EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0354

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tad-9 ta’ Marzu 2023.
R.J.R. vs Registrų centras VI.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 1(2)(l) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 68 – Kontenut taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Artikolu 69(5) – Effetti taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Proprjetà immobbli tas-suċċessjoni li tinstab fi Stat Membru li ma huwiex dak tas-suċċessjoni – Reġistrazzjoni ta’ din il-proprjetà immobbli fir-Reġistru tal-Artijiet ta’ dan l-Istat Membru – Rekwiżiti legali relatati ma din ir-reġistrazzjoni previsti mid-dritt tal-imsemmi Stat Membru – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1329/2014 – Natura obbligatorja tal-Formola V li tinstab fl-Anness 5 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni.
Kawża C-354/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:184

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Marzu 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Regolament (UE) Nru 650/2012 – Artikolu 1(2)(l) – Kamp ta’ applikazzjoni – Artikolu 68 – Kontenut taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Artikolu 69(5) – Effetti taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni – Proprjetà immobbli tas-suċċessjoni li tinstab fi Stat Membru li ma huwiex dak tas-suċċessjoni – Reġistrazzjoni ta’ din il-proprjetà immobbli fir-Reġistru tal-Artijiet ta’ dan l-Istat Membru – Rekwiżiti legali relatati ma din ir-reġistrazzjoni previsti mid-dritt tal-imsemmi Stat Membru – Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1329/2014 – Natura obbligatorja tal-Formola V li tinstab fl-Anness 5 ta’ dan ir-regolament ta’ implimentazzjoni”

Fil-Kawża C‑354/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari abbażi tal-Artikolu 267 TFUE, imressqa mil-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Ġunju 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑4 ta’ Ġunju 2021, fil-proċedura

R. J. R.

vs

Registrų centras VĮ,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

Komposta minn E. Regan, President tal-Awla, D. Gratsias, M. Ilešič (Relatur), I. Jarukaitis u Z. Csehi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: M. Siekierzyńska, Amministratriċi,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑4 ta’ Mejju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Gvern Litwan, minn K. Dieninis u V. Kazlauskaitė-Švenčionienė, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller, U. Bartl, M. Hellmann, R. Kanitz, P.‑L. Krüger u U. Kühne, bħala aġenti,

għall-Gvern Spanjol, minn I. Herranz Elizalde, bħala aġent,

għall-Gvern Franċiż, minn A. Daniel u A.‑C. Drouant, bħala aġenti,

għall-Gvern Ungeriż, minn Z. Biró-Tóth u M. Z. Fehér, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. L. Kalėda u W. Wils, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali ppreżentati matul is-seduta tal‑14 ta’ Lulju 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(l), u tal-Artikolu 69(5) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn R. J. R. u r-Registrų centras VĮ (iċ-Ċentru tar-Reġistri, il-Litwanja) fir-rigward tar-reġistrazzjoni, f’reġistru tal-artijiet, ta’ dritt għall-proprjetà fuq proprjetà immobbli tas-suċċessjoni li tinstab fil-Litwanja li tagħha R. J. R. hija l-eredi.

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament Nru 650/2012

3

Il-premessi 7, 8, 18, 67 u 71 tar-Regolament Nru 650/2012 jistipulaw:

“(7)

Hemm lok li jiġi ffaċilitat it-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi jitneħħew l-ostakoli għall-moviment liberu ta’ persuni li llum il-ġurnata jiġu affaċċjati b’diffikultajiet biex jimplimentaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali. Fiż-żona Ewropea tal-ġustizzja, iċ-ċittadini għandhom ikunu fil-pożizzjoni li jorganizzaw is-suċċessjoni tagħhom bil-quddiem. Id-drittijiet tal-werrieta u l-legatarji, tal-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll tal-kredituri tas-suċċessjoni għandhom ikunu garantiti b’mod effettiv.

(8)

Sabiex jintlaħqu dawk l-għanijiet, dan ir-Regolament għandu jiġbor flimkien id-dispożizzjonijiet dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent, jew, skont il-każ, l-aċċettazzjoni, l-infurzabbiltà u l-infurzar tad-deċiżjonijiet, strumenti awtentiċi u tranżazzjonijiet ġudizzjarji u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni.

[…]

(18)

