EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CJ0141

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-14 ta’ Jannar 2016.
Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Bulgarija.
Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2009/147/KE – Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi – Żoni ta’ protezzjoni speċjali Kaliakra u Belite skali – Direttiva 92/43/KEE – Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa – Sit ta’ importanza Komunitarja Kompleks Kaliakra – Direttiva 2011/92/UE – Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Applikabbiltà ratione temporis tal-iskema ta’ protezzjoni – Degradazzjoni tal‑habitat tal-flora u tal-fawna u perturbazzjoni tal-flora u tal-fawna – Enerġija eolika – Turiżmu.
Kawża C-141/14.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:8

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

14 ta’ Jannar 2016 ( *1 )

“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Direttiva 2009/147/KE — Konservazzjoni ta’ għasafar selvaġġi — Żoni ta’ protezzjoni speċjali Kaliakra u Belite skali — Direttiva 92/43/KEE — Konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa — Sit ta’ importanza Komunitarja Kompleks Kaliakra — Direttiva 2011/92/UE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent — Applikabbiltà ratione temporis tal-iskema ta’ protezzjoni — Degradazzjoni tal‑habitat tal-flora u tal-fawna u perturbazzjoni tal-flora u tal-fawna — Enerġija eolika — Turiżmu”

Fil-Kawża C‑141/14,

li għandha bħala suġġett rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu skont l-Artikolu 258 TFUE, ippreżentat fl-24 ta’ Marzu 2014,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. White u C. Hermes kif ukoll minn P. Mihaylova, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

vs

Ir-Repubblika tal-Bulgarija, irrappreżentata minn E. Petranova u D. Drambozova, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn M. Ilešič, President tat-Tieni Awla, li qed jaġixxi bħala President tat-Tielet Awla, C. Toader (Relatur) u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: M. Aleksejev, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Mejju 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li, billi:

naqset milli tinkludi l-integralità tat-territorji taż-żoni importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar (iktar ’il quddiem iż-“ŻIKGĦA”) fiż-żona ta’ protezzjoni speċjali (iktar ’il quddiem iż-ŻPS”) li tkopri r-reġjun ta’ Kaliakra (iktar ’il quddiem iż-ŻPS Kaliakra”), ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kklassifikatx bħala ŻPS it-territorji l-iktar xierqa f’termini ta’ numru u ta’ daqs għall-konservazzjoni, minn naħa, speċi bijoloġiċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU 2010, L 20, p. 7, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘għasafar’”) u, min-naħa l-oħra, speċi migratorji mhux inklużi f’dan l-anness li jaslu regolarment fiż-żona ġeografika marittima u terrestri ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u b’hekk naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmija direttiva;

approvat it-twettiq tal-proġetti “AES Geo Energy”, “Windtech”, “Brestiom”, “Disib”, “Eco Energy” u “Longman Investment” fuq it-territorju taż-ŻIKGĦA li jkopri r-reġjun ta’ Kaliakra (iktar ’il quddiem iż-“ŻIKGĦA Kaliakra”) li ma ġietx ikklassifikata bħala ŻPS meta fil-fatt kellha tkun hekk ikklassifikata, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar”;

approvat it-twettiq tal-proġetti Kaliakra Wind Power”, “EVN Enertrag Kavarna”, “TSID – Atlas”, “Vertikal – Petkov & Cie” u “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort” fuq it-territorji taż-ŻPS Kaliakra, tas-sit ta’ importanza Komunitarja “Kompleks Kaliakra” (iktar ’il quddiem is-“SIK Kompleks Kaliakra”) u taż-ŻPS li jkopri r-reġjun ta’ Belite skali (iktar ’il quddiem iż-“ŻPS Belite skali”), ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102, iktar ’il quddiem id-“Direttiva ‘habitats’”);

naqset milli tevalwa korrettament l-effett kumulattiv tal-proġetti “AES Geo Energy”, “Windtech”, “Brestiom”, “Disib”, “Eco Energy” u “Longman investment”, li t-twettiq tagħhom, fuq it-territorju taż-ŻIKGĦA Kaliakra li ma ġiex ikklassifikat bħala ŻPS meta kellu jkun hekk ikklassifikat, ġie approvat mir-Repubblika tal-Bulgarija, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu skont id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 2(1) u 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 26, p. 1) kif ukoll tal-Anness III, punt 1(b) tagħha.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

Id-Direttiva “għasafar”

2

Skont l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva “għasafar”, din hija dwar il-konservazzjoni tal-ispeċi kollha tal-għasafar li jinsabu fin-natura fit-territorju Ewropew tal-Istati Membri li għalihom japplika t-Trattat UE. Din għandha bħala għan il-protezzjoni, l-amministrazzjoni u l-kontroll ta’ dawn l-ispeċi u tippreskrivi regoli għall-isfruttar tagħhom.

3

L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1   L-ispeċi msemmija fl-Anness I għandhom ikunu s-suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni li jikkonċernaw l-ambjent naturali tagħhom bil-għan li tkun assigurata s-sopravvivenza u r-riproduzzjoni tagħhom fiż-żona tad-distribuzzjoni tagħhom.

F’konnessjoni ma’ dan, għandu jittieħed kont tal-:

а)

ispeċi fil-perikolu tal-estinzjoni;

b)

ispeċi vulnerabbli għal ċertu tibdil fl-ambjent naturali tagħhom;

c)

ispeċi kkunsidrati rari minħabba popolazzjonijiet żgħar jew distribuzzjoni lokali ristretta;

d)

ispeċi oħra li jkollhom bżonn attenzjoni partikolari għar-raġunijiet tan-natura speċifika tal-ambjent naturali tagħhom.

Id-drawwiet u l-varjazzjonijiet fil-livelli tal-populazzjoni għandhom ikunu meħuda in konsiderazzjoni bħala sfond għal evalwazzjonijiet.

L-Istati Membri għandhom jikklassifikaw l-aktar territorji tajbin fin-numru u daqs, partikolarment bħala [ŻPS] għall-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva.

2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri simili għall-ispeċi migratorji regolari mhux elenkati fl-Anness I, billi jżommu f’moħħhom il-bżonn tagħhom għal protezzjoni fiż-żona ġeografika tal-baħar u tal-art fejn tapplika din id-Direttiva, rigward iż-żoni ta’ tgħammir, tbiddil u żoni fejn iqattgħu x-xitwa u postijiet ta’ waqfien tul ir-rotot migratorji tagħhom. Għal dan il-għan, l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari għall-protezzjoni tal-artijiet niedja u partikolarment għall-artijiet niedja ta’ importanza internazzjonali.

[...]

4.   Fir-rigward taż-żoni ta’ protezzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa biex jevitaw tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali u kwalunkwe tfixkil li jaffettwa l-għasafar, sakemm dawn jistgħu ikunu sinifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-Artikolu. Barra minn dawn iż-żoni tal-protezzjoni, l-Istati Membri għandhom jagħmlu l-iżjed possibbli biex jevitaw it-tniġġis jew deterjorazzjoni tal-ambjent naturali.”

Id-Direttiva “habitats”

4

L-Artikolu 6(2) sa (4) tad-Direttiva “habitats” jipprovdi:

“2.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, fiż-żoni speċjali ta’ konservazzjoni, id-deterjorament tal-habitat naturali u l-habitat tal-ispeċi kif ukoll t-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġew nominati ż-żoni, safejn dak it-tfixkil jista’ jkun sinifikanti meta jitqies skont l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

3.   Kull pjan jew proġett li mhux marbut direttament ma’ jew li ma hux meħtieġ għat-tmexxija tas-sit iżda li x’aktarx se jkollu effett sinifikanti fuqu, jew b’mod individwali jew inkella flimkien ma’ xi pjanijiet jew proġetti oħra, għandu jkun suġġett għal evalwazzjoni xierqa ta’ l-implikazzjonijiet tiegħu għas-sit in vista ta’ l-għanjiet ta’ konservazzjoni tas-sit. Fl-isfond tar-riżultati tal-evalwazzjoni tal-implikazzjonijiet għas-sit u skont id-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom jaqblu dwar il-pjan jew il-proġett biss wara li jkunu żguraw li dan ma jaffettwax ħażin l-integrità tas-sit konċernat u, jekk xieraq, wara li jkunu raw l-opinjoni tal-pubbliku ġenerali.

