeċidiet li s-sentenza tad-divorzju tal-qorti ta’ Pest ma setgħetx tiġi rikonoxxuta fi Franza. Il-cour d’appel de Paris għalhekk, iddikjarat bħala ammissibbli t-talba għad-divorzju mressqa minn C. M. Mesko.

22

L. Hadadi kkontesta s-sentenza tal-cour d’appell de Paris, billi kkritikaha talli ma rrikonoxxitx il-ġurisdizzjoni tal-qorti Ungeriża abbażi biss tal-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar ir-residenza abitwali tal-konjuġi, mingħajr ma stħarrġet jekk din il-ġurisdizzjoni setgħetx tirriżulta miċ-ċittadinanza Ungeriża taż-żewġ konjuġi, kif stipulat fl-istess Artikolu 3(1)(b).

23

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Cour de cassation iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Għandu l-Artikolu 3(1)(b) [tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003] jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-miżżewġin ikollhom kemm in-nazzjonalità tal-Istat tal-qorti adita u n-nazzjonalità ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, għandha tingħata preċedenza lin-nazzjonalità tal-qorti adita?

2)

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija fin-negattiv, għandu għalhekk dan it-test jiġi interpretat bħala li jistabbilixxi, fil-każ fejn il-miżżewġin it-tnejn li huma jkollhom żewġ nazzjonalitajiet tal-istess żewġ Stati Membri, liema nazzjonalità hija l-iktar effettiva, fost iż-żewġ nazzjonalitajiet preżenti?

3)

Jekk ir-risposta għad-domanda preċedenti hija fin-negattiv, għandu għalhekk jiġi kkunsidrat li dan it-test jagħti lill-miżżewġin għażla addizzjonali, peress li dawn jistgħu jagħżlu quddiem liema mill-qrati taż-żewġ Stati, li tagħhom huma għandhom in-nazzjonalità, iressqu l-kawża?”

Fuq id-domandi preliminari

Osservazzjonijiet preliminari

24

Il-kawża prinċipali toriġina mit-talba għad-divorzju mressqa fi Franza minn C. M. Mesko fid-19 ta’ Frar 2003. Mill-proċess jirriżulta li, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ammissibbiltà ta’ din it-talba, ir-rikonoxximent tas-sentenza tad-divorzju mogħtija mill-qorti ta’ Pest fl-4 ta’ Mejju 2004 hija kwistjoni inċidentali. Skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qrati Franċiżi jistgħu jiddeċiedu dwar din il-kwistjoni. F’dan il-kuntest, il-Cour de cassation għamlet domandi li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) tal-istess regolament.

25

Għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 72 tiegħu, dan ir-regolament daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Awwissu 2004 u beda japplika mill-1 ta’ Marzu 2005.

26

Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 1347/2000 kien applikabbli fl-Ungerija mill-1 ta’ Mejju 2004, skont l-Artikolu 2 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33).

27

Minn dan jirriżulta li s-sentenza tad-divorzju mogħtija mill-qorti ta’ Pest fl-4 ta’ Mejju 2004 ngħatat wara d-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1347/2000 fl-Ungerija, wara proċeduri mibdija qabel din l-aħħar data. Barra minn hekk għandu jiġi rrelevat li din is-sentenza ngħatat qabel l-1 ta’ Marzu 2005, li hi d-data li fiha beda japplika r-Regolament Nru 2201/2003.

28

F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif isostnu l-Gvernijiet Franċiż, Ġermaniż, Pollakk u Slovakk, il-kwistjoni dwar ir-rikonoxximent tal-imsemmija sentenza għandha tiġi evalwata skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 2201/2003 peress li l-bidu tal-proċeduri u l-għoti tas-sentenza kienu jaqgħu fil-perijodu ddefinit f’din id-dispożizzjoni.

29

Skont din id-dispożizzjoni, l-imsemmija sentenza ta’ divorzju konsegwentement għandha tiġi rikonoxxuta skont ir-Regolament Nru 2201/2003, jekk ir-regoli dwar il-ġurisdizzjoni applikati huma konformi ma’ dawk stipulati fil-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament jew fir-regolament Nru 1347/2000, jew bi ftehim fis-seħħ bejn l-Istat Membru tal-oriġini, f’dan il-każ ir-Repubblika tal-Ungerija, u l-Istat Membru mitlub jirrikonoxxi s-sentenza, f’dan il-każ, ir-Repubblika ta’ Franza, fil-perijodu li tressqet il-kawża.