Ir-rekwiżiti għar-reġistrazzjoni f’reġistru ta’ dritt fi proprjetà immobbli jew mobbli għandhom jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Għalhekk għandha tkun il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru (għal proprjetà immobbli, il-lex rei sitaelex rei sitae) li tiddetermina taħt liema kondizzjonijiet legali u kif għandha ssir ir-reġistrazzjoni u liema awtoritajiet, bħal reġistri tal-artijiet jew in-nutara, huma responsabbli li jivverifikaw li jiġu sodisfatti r-rekwiżiti kollha u li d-dokumentazzjoni ppreżentata jew stabbilita tkun biżżejjed jew li jkun fiha l-informazzjoni neċessarja. B’mod partikolari, l-awtoritajiet jistgħu jikkontrollaw li d-dritt tad-deċedut għall-proprjetà tas-suċċessjoni msemmija fid-dokument ippreżentat għar-reġistrazzjoni huwa dritt li huwa rreġistrat bħala tali fir-reġistru jew li huwa muri mod ieħor skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru. Sabiex ma jiġux irduppjati dokumenti, l-awtoritajiet tar-reġistrazzjoni għandhom jaċċettaw tali dokumenti mfasslin fi Stat Membru ieħor mill-awtoritajiet kompetenti li ċ-ċirkolazzjoni tagħhom hija pprovduta f’dan ir-Regolament. B’mod partikolari, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni maħruġ skont dan ir-Regolament għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrar ta’ proprjetà ta’ suċċessjoni f’reġistru ta’ Stat Membru. Dan ma għandux jipprekludi l-awtoritajiet involuti fir-reġistrazzjoni milli jitolbu lill-persuna li tkun qed tapplika għar-reġistrazzjoni biex tipprovdi tali informazzjoni addizzjonali jew tippreżenta tali dokumenti addizzjonali kif meħtieġ skont il-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru, bħala eżempju, informazzjoni jew dokumenti relatati mal-ħlas ta’ dħul. L-awtorità kompetenti tista’ tindika lill-persuna li tkun qed tapplika għar-reġistrazzjoni kif tista’ tiġi pprovduta l-informazzjoni jew id-dokumenti nieqsa.

[…]

(67)

Sabiex suċċessjoni b’implikazzjonijiet transkonfinali fl-Unjoni tiġi riżolta b’mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv, il-werrieta, il-legatarji, l-eżekuturi testamentarji jew l-amministraturi tal-patrimonju għandhom ikunu jistgħu juru faċilment l-istatus u/jew drittijiet u setgħat tagħhom fi Stat Membru ieħor, bħala eżempju, fi Stat Membru li fih tinsab il-proprjetà tas-suċċessjoni. Biex huma jkunu jistgħu jagħmlu dan, dan ir-Regolament għandu jipprevedi l-ħolqien ta’ ċertifikat uniformi, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (minn hawn ’il quddiem “iċ-Ċertifikat”) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor. Sabiex jitħares il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post ta’ dokumenti interni li jistgħu jeżistu għal finijiet simili fl-Istati Membri.

[…]

(71)

ċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-istess effetti fl-Istati Membri kollha. Ma għandux ikun titolu ta’ infurzar fih innifsu iżda għandu jkollu effett evidenzjarju [saħħa probatorja] u għandu jkun preżunt li juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi, bħal ma hija l-validità sostantiva ta’ trasferiment causa mortis. L-effett evidenzjarju taċ-Ċertifikat ma għandux jestendi għal elementi li mhumiex irregolati minn dan ir-Regolament, bħal pereżempju kwistjonijiet tal-affiljazzjoni jew il-kwistjoni dwar jekk assi partikolari kienx tad-deċedut jew le. […]”

4

L-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.   Dan ir-Regolament għandu japplika għas-suċċessjoni għall-patrimonji tad-deċeduti. Ma japplikax għall-materji fiskali, doganali u amministrattivi.

2.   Dawn li ġejjin huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament:

[…]

k)

in-natura tad-drittijiet in rem; u

l)

kwalunkwe reġistrar f’reġistru ta’ drittijiet fuq proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta’ reġistrar jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru.”

5

Il-Kapitolu VI tal-imsemmi regolament, intitolat “Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”, jinkludi l-Artikoli 62 sa 73 tiegħu.

6

Skont kliem l-Artikolu 62 tal-istess regolament, intitolat “Ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni”:

“1.   Dan ir-Regolament joħloq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (minn hawn ’il quddiem ‘iċ-Ċertifikat’) li għandu jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor u għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69.

2.   L-użu taċ-Ċertifikat ma għandux ikun mandatorju.

3.   Iċ-Ċertifikat ma għandux jieħu l-post tad-dokumenti interni li jintużaw għal finijiet simili fl-Istati Membri. Madankollu, ladarba jinħareġ għall-użu fi Stat Membru ieħor, iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti elenkati fl-Artikolu 69 fl-Istat Membru li l-awtoritajiet tiegħu jkunu ħarġuh f’konformità ma’ dan il-Kapitolu.”

7

L-Artikolu 63 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Fini taċ-Ċertifikat”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   Iċ-Ċertifikat hu għall-użu minn werrieta […] li, fi Stat Membru ieħor, jkunu jeħtieġu jinvokaw l-istatus tagħhom jew li jeżerċitaw rispettivament id-drittijiet tagħhom bħala werrieta […]

2.   Iċ-Ċertifikat jista’ jintuża, b’mod partikolari, biex jiġi muri wieħed jew iżjed minn dawn li ġejjin:

a)

l-istatus u/jew id-drittijiet ta’ kull werriet, jew skont il-każ, ta’ kull legatarju msemmi fiċ-Ċertifikat u s-sehem rispettiv tagħhom tal-patrimonju;

b)

l-attribuzzjoni ta’ ass speċifiku jew assi speċifiċi li jagħmlu parti mill-patrimonju għall-werriet(a), jew skont il-każ, għal-legatarju/i msemmi(ja) fiċ-Ċertifikat;

[…]”.

8

L-Artikolu 67 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Ħruġ taċ-Ċertifikat”, jistipula, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtorità emittenti għandha toħroġ iċ-Ċertifikat mingħajr dewmien f’konformità mal-proċedura stabbilita f’dan il-Kapitolu meta l-elementi li għandhom jiġu ċċertifikati jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Hija għandha tuża l-formola stabbilita skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 81(2)”

9

L-Artikolu 68 tal-istess regolament, intitolat “Kontenut taċ-ċertifikat”, jipprovdi:

“Iċ-Ċertifikat għandu jkun fih l-informazzjoni li ġejja sa fejn meħtieġ għall-fini li għalih jinħareġ:

[…]

l)

is-sehem ta’ kull eredi u, jekk applikabbli, il-lista ta’ drittijiet u/jew assi għal kwalunkwe werriet partikolari;

[…]”.

10

L-Artikolu 69 tar-Regolament Nru 650/2012, intitolat “Effetti taċ-ċertifikat”, jipprevedi:

“1.   Iċ-Ċertifikat għandu jipproduċi l-effetti tiegħu fl-Istati Membri kollha mingħajr il-ħtiega ta’ xi proċedura speċjali.

2.   Għandu jkun preżunt li ċ-Ċertifikat juri b’mod preċiż elementi li jkunu ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Il-persuna msemmija fiċ-Ċertifikat bħala l-werrieta, […] għandha titqies li għandha l-istatus imsemmi fiċ-Ċertifikat u/jew li għandha d-drittijiet jew is-setgħat imsemmijin fiċ-Ċertifikat bl-ebda kondizzjoni u/jew restrizzjoni marbuta ma’ dawk id-drittijiet jew setgħat ħlief minn dawk iddikjarati fiċ-Ċertifikat.

[…]

5.   Iċ-Ċertifikat għandu jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-punti (k) u (l) tal-Artikolu 1(2).”

Ir‑Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 1329/2014

11

L-Artikolu 1(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1329/2014 tad‑9 ta’ Diċembru 2014 li jistabbilixxi l-Formoli msemmija fir-Regolament (UE) Nru 650/2012 (ĠU 2014, L 359, p. 30, rettifika fil-ĠU 2016, L 9, p. 14), jistipula:

“Il-formola li trid tintuża għaċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni msemmi fl-Artikolu 67(1) tar-Regolament [Nru 650/2012], tkun kif stabbilit fl-Anness 5 bħala l-Formola V.”

12

Din il-Formola V, li tinstab fl-Anness 5 ta’ dan ir-regolament ta’ Implimentazzjoni, tindika l-annessi li jistgħu jiġu inklużi fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni. Fost dawn l-annessi hemm l-Anness IV, intitolat “Status u drittijiet tal-werriet(a)”.

13

Il-punt 9 ta’ dan l-Anness IV jinkludi l-indikazzjoni “Ass(i) attribwit(i) lill-werriet u li ntalbet ċertifikazzjoni għalih(om) (jekk jogħġbok speċifika l-ass(i) u indika d-dettalji ta’ identifikazzjoni rilevanti kollha)”.

Id‑dritt Litwan

14

Il-Lietuvos Respublikos nekilnojamojo turto registro įstatymas Nr. I‑1539 (il-Liġi tar-Repubblika tal-Litwanja Nru I‑1539, dwar ir-Reġistru tal-Artijiet), tal‑24 ta’ Settembru 1996 (Žin., 1996, Nru 100-2261), kif emendata bil-Liġi Nru XII‑1833, tat‑23 ta’ Ġunju 2015 (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet”), tipprovdi, fl-Artikolu 5(2) tagħha, li l-organu li jżomm ir-Reġistru tal-Artijiet huwa responsabbli, skont din il-liġi, għall-eżattezza u l-protezzjoni tad-data miġbura f’dan ir-reġistru. Skont din id-dispożizzjoni, dan l-organu huwa responsabbli biss biex jiżgura li d-data rreġistrata fl-imsemmi reġistru tkun konformi mad-dokumenti li fuq il-bażi tagħhom tkun saret ir-reġistrazzjoni fl-istess reġistru.

15

L-Artikolu 22 ta’ din il-liġi jirregola l-bażijiet legali tar-reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, ta’ limitazzjonijiet fuq tali drittijiet u ta’ fatti legali. Dan l-artikolu jelenka l-lista tad-dokumenti li jattestaw il-ħolqien ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli jew ta’ fatti ġuridiċi, li fuq il-bażi tagħhom dawn id-drittijiet, il-limitazzjonijiet tagħhom jew dawn il-fatti ġuridiċi huma rreġistrati fir-Reġistru tal-Artijiet, billi jelenka, b’mod partikolari, id-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi, is-sentenzi, il-ġudikati, id-digrieti u d-deċiżjonijiet tat-tribunali kif ukoll iċ-ċertifikati ta’ suċċessjoni.