4.   Jekk, minkejja li jkun hemm evalwazzjoni negattiva ta’ l-implikazzjonijiet għas-sit u fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet oħra, pjan jew proġett irid isir xorta waħda għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi ma’ l-interess pubbliku, inklużi dawk ta’ tip soċjali jew ekonomiku, l-Istat Membru irid jieħu l-miżuri kollha kumpensatorji meħtieġa biex jiżgura li tkun protetta l-koerenza globali ta’ Natura 2000. Hu jrid jgħarraf lill-Kummissjoni dwar il-miżuri kumpensatorji adottati.

Meta s-sit konċernat jospita tip ta’ habitat naturali ta’ priorità u/jew speċi ta’ priorità, l-uniċi kunsiderazzjonijiet li jistgħu jitqajmu huma dawk marbuta ma’ saħħet il-bniedem jew is-sigurtà pubblika, dawk li għandhom konsegwenzi ta’ benefiċċju u ta’ importanza ewlenija għall-ambjent jew, wara opinjoni mill-Kummissjoni, ma raġunijiet obbligatorji oħra ta’ interess pubbliku li jieħu l-preċedenza.”

Id-Direttiva 2011/92

5

Skont l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92:

“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”

6

L-Artikolu 4(2) u (3) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi:

“2.   Bla ħsara għall-Artikolu 2(4), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, Stati Membri għandhom jistabbilixxu jekk il-proġett għandux jiġi soġġett għal stima b’mod konformi mal-Artikoli 5 sa 10. L-Istati Membri għandhom jagħmlu dik id-determinazzjoni permezz ta’:

а)

eżami każ b’każ,

jew

b)

livelli jew kriterji stabbiliti mill-Istat Membru.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-punti (a) u (b).

3.   Meta jitwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-livelli jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji tal-għażla rilevanti stabbiliti fl-Anness III.”

7

L-Anness III, punt 1(b) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati b’mod partikolari f’relazzjoni mal-kumulazzjoni ma’ proġetti oħra.

L-Att ta ’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea

8

L-att dwar il-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija u dwar l-adattamenti tat-trattati li hija bbażata fuqhom l-Unjoni Ewropea (ĠU 2005, L 157, p. 10) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007.

Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-proċedura prekontenzjuża

9

Ir-reġjun ta’ Kaliakra, li jinsab fuq il-kosta Bulgara tal-Baħar l-Iswed, huwa sit importanti għall-konservazzjoni ta’ diversi speċi ta’ għasafar u tal-habitats tagħhom, li hija r-raġuni għalfejn dan ir-reġjun intgħażel bħala ŻIKGĦA mill-organizzazzjoni mhux governattiva BirdLife International.

10

Fit-18 ta’ Diċembru 2007, ir-Repubblika Bulgara ħolqot, skont id-Direttiva “għasafar”, iż-ŻPS Kaliakra. Din iż-żona ta’ protezzjoni kienet tkopri biss żewġ terzi mit-territorju taż-ŻIKGĦA Kaliakra. Ir-Repubblika tal-Bulgarija stabbiliet ukoll, fil-Punent taż-ŻPS Kaliakra u ’l barra miż-ŻIKGĦA Kaliakra, iż-ŻPS Belite skali. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru ppropona lill-Kummissjoni li tistabbilixxi bl-isem ta’ “Kompleks Kaliakra” sit ta’ interess Komunitarju (iktar ’il quddiem is-“SIK Kompleks Kaliakra”) li jinkludi l-kważi totalità tad-daqs taż-ŻPS Kaliakra u taż-ŻPS Belite skali.

11

Wara lmenti fformulati mill-Bulgarsko druzhestvo za zashtita na ptitsite (Soċjetà Bulgara ta’ protezzjoni tal-għasafar) dwar in-natura insuffiċjenti tal-portata ġeografika taż-ŻPS Kaliakra u tal-konsegwenzi negattivi ta’ diversi proġetti ta’ attivitajiet ekonomiċi fuq il-habitats naturali kif ukoll fuq il-habitats ta’ speċi ta’ għasafar, il-Kummissjoni bagħtet, fis-6 ta’ Ġunju 2008, ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika tal-Bulgarija fejn talbet lil dan l-Istat Membru jirrimedja għan-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu tagħha skont l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar” f’dak li jikkonċerna sitt ŻPS, fosthom iż-ŻPS Kaliakra. Peress li ma kinitx sodisfatta bid-diversi risposti pprovduti mir-Repubblika tal-Bulgarija, il-Kummissjoni bagħtet, fl-1 ta’ Diċembru 2008, it-tieni ittra ta’ intimazzjoni li torbotha tirrimedja għan-nuqqasijiet għat-twettiq ta’ obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” u tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 2(1) u 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll tal-Anness III tagħha, sa fejn l-imsemmi Stat Membru kien awtorizza l-installazzjoni ta’ diversi eoliċi ġewwa ż-ŻIKGĦA Kaliakra. Ir-Repubblika tal-Bulgarija rrispondiet fit-30 ta’ Jannar 2009 għal dawn l-ittri ta’ intimazzjoni u, ulterjorment, bagħtet f’diversi drabi informazzjoni kumplimentari.

12

Fit-30 ta’ Settembru 2011, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika tal-Bulgarija t-tielet ittra ta’ intimazzjoni kumplimentari li kienet intiża, minn naħa, sabiex tikkonsolida ż-żewġ ittri ta’ intimazzjoni preċedenti u, min-naħa l-oħra, kienet tinkludi talbiet ġodda dwar it-territorji taż-ŻIKGĦA Kaliakra, taż-ŻPS Belite skali u tas-SIK Kompleks Kaliakra. Din l-ittra tqajjem żewġ gruppi ta’ kwistjonijiet: il-portata ġeografika insuffiċjenti tat-territorju taż-ŻPS Kaliakra u l-effetti ta’ diversi proġetti fuq iż-ŻPS Kaliakra, iż-ŻPS Belite skali, is-SIK Kompleks Kaliakra, u ż-żona li kellha tiġi kklassifikata bħal ŻPS skont l-inventarju taż-ŻIKGĦA, iżda li ma kinitx.

13

Fit-30 ta’ Jannar 2012, ir-Repubblika tal-Bulgarija informat lill-Kummissjoni li l-proġetti elenkati minnha kienu, fil-parti l-kbira tagħhom, ġew approvati qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni jew qabel l-inklużjoni taż-żoni kkonċernati fin-netwerk Natura 2000, b’mod li d-dritt tal-Unjoni ma kienx japplika għal dawn is-siti.

14

Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Ġunju 2012, il-Kummissjoni tat opinjoni motivata fejn akkużat lir-Repubblika tal-Bulgarija li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1), (2) u (4) tad-Direttiva “għasafar”, l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva “habitats” u tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 2(1) u 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92 u l-Anness III tagħha.

15

Ir-Repubblika tal-Bulgarija rrispondiet għal din l-opinjoni u, abbażi ta’ informazzjoni kumplimentari, informat lill-Kummissjoni li hija kienet ħadet serje ta’ miżuri intiżi sabiex jiġu korretti l-iżbalji kkonstatati.

16

Peress li kkunsidrat li s-sitwazzjoni baqgħet mhux sodisfaċenti, fl-24 ta’ Marzu 2014 il‑Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors.

Fuq ir-rikors

Fuq l-ewwel ilment, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar

L-argumenti tal-partijiet

17

Permezz tal-ewwel ilment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi ma inkludietx fi ħdan iż-ŻPS Kaliakra l-integralità taż-żoni taż-ŻIKGĦA Kaliakra li kien importanti li jiġu protetti minħabba l-konservazzjoni tal-għasafar, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kklassifikatx bħala ŻPS it-territorji l-iktar xierqa f’termini ta’ numru u ta’ daqs għall-konservazzjoni kemm ta’ fawna msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar” kif ukoll speċi migratorji mhux imsemmija f’dan l-anness, iżda li jaslu regolarment fiż-żona ta’ applikazzjoni ġeografika marittima u terrestri ta’ din id-direttiva, b’mod li dan l-Istati Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 4(1) u (2) ta’ din id-direttiva.

18

Il-Kummissjoni tqis li r-Repubblika tal-Bulgarija rrikonoxxiet, permezz tad-diversi komunikazzjonijiet kumplimentari tagħha, li kienet kisret l-obbligu li tikklassifika, bħala ŻPS, l-integralità tat-territorju taż-ŻIKGĦA Kaliakra. Għalhekk, ittieħdu diversi miżuri intiżi sabiex jiġi rrimedjat il-ksur ikkonstatat, jiġifieri l-estensjoni taż-ŻPS Kaliakra sal-limiti taż-ŻIKGĦA Kaliakra. Barra minn hekk, att ġuridiku tas-6 ta’ Frar 2014, ippubblikat f’Darzhaven vestnik Nru 15, tal-21 ta’ Frar 2014, iddeċieda formalment l-estensjoni taż-żona ta’ protezzjoni. Madankollu, dawn il-miżuri ma jibdlux formalment is-sitwazzjoni ta’ ksur, peress li ġew adottati wara li kien skada t-terminu li din l-istituzzjoni kienet indikat fl-opinjoni motivata tagħha, jiġifieri wara t-22 ta’ Awwissu 2012.

19

Insostenn ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni, abbażi tad-diversi elementi xjentifiċi, tressaq, essenzjalment, tliet argumenti.

20

Din l-istituzzjoni qabel xejn issostni li t-territorji mhux ikklassifikati, bħala ŻPS, taż-ŻIKGĦA Kaliakra huma ta’ importanza kbira mill-perspettiva ornitoloġika, għal diversi speċi u jikkostitwixxu “kanal migratorju” tipiku li jinsab fuq il-via Pontica, it-tieni l-ikbar triq migratorja fl-Ewropa.

21

F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ssostni li t-territorji kollha koperti miż-ŻIKGĦA Kaliakra għandhom jiġu kkunsidrati bħala unità waħda funzjonali għall-għasafar migratorji, jiġifieri bħala reġjun f’parti sħiħa li ma għandux jinqasam f’biċċiet. Hija żżid li l-esklużjoni tal-art li tista’ tiġi kkultivata taż-ŻPS Kaliakra tħalli mingħajr protezzjoni diversi kurituri migratorji u żoni ta’ serħan użati minn parti sostanzjali tal-popolazzjonijiet migratorji fuq il-kosta tal-baħar fosthom b’mod partikolari ċ-ċikonja bajda, is-seqer ta’ saqajh qosra, l-ajkla bil-kalzetti, il-bagħdan griż, il-bagħdan abjad, iż-żumbrell kif ukoll speċi oħra.

22

Sussegwentement, skont il-Kummissjoni, il-parti taż-ŻIKGĦA Kaliakra mhux ikklassifikata bħala ŻPS toffri habitats sabiex ċerti popolazzjonijiet ta’ għasafar ibejtu, b’mod partikolari il-kanadra (Melanocorypha calandra), il-bilbla (Calandrella brachydactyla), l-okkjun (Burhinus oedicnemus) u l-bilblun (Anthus campestris). Barra minn hekk, din iż-żona mhux ikklassifikata hija territorju ta’ kaċċa importanti għal diversi speċi ta’ volatili li jinsabu fost l-għasafar li jbejtu fil-formula standard ta’ data u li huma espressament imsemmija fl-evalwazzjoni taż-ŻPS. Fost dawn l-ispeċi jinsabu għasafar tal-priża bħas-seqer Levantin (Accipiter brevipes), il-kuċċarda ta’ saqajha twal (Buteo rufinus) u l-kokka imperjali (Bubo bubo).

23

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirreleva li l-popolazzjoni dinjija kollha tal-wiżża’ ta’ sidirha aħmar (Branta ruficollis), ikkunsidrata bħala speċi mhedda madwar id-dinja kollha, tgħaddi x-xitwa fir-reġjun ikkunsidrat, filwaqt li iktar minn 80 % tal-habitats li jippermettu lill-wiżż jiekol jinsabu fil-parti mhux protetta taż-ŻIKGĦA Kaliakra.

24

Ir-Repubblika tal-Bulgarija tikkontesta n-nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu allegat. Hija ssostni li, bil-ħolqien taż-ŻPS Kaliakra matul l-2007, saret klassifikazzjoni tat-territorji l-iktar xierqa, f’termini ta’ numru u ta’ daqs, fid-dawl tal-konservazzjoni tal-ispeċi kkonċernati, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar”. Il-korrispondenza skambjata mal-Kummissjoni kif ukoll il-miżuri meħuda minn dan l-Istat Membru kienet tesprimi biss il-volontà ta’ dan li jkollu djalogu ma’ din l-istituzzjoni, b’konformità mal-obbligu ta’ kooperazzjoni.

25

B’risposta għal dawk proposti mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Bulgarija tipproduċi diversi studji xjentifiċi minn fejn jirriżulta, skont dan l-Istat Membru, li ż-żona Kaliakra ma tikkostitwixxix “kanal migratorju” għall-għasafar. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li, minkejja li, effettivament, iddeċieda li jestendi ż-ŻPS Kaliakra għal-limiti taż-ŻIKGĦA tal-istess isem, l-ebda element xjentifiku, ta’ natura ornitoloġika, ma kien jiġġustifika l-integrazzjoni, fi ħdan din iż-ŻPS, ta’ art agrikola li tinsab fiż-ŻIKGĦA Kaliakra, peress li dawn l-artijiet ma jifformawx neċessarjament unità naturali ma’ dawk li jinsabu viċin il-kosti, u li kienu diġà protetti bħala ŻPS. L-għasafar li jbejtu tipiċi tal-habitats li jinsabu f’din l-aħħar żona ta’ protezzjoni jbejtu fil-fatt nettament inqas frekwentement f’dawn l-artijiet agrikoli adjaċenti.

26

Dan l-Istat Membru jikkontesta wkoll il-fatt li r-reġjun ta’ Kaliakra huwa post ta’ serħan għal parti kbira mill-popolazzjonijiet ta’ għasafar migratorji. Fil-fatt minn diversi rapporti ta’ esperti jirriżulta li dawn il-postijiet ivarjaw skont l-itinerarju konkret li jsegwu dawn l-għasafar u skont il-kundizzjonijiet meteoroloġiċi. F’dak li jikkonċerna l-wiżża’ ta’ sidirha aħmar, speċi mhedda madwar id-dinja kollha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tinvoka diversi rapporti li jgħidu li ż-żoni l-iktar importanti għall-alimentazzjoni tagħhom jinsabu barra miż-ŻIKGĦA Kaliakra, viċin il-lagi Shabla u Durankulak.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

27

Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, fl-ewwel lok, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva “għasafar” jobbliga lill-Istati Membri jikklassifikaw bħala ŻSP it-territorji li jissodisfaw il-kriterji ornitoloġiċi stabbiliti minn dawn id-dispożizzjonijiet (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

28

Fit-tieni lok, l-Istati Membri huma obbligati jikklasifikaw bħala ŻSP is-siti kollha li, skont kriterji ornitoloġiċi, jidhru li huma l-iktar adatti fir-rigward tal-konservazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

29

Fit-tielet lok, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-marġni ta’ diskrezzjoni li għandhom l-Istati Membri fl-għażla tat-territorji l-iktar adegwati għall-klassifikazzjoni bħala ŻPS jikkonċerna mhux l-opportunità li jikklassifikaw bħala ŻPS it-territorji li jidhru li huma l-iktar approprjati skont kriterji ornitoloġiċi, iżda sempliċement l-implementazzjoni ta’ dawn il-kriterji għall-identifikazzjoni tat-territorji l-iktar xierqa għall-konservazzjoni tal-ispeċi elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar” (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, C‑209/04, EU:C:2006:195, punt 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30

Fl-aħħar nett, fir-raba’ lok, fir-rigward tal-klassifikazzjoni parzjali ta’ ċerti reġjuni, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, minn naħa, li l-klassifikazzjoni bħala ŻSP ma tistax tirriżulta minn eżami iżolat tal-valur ornitoloġiku ta’ kull waħda miż-żoni inkwistjoni, iżda għandha ssir fuq il-bażi ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-limiti naturali tal-ekosistema kkonċernata u li, min-naħa l-oħra, il-kriterji ornitoloġiċi, li fuqhom għandha tkun ibbażata esklużivament il-klassifikazzjoni, għandhom ikunu xjentifikament fondati (sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑418/04, EU:C:2007:780, punt 142).

31

F’din il-kawża, huwa paċifiku li ż-ŻIKGĦA Kaliakra għandha importanza primordjali għal numru ta’ speċi ta’ għasafar u għall-habitat naturali tagħhom. Skont id-data pprovduta mir-Repubblika tal-Bulgarija lill-Kummissjoni, is-sit ta’ Kaliakra jospita total ta’ 310 speċi ta’ għasafar, fejn fosthom madwar mija għandhom ikunu suġġetti ta’ miżuri speċjali ta’ konservazzjoni relatati mal-habitat tagħhom, 95 jinsabu elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, kif ukoll numru kbir ta’ speċi ta’ għasafar migratorji. Fost dawn it-310 speċi ta’ għasafar preżenti, 106 huma ta’ importanza Ewropea fuq il-livell tal-konservazzjoni, 17 huma mhedda fuq il-livell dinji, 21 huma kklassifikati fil-kategorija “SPEC 2” u 68 fil-kategorija “SPEC 3” bħala speċi li jinsabu fi stat ta’ konservazzjoni preokkupanti fl-Ewropa.

32

Fir-rigward l-ewwel nett tal-preżenza ta’ għasafar li jbejtu fil-parti taż-ŻIKGĦA Kaliakra inizjalment mhux ikklassifikata, għandu jiġi kkonstatat, kif irrelevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 41 sa 43 tal-konklużjonijiet tagħha, li r-Repubblika tal-Bulgarija spjegat, b’mod plawżibbli u mingħajr ma ġiet kontradetta fuq dan il-punt mill-Kummissjoni li l-għasafar li jbejtu tipiċi tal-habitats inizjalment protetti u li jinsabu viċin il-kosta, jbejtu ħafna inqas fiż-żoni magħmula minn art agrikola. Barra minn hekk, il-preżenza limitata għas-seqer Levantin (Accipiter brevipes), il-kuċċarda ta’ saqajha twal (Buteo rufinus) u l-kokka imperjali (Bubo bubo), sal-punt li l-organizzazzjoni mhux governattiva Birdlife ma ssemmithomx bħala raġuni għall-identifikazzjoni tas-sit ta’ Kaliakra bħala ŻIKGĦA, ma huwiex biżżejjed sabiex dawk l-artijiet agrikoli jiġu kkunsidrati l-iktar xierqa għall-konservazzjoni tal-ispeċi inkwistjoni.

33

Fir-rigward, sussegwentement, tal-għasafar migratorji, il-Kummissjoni tqis, b’mod koerenti mal-evalwazzjoni ta’ din iż-żona bħala ŻIKGĦA u abbażi ta’ studju mwettaq matul is-sena 2005 speċjalment bil-għan li jiġu identifikati “kanali migratorji” fil-Bulgarija, li ż-ŻIKGĦA Kaliakra tikkostitwixxi tali kanal. Fil-fatt, skont dan l-istudju, iktar minn 30000 għasfur li jigglajdja setgħu jiġu osservati matul din is-sena viċin Kaliakra. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kontradetta mill-argument tar-Repubblika tal-Bulgarija li gruppi importanti ta’ għasafar migratorji huma osservati biss b’mod irregolari fiż-żona inkwistjoni, sa fejn ir-rotta tal-migrazzjoni hija influwenzata mill-kundizzjonijiet tar-riħ.

34

Fil-fatt, kif irrelevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 50 tal-konklużjonijiet tagħha, mill-elementi pprovduti minn dan l-Istat Membru jirriżulta preċiżament li dawn il-konċentrazzjonijiet ta’ għasafar ma humiex assolutament eċċezzjonali u li, għall-kuntrarju, iseħħu regolarment meta jkun hemm il-kundizzjonijiet ta’ riħ korrispondenti. Issa, meta jseħħu dawn il-konċentrazzjonijiet, l-uċuħ agrikoli taż-ŻIKGĦA Kaliakra inizjalment mhux ikklassifikati jikkostitwixxu preċiżament habitats neċessarji għall-għasafar migratorji sabiex jistrieħu u sabiex jieklu.

35

Minn dan isegwi li z-ŻIKGĦA Kaliakra tagħmel parti miż-żoni l-iktar xierqa għall-konservazzjoni tal-għasafar matul il-migrazzjoni.

36

Fl-aħħar nett, għandu wkoll jitwarrab l-argument tar-Repubblika tal-Bulgarija li l-parti taż-ŻIKGĦA Kaliakra li ġiet ikklassifikata ulterjorment bħala ŻPS ma kinitx madankollu waħda ta’ importanza kbira ħafna għall-konservazzjoni tal-wiżża’ ta’ sidirha aħmar ikkunsidrata bħala speċi mheddha madwar id-dinja kollha, li prattikament il-popolazzjoni dinjija kollha ta’ din l-ispeċi tgħaddi x-xitwa fuq il-kosta tal-Punent tal-Baħar l-Iswed. Skont studju li jirreferi għalih dan l-Istat Membru, din l-ispeċi ma tfittixx kull sena l-ikel tagħha fil-partijiet ta’ territorju li kienu jirriżultaw mill-estensjoni taż-ŻPS Kaliakra. Madankollu, bħalma tenfasizza l-Kummissjoni, minn dan l-istess studju jirriżulta li, minn tal-inqas, matul tnejn mill-ħames snin tal-perijodu ta’ osservazzjoni, bejn l-1995 u l-2000, diversi eluf ta’ wiżż ta’ sidhru aħmar fittex l-ikel f’din il-parti taż-ŻIKGĦA Kaliakra, ulterjorment ikklassifikata bħala ŻPS.

37

Barra minn hekk, kif tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punti 60 sa 63 tal-konklużjonijiet tagħha, il-fatt li osservazzjonijiet reċenti għandhom tendenza juru li l-wiżża’ ta’ sidirha aħmar hija inqas preżenti f’dawn il-partijiet ta’ territorju li ma ġewx ikklassifikati bħala ŻPS mill-bidu ma jeskludix li dawn tal-aħħar jikkostitwixxu sit ta’ importanza primordjali għall-alimentazzjoni ta’ din l-ispeċi ta’ għasfur, sa fejn l-imsemmija osservazzjonijiet bdew biss wara l-bini ta’ numru kbir ta’ installazzjonijiet eoliċi fuq dawn il-partijiet tat-territorju.

38

Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-ewwel ilment tal-Kummissjoni huwa fondat.

Fuq it-tielet ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta ’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats ” f’dak li jikkonċerna l-approvazzjoni ta ’ proġetti fiż-ŻPS Kaliakra u Belite Skali kif ukoll fuq it-territorju tas-SIK Kompleks Kaliakra.

L-argumenti tal-partijiet

39

Permezz tat-tielet ilment tagħha, li jaqbel li jiġi eżaminat fit-tieni lok, il-Kummissjoni titlob li jiġi kkonstatat li, billi approvat il-proġetti ta’ installazzjonijiet eoliċi Kaliakra Wind Power”, “EVN Enertrag Kavarna”, “TSID – Atlas”, “Vertikal – Petkov & Cie” kif ukoll il-proġett immobiljari “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort” fuq it-territorju taż-ŻPS Kaliakra u Belite skali u tas-SIK “Kompleks Kaliakra” ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Dragaggi et (C‑117/03, EU:C:2005:16) u Bund Naturschutz in Bayern et (C‑244/05, EU:C:2006:579), sa fejn dan l-Istat Membru ma ħax il-miżuri xierqa sabiex tiġi evitata d-deterjorazzjoni tal-habitats naturali u tal-habitats tal-flora u tal-fawna kif ukoll il-perturbazzjonijiet li jaffettwaw l-ispeċi li fid-dawl tal-konservazzjoni ta’ liema dawn it-territorji ġew ikklassifikati bħala ŻPS jew bħala SIK.

40

Il-Kummissjoni ssostni li, qabel il-klassifikazzjoni tagħhom bħala ŻPS, jiġifieri mill-1 ta’ Jannar 2007 sat-18 ta’ Diċembru 2007, is-sistema ġuridika applikabbli għall-partijiet ta’ territorju korrispondenti ta’ Kaliakra u ta’ Belite skali kienet dik tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar”, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C‑96/98, EU:C:1999:580) u Il-Kummissjoni vs Franza (C‑374/98, EU:C:2000:670). Wara l-klassifikazzjoni tas-sit bħala ŻPS, jiġifieri mit-18 ta’ Diċembru 2007, is-sistema ġuridika applikabbli għal dawn iż-ŻPS hija dik tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”.

41

F’dak li jikkonċerna s-SIK Kompleks Kaliakra, il-Kummissjoni ssostni li, qabel l-inklużjoni ta’ din iż-żona fil-lista Ewropea tas-SIK, iżda wara l-klassifikazzjoni tagħha fil-lista nazzjonali bħala proġett ta’ SIK, jiġifieri mit-18 ta’ Diċembru 2007 sal-15 ta’ Diċembru 2008, is-sistema ġuridika applikabbli kienet dik ippreċiżata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tagħha Dragaggi et (C‑117/03, EU:C:2005:16) u Bund Naturschutz in Bayern et (C‑244/05, EU:C:2006:579), jiġifieri:

f’dak li jikkonċerna siti li huma eliġibbli biex jiġu identifikati bħala SIK, li jidhru fil-listi nazzjonali mogħtija lill-Kummissjoni, li fosthom jinsabu, b’mod partikolari, siti li fihom tipi ta’ habitat naturali prijoritarju jew ta’ speċi prijoritarja, l-Istati Membri huma marbuta, skont id-Direttiva “habitats”, li jieħdu miżuri ta’ protezzjoni li huma rilevanti mill-aspett tal-għan ta’ din id-direttiva, ta’ konservazzjoni tal-interess ekoloġiku li dawn is-siti għandhom fuq livell nazzjonali.

is-sistema ta’ protezzjoni adegwata applikabbli għas-siti inklużi fil-lista nazzjonali mibgħuta lill-Kummissjoni, skont l-Artikolu 4(1) tad‑Direttiva “habitats”, teżiġi li l-Istati Membri ma jawtorizzawx interventi li jirriskjaw li jikkompromettu b’mod serju l-karatteristiċi ekoloġiċi ta’ dawn is-siti.

42

F’dak li jikkonċerna, fl-ewwel lok, iż-ŻPS Kaliakra u Belite skali, il-Kummissjoni ssostni, abbażi ta’ rapporti xjentifiċi, li d-diversi proġetti approvati mir-Repubblika tal-Bulgarija (infrastruttura marbuta mal-produzzjoni ta’ enerġija eolika, korsa tal-golf, lukandi, alloġġamenti, eċċ.), imsemmija fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, għandhom effetti negattivi sinjifikattivi fuq l-għasafar, il-habitats u l-ispeċi prijoritarji. Għalhekk, fiż-ŻPS Kaliakra, id-distruzzjoni diretta ta’ habitats ta’ speċi ta’ għasafar li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar” hija stmata għal tal-inqas 15.8 % tad-daqs totali ta’ din iż-żona. Fiż-ŻPS Belite skali, 456.23 ettaru ta’ art, li jirrappreżentaw 10.9 % tad-daqs ta’ din iż-żona, u li jinkludu habitats tal-isteppa prijoritarji, prinċipalment habitats fejn ibejtu speċi ta’ għasafar li jinsabu fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar”, ġew distrutti irrimedjabbilment.

43

It-twettiq ta’ dawn id-diversi proġetti, awtorizzati mir-Repubblika tal-Bulgarija, b’hekk wassal għad-distruzzjoni tal-habitats li jospitaw, fost oħrajn, l-ispeċi ta’ għasafar segwenti, elenkati fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar” u li jinsabu wkoll fil-formula standard tad-data li tikkonċerna dawn iż-żewġ ŻPS: il-kudi tal-Lvant (Oenanthe pleschanka), il-kanadra (Melanocorypha calandra), il-bilbla (Calandrella brachydactyla), l-okkjun (Burhinus oedicnemus), il-bies ta’ saqajh twal (Buteo rufinus), is-seqer Levantin (Accipiter brevipes) u l-farruġ (Coracias garrulus).

44

Fir-rigward, fit-tieni lok, tas-SIK Kompleks Kaliakra, il-Kummissjoni takkuża lir-Repubblika tal-Bulgarija li ma pproteġitux biżżejjed mid-danni kkawżati mit-twettiq tal-proġetti marbuta mal-produzzjoni tal-enerġija eolika, jiġifieri l-proġetti “Kaliakra Wind Power”, “EVN Enertrag Kavarna” u “Vertikal – Petkov & Cie”, kif ukoll tal-proġetti ta’ infrastruttura turistika “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort”. F’dan ir-rigward, din l-istituzzjoni tqis li dawn il-proġetti wasslu, f’din iż-ŻIK, għad-distruzzjoni irrimedjabbli ta’ 587.1 ettaru ta’ art li tospita l-habitat prijoritarju “Pontic-Sarmatian Steppe”, imsemmi fl-Anness I tad-Direttiva “habitats” taħt il-kodiċi 62C0*, jiġifieri 24.5 % ta’ dan il-habitat.

45

B’risposta għal dawn l-allegazzjonijiet, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” ma huwiex applikabbli għal proġetti li ġew awtorizzati qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni u, għaldaqstant, lanqas ma huwa applikabbli fir-rigward tal-eżekuzzjoni tagħhom. Fil-fatt, it-tliet proġetti ta’ produzzjoni ta’ enerġija eolika kif ukoll il-proġett ta’ kumplessi ta’ lukandi inkwistjoni ġew approvati matul is-sena 2005 u l-effett tagħhom fuq il-konservazzjoni tal-habitats naturali ma jistax għalhekk jiġi eżaminat fid-dawl ta’ din id-direttiva.

46

Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma tippreċiżax b’liema mod inkisbu ċ-ċifri u d-data inkwistjoni fil-punti 42 sa 45 ta’ din is-sentenza.

47

Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-effetti negattivi sinjifikattivi fuq is-SIK Kaliakra, ir-Repubblika tal-Bulgarija tikkontesta wkoll l-argument li l-erba’ proġetti msemmija mill-Kummissjoni fir-rikors tagħha ġew approvati minn dan l-Istat Membru matul is-sena 2005, b’mod li ma tistax tiġi akkużata li eventwalment naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt direttiva li ma kinitx tapplika għaliha qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

48

Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika tal-Bulgarija fir-risposta tagħha li hija ma awtorizzatx it-twettiq tal-proġett “TSID – Atlas”, il-Kummissjoni ddeċidiet li teskludi dan il-proġett minn dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu.

49

Barra minn hekk, kif ġustament irrelevat l-Avukat Ġenerali fil-punti 71 sa 73 tal-konklużjonijiet tagħha, dan it-tielet ilment għandu jinftiehem fis-sens li l-Kummissjoni ssostni li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq, min-naħa tagħha, l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” billi naqset milli topponi t-twettiq ta’ proġetti fiż-ŻPS Kaliakra u Belite skali u, min-naħa l-oħra, l-obbligi provviżorji ta’ protezzjoni li jirriżultaw mis-sentenzi Dragaggi et (C‑117/03, EU:C:2005:16) u Bund Naturschutz in Bayern et (C‑244/05, EU:C:2006:579) peress li naqset milli topponi dawk li twettqu fil-perimetru tas-SIK Kompleks Kaliakra propost. Permezz ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni ma tikkritikax għalhekk id-deċiżjonijiet ta’ awtorizzazzjoni ta’ proġetti adottati mir-Repubblika tal-Bulgarija qabel l-adeżjoni tagħha mal-Unjoni, iżda t-twettiq tagħhom wara din l-adeżjoni u d-deterjorament tas-siti msemmija iktar ’il fuq li rriżulta minn dan.

50

Għalhekk, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” kienx jista’ japplika, ratione temporis, għas-sitwazzjoni inkwistjoni, fis-sens li din id-dispożizzjoni kienet suxxettibbli li tobbliga lir-Repubblika tal-Bulgarija topponi l-implementazzjoni, fiż-ŻPS Kaliakra u Belite Skali, tal-proġetti “Kaliakra Wind Power”, “EVN Enertrag Kavarna”, “Vertikal – Petkov & Cie”, kif ukoll “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort”.