30

Id-dispożizzjonijiet li fuqhom il-qorti ta’ Pest ibbażat il-ġurisdizzjoni tagħha u l-kliem tal-istess dispożizzjonijiet ma jirriżultawx mill-proċess. Madankollu, dan il-fatt għandu jiġi kkunsidrat bħala mingħajr effett fuq il-kawża prinċipali jekk bl-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 setgħet tiġi stabbilita l-ġurisdizzjoni tal-qrati Ungeriżi, huma x’inhuma r-regoli ta’ ġurisdizzjoni effettivament applikati minn dawn tal-aħħar. Għalhekk, essenzjalment, din it-talba għal deċiżjoni preliminari hija intiża sabiex tistabbilixxi jekk, f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, il-qrati Ungeriżi setax kellhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu l-kawża tad-divorzju ta’ L. Hadadi u C. M. Mesko.

31

Finalment, huwa veru li C. M. Mesko ssostni, fin-nota ta’ osservazzjonijiet tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, li hija saret taf bil-kawża tad-divorzju quddiem il-qorti ta’ Pest sitt xhur wara li nbdew minn L. Hadadi. Madankollu, hija ma ssostnix li huwa naqas milli jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-att jiġi nnotifikat, u lanqas li konsegwentement, skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qorti Ungeriża ma kinitx meqjusa adita f’din id-data. Mill-proċess jirriżulta wkoll li C. M. Mesko dehret fil-proċeduri quddiem l-imsemmija qorti. Fuq kollox, b’risposta għal domanda li l-Qorti tal-Ġustizzja għamlet matul is-seduta, il-Gvern Ungeriż iddikjara li, fid-dritt nazzjonali, malli kawża titressaq quddiem qorti, din il-qorti tieħu ħsieb in-notifika tat-talba lill-konvenut. F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa premess li l-qorti ta’ Pest hija meqjusa adita kif suppost skont l-imsemmi artikolu 16.

Fuq l-ewwel domanda

32

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ li l-miżżewġin ikollhom kemm iċ-ċittadinanza tal-Istat tal-qorti adita u ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropea, il-qorti li quddiemha saret il-kawża għandhiex tagħti preċedenza liċ-ċittadinanza tal-Istat Membru li fih hi tinsab.

33

Preliminarjament, għandu jiġi mfakkar li, il-qrati aditi f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, irregolati bid-dispożizzjonijiet tranżitorji ta’ rikonixximent stipulati fl-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, huma mitluba jiddeċiedu dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor. Sitwazzjonijiet bħal dawn huma differenti minn dawk li huma rregolati bid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu III ta’ dan ir-regolament, li jirrigwarda r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi, li għalihom l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament jistipula projbizzjoni ta’ reviżjoni tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-oriġini.

34

Mill-proċess jirriżulta li, fis-sentenza kkontestata fil-kawża prinċipali, il-cour d’appel de Paris ikkunsidrat li l-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ Pest, inkwantu bbażata fuq iċ-ċittadinanza Ungeriża ta’ L. Hadadi, li hija titolu ta’ ġurisdizzjoni mhux rikonoxxut mir-regoli Franċiżi ta’ ġurisdizzjoni internazzjonali, kienet “fil-verità dgħajfa wisq”, filwaqt li l-ġurisdizzjoni tal-qorti tad-domiċilju konjugali, fi Franza, kienet, b’paragun, partikolarment b’saħħitha.

35

Skont il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, l-ewwel domanda preliminari saret minħabba l-fatt li, fil-każ ta’ kunflitt bejn iċ-ċittadinanza Franċiża u ċittadinanza oħra, il-qorti Franċiża adita “ħafna drabi tagħti preċedenza liċ-ċittadinanza interna”.

36

Din it-teżi hija kkonfermata bl-argument li l-konvenuta ssottomettiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża prinċipali, li ssostni li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma fihx dispożizzjonijiet partikolari li jirregolaw il-każijiet ta’ ċittadinanza doppja, b’tali mod li kull Stat Membru japplika d-dritt tiegħu dwar iċ-ċittadinanza f’din it-tip ta’ sitwazzjoni. Mid-duttrina u mill-ġurisprudenza Franċiża jirriżulta li, fil-każ ta’ kunflitt ta’ ċittadinanza, jekk waħda minnhom hija ċ-ċittadinanza interna, hija din li tipprevali.

