EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CJ0674

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-10 ta’ Ottubru 2019.
Kawża mressqa minn Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola Pohjois-Savo – Kainuu ry.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 12(1) – Sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-annimali – Anness IV – Canis lupus (lupu) – Artikolu 16(1)(e) – Deroga li tippermetti t-teħid ta’ numru limitat ta’ ċerti kampjuni – Kaċċa ta’ ġestjoni – Evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata.
Kawża C-674/17.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2019:851

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Ottubru 2019 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u l-flora selvaġġa – Direttiva 92/43/KEE – Artikolu 12(1) – Sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi tal-annimali – Anness IV – Canis lupus (lupu) – Artikolu 16(1)(e) – Deroga li tippermetti t-teħid ta’ numru limitat ta’ ċerti kampjuni – Kaċċa ta’ ġestjoni – Evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata”

Fil-Kawża C‑674/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tat‑28 ta’ Novembru 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl‑1 ta’ Diċembru 2017, fil-proċedura mressqa minn:

Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola Pohjois-Savo – Kainuu ry

fil-preżenza ta’:

Risto Mustonen,

Kai Ruhanen,

Suomen riistakeskus,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn A. Arabadjiev (Relatur), President tal-Awla, K. Lenaerts, President tal-Qorti tal-Ġustizzja, li qiegħed jaġixxi bħala Mħallef tat-Tieni Awla, u C. Vajda, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: H. Saugmandsgaard Øe,

Reġistratur: R. Schiano, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑9 ta’ Jannar 2019,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola Pohjois-Savo – Kainuu ry, minn S. Kantinkoski u L. Iivonen,

għal K. Ruhanen, minn P. Baarman, asianajaja,

għal Suomen riistakeskus, minn S. Härkönen, bħala aġent,

għall-Gvern Finlandiż, minn J. Heliskoski, bħala aġent,

għall-Gvern Daniż, minn J. Nymann-Lindegren, M. Wolff u P. Ngo, bħala aġenti,

għall-Gvern Svediż, minn A. Falk, C. Meyer-Seitz, H. Shev, J. Lundberg u H. Eklinder, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn M. Huttunen u C. Hermes, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat‑8 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva Habitats”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minn Luonnonsuojeluyhdistys Tapiola Pohjois-Savo – Kainuu ry (iktar ’il quddiem “Tapiola”) dwar il-legalità ta’ deċiżjonijiet tas-Suomen riistakeskus (l-Uffiċċju Finlandiż għall-Fawna Selvaġġa, iktar ’il quddiem l-“Uffiċċju”) li joħorġu derogi għall-kaċċa tal-lupu.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva Habitats, intitolat “Tifsiriet”, huwa fformulat kif ġej:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva:

[…]

i)

l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi jfisser l-ammont miżjud ta’ influwenzi li jaġixxu fuq l-ispeċi konċernati u li jistgħu jaffettwaw it-tqassim fit-tul u l-abbundanza tal-popolazzjonijiet ta’ dik l-ispeċi fit-territorju msemmi fl-Artikolu 2;

L-istat ta’ konservazzjoni jitqies “favorevoli” meta:

l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni konċernata jindikaw li qed tieħu ħsieb tagħha nnifsha fit-tul bħala komponent vjabbli ta’ l-habitat naturali tagħha, u

il-firxa naturali ta’ l-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas m’għandha xejra li titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli, u

hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed biex iżomm il- popolazzjonijiet tagħha fit-tul;

[…]”

4

L-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jipprevedi:

“1.   L-għan ta’ din id-Direttiva jkun li tikkontribwixxi biex tiġi żgurata l-biodiversità permezz tal-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa fit-territorju Ewropew ta’ l-Istati Membri li jgħodd għalihom it-Trattat.

2.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.

3.   Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva għandhom iqisu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali u l-karatteristiċi reġjonali u lokali.”

5

L-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva jinqara kif ġej:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jistabbilixxu sistema ta’ ħarsien strett ta’ l-ispeċi ta’ l-annimali msemmija fl-Anness IV (a) fil-firxa naturali tagħhom, u li jipprojbixxu:

a)

l-forom kollha ta’ qbid volontarju jew qtil ta’ kampjuni minn dawn l-ispeċi fis-selvaġġ;

b)

tfixkil volontarju ta’ dawn l-ispeċi, speċjalment waqt il-perjodu tat-tgħammir, tkabbir, ibernazzjoni u migrazzjoni;

ċ)

qerda volontarja jew teħid tal-bajd mis-selvaġġ;

d)

deterjorazzjoni jew qerda ta’ siti tat-tgħammir jew postijiet ta’ mistrieħ.”

6

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats jipprevedi:

“Sakemm ma jkunx hemm alternattiva sodisfaċenti u d-deroga mhix ta’ dannu għall-ħarsien tal-popolazzjonijiet ta’ l-ispeċi konċernati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom, l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikoli 12, 13, 14 u15 (a) u (b):

a)

fl-interess li jħarsu l-fawna u l-flora selvaġġa u li jikkonservaw l-habitat naturali;

b)

biex jipprevjenu l-ħsara serja, b’mod partikolari lill-uċuh tar-raba’, lill-bhejjem, lill-foresti, lis-sajd u lill-ilma u lil tipi oħra ta’ proprjetà;

ċ)

fl-interessi tas-saħħa u s-sigurtà pubblika, jew għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk tat-tip soċjali jew ekonomiku u l-konsegwenzi ta’ benefiċċju ta’ l-akbar importanza għall-ambjent;

d)

għall-għan tar-riċerka u l-edukazzjoni, biex tiġġedded il-popolazzjoni u biex jiġu introdotti mill-ġdid dawn l-ispeċi u għall-ħidmiet ta’ tgħammir meħtieġa għal dawn l-iskopijiet, inkluża l-propagazzjoni artifiċjali tal-pjanti;

e)

biex ikun jista’ jsir, taħt kondizzjonijiet ta’ sorveljanza stretta, fuq bażi selettiva u għal ammont limitat, it-teħid jew iż-żamma ta’ ċerti kampjuni ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness IV f’għadd limitat speċifikat mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti.”

7

Fost l-ispeċi tal-annimali “ta’ interess għall-Komunità li għandhom bżonn ħarsien mill-qrib”, li l-lista tagħhom hija stabbilita fil-punt (a) tal-Anness IV tal-istess direttiva, hemm, b’mod partikolari, il-“Canis lupus [il-lupu] (minbarra […] l-popolazzjonijiet tal-Finlandja ġewwa ż-żona ta’ kontroll tar-renni kif definit fil-paragrafu 2 tal-Att Finlandiż Nru 848/90 tal‑14 ta’ Settembru 1990 fuq il-kontroll tar-renni)”.

Id-dritt Finlandiż

8

Konformement mat-tielet paragrafu tal-Artikolu 37 tal-metsästyslaki (615/1993) (il-Liġi dwar il-Kaċċa Nru 615/1993), kif emendata bil-Liġi (159/2011) (iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar il-Kaċċa”), il-lupu huwa mpoġġi taħt skema ta’ protezzjoni permanenti.

