EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016L2102

L-Aċċessibiltà tas-siti elettroniċi u tal-apps mobbli tas-settur pubbliku

L-Aċċessibiltà tas-siti elettroniċi u tal-apps mobbli tas-settur pubbliku

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva (UE) 2016/2102 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din timmira li tagħmel is-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tas-settur pubbliku iktar aċċessibbli, u li tarmonizza l-istandards li jvarjaw ġewwa l-Unjoni Ewropea (UE), b’hekk tnaqqas il-barrieri għall-iżviluppaturi ta’ prodotti u servizzi relatati mal-aċċessibilità.
  • Dan jippermetti liċ-ċittadini tal-UE, partikolarment dawk b’diżabilità, ikollhom aċċess iktar faċli għas-servizzi pubbliċi.

PUNTI EWLENIN

Stati Membri tal-UE għandhom jiżguraw li s-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli ta’ korpi tas-settur pubbliku jkunu “iktar aċċessibbli”, partikolarment għal nies b’diżabilitajiet, billi jagħmluhom “perċepibbli, operabbli, jinftiehmu u robusti”. L-istandard tal-aċċessibiltà hija stabbilita fl-istandard Ewropew armonizzat EN 301 549 v3.2.1 (2021-03). Il-partijiet ta’ dan l-istandard li huma relevanti għal din id-direttiva huma elenkati f’Anness A ta’ dan l-istandard.

Korpi tas-settur pubbliku għandhom jipprovdu regolarment dikjarazzjoni dettaljata, komprensiva u ċara dwar l-aċċessbbilità dwar kif is-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tagħhom jikkonformaw ma’ din id-direttiva, inklużi:

  • spjegazzjoni għal kwalunkwe elementi inaċċessibbli, u informazzjoni dwar alternattivi aċċessibbli;
  • deskrizzjoni dwar kif utent jista’ jirrapporta kwalunkwe falliment biex jikkonforma ma’ din id-direttiva, u biex jitlob informazzjoni eskluża mill-iskop ta’ din id-direttiva;
  • rabta ma’ mekkaniżmu ta’ lment li jista’ jintuża’ jekk ir-risposta ma tkunx adegwata.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1523, att ta’ implimentazzjoni adottat mill-Kummissjoni Ewropea, jistabbilixxi mudell ta’ dikjarazzjoni dwar l-aċċessibilità.

L-Istati Membri għandhom ukoll:

  • jiffaċilitaw l-applikazzjoni tar-rekwiżiti ta’ aċċessibilità għal tipi oħra ta’ siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli koperti mil-liġijiet nazzjonali eżistenti;
  • jiffaċilitaw programmi ta’ taħriġ dwar l-aċċessibbiltà ta’ siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli;
  • iżidu l-għarfien dwar ir-rekwiżiti t’aċċessibilità;
  • jaqsmu l-aħjar prattika, iffaċilitata mill-Kummissjoni;
  • jiżguraw id-disponibbiltà ta’ proċedura effettiva ta’ infurzar.

L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jippromulgaw leġiżlazzjoni li tmur lil hinn mir-rekwiżiti minimi ta’ din id-direttiva.

Esklużjonijiet

Din id-direttiva ma tapplikax għal xandara tas-servizz pubbliku jew għal organizzazzjonijiet mhux governattivi li ma jipprovdux servizzi li huma essenzjali għall-pubbliku jew speċifikament għal persuni b’diżabilità. Barra minn hekk, ma tapplikax għall-elementi ta’ kontenut li ġejjin:

  • formati tal-fajls tal-office ippubblikati qabel it-23 ta’ Settembru 2018, sakemm ma jkunux meħtieġa għal proċessi amministrattivi mill-korp tas-settur pubbliku konċernat;
  • awdjo jew vidjow ippubblikati qabel it-23 ta’ Settembru 2020;
  • awdjo jew vidjow live;
  • immappjar onlajn, sakemm l-informazzjoni tan-navigazzjoni essenzjali tkun ipprovduta b’mod aċċessibbli;
  • kontenut ta’ parti terza mhux taħt il-kontroll tal-korp tas-settur pubbliku konċernat;
  • riproduzzjonijiet ta’ oġġetti jew manuskritti ta’ patrimonju f’ċerti ċirkostanzi;
  • kontenut ta’ extranet u intranet maħsub għal grupp magħluq ta’ nies, ippubblikat qabel it-23 ta’ Settembru 2019, sakemm ikollu aġġornament maġġuri;
  • Kontenut ta’ siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli mhux aġġornati jew editjati wara t-23 ta’ Settembru 2019 (arkivji), jekk il-kontenut tagħhom mhuwiex meħtieġ għal proċessi amministrattivi.