37

F’dawn iċ-ċirkustanzi, tqum il-kwistjoni dwar jekk, peress li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jsemmix espressament, kif tirrileva C. M. Mesko, il-każ ta’ ċittadinanza doppja tal-istess Stati Membri, l-Artikolu 3(1) tiegħu għandux jiġi interpretat mod jekk iż-żewġ konjuġi għandhom l-istess żewġ ċittadinanzi u mod ieħor jekk għandhom biss ċittadinanza waħda l-istess.

38

Skont ġurisprudenza stabbilita, jirriżulta mir-rekwiżiti kemm tal-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju kif ukoll tal-prinċipju tat-trattament ugwali, li t-termini ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, li ma tinvolvi ebda riferiment espress għal-liġi tal-Istati Membri sabiex jiġu ddeterminati t-tifsira u l-portata tagħha, għandu normalment ikollhom interpretazzjoni awtonoma u uniformi fil-Komunità Ewropea kollha, fid-dawl tal-kuntest tad-dispożizzjoni u l-għan imfittex mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, fir-rigward tar-Regolament Nru 2201/2003, is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, A, C-523/07, Ġabra p. I-2805, punt 34).

39

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma fih l-ebda riferiment espress għal-liġi tal-Istati Membri sabiex tiġi ddeterminata l-portata eżatta tar-rekwiżit dwar iċ-“ċittadinanza”.

40

Barra minn hekk, ma jidhirx li r-Regolament Nru 2201/2003 jistabilixxi, tallinqas bħala regola, distinzjoni dwar jekk persuna għandhiex ċittadinanza waħda jew, jekk ikun il-każ, iktar minn waħda.

41

Għalhekk, fil-każ ta’ ċittadinanza doppja tal-istess Stat Membru, il-qorti adita ma tistax tinjora l-fatt li l-persuni kkonċernati għandhom iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor, b’tali mod li l-persuni li għandhom ċittadinanza doppja tal-istess Stat Membru jiġu ttrattati bħallikieku kellhom biss iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-qorti adita. Dan fil-fatt ikollu l-konsegwenza li jipprojbixxi lil dawn il-persuni, skont ir-regola tranżitorja ta’ rikonoxximent stipulata fl-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, milli jinvokaw l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan ir-regolament quddiem qorti tal-Istat Membru mitlub jirrikonoxxi sentenza, sabiex jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru ieħor, minkejja li jkollhom iċ-ċittadinanza ta’ dan l-aħħar Stat.

42

Min-naħa l-oħra, skont l-imsemmi Artikolu 64(4), meta l-konjuġi jkollhom kemm iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru li fih tinsab il-qorti adita u dik tal-istess Stat Membru ieħor, l-imsemmija qorti għandha tikkunsidra l-fatt li l-qrati ta’ dan l-Istat Membru ieħor setgħu, minħabba l-fatt li l-persuni kkonċernati għandhom iċ-ċittadinanza ta’ dan l-aħħar Stat, ikunu aditi skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003.

43

Għalhekk, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li, qorti ta’ Stat Membru mitlub jirrikonoxxi sentenza għandha tivverifika, skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, jekk il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ta’ sentenza kellhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, peress li din l-aħħar dispożizzjoni tipprekludi lill-qorti tal-Istat Membru mitlub jirrikonoxxi sentenza milli tikkunsidra lill-konjuġi li t-tnejn għandhom iċ-ċittadinanzi kemm ta’ dan l-Istat kif ukoll tal-Istat Membru tal-oriġini bħala ċittadini tal-Istat Membru li ntalab jirrikonoxxi sentenza biss. Għall-kuntrarju, din il-qorti għandha tikkunsidra l-fatt li l-konjuġi għandhom ukoll iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-oriġini u li, għalhekk, il-qrati ta’ dan tal-aħħar jista’ jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu l-kawża.