51

F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” japplika wkoll għal installazzjonijiet li l-proġett tagħhom ġie approvat mill-awtorità kompetenti qabel ma l-protezzjoni prevista mill-imsemmija direttiva ma saret applikabbli għaż-żona ta’ protezzjoni kkonċernata (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 124).

52

Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, jekk tali proġetti ma humiex suġġetti għar-rekwiżiti li jirrigwardaw il-proċedura ta’ evalwazzjoni minn qabel tal-effetti tal-proġett fuq is-sit ikkonċernat, stabbiliti bid-Direttiva “habitats”, l-eżekuzzjoni tagħhom taqa’ madankollu taħt il-koperta tal-Artikolu 6(2) ta’ din id-direttiva (sentenzi Stadt Papenburg, C-226/08, EU:C:2010:10, punti 48 u 49, kif ukoll Il-Kummissjoni vs Spanja,C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 125).

53

F’dan il-każ, fir-rigward, minn naħa, tal-proġett “Kaliakra Wind Power” intiż għall-bini ta’ 35 installazzjoni eolika, mill-fajl mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dan ġie awtorizzat matul l-2006 u beda jopera fil-5 ta’ Ġunju 2008. Il-proġett “EVN Enertrag Kavarna”, li min-naħa tiegħu għandu bħala għan il-bini ta’ 32 installazzjoni eolika, ġie awtorizzat fis-26 ta’ Lulju 2006. Din l-aħħar awtorizzazzjoni tnaqqset, sussegwentement, għal 20 installazzjoni, fejn tmienja minnhom inbnew u bdew joperaw fit-8 ta’ Ġunju 2012. Tliet installazzjonijiet oħra ġew awtorizzati matul l-2005 fil-kuntest tal-proġett “Vertikal – Petkov & Cie”. Rikors kontra dawn it-tliet awtorizzazzjoni ta lok, fis-26 ta’ Lulju 2007, għal konċiljazzjoni li warajha inbeda l-użu ta’ żewġ installazzjonijiet rispettivament fl-24 ta’ April 2008 u fl-14 ta’ Frar 2011, filwaqt li t-tielet installazzjoni ma nbnietx.

54

Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-proġett turistiku “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort” fiż-ŻPS Belite skali, li tinkludi l-bini ta’ korsa tal-golf u ta’ stazzjon termali, l-ewwel permess ta’ kostruzzjoni ngħata fit-22 ta’ Diċembru 2005 filwaqt li l-awtorizzazzjoni tal-bidu tal-attività ngħatat fis-6 ta’ April 2010.

55

Mill-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza jirriżulta li t-twettiq ta’ tali proġetti kif ukoll l-attività ġġenerata mill-installazzjonijiet li jirriżultaw minnha, minkejja li ġew awtorizzati qabel l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija u qabel ma d-direttivi “għasafar” u “habitats” kienu japplikaw għal dawn l-awtorizzazzjonijiet, jaqgħu taħt l-Artikolu 6(2) ta’ din l-aħħar direttiva.

56

Fit-tieni lok, fir-rigward tal-ilment li r-Repubblika tal-Bulgarija ma ħaditx il-miżuri xierqa sabiex tevita d-deterjorazzjoni ta’ ċertu numru ta’ habitats ta’ speċi u d-dannu kkawżat għall-għasafar mill-attività marbuta mal-installazzjonijiet li jirriżultaw mit-twettiq tal-erba’ proġetti inkwistjoni fiż-ŻPS Kaliakra u Belite skali, għandu jitfakkar li attività hija konformi mal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats” biss jekk jiġi ggarantit li ma toħloq l-ebda perturbazzjoni suxxettibbli li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-għanijiet tal-imsemmija direttiva, b’mod partikolari l-għanijiet ta’ konservazzjoni tagħha (sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 126 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57

Minn dan jirriżulta li dan l-ilment huwa fondat biss jekk il-Kummissjoni turi b’suffiċjenza fid-dritt li r-Repubblika tal-Bulgarija ma ħaditx il-miżuri xierqa, jiġifieri li tevita li l-attivitajiet marbuta mal-użu tal-installazzjonijiet li jirriżultaw minn dawn il-proġetti, sa fejn dawn iseħħu wara l-klassifikazzjoni tas-siti ta’ Kaliakra u ta’ Belite skali bħala ŻPS, ma jiddeterjorawx il-habitats ta’ ċertu numru ta’ speċi u ma jipprovokawx, għad-detriment ta’ dawn tal-aħħar, perturbazzjonijiet suxxettibbli li jkollhom effetti sinjifikanti fid-dawl tal-għan tad-direttiva “habitats” li jikkonsistu f’li tiġi żgurata l-konservazzjoni ta’ dawn l-ispeċi (ara, b’analoġija, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 128).

58

Madankollu, sabiex jiġi stabbilit nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, ma hijiex il-Kummissjoni li għandha tistabbilixxi l-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ kawża u effett bejn l-użu tal-installazzjonijiet li jirriżultaw minn proġett u perturbazzjoni sinjifikattiva kkawżata lill-ispeċi kkonċernati. Fil-fatt, huwa biżżejjed li din l-istituzzjoni tistabbilixxi l-eżistenza ta’ probabbiltà jew ta’ riskju li dan l-użu jipprovoka tali perturbazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑404/09, EU:C:2011:768, punt 142 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59

F’dan ir-rigward, mill-fajl mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fid-dawl tad-densità qawwija tal-installazzjonijiet eoliċi mpoġġija fiż-ŻPS Kaliakra, b’mod partikolari fil-kuntest tal-proġett “Kaliakra Wind Power”, l-attività tagħhom hija suxxettibbli li toħloq perturbazzjonijiet sinjifikattivi u deterjorament tal-habitat ta’ speċi ta’ għasafar protetti. L-istess japplika fir-rigward tal-parti taż-ŻPS Belite skali kkonċernata mill-installazzjonijiet tal-“Thracian Cliffs Golf & Spa” li l-użu tagħha jimmodifika l-karatteristiċi tal-habitats inkwistjoni.

60

Fid-dawl ta’ dak li jippreċedi, għandu jiġi kkunsidrat li dan l-ilment invokat mill-Kummissjoni huwa, sa hawnhekk, fondat.

61

Min-naħa l-oħra, fir-rigward, fit-tielet lok tad-distruzzjoni sostanzjali tal-habitat prijoritarju, “Pontic-Sarmatian Steppe”, li hija l-kwistjoni fil-punt 44 ta’ din is-sentenza, ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni, mingħajr ma tiġi kontradetta, li x-xogħlijiet ta’ preparazzjoni tal-art li ddistruġġew dawn l-habitats li jinsabu fuq it-territorju tas-SIK Kompleks Kaliakra kienu saru qabel l-adeżjoni ta’ dan l-Istat Membru mal-Unjoni. Konsegwentement, id-distruzzjoni tal-imsemmija habitats ma hijiex suxxettibbli li tikkostitwixxi, ratione temporis, nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt id-dritt tal-Unjoni.

62

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 107 tal-konklużjonijiet tagħha, jekk tip ta’ habitat huwa diġà distrutt fuq l-art ikkonċernata, l-użu ulterjuri tal-installazzjonijiet li jirriżultaw mit-twettiq tal-proġetti ma jistax ikompli jiddeterjorah iktar. Għaldaqstant, ir-rikors tal-Kummissjoni huwa infondat fuq dan il-punt.

Fuq it-tieni lment, ibbażat fuq in-nuqqas ta ’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar ” f’dak li jikkonċerna l-approvazzjoni tal-proġetti fiż-ŻIKGĦA Kaliakra.

L-argumenti tal-partijiet

63

Permezz tat-tieni lment tagħha, il-Kummissjoni titlob li jiġi kkonstatat li, billi approvat il-proġetti “AES Geo Energy”, “Windtech”, “Brestiom”, “Disib”, “Eco Energy” u “Longman Investment” fuq it-territorju taż-ŻIKGĦA Kaliakra li ma ġietx ikklassifikata bħala ŻPS meta fil-fatt kellha tkun hekk ikklassifikata, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar”, kif interpretata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi Il-Kummissjoni vs Franza (C‑96/98, EU:C:1999:580) u Il-Kummissjoni vs Franza (C‑374/98, EU:C:2000:670).

64

Il-Kummissjoni ssostni li, billi naqset milli tieħu l-miżuri xierqa fir-rigward tal-għan ta’ konservazzjoni intiżi mid-Direttiva “għasafar” u billi awtorizzat jew ittollerat interventi li, l-ewwel nett, jirriskjaw li jikkompromettu serjament il-karatteristiċi ekoloġiċi tal-parti taż-ŻIKGĦA Kaliakra mhux ikklassifikata bħala ŻPS, it-tieni nett inaqqsu b’mod sinjifikattiv id-daqs ta’ dan is-sit, it-tielet nett, iwasslu sabiex jisparixxu l-ispeċi prijoritarji preżenti fuq l-imsemmi sit u, fl-aħħar u r-raba’ nett, għandhom bħala effett id-distruzzjoni tal-istess sit jew li jisparixxu l-karatteristiċi rappreżentattivi tiegħu, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ssostni li, f’din il-parti taż-ŻIKGĦA Kaliakra, 1450 ettaru ta’ art jospitaw habitats kif ukoll żoni ta’ alimentazzjoni u ta’ serħan għall-ispeċi ta’ għasafar imsemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar” huma mitlufa għal dejjem.

65

Min-naħa tagħha, ir-Repubblika tal-Bulgarija tipprovdi informazzjoni dwar is-sitwazzjoni fattwali ta’ diversi proġetti ta’ investiment u ssostni, fost l-oħrajn, li terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin ġie introdott fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, matul is-sena 2012, li b’hekk jillimita t-tul tal-validità tal-awtorizzazzjonijiet mogħtija għat-twettiq ta’ dawn il-proġetti, b’mod li dawk li jkunu għadhom ma nbdewx fit-terminu stabbilit jiġu sospiżi.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

66

L-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” jimponi lill-Istati Membri li jieħdu l-miżuri xierqa biex jevitaw, ġewwa ż-ŻPS, it-tniġġis jew id-deterjorazzjoni tal-habitat kif ukoll il-perturbazzjonijiet li jaffettwaw l-għasafar, sakemm dawn jistgħu jkunu sinjifikanti fil-kuntest tal-għanijiet ta’ dan l-artikolu.

67

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Istati Membri għandhom josservaw l-obbligi li jirriżultaw mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar”, anki meta ż-żoni kkonċernati ma jkunux ġew ikklassifikati bħala ŻPS, meta jkun jidher li suppost kellhom ikunu hekk ikklassifikati (ara s-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑186/06, EU:C:2007:813, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68

Kif jirriżulta mill-fajl mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja, il-proġetti inkwistjoni jinsabu fuq territorji li, bħal ma ġie kkonstatat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, kellhom jiġu kklassifikati mir-Repubblika tal-Bulgarija, liema klassifikazzjoni madankollu saret biss wara l-iskadenza, fit-22 ta’ Awwissu 2012, tat-terminu mogħti fl-opinjoni motivata.

69

Fit-tieni lok, għall-finijiet tal-istabbiliment ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu li jirriżulta mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar”, kif tirreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 115 tal-konklużjonijiet tagħha, għandu jsir riferiment, mutatis mutandis, għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”, peress li t-termini ta’ din l-aħħar dispożizzjoni jikkorrispondu sew għal dawk tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs L-Irlanda, C‑117/00, EU:C:2002:366, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

70

Skont din il-ġurisprudenza, u kif jirriżulta mill-punt 58 ta’ din is-sentenza, ksur tad-dispożizzjoni kkonċernata għandu jiġi kkonstatat sa mill-mument meta l-Kummissjoni tistabbilixxi l-eżistenza tal-probabbiltà jew tar-riskju li proġett jiddeterjora l-habitats ta’ speċi ta’ għasafar protetti jew jipprovoka perturbazzjonijiet sinjifikattivi għal dawn l-ispeċi.

71

Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni stabbilietx l-eżistenza tal-probabbiltà jew tar-riskju li l-proġetti inkwistjoni fil-parti taż-ŻIKGĦA Kaliakra tardivament ikklassifikata bħal ŻPS jipprovokawx id-deterjorament u l-perturbazzjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza.

72

Minn naħa, mid-difiża tar-Repubblika tal-Bulgarija, li l-elementi tagħha f’dan ir-rigward ma humiex ikkontestati mill-Kummissjoni, jirriżulta li għal tliet proġetti msemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, jiġifieri l-proġetti “Windtech”, “Brestiom” u “Eco Energy”, ġie sempliċement deċiż li evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent ma kinitx neċessarja. Dan l-Istat Membru ma tax awtorizzazzjoni supplementari f’dak li jikkonċernahom u l-installazzjonijiet ma nbnewx. Fil-frattemp, id-deċiżjonijiet li jikkonstataw li ma kellhiex għalfejn issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent saru nulli u bla effett.

73

Minn dan isegwi li, sa fejn jirrigwarda dawn it-tliet proġetti, it-tieni lment tal-Kummissjoni huwa infondat.

74

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tliet proġetti l-oħra msemmija fil-punt 63 ta’ din is-sentenza, msemmija “AES Geo Energy”, “Disib” u “Longman Investment”, mill-fajl mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li r-Repubblika tal-Bulgarija tat awtorizzazzjonijiet supplementari u li l-installazzjonijiet eoliċi awtorizzati nbnew. Għalhekk, l-ewwel fost dawn il-proġetti kiseb, wara evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent imwettqa matul l-2008, permess ta’ kostruzzjoni għal 52 eolika, li l-użu tagħhom inbeda fil-15 ta’ Novembru 2011. It-tieni u t-tielet proġett ukoll ingħataw permess mogħti wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni u li wasslu għall-bini ta’ żewġ eoliċi, li bdew jaħdmu matul l-2008.

75

Issa, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 59 ta’ din is-sentenza, l-użu ta’ installazzjonijiet eoliċi huwa suxxettibbli li jipprovoka perturbazzjonijiet sinjifikattivi u deterjorament tal-habitats ta’ speċi ta’ għasafar protetti.

76

Il-fatt li, skont ir-riżultat ta’ osservazzjonijiet mwettqa mill-park eoliku “AES Geo Energy”, li tirreferi għalihom ir-Repubblika tal-Bulgarija, iż-żoni inkwistjoni għadhom iffrekwentati mill-wiżż ta’ sidru aħmar, u li, meta l-kundizzjonijiet tar-riħ ikunu favorevoli, il-fluss migratorju jikkonċentra fuq is-sit ta’ Kaliakra, ma jmurx kontra din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, l-obbligi ta’ protezzjoni jeżistu qabel ma jiġi kkonstatat tnaqqis tan-numru ta’ għasafar protetti jew ma r-riskju ta’ estinzjoni ta’ speċi ta’ għasfur protett jkun konkret (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Spanja, C‑186/06, EU:C:2007:813, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Barra minn hekk, kif irrelevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 128 tal-konklużjonijiet tagħha, din id-data jidher li tindika telf ta’ attrattività, peress li minn din jirriżulta li l-użu ta’ uċuh ta’ art mill-wiżż ta’ sidru aħmar huwa inqas meta mqabbel mal-valuri massimi kkonstatati qabel il-bini tal-eoliċi.

78

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, billi approvat il-proġetti ta’ installazzjonijiet eoliċi “AES Geo Energy”, “Disib” u “Longman Investment” fuq it-territorju taż-ŻIKGĦA Kaliakra li ma ġietx ikklassifikata bħala ŻPS meta kellha tiġi hekk ikklassifikata, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar”.

Fuq ir-raba ’ ilment, ibbażat fuq in-nuqqas ta ’ osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2(1) u 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll l-Anness III(1)(b) tagħha

L-argumenti tal-partijiet

79

Permezz tar-raba’ lment tagħha, il-Kummissjoni ssostni li, billi ma evalwatx korrettament l-effett kumulattiv tal-proġetti ta’ installazzjonijiet eoliċi li l-bini tagħhom ġie awtorizzat fuq it-territorju taż-ŻIKGĦA Kaliakra li ma ġietx ikklassifikata bħala ŻPS meta kellha tkun hekk ikklassifikata, jiġifieri l-proġetti “AES Geo Energy”, “Windtech”, “Brestiom”, “Disib”, “Eco Energy” u “Longman Investment”, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 2(1) u 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll tal-Anness III, punt 1(b) tagħha.