L-Istati Membri jistgħu jeskludu s-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli tal-iskejjel, tal-kindergartens jew tal-iskejjel preprimarji, ħlief għall-kontenut relatat mal-funzjonijiet amministrattivi onlajn essenzjali.

Monitoraġġ

L-Istati Membri għandhom josservaw il-konformità billi jużaw il-metodoloġija adottata mill-Kummissjoni fil-11 ta’ Ottubru 2018. Il-metodoloġija stabbilita mid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1524, tinkludi:

  • il-perjodiċità tal-monitoraġġ u l-arranġamenti tal-kampjunar tas-sit elettroniku u tal-applikazzjoni mobbli;
  • il-kampjunar ta’ paġni web, tal-kontenut fuq dawk il-paġni u tal-kontenut tal-applikazzjoniet mobbli;
  • deskrizzjoni tal-mod kif tiddetermina l-konformità;
  • fejn jinstabu nuqqasijiet, mekkaniżmu biex jgħin lill-korpi tas-settur pubbliku jikkoreġuhom; u
  • arranġamenti għal testijiet awtomatiċi, manwali u t’użabilità.

Rapportar

Sat-23 ta’ Diċembru 2021, u kull 3 snin wara, l-Istati Membri sejrin jippubblikaw u jissottomettu lill-Kummissjoni rapport li jippreżenta r-riżultati tal-monitoraġġ u informazzjoni dwar l-użu tal-proċedura t’infurzar. L-ewwel rapport sejjer ikopri wkoll:

  • arranġamenti ta’ konsultazzjoni mal-partijiet interessati (organizzazzjonijiet ta’ persuni b’diżabilità u ta’ anzjani, imsieħba soċjali, industrija u oħrajn) dwar l-aċċessibilità ta’ siti elettroniċi u applikazzjonijiet mobbli;
  • proċeduri biex jippubbliċizzaw żviluppi fil-politika ta’ aċċessibilità;
  • esperjenzi u sejbiet mill-implimentazzjoni tad-direttiva; u
  • informazzjoni dwar taħriġ u attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni.

Il-kontenut tar-rapporti kollha ser ikun magħmul pubbliku f’format aċċessibbli. L-applikazzjoni tad-direttiva sejra tiġi riveduta mill-Kummissjoni qabel it-23 ta’ Ġunju 2022.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Ilha tapplika mit-22 ta’ Diċembru 2016 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sat-23 ta’ Settembru 2018. L-Istati Membri kellhom japplikaw dawn il-miżuri kif ġej:

  • mit-23 ta’ Settembru 2019 għal siti elettroniċi ppubblikati wara t-22 ta’ Settembru 2018;
  • mit-23 ta’ Settembru 2020 għas-siti elettroniċi l-oħra kollha tal-korpi tas-settur pubbliku;
  • mit-23 ta’ Ġunju 2021 għall-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Id-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 327, 2.12.2016, pp. 1–15)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1339 tal-11 ta’ Awwissu 2021 lli temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/2048 fir-rigward tal-istandard armonizzat għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli (ĠU L 289, 12.08.2021, pp. 53–55)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/2048 tal-20 ta’ Diċembru 2018 dwar l-istandard armonizzat għas-siti elettroniċi u l-applikazzjonijiet mobbli abbozzata b’appoġġ għad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠI L 327, 21.12.2018, pp. 84–86)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni (UE) 2018/2048 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1523 tal-11 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi mudell tad-dikjarazzjoni tal-aċċessibbiltà b’konformità mad-Direttiva-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 256, 12.10.2018, pp. 103–107)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1524 tal-11 ta’ Ottubru 2018 li tistabbilixxi metodoloġija ta’ monitoraġġ u l-arranġamenti għar-rappurtar mill-Istati Membri b’konformità mad-Direttiva (UE) 2016/2102 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi u tal-applikazzjonijiet mobbli tal-korpi tas-settur pubbliku (ĠU L 256, 12.10.2018, pp. 108–116)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 27.10.2021

Fuq