Fuq it-tieni u t-tielet domandi

44

Permezz tat-tieni u t-tielet domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li, sabiex tiġi stabbilita liema qorti għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq id-divorzju ta’ persuni li għandhom l-istess ċittadinanza doppja, għandha tiġi kkunsidrata biss iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru li miegħu dawn il-persuni għandhom l-iktar rabtiet mill-qrib — iċ-ċittadinanza “l-iktar effettiva” —, b’tali mod li l-qrati ta’ dan l-Istat biss għandhom ġurisdizzjoni abbażi taċ-ċittadinanza (it-tieni domanda) jew jekk, min-naħa l-oħra, għandhomx jiġu kkunsidrati ż-żewġ ċittadinanzi, b’tali mod li l-qrati taż-żewġ Stati Membri jista’ jkollhom ġurisdizzjoni b’dan il-mod, bil-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jagħżlu l-qorti tal-Istat Membru li quddiemha għandha tinstema’ l-kawża (it-tielet domanda).

45

C. M. Mesko u l-Gvern Pollakk isostnu li, fil-każ ta’ ċittadinanza doppja tal-istess Stat Membru tal-konjuġi, għandha tiġi kkunsidrata ċ-ċittadinanza l-iktar effettiva. F’dan ir-rigward, C. M. Mesko, filwaqt li tistrieħ fuq diversi fatturi, b’mod partikolari fuq il-fatt li hija stess u L. Hadadi ilhom jirrisjedu fi Franza mill-1980, tqis li, fil-kawża prinċipali, iċ-ċittadinanza Franċiża hija l-iktar waħda effettiva. Hija tenfasizza li jekk iż-żewġ ċittadinanzi jingħataw trattament ugwali, dan se jwassal għal “tellieqa bejn min jippreżenta l-kawża l-ewwel”, filwaqt li jħajjar b’mod abbużiv sabiex wieħed mill-konjuġi jgħaġġel jippreżenta kawża quddiem il-qrati ta’ Stat Membru wieħed sabiex jevita li l-konjuġi l-ieħor jippreżenta kawża quddiem il-qrati ta’ Stat Membru ieħor. Il-Gvern Pollakk iqis li l-għażla tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni ma għandhiex titħalla f’idejn il-partijiet, għaliex tali soluzzjoni tagħti privileġġ eċċessiv lill-persuni li għandhom ċittadinanza doppja tal-istess Stat Membru u tagħtihom il-possibbiltà li jagħżlu de facto l-qorti li għandha ġurisdizzjoni, minkejja li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jagħtix l-istess għażla lill-persuni l-oħra. Barra minn hekk, skont dan il-gvern, il-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ Stat Membru li fih il-konjuġi jkunu ilhom ma joqogħdu għal żmien twil tnaqqas l-effettività u s-sens ta’ ġustizzja tas-sentenzi tal-qrati u twassal għal ċerti abbużi, bħal dak tal-“forum shopping”.

46

Min-naħa l-oħra, skont L. Hadadi, il-Gvernijiet Franċiżi, Ċek, Ġermaniż, Ungeriż, Slovakk u Finlandiż kif ukoll il-Kummissjoni, fil-każ ta’ ċittadinanza doppja tal-istess Stat Membru, kull konjuġi għandu d-dritt, skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 li jiftaħ kawża ta’ divorzju quddiem il-qorti ta’ wieħed mill-Istati Membri li tiegħu l-konjuġi għandhom iċ-ċittadinanza.

47

F’dan ir-rigward, l-ewwel nett għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-ewwel premessa tiegħu, ir-Regolament Nru 2201/2003 jikkontribwixxi sabiex tinħoloq żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja li fiha huwa żgurat l-moviment liberu tal-persuni. Għal dan il-għan, fil-Kapitoli II u III, dan ir-regolament jistabbilixxi b’mod partikolari regoli li jirregolaw il-ġurisdizzjoni kif ukoll ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fir-rigward tax-xoljiment tar-rabta matrimonjali.

48

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 3(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprovdi diversi titoli ta’ ġurisdizzjoni, li bejniethom ma hemm l-ebda ġerarkija. Il-kriterji oġġettivi msemmija f’dan l-Artikolu 3(1) huma kollha alternattivi. Fid-dawl tal-għan ta’ dan ir-regolament intiż sabiex jiggarantixxi ċ-ċertezza legali, l-Artikolu 6 ta’ dan jipprovdi, essenzjalment, li l-ġurisdizzjoni ddefinita fl-Artikoli 3 sa 5 tal-istess regolament hija esklużiva.