16

L-Artikolu 23 tal-imsemmija liġi jiddefinixxi l-modalitajiet tal-preżentazzjoni tal-applikazzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, tal-limitazzjonijiet ta’ tali drittijiet u ta’ fatti ġuridiċi. Huwa jipprevedi, fil-paragrafu 2 tiegħu, li l-applikazzjoni għandha tkun akkumpanjata b’dokumenti li jattestaw il-ħolqien tad-dritt in rem, il-limitazzjoni fuq dan id-dritt jew il-fatt ġuridiku li r-reġistrazzjoni tkun qed tintalab. Dan l-Artikolu 23(3) jippreċiża li d-dokumenti li fuq il-bażi tagħhom huma ċċertifikati, jinħolqu, jintemmu, jiġu ttrasferiti jew limitati d-drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, il-limitazzjonijiet fuq tali drittijiet kif ukoll il-fatti ġuridiċi, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti legali u jkun fihom l-informazzjoni neċessarja għar-reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet. Skont l-imsemmi Artikolu 23(4) id-dokumenti li fuq il-bażi tagħhom tintalab li ssir din ir-reġistrazzjoni għandhom ikunu leġibbli u jinkludu l-kunjomijiet u l-ismijiet sħaħ, id-denominazzjonijiet, l-indirizzi, in-numri ta’ identifikazzjoni tal-persuni kkonċernati mir-reġistrazzjoni fir-reġistru kif ukoll in-numru uniku tal-proprjetà immobbli kkonċernata, attribwit skont il-Lietuvos Respublikos nekilnojamojo turto kadastro nuostatai (l-Istatut tal-Katast tal-Proprjetà Immobbli tar-Repubblika tal-Litwanja).

17

Skont l-Artikolu 29 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet, l-organu li jżomm ir-Reġistru tal-Artijiet għandu jirrifjuta li jirreġistra f’dan ir-reġistru drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli, limitazzjonijiet ta’ tali drittijiet u fatti ġuridiċi jekk huwa jikkonstata, matul l-eżami tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, li d-dokument ippreżentat insostenn ta’ din l-applikazzjoni ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ din il-liġi jew li l-imsemmija applikazzjoni jew id-dokument ipprovdut lil dan l-organu ma fihx l-informazzjoni msemmija min-Nekilnojamojo turto registro nuostatai (l-Istatut tar-Reġistru tal-Artijiet), meħtieġa biex tiġi identifikata l-proprjetà immobbli jew l-akkwirenti tad-dritt in rem fuq proprjetà immobbli.

18

L-Istatut tar-Reġistru tal-Artijiet, adottat permezz tal-Lietuvos Respublikos vyriausybės nutarimas Nr. 379 “Dėl Nekilnojamojo turto registro nuostatų patvirtinimo” (id-Digriet tal-Gvern tar-Repubblika tal-Litwanja Nru 379, li japprova r-Regolament dwar ir-Reġistru tal-Proprjetajiet Immobbli), tat‑23 ta’ April 2014 (TAR, 2014, Nru 2014-4930), jispeċifika, fil-punt 14.2.2 tiegħu, li l-informazzjoni li tidentifika l-proprjetà immobbli hija l-lokalità katastali, it-taqsima katastali, in-numru katastali tal-plott, in-numru uniku (numru ta’ identifikazzjoni) tal-plott, in-numru uniku (numru ta’ identifikazzjoni) tal-binja, u n-numru uniku (numru ta’ identifikazzjoni) tal-appartament jew tal-post.

It‑tilwima fil‑kawża prinċipali u d‑domanda preliminari

19

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, R. J. R., huwa residenti fil-Ġermanja.

20

Fis‑6 ta’ Diċembru 2015, mietet ommu (iktar ’il quddiem id-“decuius”), li r-residenza abitwali tagħha kienet, dak iż-żmien, tinstab ukoll fil-Ġermanja. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, l-uniku eredi tagħha, aċċetta mingħajr riżerva s-suċċessjoni tad-decuius fil-Ġermanja. Huwa indirizza lill-qorti Ġermaniża kompetenti sabiex jikseb Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, għaliex din is-suċċessjoni ma kinitx tinkludi biss proprjetajiet li jinstabu fil-Ġermanja, iżda wkoll proprjetajiet fil-Litwanja.

21

Fl‑24 ta’ Settembru 2018, l-Amtsgericht Bad Urach (il-Qorti Distrettwali ta’ Bad Urach, il-Ġermanja) ħarġet lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, minn naħa, iċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni Nru 1 VI 174/18, li fih kien hemm indikat li G. R., li kien miet fl‑10 ta’ Mejju 2014, kien ħalla l-patrimonju sħiħ tiegħu lid-decuius, l-unika eredi tiegħu, u, min-naħa l-oħra, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni Nru 1 VI 175/18, li fih kien hemm indikat li d-decuius kienet ħalliet il-patrimonju tagħha lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li kien l-uniku eredi tagħha u li kien qiegħed jaċċetta s-suċċessjoni mingħajr riżerva.

22

Fil‑15 ta’ Marzu 2019, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta applikazzjoni quddiem iċ-Ċentru tar-Reġistri, l-organu Statali inkarigat, b’mod partikolari, miż-żamma tal-katast u tar-Reġistru tal-Artijiet fil-Litwanja, sabiex f’dan ir-reġistru jiġi rreġistrat id-dritt għall-proprjetà tiegħu fuq il-proprjetajiet immobbli li kienet tad-decuius fil-Litwanja. Insostenn tal-applikazzjoni tiegħu, huwa ppreżenta ċ-ċertifikat ta’ suċċessjoni u ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni msemmija fil-punt preċedenti.

23

Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Marzu 2019, it-taqsima ta’ Tauragė tad-dipartiment “Reġistru tal-Artijiet” tad-dipartiment taż-żamma tar-reġistri ta’ proprjetajiet taċ-Ċentru tar-Reġistri ċaħad din l-applikazzjoni, għar-raġuni li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma kienx fih l-informazzjoni meħtieġa għall-identifikazzjoni tal-proprjetà immobbli prevista mil-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet, jiġifieri li ma kienx jindika l-proprjetajiet ittrasferiti b’wirt mir-rikorrent fil-kawża prinċipali.

24

Dan tal-aħħar ippreżenta lment kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem il-Kummissjoni għall-eżami tat-tilwim tal-uffiċċju għar-reġistrazzjoni ċentrali taċ-Ċentru tar-Reġistri, li, permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Mejju 2019, ikkonfermat l-imsemmija deċiżjoni ta’ ċaħda.

25

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors kontra dawn id-deċiżjonijiet quddiem ir-Regionų apygardos administracinio teismo Klaipėdos rūmai (it-Taqsima ta’ Klaipėda tal-Qorti Amministrattiva Reġjonali tar-Reġjuni, il-Litwanja), li, b’sentenza tat‑30 ta’ Diċembru 2019, ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat.

26

Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella minn din is-sentenza quddiem il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja), il-qorti tar-rinviju. Din tal-aħħar tqis li t-tilwima ppreżentata quddiemha tqajjem kwistjonijiet dwar l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 650/2012.

27

Dik il-qorti tosserva li, abbażi tal-Artikolu 69(5) tar-Regolament Nru 650/2012, iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 1(2)(k) u (l), ta’ dan ir-regolament, jiġifieri li dan iċ-ċertifikat ma jaffettwax l-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 1(2)(l). Skont l-imsemmija qorti, id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar, li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament kull reġistrazzjoni f’reġistru ta’ drittijiet fuq proprjetà immobbli jew mobbli, timplika li l-ksib ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ma jipproduċix, fih innifsu, l-effett li jirrendi inapplikabbli l-kundizzjonijiet ta’ reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet, stabbiliti mid-dritt tal-Istat Membru li fih tinstab il-proprjetà.

28

F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tenfasizza li, fil-Litwanja, id-dokumenti li jistgħu jservu bħala bażi għar-reġistrazzjoni ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli fir-reġistru huma elenkati fl-Artikolu 22 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet u li l-Artikolu 23(2) sa (4) ta’ din il-liġi jispeċifika imperattivament liema informazzjoni u data għandha tkun iċċertifikata f’dawn id-dokumenti. Iċ-Ċentru tar-Reġistri jaġixxi biss bis-saħħa tas-setgħat mogħtija lilu mil-liġi, li la tagħtih is-setgħa li jikkonstata huwa nnifsu l-portata tad-drittijiet għall-proprjetà u lanqas dik li jiġbor informazzjoni u provi li jikkonfermaw jekk ċerti fatti jeżistux jew le.

29

Dik il-qorti tindika li, b’konsegwenza ta’ dan, b’applikazzjoni tar-regoli tad-dritt Litwan, l-informazzjoni neċessarja għar-reġistrazzjoni fir-Reġistru tal-Artijiet tista’ tiġi pprovduta biss fid-dokumenti elenkati fl-Artikolu 22 tal-Liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet u li, meta l-informazzjoni pprovduta ma tkunx kompleta, iċ-Ċentru tar-Reġistri ma għandux is-setgħa li jieħu inkunsiderazzjoni informazzjoni oħra għajr dik li tinstab f’dawn id-dokumenti.

30

L-imsemmija qorti tkompli tesponi li, sabiex ikun jista’ jipproduċi l-effetti tiegħu, Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għandu jiġi stabbilit billi tintuża l-Formola V li tinstab fl-Anness 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014. Konsegwentement, jekk l-informazzjoni msemmija fid-dispożizzjonijiet applikabbli tar-Regolament Nru 650/2012 kif ukoll tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014 tiġi pprovduta fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, dan jiġi kkunsidrat, fil-Litwanja, bħala dokument validu li abbażi tiegħu d-devoluzzjoni tal-proprjetà tiġi rreġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet, hekk kif jipprevedi l-Artikolu 69(5) tar-Regolament Nru 650/2012.

31

Il-qorti tar-rinviju tikkonstata li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie stabbilit bl-użu ta’ din il-Formola V u li jinkludi l-Anness IV tal-imsemmija Formola, li jiċċertifika l-istatus u d-drittijiet tal-eredi. Madankollu hija tkompli tesponi li, fil-punt 9 ta’ dan l-Anness IV, ma ġiet ipprovduta ebda informazzjoni sabiex tiġi identifikata l-proprjetà jew il-proprjetajiet attribwiti lill-eredi li fir-rigward tagħhom kienet mitluba ċ-ċertifikazzjoni.