9

Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 ta’ din il-liġi, l-Uffiċċju jista’ joħroġ l-awtorizzazzjoni għal deroga mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 37 ta’ din il-liġi, sakemm josserva l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikoli 41a sa 41c tal-imsemmija liġi. Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 41 tal-istess liġi jippreċiża li digriet governattiv jista’ jistabbilixxi r-regoli speċifiċi dwar il-proċedura li għandha tiġi segwita fl-għoti ta’ deroga, id-dispożizzjonijiet li d-deroga għandu jkollha, id-dikjarazzjoni tal-qbid imwettaq abbażi tad-deroga, it-tul tad-deroga u l-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet għall-għoti tad-deroga, kif ukoll tipprevedi d-dati li fihom huwa possibbli li ssir deroga mill-protezzjoni prevista fl-Artikolu 37. Skont il-ħames paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Liġi dwar il-Kaċċa, l-ammont annwali ta’ qbid imwettaq abbażi tad-derogi jista’ jkun limitat. Ordni tal-Ministeru għall-Agrikoltura u l-Foresti tista’ tistabbilixxi r-regoli speċifiċi, b’mod partikolari fir-rigward tal-kwantità massima ta’ qbid awtorizzat.

10

It-tielet paragrafu tal-Artikolu 41a tal-Liġi dwar il-Kaċċa, li jittrasponi fl-ordinament ġuridiku Finlandiż l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats, jipprevedi kif ġej:

“Deroga dwar il-lupu, l-ors, il-lontra u l-linċi tista’ tingħata wkoll sabiex jinqabdu jew jinqatlu b’mod selettiv u limitat ċerti kampjuni taħt kundizzjonijiet strettament ikkontrollati.”

11

Id-Digriet Governattiv (452/2013), mogħti abbażi tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 41 u tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 41a tal-Liġi dwar il-Kaċċa, jindika, fil-punt 1 tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tiegħu, li deroga bħal dik imsemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 41a ta’ din il-liġi tista’ tingħata sabiex jinqabdu jew jinqatlu lpup fiż-żona ta’ kontroll tar-renni bejn l‑1 ta’ Ottubru u l‑31 ta’ Marzu u, fil-kumplament tal-pajjiż, bejn l‑1 ta’ Novembru u l‑31 ta’ Marzu, u jippreċiża, fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 4 tiegħu, li tali deroga għandha tingħata biss għall-kaċċa f’żoni li fihom hemm rappreżentanza kbira tal-ispeċi kkonċernata.

12

L-Ordni (1488/2015) tal-Ministeru għall-Agrikoltura u l-Foresti, adottata, għas-sena tal-kaċċa 2015‑2016, abbażi tal-ħames paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Liġi dwar il-Kaċċa, iffissat għal 46 in-numru massimu ta’ kampjuni ta’ lpup li l-qbid tagħhom seta’ jiġi awtorizzat ’il barra miż-żona tal-merħla tar-renni, skont derogi msemmija fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 41a ta’ din il-liġi. L-ordni ta’ dan l-istess ministeru (1335/2016), adottata għas-snin tal-kaċċa 2016‑2018, iffissat għal 53, għal kull waħda minn dawn is-sentejn, in-numru massimu ta’ kampjuni ta’ lpup li l-qbid tagħhom jista’ jiġi awtorizzat ’il barra miż-żona ta’ kontroll tar-renni, abbażi tad-derogi msemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-imsemmija liġi.

13

Fit‑22 ta’ Jannar 2015, il-Ministeru għall-Agrikoltura u l-Foresti adotta pjan ġdid ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni ta’ lpup fil-Finlandja, abbażi tar-riżultati ta’ evalwazzjoni tal-evoluzzjoni tal-politika nazzjonali fil-qasam ta’ karnivori kbar (iktar ’il quddiem il-“pjan ta’ ġestjoni tal-ilpup”). Skont dan il-pjan, li l-għan tiegħu huwa li tiġi stabbilita u miżmuma l-popolazzjoni tal-ilpup fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, il-popolazzjoni minima ta’ lpup vijabbli hija ta’ 25 koppja riproduttiva. Minn dan jirriżulta wkoll li l-ġestjoni tal-popolazzjoni tal-ilpup fil-Finlandja mhux ser tirnexxi jekk ma jittiħdux inkunsiderazzjoni l-bżonnijiet tal-persuni li jgħixu u jaħdmu fit-territorji tal-gruppi ta’ lpup, b’mod partikolari fid-dawl tal-aċċettazzjoni soċjali dejjem tikber tal-kaċċa illegali tal-ilpup f’ċerti ċirkustanzi. L-għan tad-derogi ta’ ġestjoni huwa għalhekk li tiġi żgurata l-eżistenza tal-grupp ta’ lpup lokali filwaqt li tiġi ffavorita l-koeżistenza tal-ilpup u tal-bniedem. Minn din il-perspettiva, huwa maħsub li jsir intervent kontra kampjuni li jikkawżaw inkonvenjenti u, b’dan il-mod, li jiġi evitat il-qtil illegali ta’ lpup.

14

Il-pjan ta’ ġestjoni tal-ilpup huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ ġestjoni fuq il-livell lokali tal-popolazzjoni ta’ lpup, grupp bi grupp. B’dan il-mod, sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta’ grupp ta’ lpup, id-deroga maħruġa mill-Uffiċċju skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 41a tal-Liġi dwar il-Kaċċa għandha tkun flimkien ma’ selezzjoni ta’ kampjuni għall-kaċċa. Il-kaċċa għandha tirrigwarda kampjun għadu żgħir tal-grupp ta’ lpup, b’tali mod li l-effetti probabbli fuq il-vijabbiltà tal-grupp ta’ lpup ikunu l-iktar baxxi possibbli. Fil-mira għandu jkun hemm il-kampjun li jikkawża danni jew inkonvenjenti għall-persuni li jgħixu fit-territorju tal-ilpup jew fil-proprjetà tagħhom.

15

Fl-aħħar nett, id-derogi għandhom jirrigwardaw żoni li fihom l-ispeċi għandha rappreżentanza kbira u ma għandhomx jeċċedu l-limitu tan-numru li jista’ jinqabad iffissat mill-ordni tal-Ministeru għall-Agrikoltura u l-Foresti.

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16

Permezz ta’ żewġ deċiżjonijiet tat‑18 ta’ Diċembru 2015, l-Uffiċċju ħareġ derogi lil Risto Mustonen u lil Kai Ruhanen, rispettivament, skont l-Artikolu 41 u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 41a tal-Liġi dwar il-Kaċċa, sabiex joqtlu total ta’ seba’ lpup fil-perijodu ta’ bejn it‑23 ta’ Jannar u l‑21 ta’ Frar 2016 fir-reġjun ta’ Pohjois-Savo (il-Finlandja). L-ewwel deċiżjoni kienet tawtorizza l-qtil ta’ żewġt ilpup fit-territorju tal-grupp ta’ lpup ta’ Juudinsalo (il-Finlandja) u ta’ tnejn oħrajn fit-territorju ta’ bejn Sukeva (il-Finlandja) u Laakajärvi (il-Finlandja) u t-tieni waħda, il-qtil ta’ lupu fit-territorju tal-grupp ta’ lpup ta’ Vieremä‑Kajaani‑Sonkajärvi (il-Finlandja) u żewġt ilpup fit-territorju tal-grupp ta’ lpup ta’ Kiuruvesi‑Vieremä (il-Finlandja).

17

L-Uffiċċju mmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu billi għamel riferiment għad-dispożizzjonijiet legali applikabbli kif ukoll għall-pjan ta’ ġestjoni, billi ddeskriva l-kompożizzjoni tal-gruppi ta’ lpup ikkonċernati u billi invoka d-dannu kkawżat lill-klieb mill-ilpup u t-tħassib tal-popolazzjoni lokali. Huwa ppreċiża li l-protezzjoni stretta bbażata fuq l-għoti ta’ derogi msejħa “għall-prevenzjoni ta’ danni” ma kinitx ippermettiet li jintlaħqu l-għanijiet deskritti fil-pjan ta’ ġestjoni preċedenti. Għaldaqstant, skont l-Uffiċċju, l-għan tad-derogi maħruġa għall-ġestjoni tal-popolazzjoni tal-ilpup kien li jiġi implimentat approċċ legali ta’ ġestjoni ta’ din il-popolazzjoni, li jippermetti intervent kontra kampjuni li jikkawżaw inkonvenjenti filwaqt li jkun hemm prevenzjoni tal-qtil illegali.