49

Minn dan jirriżulta li s-sistema tat-tqassim tal-ġurisdizzjoni stabbilita bir-Regolament Nru 2201/2003 dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali mhijiex intiża sabiex teskludi diversi qrati. Għall-kuntrarju, il-koeżistenza ta’ diversi qrati li għandhom ġurisdizzjoni, mingħajr ġerarkija bejniethom, hija espressament stipulata.

50

F’dan ir-rigward, minkejja li l-kriterji elenkati fl-Artikolu 3(1)(a) ta’ dan ir-regolament huma bbażati f’diversi modi fuq ir-residenza abitwali tal-konjuġi, il-kriterju stabbilit fl-Artikolu 3(1)(b) huwa dak “dwar in-nazzjonalità taż-żewg konjuġi jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, dwar ‘id-domiċilju’ taz-żewġ konjuġi.” Għalhekk, ħlief fil-każ ta’ dawn l-aħħar żewġ Stati Membri, il-qrati tal-Istati Membri l-oħra li tagħhom il-konjuġi għandhom iċ-ċittadinanza, għandhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu kawżi dwar ix-xoljiment tar-rabta matrimonjali.

51

Madankollu, il-kliem tal-imsemmi Artikolu 3(1)(b) bl-ebda mod ma jissuġġerixxi li hija biss iċ-ċittadinanza “effettiva” li tista’ tiġi kkunsidrata sabiex tiġi implementata din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, din, peress li tagħmel iċ-ċittadinanza kriterju ta’ ġurisdizzjoni, tiffavorixxxi element ta’ rabta uniformi u faċilment applikabbli. Hija ma tipprovdi l-ebda kriterju ieħor relatat maċ-ċittadinanza, bħal, b’mod partikolari, l-effettività ta’ din tal-aħħar.

52

Barra minn hekk, interpretazzjoni li hija biss ċittadinanza “effettiva” li tista’ tiġi kkunsidrata għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tar-Regolament nru 2201/2003 mhijiex ibbażata fuq l-għanijiet ta’ din id-dispożizzjoni jew fuq il-kuntest li fih tinsab.

53

Fil-fatt, minn naħa waħda, tali interpretazzjoni jkollha bħala effett li tillimita l-għażla tal-persuni tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, b’mod partikolari fil-każ tal-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu tal-persuni.

54

B’mod partikolari, peress li r-residenza abitwali hija kunsiderazzjoni essenzjali sabiex tiġi stabbilita ċ-ċittadinanza l-iktar effettiva, it-titoli ta’ ġurisdizzjoni stipulati fl-Artikolu 3(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 2201/2003 spiss jikkoinċidu. Fil-fatt, dan iwassal sabiex jiġi stabbilit, fir-rigward ta’ persuni li għandhom diversi ċittadinanzi, ġerarkija ta’ titoli ta’ ġurisdizzjoni skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmi paragrafu 1, liema ġerarkija ma tirriżultax mill-kliem ta’ dan il-paragrafu. Min-naħa l-oħra, koppja li għandha biss iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru wieħed tista’ xorta tmur quddiem il-qrati ta’ dan l-Istat Membru, minkejja li r-residenza abitwali tagħha ma kinitx għadha f’dan l-Istat Membru għal diversi snin u minkejja li kien hemm biss ftit elementi ta’ rabta vera ma’ dan l-Istat Membru.

55

Min-naħa l-oħra, minħabba n-natura ftit preċiża tal-kunċett ta’ “ċittadinanza effettiva”, ikollhom jiġu kkunsidrati numru ta’ ċirkustanzi fattwali, li mhux dejjem iwasslu għal riżultat ċar. Minn dan jirriżulta li l-ħtieġa ta’ stħarriġ tal-elementi ta’ rabta bejn il-konjuġi u ċ-ċittadinanzi rispettivi tagħhom jagħmel iktar diffiċli l-verifika tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni, u b’hekk tmur kontra l-għan intiż li jiffaċilità l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 bl-użu ta’ kriterju ta’ rabta sempliċi u uniformi.