32

Dik il-qorti tosserva li kemm mill-argumenti magħmula mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-qrati Ġermaniżi li hija tiċċita jirriżulta li ma huwiex minħabba nuqqas ta’ attenzjoni li l-awtorità li ħarġet l-imsemmi Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni naqset milli tipprovdi din l-informazzjoni. Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jsostni, b’mod partikolari, li d-dritt tas-suċċessjonijiet Ġermaniż huwa rregolat mill-prinċipju tas-suċċessjoni b’titolu universali u li, konsegwentement, meta jkun hemm benefiċjarju wieħed, dan jieħu l-patrimonju kollu tad-decuius u li ma huwiex possibbli li jiġi indikat jew li b’xi mod jiġu speċifikati l-proprjetajiet tas-suċċessjoni. Għalhekk, fl-opinjoni tiegħu, konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita, il-qrati Ġermaniżi ma japplikawx l-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012, li jipprovdi li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni għandu jindika s-sehem li jmiss lil kull eredi u, jekk ikun il-każ, il-lista tad-drittijiet u/jew tal-proprjetajiet li jmissu lil eredi partikolari.

33

Meqjusa l-għanijiet imfittxija bil-ħolqien taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u, b’mod partikolari, l-għan li s-suċċessjonijiet li għandhom effett transkonfinali fi ħdan l-Unjoni jiġu solvuti b’ħeffa, b’mod faċli u effikaċi, il-qorti tar-rinviju għandha dubji fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 1(2)(l) u tal-Artikolu 69(5) tar-Regolament Nru 650/2012, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda r-rabta bejn dawn id-dispożizzjonijiet u dawk tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru li fih tkun tinstab il-proprjetà tas-suċċessjoni inkwistjoni li jirregolaw il-kundizzjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ dritt ta’ proprjetà fir-Reġistru tal-Artijiet.

34

F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas (il-Qorti Amministrattiva Suprema tal-Litwanja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikolu 1(2)(l), u l-Artikolu 69(5) tar-Regolament [Nru 650/2012] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Istat Membru li fih tinsab il-proprjetà immobbli inkwistjoni li abbażi tagħhom dritt ta’ proprjetà jista’ jiġi rreġistrat fir-reġistru tal-proprjetà [Artijiet] abbażi ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni biss jekk l-informazzjoni kollha neċessarja għal din ir-reġistrazzjoni tkun indikata f’dan iċ-ċertifikat?”

Fuq id‑domanda preliminari

35

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hekk kif jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju, l-applikazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali għar-reġistrazzjoni, fir-Reġistru tal-Artijiet Litwan, tad-dritt għall-proprjetà tiegħu fuq il-proprjetà li tinstab fil-Litwanja ġiet miċħuda minħabba li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ppreżentat insostenn ta’ din l-applikazzjoni ma kienx jinkludi informazzjoni dwar din il-proprjetà. F’dawn iċ-ċirkustanzi, sabiex tkun tista’ tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, hemm lok li d-domanda magħmula tiġi fformulata mill-ġdid sabiex din tkun tirrigwarda wkoll l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012, sa fejn dan l-artikolu jirrigwarda speċifikament, hekk kif jirriżulta mit-titolu tiegħu stess, il-kontenut ta’ tali ċertifikat. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-elementi kollha pprovduti mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, il-punti ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2021, Governor of Cloverhill Prison et, C‑479/21 PPU, EU:C:2021:929, punt 39 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

36

Għalhekk, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 1(2)(l), l-Artikolu 68(l) u l-Artikolu 69(5) tar-Regolament Nru 650/2012 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobbli fir-Reġistru tal-Artijiet ta’ dan l-Istat Membru tista’ tiġi miċħuda meta l-uniku dokument ippreżentat insostenn ta’ din l-applikazzjoni huwa Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li ma jidentifikax din il-proprjetà immobbli.

37

Għandu qabel kollox jiġi mfakkar li l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 650/2012, wara li jiddefinixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, jelenka b’mod eżawrjenti, fil-paragrafu 2 tiegħu, l-oqsma esklużi minn dan il-kamp ta’ applikazzjoni, li fosthom hemm, f’dan l-Artikolu 1(2)(l), “kwalunkwe reġistrar f’reġistru ta’ drittijiet fuq proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta’ reġistrar jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru”.

38

L-Artikolu 69(5) tar-Regolament Nru 650/2012 jipprovdi li Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju għall-punti (k) u (l) tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament. Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 68 tal-imsemmi regolament jipprevedi li dan iċ-ċertifikat jinkludi ċerta informazzjoni sa fejn tkun meħtieġa għall-fini li għalih jinħareġ u, b’mod partikolari, konformement mal-Artikolu 68(l), is-sehem ta’ kull eredi u, jekk applikabbli, il-lista ta’ drittijiet u/jew proprjetajiet għal kwalunkwe eredi partikolari.