18

L-Uffiċċju enfasizza li, fiż-żoni kkonċernati, ma kien hemm ebda soluzzjoni iktar sodisfaċenti minn dik li jinħarġu l-imsemmija derogi, u żied li l-kaċċa kienet selettiva u ristretta minħabba l-limiti ġeografiċi u kwantitattivi stipulati fid-deċiżjonijiet, kif ukoll grazzi għall-osservanza tal-metodu ta’ kaċċa previst minnha.

19

L-Uffiċċju indika wkoll li kellu jiġi evitat li jinqatel lupu maskil dominanti kif ukoll kampjun li kienet tpoġġiet marka fuqu. Huwa rrakkommanda lid-destinatarji tal-imsemmija deċiżjonijiet li jiffukaw il-kaċċa fuq kampjuni li għadhom żgħar jew li jikkawżaw inkonvenjenti u ppreċiża li, fil-każ li, wara l-adozzjoni tal-istess deċiżjonijiet, il-gruppi ta’ lpup u l-kampjuni kellhom isofru, qabel il-bidu tal-kaċċa awtorizzata, mortalità kkonstatata mill-awtoritajiet, din iċ-ċirkustanza kien ikollha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex titnaqqas, b’mod kwantitattiv, il-portata tal-awtorizzazzjoni.

20

Tapiola, assoċjazzjoni Finlandiża għall-protezzjoni tal-ambjent, ippreżentat rikorsi kontra dawn iż-żewġ deċiżjonijiet tal-Uffiċċju mal-Itä-Suomen hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva tal-Finlandja tal-Lvant, il-Finlandja). Permezz ta’ deċiżjonijiet tal‑11 ta’ Frar 2016, din il-qorti ddikjarat dawn ir-rikorsi inammissibbli, għall-motiv li Tapiola ma kellhiex locus standi f’dik il-kawża.

21

Permezz ta’ digrieti tad‑29 ta’ Mejju 2017, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema, il-Finlandja) annullat id-deċiżjonijiet tal-Itä-Suomen hallinto‑oikeus (il-Qorti Amministrattiva tal-Finlandja tal-Lvant) u eżaminat ir-rikorsi ppreżentati minn Tapiola.

22

Il-qorti tar-rinviju tenfasizza li l-lupu huwa speċi li tinsab f’perikolu serju ta’ estinzjoni fil-Finlandja. In-numru ta’ lpup varja b’mod kunsiderevoli matul dawn l-aħħar snin, preżumibbilment minħabba l-kaċċa illegali. Sa fejn id-derogi li jippermettu l-qtil tal-ilpup bil-kaċċa msejħa “ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni” jinħarġu għal żona ddeterminata, hija tistaqsi, b’mod partikolari, fuq il-kwistjoni dwar jekk l-istat ta’ konservazzjoni ta’ speċi għandux jiġi evalwat, sabiex tingħata tali deroga skont l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats, fid-dawl ta’ din iż-żona jew tat-territorju kollu tal-Istat Membru. Hija tistaqsi wkoll sa liema punt tali derogi jistgħu jiġu ġġustifikati bit-tnaqqis tal-kaċċa illegali u x’inhi l-influwenza, f’dan ir-rigward, tal-fatt li din taqa’ fil-kuntest ta’ pjan ta’ ġestjoni nazzjonali u ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tistabbilixxi n-numru massimu ta’ kampjuni li jistgħu jinqabdu kull sena fit-territorju nazzjonali. Barra minn hekk, hija titlob xi kjarifiki dwar l-effett tad-diffikultajiet dwar il-kontroll tal-kaċċa illegali, fil-kuntest tal-analiżi tal-eżistenza ta’ soluzzjoni alternattiva sodisfaċenti għall-qtil tal-ilpup. Fl-aħħar nett, hija tfittex li tkun taf jekk ir-rieda li tiġi evitata l-okkorrenza ta’ dannu lill-klieb u li titjieb is-sensazzjoni ġenerali tal-popolazzjoni li tgħix fit-territorju inkwistjoni jaqgħux fil-motivi li jistgħu jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-imsemmija deroga.

23

F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Korkein hallinto-oikeus (il-Qorti Amministrattiva Suprema) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

Huwa possibbli li jingħataw, skont il-formulazzjoni tal-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats, abbażi ta’ talbiet minn kaċċaturi individwali, derogi għal liċenzji restrittivi reġjonali għal kaċċa hekk imsejħa ‘għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni’?

Sabiex tiġi evalwata din id-domanda, huwa rilevanti li d-diskrezzjoni eżerċitata meta tingħata deċiżjoni dwar derogi għal liċenzji hija rregolata skont pjan ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni nazzjonali kif ukoll skont in-numru massimu ta’ annimali kkaċċjati stabbilit permezz ta’ regolament, li jipprovdi li derogi għal liċenzji jistgħu jingħataw kull sena fit-territorju tal-Istati Membri?

Għal din l-evalwazzjoni, jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni elementi oħra, bħall-għan ta’ prevenzjoni ta’ dannu lil klieb u ż-żieda ta’ sens ta’ sigurtà ġenerali?

2)

Huwa possibbli li jiġi stabbilit l-għoti ta’ derogi għal liċenzji għall-kaċċa għal skop ta’ ġestjoni tal-popolazzjoni fis-sens tal-ewwel domanda, peress li ma teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats għall-prevenzjoni tal-kaċċa fil-proprjetà ta’ ħaddieħor?

Huwa possibbli f’dan il-każ li jittieħdu inkunsiderazzjoni d-diffikultajiet prattiċi li jirriżultaw mill-kontroll ta’ kaċċa illegali fil-proprjetà ta’ ħaddieħor?

L-għan li jikkonsisti fil-prevenzjoni ta’ dannu lil klieb u fiż-żieda ta’ sens ta’ sigurtà ġenerali huwa eventwalment rilevanti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kwistjoni dwar jekk teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra?

3)

Kif għandu jiġi evalwat ir-rekwiżit stabbilit fil-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats li jikkonċerna l-istat ta’ konservazzjoni ta’ popolazzjonijiet tal-ispeċi, meta jingħataw derogi għal liċenzji restrittivi reġjonali?

L-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi għandu jiġi evalwat kemm b’riferiment għas-sit partikolari kif ukoll għat-territorju kollu tal-Istat Membru jew b’riferiment għal firxa dejjem iktar wiesgħa tal-ispeċi kkonċernati?

Huwa possibbli li r-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats dwar l-għoti ta’ deroga għal liċenzja jiġu ssodisfatti, minkejja li l-istat ta’ konservazzjoni tal-ispeċi ma jistax jitqies bħala favorevoli fis-sens tad-Direttiva Habitats abbażi ta’ evalwazzjoni xierqa?

Jekk tingħata risposta affermattiva għad-domanda preċedenti, f’liema sitwazzjoni jista’ dan jittieħed inkunsiderazzjoni?”

Fuq id-domandi preliminari

24

Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li joħorġu derogi għall-projbizzjoni ta’ qtil intenzjonali tal-lupu, stipulata fl-Artikolu 12(1)(a), moqri flimkien mal-punt (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, bħala kaċċa ta’ ġestjoni, u li l-għan tagħhom huwa l-ġlieda kontra l-kaċċa illegali.

25

Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva Habitats, din għandha l-għan li tikkontribwixxi sabiex tiġi żgurata l-bijodiversità permezz tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġi fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 2(2) u (3) ta’ din id-direttiva, il-miżuri meħuda skont din id-direttiva huma intiżi li jiżguraw iż-żamma jew l-irripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, habitat naturali u speċi ta’ fawna u ta’ flora selvaġġi li huma ta’ interess għall-Unjoni Ewropea, u li jitqiesu l-ħtiġiet ekonomiċi, soċjali u kulturali, kif ukoll karatteristiċi reġjonali u lokali.

26

L-Artikolu 12(1)(a) u (d) tad-Direttiva Habitats jobbliga lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jistabbilixxu sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fil-punt (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, fl-ambjent naturali tagħhom, filwaqt li jipprojbixxu kull forma ta’ qbid jew ta’ qtil intenzjonali ta’ kampjuni ta’ dawn l-ispeċi fl-istat naturali kif ukoll id-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni jew taż-żoni ta’ mistrieħ tagħhom (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Distrett forestali ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 230).

27

L-osservanza ta’ din id-dispożizzjoni tobbliga lill-Istati Membri sabiex mhux biss jadottaw qafas leġiżlattiv eżawrjenti iżda wkoll sabiex jimplimentaw miżuri konkreti u speċifiċi ta’ protezzjoni. Bl-istess mod, is-sistema ta’ protezzjoni stretta teħtieġ l-adozzjoni ta’ miżuri koerenti u kkoordinati, ta’ natura preventiva. Tali sistema ta’ protezzjoni stretta għandha, għaldaqstant, tippermetti li jiġu evitati b’mod effettiv il-qbid jew il-qtil intenzjonali fl-istat naturali kif ukoll id-deterjorament jew il-qerda tas-siti ta’ riproduzzjoni jew taż-żoni ta’ mistrieħ tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fil-punt (a) tal-Anness IV tad-Direttiva Habitats (sentenza tas‑17 ta’ April 2018, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja (Distrett forestali ta’ Białowieża), C‑441/17, EU:C:2018:255, punt 231 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Minkejja li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats jawtorizza lill-Istati Membri li jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 12 sa 14 kif ukoll tal-Artikolu 15(a) u (b) tagħha, deroga adottata fuq din il-bażi hija suġġetta, sa fejn din tippermetti lil dawn l-Istati Membri li joħorġu mill-obbligi li tinvolvi s-sistema ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi naturali, għall-kundizzjoni li ma teżistix soluzzjoni sodisfaċenti oħra u li din id-deroga ma toħloqx inkonvenjent għaż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fl-ambjent naturali tagħhom.

29

Għandu jiġi kkonstatat li dawn il-kundizzjonijiet jirrigwardaw l-ipoteżijiet kollha msemmija fl-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva.

30

Għandu jiġi enfasizzat ukoll li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats, li jiddefinixxi b’mod preċiż u eżawrjenti l-kundizzjonijiet li fihom l-Istati Membri jistgħu jidderogaw mill-Artikoli 12 sa 14 kif ukoll mill-Artikolu 15(a) u (b) tagħha, jikkostitwixxi eċċezzjoni għas-sistema ta’ protezzjoni prevista mill-imsemmija direttiva, li għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑20 ta’ Ottubru 2005, Il‑Kummissjoni vs Ir-Renju Unit, C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 111, kif ukoll tal‑10 ta’ Mejju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑508/04, EU:C:2007:274, punti 110128) u li jassenja l-oneru tal-prova tal-eżistenza tal-kundizzjonijiet meħtieġa, għal kull deroga, lill-awtorità li tieħu d-deċiżjoni (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et, C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 34).

31

Barra minn hekk, għandu jiġi nnotat li l-ispeċi Canis lupus, komunement imsejjaħ lupu, jissemma fost l-ispeċi tal-annimali “ta’ interess għall-Komunità li għandhom bżonn ħarsien mill-qrib”, li l-lista tagħhom hija stabbilita fil-punt (a) tal-Anness IV tad-Direttiva Habitats, minbarra, b’mod partikolari, il-“popolazzjonijiet tal-Finlandja ġewwa ż-żona ta’ kontroll tar-renni […]”.

32

Fl-aħħar nett, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 40 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-kunċett ta’ “teħid”, fis-sens tal-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats, għandu jinftiehem fis-sens li jinkludi kemm il-qbid kif ukoll il-qtil ta’ kampjuni tal-ispeċi kkonċernati, b’tali mod li din id-dispożizzjoni tista’, bħala prinċipju, isservi bħala bażi għall-adozzjoni ta’ derogi intiżi, b’mod partikolari, li jippermettu l-qtil ta’ kampjuni tal-ispeċi msemmija fil-punt (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, b’osservanza tal-kundizzjonijiet speċifiċi previsti fih.

33

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet preliminari li għandhom jiġu eżaminati d-domandi tal-qorti tar-rinviju.

34

Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-għan imfittex minn deroga maħruġa skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-punti (a) sa (d) ta’ din id-dispożizzjoni jispjegaw, għal kull waħda mid-derogi li huma jipprevedu, l-għanijiet imfittxija, jiġifieri l-interess tal-protezzjoni tal-fawna u tal-flora selvaġġa u tal-konservazzjoni tal-habitat naturali (punt (a)), il-prevenzjoni ta’ ħsara serja (punt (b)), l-interess tas-saħħa u tas-sigurtà pubblika kif ukoll l-interess pubbliku kbir (punt (ċ)), ir-riċerka u l-edukazzjoni, it-tiġdid tal-popolazzjoni u l-introduzzjoni mill-ġdid ta’ speċi (punt (d)), dan ma huwiex il-każ tal-punt (e) tal-imsemmija dispożizzjoni, peress li dan ma jippreċiżax l-għan imfittex mid-deroga relatata miegħu.

35

Barra minn hekk, id-derogi bbażati fuq l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats għandhom jissodisfaw kundizzjonijiet addizzjonali fil-konfront ta’ dawk imsemmija fl-Artikolu 16(1)(a) sa (d) ta’ din id-direttiva. Dawn jippermettu, f’kundizzjonijiet strettament ikkontrollati, b’mod selettiv u limitat, it-teħid jew iż-żamma ta’ numru limitat u speċifikat ta’ ċerti kampjuni tal-ispeċi li jinsabu fl-Anness IV tal-imsemmija direttiva.

36

Għalhekk, sabiex l-ipoteżi l-oħrajn tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva u l-imsemmija sistema ta’ protezzjoni stretta ma jitneħħilhomx l-effett utli tagħhom, l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats ma jistax jikkostitwixxi bażi legali ġenerali għall-ħruġ ta’ derogi mill-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva.

37

Konsegwentement, l-għan ta’ deroga bbażata fuq l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats, bħala prinċipju, ma huwiex bħall-għanijiet tad-derogi bbażati fuq l-Artikolu 16(1)(a) sa (d) ta’ din id-direttiva, b’tali mod li l-ewwel dispożizzjoni tista’ tkun il-bażi għall-adozzjoni ta’ deroga biss fil-każ li d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 16(1)(a) sa (d) ma humiex rilevanti.