56

Huwa veru li, skont l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qrati ta’ diversi Stati Membri jista’ jkollhom ġurisdizzjoni meta l-persuni kkonċernati jkollhom diversi ċittadinanzi. Madankollu, kif il-Kummissjoni u l-Gvernijiet Franċiż, Ungeriż u Slovakk irrilevaw, fil-każ li jkun hemm qrati ta’ diversi Stati Membri aditi skont din id-dispożizzjoni, il-kunflitt tal-ġurisdizzjoni jista’ jiġi solvut bl-implementazzjoni tar-regola stipulata fl-Artikolu 19(1) tal-istess regolament.

57

Fl-aħħar nett, għandu jiġi ammess li r-Regolament Nru 2201/2003, inkwantu jirregola biss il-ġurisdizzjoni tal-qrati, iżda ma jistipula l-ebda regola fil-każ ta’ kunflitti tal-liġijiet, ċertament jista’, kif C. M. Mesko ssostni, jinkoraġġixxi lill-konjuġi jgħaġġlu jiftħu kawża quddiem waħda mill-qrati li jkollha ġurisdizzjoni biex jiżguraw irwieħhom mill-vantaġġi tad-dritt sostantiv dwar id-divorzju li jkun applikabbli skont id-dritt privat internazzjonali ta’ dak il-pajjiż. Madankollu, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet ta’ C. M. Mesko, tali ċirkustanza ma għandhiex, fiha nnifisha, ikollha l-konsegwenza li jiġi kkunsidrat bħala abbużiv il-fatt li qorti jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1) tal-istess regolament. Fil-fatt, mill-punt 49 sa 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li l-ġurisdizzjoni ta’ qrati ta’ Stat Membru li tiegħu ż-żewġ konjuġi għandhom iċ-ċittadinanza, anke fin-nuqqas ta’ kwalunkwe rabta ma’ dan l-Istat Membru, mhijiex kontra l-għanijiet segwiti mill-imsemmija dispożizzjoni.

58

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għat-tieni u t-tielet domandi għandha tkun li, meta kull wieħed mill-konjuġi għandu ċittadinanza tal-istess żewġ Stati Membri, l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprekludi li l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri tiġi eskluża minħabba l-fatt li l-attur ma jurix elementi ta’ rabta oħra ma’ dan l-Istat. Min-naħa l-oħra, il-qrati tal-Istati Membri li tagħhom il-konjuġi għandhom iċ-ċittadinanza għandhom ġurisdizzjoni skont din id-dispożizzjoni, u dawn jistgħu jagħżlu l-qorti tal-Istat Membru li quddiemha ser tinstema’ l-kawża.

Fuq l-ispejjeż

59

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Meta l-qorti ta’ Stat Membru mitlub jirrikonoxxi sentenza għandha tivverifika, skont l-Artikolu 64(4) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, jekk il-qorti tal-Istat Membru tal-oriġini ta’ sentenza kellhiex ġurisdizzjoni skont l-Artikolu 3(1)(b) ta’ dan l-istess regolament, din l-aħħar dispożizzjoni tipprekludi lill-qorti tal-Istat Membru mitlub jirrikonoxxi sentenza milli tikkunsidra lill-konjuġi li għandhom iż-żewġ ċittadinanzi kemm ta’ dan l-Istat kif ukoll tal-Istat Membru tal-oriġini bħala ċittadini tal-Istat Membru li ntalab jirrikonoxxi sentenza biss. Din il-qorti għandha, għall-kuntrarju, tikkunsidra l-fatt li l-konjuġi għandhom ukoll iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru tal-oriġini u li, għalhekk, il-qrati ta’ dan tal-aħħar jista’ jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedu l-kawża.

 

2)

Meta kull wieħed mill-konjuġi għandu ċittadinanza tal-istess żewġ Stati Membri, l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprekludi li l-ġurisdizzjoni tal-qrati ta’ wieħed minn dawn l-Istati Membri tiġi eskluża minħabba l-fatt li l-attur ma jurix elementi ta’ rabta oħra ma’ dan l-Istat. Min-naħa l-oħra, il-qrati tal-Istati Membri li tagħhom il-konjuġi għandhom iċ-ċittadinanza għandhom ġurisdizzjoni skont din id-dispożizzjoni, u dawn jistgħu jagħżlu l-qorti tal-Istat Membru li quddiemha ser tinstema’ l-kawża.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq