EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0105

Kawża C-105/18: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fit-13 ta’ Frar 2018 – Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA) vs Administración General del Estado

ĠU C 161, 7.5.2018, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.5.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 161/25


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal Supremo (Spanja) fit-13 ta’ Frar 2018 – Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA) vs Administración General del Estado

(Kawża C-105/18)

(2018/C 161/28)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Qorti tar-rinviju

Tribunal Supremo

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Asociación Española de la Industria Eléctrica (UNESA)

Konvenuta: Administración General del Estado

Domandi preliminari

1)

Il-prinċipju ambjentali ta’ min iniġġeż iħallas, stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE, u l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) tat-23 ta’ Ottubru 2000 li jistabbilixxi l-prinċipju tal-irkupru tal-ispiża tas-servizzi relatati mal-ilma kif ukoll il-kumpens ekonomiku xieraq għall-użu tal-ilma, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-introduzzjoni ta’ tariffa għall-użu tal-ilmijiet interni għall-produzzjoni tal-enerġija, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li ma tinkoraġġixxix l-użu effiċjenti tal-ilma, u lanqas tistabbilixxi mekkaniżmi għall-konservazzjoni u għall-protezzjoni taż-żoni għall-pubbliku, li r-rata tagħha ma hija bl-ebda mod marbuta mal-kapaċità li tikkawża ħsara liż-żoni ta’ ilma għall-pubbliku, peress li tiffoka biss u esklużivament fuq il-kapaċità tal-produtturi li jiġġeneraw dħul?

2)

Taxxa bħat-tariffa idrawlika inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonċerna esklużivament il-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw f’ilmijiet inter-Komunitarji iżda mhux il-produtturi li għandhom konċessjonijiet f’ilmijiet intra-Komunitarji u l-produtturi li jużaw teknoloġija idroelettrika iżda mhux dawk li jipproduċu enerġija b’teknoloġiji oħra, hija konformi mal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bejn l-operaturi stabbilita fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku (2)?

3)

L-Artikolu 107(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li l-impożizzjoni ta’ tariffa idrawlika, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għad-detriment tal-produtturi ta’ enerġija idroelettrika li joperaw f’ilmijiet inter-Komunitarji, tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat ipprojbita, peress li tintroduċi sistema ta’ tassazzjoni asimmetrika fl-istess qasam tat-teknoloġija skont il-post li fih jinsab l-impjant u ma hijiex imposta fuq il-produtturi ta’ enerġija minn sorsi oħra?


(1)  Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2000 li tistabilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika ta’ l-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275).

(2)  Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE (ĠU 2009, L 211, p. 55).


Top