38

Fi kwalunkwe każ, id-derogi maħruġa skont l-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva ma għandhomx, meħuda globalment, jipproduċu effetti li jmorru kontra għanijiet imfittxija minn din tal-aħħar, kif imfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

39

F’dan il-każ, mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li d-derogi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħall-pjan ta’ ġestjoni tal-ilpup li kienu jidħlu fil-kuntest tiegħu, kienu jfittxu l-għan li jikkonsisti fit-tnaqqis tal-kaċċa illegali. Il-prevenzjoni tad-danni lill-klieb u t-titjib tas-sensazzjoni ġenerali ta’ sigurtà tal-persuni li jgħixu viċin żoni okkupati mill-ilpup kienu ppreżentati bħala motivi rilevanti f’dan ir-rigward u marbuta strettament ma’ dan l-għan, sa fejn il-fatt li jintlaħqu kellu jikkontribwixxi, skont l-Uffiċċju, sabiex tiżdied it-“tolleranza soċjali” tan-nies tal-post lejn il-lupu u, konsegwentement, sabiex titnaqqas il-kaċċa illegali.

40

Barra minn hekk, minn mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta jirriżulta li l-pjan ta’ ġestjoni tal-ilpup approvat fis-sena 2015 kien jinkludi miżuri u proġetti sabiex jintlaħaq stat ta’ konservazzjoni favorevoli ta’ din l-ispeċi u li l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa ta’ ġestjoni tal-ilpup kellha l-għan li tiġi mtejba s-simpatija tal-abitanti lejn l-ilpup u, konsegwentement, li titnaqqas il-kaċċa illegali.

41

Għandu għaldaqstant jitfakkar li l-għanijiet invokati insostenn tad-deroga għandhom jiġu ddefiniti b’mod ċar, preċiż u sostnut fid-deċiżjoni ta’ deroga. Fil-fatt, deroga bbażata fuq l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats tista’ tikkostitwixxi biss applikazzjoni konkreta u fil-ħin sabiex tissodisfa rekwiżiti preċiżi u għal sitwazzjonijiet speċifiċi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et, C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 34, kif ukoll tal‑11 ta’ Novembru 2010, Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑164/09, mhux ippubblikata, EU:C:2010:672, punt 25).

42

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li mill-kontenut tad-deċiżjonijiet ta’ deroga inkwistjoni fil-kawża prinċipali u, b’mod partikolari, mill-pjan ta’ ġestjoni li jidħlu fih, jirriżulta li l-kaċċa illegali kienet tikkostitwixxi, fid-dawl tal-għan tad-Direttiva Habitats, sfida kbira għall-preżervazzjoni tal-ispeċi mhedda. F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju ppreċiżat li n-numru ta’ lpup fil-Finlandja varja b’mod kunsiderevoli matul is-snin u tippreżumi li dawn il-varjazzjonijiet huma marbuta mal-kaċċa illegali li, fid-dawl tal-istatus ta’ perikolu ta’ estinzjoni tal-lupu, kienet toħloq sfida għall-konservazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Barra minn hekk, matul is-seduta, kemm l-Uffiċċju kif ukoll il-Gvern Finlandiż ikkonfermaw li l-ġlieda kontra l-kaċċa illegali kellha, bħala għan finali, il-konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernata.

43

Il-ġlieda kontra l-kaċċa illegali tista’ għaldaqstant tiġi invokata bħala metodu li jikkontribwixxi għaż-żamma jew għall-irripristinar fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli taż-żona kkonċernata u, għaldaqstant, bħala għan kopert mill-Artikolu 16(1)(e) ta’ din id-direttiva.

44

It-tieni nett, fir-rigward ta’ jekk id-derogi adottati skont l-Artikolu 16(1)(e) tal-imsemmija direttiva humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex, għandu jiġi enfasizzat li, sa fejn id-derogi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kienu esperiment intiż li jiġi vverifikat jekk awtorizzazzjoni limitata tal-kaċċa legali setgħetx tikkontribwixxi sabiex titnaqqas il-kaċċa illegali u, fl-aħħar nett, sabiex ittejjeb l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tal-ilpup, il-kwistjoni jekk dawn kinux xierqa sabiex jilħqu dawn l-għanijiet, fiċ-ċirkustanzi li fihom intalab il-ħruġ tagħhom, kienet mimlija b’inċertezzi matul l-adozzjoni tagħhom mill-Uffiċċju.

45

F’tali kuntest, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 62 tal-konklużjonijiet tiegħu, hija l-awtorità nazzjonali li għandha tissostanzja, abbażi ta’ data xjentifika rigoruża, inkluż, skont il-każ, data komparattiva dwar il-konsegwenzi tal-kaċċa ta’ ġestjoni fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu, l-ipoteżi skont liema l-awtorizzazzjoni tal-kaċċa ta’ ġestjoni tistax realment tnaqqas il-kaċċa illegali, u dan sa fejn hija kellha effett pożittiv nett fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni ta’ lpup, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni n-numru ta’ derogi maħsuba u l-istimi l-iktar reċenti tan-numru ta’ teħid illegali.

46

F’dan il-każ, l-Uffiċċju jargumenta li huwa muri li l-kaċċa ta’ ġestjoni hija ta’ natura li tnaqqas il-kaċċa illegali, fatt li huwa kkontestat minn Tapiola u l-Kummissjoni Ewropea. Il-qorti tar-rinviju, min-naħa tagħha, tesponi li ma kien hemm ebda prova xjentifika li tippermetti li jiġi konkluż li l-kaċċa legali ta’ speċi protetta tnaqqas il-kaċċa illegali sa tali punt li jkollha effett globalment pożittiv fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-lupu. Hija għaldaqstant l-imsemmija qorti li għandha tistabbilixxi, b’mod definittiv, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jekk id-derogi maħruġa għall-kaċċa ta’ ġestjoni humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tagħhom ta’ ġlieda kontra l-kaċċa illegali fl-interess tal-protezzjoni tal-ispeċi u bl-osservanza mill-Uffiċċju tal-obbligi tiegħu f’dan ir-rigward.

47

Fit-tieni lok, deroga ma tistax tinħareġ skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats meta l-għan imfittex minn din id-deroga jista’ jintlaħaq b’soluzzjoni sodisfaċenti oħra, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni. Għaldaqstant, tali deroga tista’ tinħareġ biss fl-assenza ta’ miżura alternattiva li tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex b’mod sodisfaċenti, filwaqt li jiġu osservati l-projbizzjonijiet previsti mill-imsemmija direttiva.

48

F’dan il-każ, għandu jitqies li s-sempliċi eżistenza ta’ attività illegali bħall-kaċċa illegali jew id-diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-kontroll tagħha ma jistgħux ikunu biżżejjed sabiex Stat Membru jitneħħielu l-obbligu tiegħu li jiżgura l-protezzjoni taż-żoni protetti skont l-Anness IV tad-Direttiva Habitats. F’tali sitwazzjoni, għall-kuntrarju, huwa l-obbligu tiegħu li jiffavorixxi l-kontroll strett u effikaċi ta’ din l-attività illegali, minn naħa, u l-implimentazzjoni ta’ mezzi li ma jinvolvux in-nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjonijiet imposti mill-Artikoli 12 sa 14 kif ukoll mill-Artikolu 15(a) u (b) ta’ din id-direttiva, min-naħa l-oħra.

49

Għandu barra minn hekk jiġi rrilevat li l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats jimponi fuq l-Istati Membri l-obbligu li jipprovdu motivazzjoni preċiża u adegwata dwar l-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra li tippermetti li jintlaħqu l-għanijiet invokati insostenn tad-deroga inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑342/05, EU:C:2007:341, punt 31).

50

Dan l-obbligu ta’ motivazzjoni ma huwiex issodisfatt meta d-deċiżjoni ta’ deroga la ssemmi xejn dwar l-ineżistenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra u lanqas ma tagħmel riferiment għar-rapporti tekniċi, legali u xjentifiċi rilevanti f’dan ir-rigward (ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑16 ta’ Ottubru 2003, Ligue pour la protection des oiseaux et, C‑182/02, EU:C:2003:558, punt 14, kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Malta, C‑557/15, EU:C:2018:477, punti 5051).

51

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, huwa l-obbligu tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, fil-kuntest tal-awtorizzazzjoni ta’ derogi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jipprovaw li, fid-dawl b’mod partikolari tal-aħjar għarfien xjentifiku u tekniku rilevanti, kif ukoll fid-dawl taċ-ċirkustanzi relatati mas-sitwazzjoni speċifika inkwistjoni, ma teżisti ebda soluzzjoni sodisfaċenti oħra li tippermetti li jintlaħaq l-għan imfittex b’osservanza tal-projbizzjonijiet stipulati fid-Direttiva Habitats.

52

F’dan il-każ, id-deċiżjoni tar-rinviju ma tinkludi ebda punt li jindika li l-Uffiċċju wera li l-uniku mezz sabiex jintlaħaq l-għan invokat insostenn tad-derogi ta’ ġestjoni kien jikkonsisti fl-awtorizzazzjoni, skont l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats, ta’ ċertu livell ta’ kaċċa ta’ ġestjoni tal-lupu.

53

Għaldaqstant, jidher li d-deċiżjonijiet li jawtorizzaw derogi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jissodisfawx ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni preċiża u adegwata dwar l-assenza ta’ soluzzjoni sodisfaċenti oħra li tippermetti li jintlaħaq l-għan invokat, imfakkar fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, fatt li madankollu hija l-qorti tar-rinviju li għandha tikkonferma.

54

It-tielet nett, għandu jiġi żgurat li d-deroga inkwistjoni ma tiksirx il-kundizzjoni, stipulata fl-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats, li tipprovdi li din id-deroga ma tistax tkun ta’ ħsara għaż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fl-ambjent naturali tagħhom.

55

Fil-fatt, l-istat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-imsemmija popolazzjonijiet fl-ambjent naturali tagħhom hija kundizzjoni neċessarja u preliminari għall-għoti tad-derogi li jipprevedi l-imsemmi Artikolu 16(1) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2007, Il‑Kummissjoni vs L‑Awstrija, C‑508/04, EU:C:2007:274, punt 115).

56

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 1(i) tad-Direttiva Habitats jikklassifika stat ta’ konservazzjoni bħala favorevoli meta, l-ewwel nett, l-informazzjoni fuq iċ-ċaqliq tal-popolazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni tindika li din l-ispeċi għadha, u x’aktarx tkompli fit-tul, tikkostitwixxi komponent vijabbli tal-habitat naturali tagħha; it-tieni nett, il-firxa naturali tal-ispeċi la qiegħda titnaqqas u lanqas għandha xejra li ser titnaqqas fil-ġejjieni prevedibbli; u, it-tielet nett, hemm, u x’aktarx jibqa’ jkun hemm, habitat naturali kbir biżżejjed sabiex iżomm il-popolazzjonijiet tiegħu fit-tul.

57

Deroga skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats għandha għaldaqstant tkun ibbażata fuq kriterji ddefiniti b’tali mod li tiġi żgurata l-preżervazzjoni fit-tul tad-dinamika u tal-istabbiltà soċjali tal-ispeċi inkwistjoni.

58

Għaldaqstant, bħalma essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 79 sa 82 tal-konklużjonijiet tiegħu, fl-evalwazzjoni tal-ħruġ ta’ deroga bbażata fuq l-imsemmi Artikolu 16(1), huwa l-obbligu tal-awtorità nazzjonali kompetenti li tiddetermina, b’mod partikolari fuq il-livell nazzjonali jew, skont il-każ, fuq il-livell tar-reġjun bijoġeografiku inkwistjoni meta l-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru jikkoinċidu ma’ diversi reġjuni bijoġeografiċi, jew inkella jekk il-firxa naturali tal-ispeċi teżiġi dan u, sa fejn possibbli, fuq il-livell transkonfinali, fl-ewwel lok, l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni tal-ispeċi kkonċernati u, fit-tieni lok, l-impatti ġeografiċi u demografiċi li d-derogi maħsuba jistgħu jipproduċu fuqu.

59

Barra minn hekk, bħalma rrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 83 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-evalwazzjoni tal-impatt ta’ deroga fuq il-livell tat-territorju ta’ popolazzjoni lokali hija ġeneralment neċessarja għad-determinazzjoni tal-effett tagħha fuq l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjoni inkwistjoni fuq livell ikbar. Fil-fatt, sa fejn tali deroga għandha, konformement mal-kundizzjonijiet imfakkra fil-punt 41 ta’ din is-sentenza, tissodisfa rekwiżiti preċiżi u sitwazzjonijiet speċifiċi, il-konsegwenzi ta’ tali deroga ġeneralment ser jinħassu b’mod l-iktar immedjat fiż-żona lokali koperta minnha. Barra minn hekk, bħalma jirriżulta mill-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja, l-istat ta’ konservazzjoni ta’ popolazzjoni fuq il-livell nazzjonali jew bijoġeografiku jiddependi wkoll mill-effett meħud flimkien tad-diversi derogi li jaffettwaw żoni lokali.

60

Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għal dak li jallega l-Uffiċċju, ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni, il-parti tal-firxa naturali tal-popolazzjoni kkonċernata li testendi għal ċerti partijiet mit-territorju ta’ Stat terz, li ma huwiex marbut bl-obbligi ta’ protezzjoni stretta tal-ispeċi li huma ta’ interess għall-Unjoni.

61

Għaldaqstant, tali deroga ma tistax tiġi adottata mingħajr ma jkunu ġew evalwati l-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata kif ukoll l-impatt li d-deroga maħsuba jista’ jkollha fuqha fuq il-livell lokali kif ukoll fuq il-livell tat-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew, skont il-każ, fuq il-livell tar-reġjun bijoġeografiku inkwistjoni meta l-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru jikkoinċidu ma’ diversi reġjuni bijoġeografiċi, jew inkella jekk il-firxa naturali tal-ispeċi teżiġi dan u, sa fejn possibbli, fuq il-livell transkonfinali.

62

Fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jiġi miżjud ukoll, l-ewwel nett, li pjan ta’ ġestjoni u leġiżlazzjoni nazzjonali li jiffissaw in-numru massimu ta’ kampjuni li jistgħu jinqatlu għal sena tal-kaċċa partikolari fit-territorju nazzjonali jistgħu jikkostitwixxu fattur rilevanti għad-determinazzjoni tal-osservanza tar-rekwiżit imfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, peress li dawn jistgħu jiżguraw li l-effett kumulattiv annwali tad-derogi individwali ma jkunx ta’ ħsara għaż-żamma jew għall-irripristinar tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli.

63

F’dan ir-rigward, miċ-ċifri sottomessi minn Tapiola u l-Kummissjoni, li l-qorti tar-rinviju għandha tivverifika l-eżattezza tagħhom, jirriżulta li, minn naħa, 43 jew 44 lupu nqatlu fil-Finlandja abbażi ta’ derogi bħala kaċċa ta’ ġestjoni, awtorizzati skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fis-sena tal-kaċċa 2015‑2016, li nofshom kienu kampjuni riproduttivi, f’popolazzjoni li tammonta għal bejn 275 u 310 kampjuni fuq il-livell nazzjonali. B’dan il-mod, il-kaċċa ta’ ġestjoni wasslet għall-qtil ta’ kważi 15 % tal-popolazzjoni totali ta’ lpup fil-Finlandja, fosthom diversi kampjuni riproduttivi. Min-naħa l-oħra, in-numru annwali ta’ teħid illegali kien stmat għal madwar 30 kampjun mill-pjan ta’ ġestjoni.

64

Għaldaqstant, din il-kaċċa ta’ ġestjoni twassal għall-qtil ta’ 13 jew 14‑il kampjun addizzjonali meta mqabbel ma’ dawk li, skont l-istimi, inqatlu minħabba l-kaċċa illegali, li jwassal għalhekk għal effett nett negattiv fuq l-imsemmija popolazzjoni.

65

Fid-dawl ta’ dan kollu preċedenti, jista’ jkun hemm dubji li l-pjan ta’ ġestjoni u l-leġiżlazzjoni nazzjonali li jiffissaw in-numru massimu ta’ kampjuni li jistgħu jinqatlu għal sena tal-kaċċa, fil-kuntest li jidħlu fih id-derogi inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jippermettu li jiġi osservat ir-rekwiżit imfakkar fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, li madankollu huwa għall-qorti tar-rinviju li tivverifika.

66

F’dan il-kuntest, għandu jiġi enfasizzat ukoll li, konformement mal-prinċipju ta’ prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191(2) TFUE, jekk l-eżami tal-aħjar data xjentifika disponibbli jħalli inċertezza fuq il-kwistjoni dwar jekk tali deroga hix ser tkun ta’ ħsara jew le għaż-żamma jew għall-irripristinar tal-popolazzjonijiet ta’ speċi f’perikolu ta’ estinzjoni fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-Istat Membru għandu ma jadottahiex jew ma jimplimentahiex.

67

Għaldaqstant hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk l-Uffiċċju pprovax, abbażi tad-data xjentifika, li l-limiti territorjali u kwantitattivi li d-derogi inkwistjoni fil-kawża prinċipali huma suġġetti għalihom, kinux biżżejjed sabiex jiġi żgurat li dawn ma jikkawżawx ħsara għaż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fl-ambjent naturali tagħhom.

68

It-tieni nett, f’dak li jirrigwarda l-effett tal-istat ta’ konservazzjoni sfavorevoli ta’ speċi fuq il-possibbiltà li jiġu awtorizzati d-derogi skont l-Artikolu 16(1) tad-Direttiva Habitats, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li l-ħruġ ta’ tali derogi jibqa’ possibbli eċċezzjonalment meta jiġi debitament stabbilit li ma humiex ta’ natura li jaggravaw l-istat ta’ konservazzjoni mhux favorevoli tal-popolazzjonijet jew li jipprevjenu l-irripristinar tagħhom fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Fil-fatt, skont il-Qorti tal-Ġustizzja, ma jistax jiġi eskluż li l-qtil ta’ numru limitat ta’ kampjuni jkun mingħajr effett fuq l-għan imfittex mill-Artikolu 16(1), li jikkonsisti fiż-żamma fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-popolazzjoni tal-ilpup fil-firxa naturali tagħhom. Għaldaqstant tali deroga tkun newtrali għall-ispeċi kkonċernata (sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2007, Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑342/05, EU:C:2007:341, punt 29).

69

Għandu madankollu jiġi enfasizzat li l-ħruġ, eċċezzjonalment, ta’ tali derogi għandu jiġi evalwat ukoll fid-dawl tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, imfakkar fil-punt 66 ta’ din is-sentenza.

70

Fir-raba’ lok, l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats jimponi l-osservanza ta’ kundizzjonijiet dwar in-natura limitata u speċifikata tan-numru ta’ kampjuni tal-ispeċi li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ teħid jew ta’ żamma, dwar il-mod selettiv u limitat kif jista’ jsir dan it-teħid jew din iż-żamma, kif ukoll dwar in-natura stretta tal-kontroll li l-osservanza ta’ dawn il-kundizzjonijiet għandha tkun suġġetta għalih.

71

Fir-rigward, qabelxejn, tal-kundizzjoni dwar in-numru limitat u speċifikat ta’ teħid jew ta’ żamma ta’ ċerti kampjuni tal-ispeċi inkwistjoni, għandu jiġi rrilevat li dan in-numru jiddependi, f’kull każ, fuq l-ammont tal-popolazzjoni tal-ispeċi, tal-istat ta’ konservazzjoni tagħha, u tal-karatteristiċi bijoloġiċi tagħha. Dan l-ammont għandu għalhekk jiġi ddeterminat abbażi ta’ informazzjoni xjentifika rigoruża ta’ natura ġeografika, klimatika, ambjentali u bijoloġika kif ukoll fid-dawl ta’ dik li tippermetti li tiġi evalwata s-sitwazzjoni fir-rigward tar-riproduzzjoni u tal-mortalità annwali totali minħabba raġunijiet naturali tal-ispeċi kkonċernata (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et, C‑60/05, EU:C:2006:378, punti 2529, kif ukoll tal‑21 ta’ Ġunju 2018, Il‑Kummissjoni vs Malta, C‑557/15, EU:C:2018:477, punt 62).

72

L-ammont ta’ teħid awtorizzat skont id-deroga prevista fl-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats għandu għaldaqstant, sabiex jitqies li jissodisfa din il-kundizzjoni, ikun limitat b’tali mod li ma jġibx ir-riskju ta’ impatt negattiv sinjifikattiv fuq l-istruttura tal-popolazzjoni kkonċernata, anki jekk, fih innifsu, ma jikkawżax ħsara għaż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernati fl-ambjent naturali tagħhom. Dan l-ammont għandu mhux biss ikun limitat strettament fid-dawl tal-kriterji msemmija, iżda wkoll ċarament speċifikat fid-deċiżjonijiet ta’ derogi.

73

Fir-rigward, sussegwentement, tal-kundizzjonijiet ta’ selettività u ta’ limitazzjoni tat-teħid jew taż-żamma ta’ ċerti kampjuni tal-ispeċi, għandu jitqies li dawn jeżiġu li d-deroga tirrigwarda numru ta’ kampjuni ddeterminat bl-iktar mod strett, speċifiku u fil-ħin possibbli, fid-dawl tal-għan imfittex mid-deroga inkwistjoni. Għaldaqstant jista’ jkun neċessarju, fid-dawl tal-ammont tal-popolazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni, tal-istat ta’ konservazzjoni tagħha u tal-karatteristiċi bijoloġiċi tagħha, li d-deroga tkun limitata mhux biss għall-ispeċi kkonċernata jew għat-tipi jew gruppi ta’ kampjuni tagħha, iżda wkoll għall-ispeċi identifikati individwalment.

74

Fl-aħħar nett, il-kundizzjoni dwar l-issuġġettar tad-derogi bbażati fuq l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats għal kundizzjonijiet strettament ikkontrollati jimplika, b’mod partikolari, li dawn il-kundizzjonijiet kif ukoll il-mod kif l-osservanza tagħhom hija żgurata jippermettu li tiġi żgurata n-natura selettiva u limitata tat-teħid jew taż-żamma tal-kampjuni tal-ispeċi kkonċernati. B’dan il-mod, għal kull deroga bbażata fuq din id-dispożizzjoni, l-awtorità nazzjonali kompetenti għandha tiżgura ruħha qabel l-adozzjoni tagħha li l-kundizzjonijiet previsti fiha huma osservati u tissorvelja l-effett tagħha a posteriori. Fil-fatt, il-leġiżlazzjoni nazzjonali għandha tiżgura li l-legalità tad-deċiżjonijiet li joħorġu derogi skont din id-dispożizzjoni u l-mod kif dawn id-deċiżjonijiet huma applikati, inkluż f’dak li jirrigwarda l-osservanza tal-kundizzjonijiet dwar b’mod partikolari l-postijiet, id-dati, il-kwantitajiet u t-tipi ta’ kampjuni inkwistjoni, li huma suġġetti għalihom, ikunu kkontrollati b’mod effettiv u fil-ħin (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑8 ta’ Ġunju 2006, WWF Italia et, C‑60/05, EU:C:2006:378, punt 47).