39

Għalhekk, sabiex jiġi evalwat jekk l-awtorità li toħroġ tali ċertifikat għandhiex l-obbligu li tinkludi, f’Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, lista tal-proprjetajiet għall-eredi kkonċernat, hekk kif previst fl-Artikolu 68(l) tar-Regolament Nru 650/2012, mhux biss fil-każ ta’ suċċessjoni li tirrigwarda diversi eredi, iżda wkoll fil-każ ta’ suċċessjoni li tinvolvi eredi wieħed u uniku, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, hemm lok li dan l-Artikolu 68(l) jiġi interpretat fid-dawl tar-relazzjoni bejn l-Artikolu 1(2)(l) u l-Artikolu 69(5) ta’ dan ir-regolament, u dan fid-dawl tal-kuntest ġenerali li minnu jifformaw parti dawn id-dispożizzjonijiet.

40

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jikkostitwixxi strument awtonomu tad-dritt tal-Unjoni li l-użu u l-effetti tiegħu huma rregolati b’mod iddettaljat fid-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà speċifikat li dan iċ-ċertifikat, li nħoloq permezz ta’ dan ir-regolament, igawdi minn sistema legali awtonoma, stabbilita bid-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu VI tal-imsemmi regolament (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle, C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 46).

41

Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-għanijiet imfittxija minn dan tal-aħħar li, hekk kif jirriżulta mill-premessi 7 u 8 tiegħu, għandu l-għan li jgħin lill-eredi u lil-legatarji, lill-persuni l-oħra qrib tad-deċedut kif ukoll lill-kredituri tas-suċċessjoni sabiex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom fil-kuntest ta’ suċċessjoni li għandha implikazzjonijiet transkonfinali kif ukoll sabiex jippermetti li ċ-ċittadini tal-Unjoni jħejju s-suċċessjoni tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Oberle, C‑20/17, EU:C:2018:485, punt 49).

42

Huwa f’din il-perspettiva, permezz tar-Regolament Nru 650/2012, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ħoloq iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, li l-għan tiegħu huwa, skont il-premessa 67 ta’ dan ir-regolament, li jippermetti, b’mod partikolari, li l-eredi jippruvaw faċilment l-istatus u/jew id-drittijiet tagħhom jew is-setgħat tagħhom fi Stat Membru ieħor sabiex suċċessjoni li għandha effett transkonfinali fi ħdan l-Unjoni tiġi riżolta b’mod rapidu, mingħajr xkiel u effettiv.

43

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 63(1) tar-Regolament Nru 650/2012 jispeċifika li ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni huwa intiż sabiex jintuża, b’mod partikolari, mill-eredi li, fi Stat Membru ieħor, għandhom jinvokaw l-istatus tagħhom jew jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala eredi. Konformement ma’ dan l-Artikolu 63(2)(a) u (b), dan iċ-ċertifikat jista’ jintuża, b’mod partikolari, sabiex jiġu pprovati l-istatus u/jew id-drittijiet ta’ kull eredi msemmi fl-imsemmi ċertifikat kif ukoll l-attribuzzjoni ta’ proprjetà speċifika jew ta’ diversi proprjetajiet speċifiċi li jagħmlu parti mis-suċċessjoni tal-eredi.

44

F’dak li jirrigwarda l-effetti taċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 69(1) u mill-premessa 71 tar-Regolament Nru 650/2012, dan iċ-ċertifikat għandu jipproduċi l-istess effetti fl-Istati Membri kollha, mingħajr ma jkun neċessarju li jsir użu minn ebda proċedura. Konformement mal-Artikolu 69(2) ta’ dan ir-regolament, l-imsemmi ċertifikat huwa preżunt li juri b’mod preċiż l-eżistenza ta’ elementi li ġew stabbiliti skont il-liġi applikabbli għas-suċċessjoni jew skont kwalunkwe liġi oħra applikabbli għal elementi speċifiċi. Il-persuna msemmija fiċ-ċertifikat bħala l-eredi għandha titqies li għandha l-istatus indikat f’dan iċ-ċertifikat u/jew li għandha d-drittijiet jew is-setgħat imsemmijin fl-imsemmi ċertifikat bl-ebda kondizzjoni u/jew restrizzjoni marbuta ma’ dawn id-drittijiet jew setgħat ħlief minn dawk iddikjarati fl-istess ċertifikat. Għalhekk, meta Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jinħareġ lil eredi fl-Istat Membru ta’ residenza abitwali tad-deċedut, dan l-eredi jista’ jużah fl-Istati Membri l-oħra fejn jinstabu l-proprjetajiet tad-deċedut.

45

F’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, l-ipoteżi fejn iċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jiġi ppreżentat bħala d-dokument li abbażi tiegħu tiġi ppreżentata l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobbli, għandu jiġi enfasizzat li l-Artikolu 68 tar-Regolament Nru 650/2012 jipprevedi minimu ta’ informazzjoni li għandha tidher f’dan iċ-ċertifikat. Issa, il-kontenut ta’ dan tal-aħħar jista’ jvarja minn każ għall-ieħor skont l-għanijiet li għalihom jinħareġ.

46

F’dan ir-rigward, għandu jiġi speċifikat li, konformement mal-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 650/2012 u hekk kif diġà ġie deċiż mill-Qorti tal-Ġustizzja, l-awtorità emittenti għandha, b’mod obbligatorju, tuża l-Formola V, prevista fl-Anness 5 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1329/2014, sabiex hija toħroġ l-imsemmi ċertifikat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Jannar 2019, Brisch, C‑102/18, EU:C:2019:34, punt 30).