75

F’dan il-każ, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta, l-ewwel nett, li d-derogi inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirrigwardaw il-qtil ta’ numru limitat ta’ lpup, jiġifieri seba’ kampjuni. Issa, bħalma rrilevat il-Kummissjoni, dan in-numru għandu jitqiegħed, sabiex tiġi evalwata l-osservanza tal-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats, fil-kuntest iktar wiesa’ tat-teħid awtorizzat bħala kaċċa ta’ ġestjoni, li, bħalma tfakkar fil-punti 62 sa 64 ta’ din is-sentenza, iqajjem dubji fir-rigward tal-osservanza tar-rekwiżiti imposti minn din id-dispożizzjoni.

76

It-tieni nett, huwa minnu li d-deċiżjonijiet ta’ deroga inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludu ċerti indikazzjonijiet dwar it-tipi ta’ kampjuni fil-mira tagħha, b’mod partikolari l-kampjuni li għadhom żgħar jew dawk li jikkawżaw inkonvenjenti.

77

Madankollu, bħalma jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-preċiżazzjonijiet mogħtija matul is-seduta, dawn id-derogi sempliċement jirrakkomandaw lid-destinatarji tagħhom li jkollhom fil-mira tagħhom ċerti kampjuni individwali u li jevitaw oħrajn minnhom, mingħajr ma jobbligawhom. Għaldaqstant dawn ma jippermettux li jiġi eskluż li jkun hemm fil-mira tagħhom, fl-implimentazzjoni ta’ dawn id-derogi, il-kampjuni riproduttivi li għandhom importanza partikolari fid-dawl tal-għanijiet tad-Direttiva Habitats, kif imfakkra fil-punt 25 ta’ din is-sentenza.

78

It-tielet nett, mill-proċess sottomess lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, minkejja l-indikazzjoni, fl-imsemmija derogi, a contario sensu, 20 lupu maskil dominanti donnhom inqatlu fil-kuntest tal-kaċċa ta’ ġestjoni matul is-sena tal-kaċċa inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jippermetti li jitqajjem dubju dwar in-natura selettiva tad-derogi maħruġa, l-effikaċità tal-kontroll tal-implimentazzjoni tagħhom kif ukoll in-natura limitata tat-teħid.

79

Għaldaqstant, bla ħsara għal verifiki li huwa l-kompitu tal-qori tar-rinviju li twettaq, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-kundizzjonijiet li fihom inħarġu d-derogi inkwistjoni fil-kawża prinċipali kif ukoll il-mod kif hija mistħarrġa l-osservanza tagħhom jippermettu li tiġi żgurata n-natura selettiva u limitata tat-teħid tal-kampjuni tal-ispeċi kkonċernati fis-sens tal-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats.

80

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula mill-qorti tar-rinviju għandha tkun li l-Artikolu 16(1)(e) tad-Direttiva Habitats għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li joħorġu derogi mill-projbizzjoni ta’ qtil intenzjonali tal-lupu, stipulata fl-Artikolu 12(1)(a), moqri flimkien mal-punt (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, bħala kaċċa ta’ ġestjoni, li l-għan tagħha huwa l-ġlieda kontra l-kaċċa illegali, jekk:

l-għan imfittex minn tali derogi ma huwiex sostnut b’mod ċar u preċiż u jekk, fid-dawl ta’ data xjentifika rigoruża, l-awtorità nazzjonali ma jirnexxilhiex tipprova li dawn id-derogi huma xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan,

ma huwiex debitament ipprovat li l-għan li huma jfittxu ma jistax jintlaħaq b’soluzzjoni sodisfaċenti oħra, u s-sempliċi eżistenza ta’ attività illegali jew id-diffikultajiet għall-implimentazzjoni tal-kontroll tagħha ma jistgħux jikkostitwixxu element suffiċjenti f’dan ir-rigward,

ma huwiex żgurat li d-derogi ma jikkawżawx ħsara għaż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata fl-ambjent naturali tagħhom,

id-derogi ma kinux is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata kif ukoll tal-impatt li d-deroga maħsuba jista’ jkollha fuqha, fil-livell tat-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew, skont il-każ, fil-livell tar-reġjun bijoġeografiku inkwistjoni meta l-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru jikkoinċidu ma’ diversi reġjuni bijoġeografiċi, jew inkella jekk il-firxa naturali tal-ispeċi teħtieġ dan u, sa fejn possibbli, fil-livell transkonfinali, u

dawn ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha dwar il-mod selettiv u limitat tat-teħid ta’ numru limitat u speċifikat ta’ ċerti kampjuni tal-ispeċi msemmija fl-Anness IV tal-imsemmija direttiva f’kundizzjonijiet strettament ikkontrollati, li l-osservanza tagħhom għandha tiġi pprovata fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kobor tal-popolazzjoni, tal-istat ta’ konservazzjoni tagħha u tal-karatteristiċi bijoloġiċi tagħha.

Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

Fuq l-ispejjeż

81

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

L-Artikolu 16(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal‑21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet li joħorġu derogi mill-projbizzjoni ta’ qtil intenzjonali tal-lupu, stipulata fl-Artikolu 12(1)(a), moqri flimkien mal-punt (a) tal-Anness IV ta’ din id-direttiva, bħala kaċċa ta’ ġestjoni, li l-għan tagħha huwa l-ġlieda kontra l-kaċċa illegali, jekk:

 

l-għan imfittex minn tali derogi ma huwiex sostnut b’mod ċar u preċiż u jekk, fid-dawl ta’ data xjentifika rigoruża, l-awtorità nazzjonali ma jirnexxilhiex tipprova li dawn id-derogi huma xierqa sabiex jintlaħaq dan l-għan,

 

ma huwiex debitament ipprovat li l-għan li huma jfittxu ma jistax jintlaħaq b’soluzzjoni sodisfaċenti oħra, u s-sempliċi eżistenza ta’ attività illegali jew id-diffikultajiet għall-implimentazzjoni tal-kontroll tagħha ma jistgħux jikkostitwixxu element suffiċjenti f’dan ir-rigward,

 

ma huwiex żgurat li d-derogi ma jikkawżawx ħsara għaż-żamma, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata fl-ambjent naturali tagħhom,

 

id-derogi ma kinux is-suġġett ta’ evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi kkonċernata kif ukoll tal-impatt li d-deroga maħsuba jista’ jkollha fuqha, fil-livell tat-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew, skont il-każ, fil-livell tar-reġjun bijoġeografiku inkwistjoni meta l-fruntieri ta’ dan l-Istat Membru jikkoinċidu ma’ diversi reġjuni bijoġeografiċi, jew inkella jekk il-firxa naturali tal-ispeċi teħtieġ dan u, sa fejn possibbli, fil-livell transkonfinali, u

 

dawn ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet kollha dwar il-mod selettiv u limitat tat-teħid ta’ numru limitat u speċifikat ta’ ċerti kampjuni tal-ispeċi msemmija fl-Anness IV tal-imsemmija direttiva f’kundizzjonijiet strettament ikkontrollati, li l-osservanza tagħhom għandha tiġi pprovata fir-rigward, b’mod partikolari, tal-kobor tal-popolazzjoni, tal-istat ta’ konservazzjoni tagħha u tal-karatteristiċi bijoloġiċi tagħha.

 

Huwa l-kompitu tal-qorti tar-rinviju li tivverifika jekk dan huwiex il-każ fil-kawża prinċipali.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.

Top