47

Dan espost, għandu wkoll jitfakkar li, hekk kif jirriżulta mill-punt 38 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 69(5) tar-Regolament Nru 650/2012 jipprovdi li Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni jikkostitwixxi dokument validu għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà tas-suċċessjoni fir-reġistru rilevanti ta’ Stat Membru, mingħajr preġudizzju, b’mod partikolari, għall-punt (l) tal-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-regolament, sa fejn id-dispożizzjoni msemmija l-aħħar tistipula, hekk kif diġà ddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, li kwalunkwe reġistrar f’reġistru ta’ drittijiet fuq proprjetà immobbli jew mobbli, inklużi r-rekwiżiti legali għal tali reġistrar, u l-effetti ta’ reġistrar jew in-nuqqas ta’ reġistrar ta’ dawn id-drittijiet f’reġistru, hija eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Ottubru 2017, Kubicka, C‑218/16, EU:C:2017:755, punt 54).

48

Il-fatt li tali rekwiżiti legali huma hekk irregolati mid-dritt nazzjonali jirriżulta wkoll mill-premessa 18 tar-Regolament Nru 650/2012, li skont kliemha r-rekwiżiti relatati mar-reġistrazzjoni f’reġistru ta’ dritt fuq proprjetà immobbli jew mobbli huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament, b’tali mod li hija l-liġi tal-Istat Membru li fih jinżamm ir-reġistru li għandha tiddefinixxi l-kundizzjonijiet legali u l-metodi ta’ din ir-reġistrazzjoni kif ukoll li għandha tiddetermina liema huma l-awtoritajiet, bħall-entitajiet responsabbli mill-katasti jew in-nutara, inkarigati biex jivverifikaw li r-rekwiżiti kollha huma osservati u li d-dokumenti ppreżentati jew stabbiliti huma suffiċjenti jew jinkludu l-informazzjoni neċessarja.

49

Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 650/2012 li jistabbilixxu ċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni u, b’mod iktar speċifiku, l-Artikolu 69(5) ta’ dan ir-regolament, moqri flimkien mal-Artikolu 1(2)(l) tiegħu, li għalih tagħmel riferiment id-dispożizzjoni msemmija l-ewwel, ma jipprekludux lil Stat Membru milli jistabbilixxi jew milli japplika r-rekwiżiti li għandhom jiġu osservati għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli.

50

F’dan ir-rigward, kull Stat Membru li fih hija prevista tali reġistrazzjoni tad-drittijiet in rem fuq il-proprjetajiet immobbli, huwa ħieles li jiddetermina l-kundizzjonijiet u l-metodi ta’ din ir-reġistrazzjoni, inkluż li jimponi rekwiżit li jgħid li d-data kollha ta’ identifikazzjoni ta’ proprjetà immobbli li fir-rigward tagħha tressqet applikazzjoni għar-reġistrazzjoni għandha tiġi pprovduta f’din l-applikazzjoni jew fid-dokumenti li jakkumpanjawha.

51

Konsegwentement, f’sitwazzjoni fejn quddiem awtorità inkarigata mir-reġistrazzjoni ta’ drittijiet in rem fuq proprjetà immobbli titressaq applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobbli trażmessa b’wirt, mingħajr ma din il-proprjetà tkun identifikata f’dokument li abbażi tiegħu titressaq applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, inkluż fiċ-Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni ppreżentat, minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li din l-awtorità tista’ tiċħad tali applikazzjoni.

52

Għandu jiġi osservat, f’dan ir-rigward, li ċ-ċaħda ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobbli f’Reġistru tal-Artijiet ta’ Stat Membru, ibbażata fuq Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni, minħabba li dan tal-aħħar ma jinkludix data dwar l-identifikazzjoni ta’ din il-proprjetà, ma tikkonfutax il-validità ta’ dan iċ-ċertifikat bħala tali f’dak li jirrigwarda l-elementi l-oħra li huwa jiċċertifika, bħal ma huwa l-istatus ta’ eredi.

53

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li t-tweġiba għad-domanda magħmula tkun li l-Artikolu 1(2)(l), l-Artikolu 68(l) u l-Artikolu 69(5) tar-Regolament Nru 650/2012 għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobbli fir-Reġistru tal-Artijiet ta’ dan l-Istat Membru tista’ tiġi miċħuda meta l-uniku dokument ippreżentat insostenn ta’ din l-applikazzjoni huwa Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li ma jidentifikax din il-proprjetà immobbli.

Fuq l‑ispejjeż

54

Peress li l-proċedura għandha fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux ikunu s-suġġett ta’ ħlas lura.

 

Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 1(2)(l), l-Artikolu 68(l) u l-Artikolu 69(5) tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni,

 

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

 

ma jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tipprevedi li l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ proprjetà immobbli fir-Reġistru tal-Artijiet ta’ dan l-Istat Membru tista’ tiġi miċħuda meta l-uniku dokument ippreżentat insostenn ta’ din l-applikazzjoni huwa Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni li ma jidentifikax din il-proprjetà immobbli.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Litwan.

Top