80

Skont il-Kummissjoni, għal erba’ minn dawn il-proġetti, jiġifieri l-proġetti “Windtech”, “Brestiom”, “Eco Energy” u “Longman Investment”, ir-Repubblika tal-Bulgarija ddeċidiet li ma tevalwax l-effetti fuq l-ambjent. Għal wieħed minnhom, “AES Geo Energy”, dan l-Istat Membru ddeċieda li jwettaq tali studju tal-effetti, mingħajr madankollu ma ħa inkunsiderazzjoni la l-effett kumulattiv tad-danni kkawżati mid-diversi proġetti awtorizzati fiż-ŻIKGĦA Kaliakra, la l-effett tal-fatt li l-għasafar jaħarbu din iż-żona u l-perturbazzjoni li l-installazzjoni eoliċi joħolqu fuq l-aġir tal-għasafar, la l-effett barriera tat-turbini, u lanqas it-telf u tad-deterjorazzjoni li joħolqu dawn l-installazzjonijiet għad-dannu tad-diversi habitats ta’ għasafar.

81

Insostenn ta’ dan l-ilment, il-Kummissjoni barra minn hekk issostni li, fir-rigward tal-erba’ proġetti li ma sarx studju għalihom dwar l-effetti fuq l-ambjent, id-deċiżjonijiet f’dan is-sens huma, essenzjalment, ifformulati b’mod identiku. Barra minn hekk, dawn id-deċiżjonijiet ma humiex sostnuti minn argumenti rilevanti li juru li l-proġett ikkonċernat ma għandux effetti negattivi sinjifikattivi fuq it-territorju magħżul bħala ŻIKGĦA u identifikat sabiex jiġi inkluż fin-netwerk Natura 2000.

82

Ir-Repubblika tal-Bulgarija ssostni li, fid-deċiżjonijiet imsemmija fil-punt preċedenti ta’ din is-sentenza, ġie espressament ikkonstatat li ma kellu jkun mistenni l-ebda effett kumulattiv mal-proġetti l-oħra. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru jsostni li l-proġetti “Disib” u “AES Geo Energy” għandhom jiġu esklużi mill-għan ta’ dan ir-rikors sa fejn it-talbiet ta’ evalwazzjoni tal-bżonn li jsiru studji tal-effetti fuq l-ambjent tressqu qabel l-1 ta’ Jannar 2007.

Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

83

Preliminarjament, għandu jiġi rrelevat, minn naħa, li l-Kummissjoni titlob li jiġi kkonstatat ksur tad-Direttiva 2011/92, filwaqt li d-deċiżjonijiet li hija tinvoka insostenn tar-rikors tagħha ġew adottati mir-Repubblika tal-Bulgarija matul is-sena 2007, f’mument fejn id-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/35/KE, tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 15, Vol. 7, p. 466) kienet għadha fis-seħħ. Madankollu, kif ġustament tenfasizza l-Avukat Ġenerali fil-punt 139 tal-konklużjonijiet tagħha, id-dispożizzjonijiet tad-Direttivi 85/337 u 2011/92 rilevanti f’dan il-każ huma essenzjalment identiċi.

84

Min-naħa l-oħra, mir-replika tal-Kummissjoni jirriżulta li, fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mir-Repubblika tal-Bulgarija fid-difiża tagħha, din l-istituzzjoni tixtieq teskludi minn dan l-ilment il-proġetti ta’ installazzjonijiet eoliċi “Disib” u “AES Geo Energy”.

85

F’dawn il-kundizzjonijiet, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja għandhiex elementi biżżejjed sabiex tikkonstata li r-Repubblika tal-Bulgarija naqset mill-obbligi tagħha taħt l-Artikoli 2(2) u 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll tal-Anness III, punt 1(b) tagħha billi ma evalwatx korrettament l-effett kumulattiv tal-proġetti ta’ installazzjoni eoliċi “Windtech”, “Brestiom”, “Eco Energy” u “Longman investment” approvati fiż-żoni taż-ŻIKGĦA Kaliakra li ġew ikklassifikati bħala ŻPS biss wara d-data stabbilita mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata tagħha.

86

Kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 72 ta’ din is-sentenza, fir-rigward tal-proġetti “Windtech”, “Brestion”, u “Eco Energy”, l-ebda permess ta’ kostruzzjoni ma ngħata u, skont l-indikazzjonijiet ipprovduti mir-Repubblika tal-Bulgarija, id-deċiżjonijiet dwar il-bżonn ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent saru nulli u mingħajr effett peress li ma ġewx implementati fil-ħames snin stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali. Huwa biss il-proġett “Longman Investment” li twettaq u ilu jopera mis-16 ta’ Ġunju 2008.

87

F’dan ir-rigward, fir-rigward tal-proġetti “Windtech”, “Brestiom” u “Eco Energy”, l-ebda element tal-fajl mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja ma jippermetti li jiġi stabbilit ksur tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92.

88

Fil-fatt, huwa ċertament minnu li d-deċiżjonijiet fuq il-bżonn ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent kienu għadhom validi fid-data stabbilita mill-Kummissjoni fl-opinjoni motivata kumplementari, jiġifieri fit-22 ta’ Awwissu 2012, u saru nulli u bla effett biss ħames snin wara l-adozzjoni tagħhom, jiġifieri rispettivament fl-24 u fit-28 ta’ Settembru 2012. Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu għandha tiġi evalwata skont is-sitwazzjoni tal-Istat Membru kif tirriżulta meta jiskadi t-terminu ta’ żmien preskritt fl-opinjoni motivata u li l-bidliet li jkunu saru sussegwentement ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il-Kummissjoni vs Il-Belġju, C‑421/12, EU:C:2014:2064, punt 45).

89

Madankollu, kif jirriżulta mill-fajl mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja u kif tirreleva l-Avukat Ġenerali fil-punti 148 u 149 tal-konklużjonijiet tagħha, id-deċiżjonijiet dwar l-assenza ta’ bżonn li jsir studju tal-effetti ta’ proġett ma humiex ekwivalenti, fid-dritt nazzjonali, għal deċiżjoni li tawtorizza t-twettiq ta’ dan l-istess proġett, peress li dan għadu jrid jingħata permess ta’ kostruzzjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Bulgarija ma tistax tiġi akkużata li ħelset il-proġetti“Windtech”, “Brestiom” u “Eco Energy” mit-twettiq ta’ studji tal-effetti fuq l-ambjent “qabel ma jingħata l-kunsens [awtorizzazzjoni]”, fis-sens tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92. Madankollu, sa fejn id-deċiżjoni dwar il-bżonn li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent għandha xorta tiġi skont din id-direttiva, u b’mod partikolari l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Anness III tagħha, ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet huwa possibbli anki jekk il-proġett qatt ma jkun kiseb l-awtorizzazzjonijiet neċessarji.

90

Fir-rigward tal-proġett mwettaq “Longman Investment”, u li għalih ġie deċiż li ma kellux għalfejn isir studju dwar l-effetti fuq l-ambjent qabel l-għoti tal-awtorizzazzjoni neċessarja, għandu jiġi kkonstatat li r-Repubblika tal-Bulgarija hija suxxettibbli li naqset milli twettaq l-obbligi tagħha kemm taħt l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll taħt l-Artikolu 4(2) u (3) u l-Anness III tagħha.

91

F’dak li jikkonċerna, fit-tieni lok, il-verifika preliminari tal-bżonn li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, għandu jitfakkar li, abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2011/92, l-Istati Membri għandhom jiddeterminaw jew abbażi ta’ każ b’każ, jew abbażi ta’ livelli jew kriterji stabbiliti minnhom jekk il-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva għandhomx jiġu suġġetti għal evalwazzjoni tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent. Fost dawn il-proġetti, fil-punt 3 ta’ dan l-anness jinsabu l-installazzjonijiet intiżi għall-użu tal-enerġija eolika għall-produzzjoni tal-enerġija (parks eoliċi).

92

Fir-rigward tal-iffissar ta’ dawn il-limiti jew kriterji, għandu jitfakkar li huwa minnu li l-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 85/337 jagħti lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward. Madankollu, tali marġni ta’ diskrezzjoni huwa llimitat mill-obbligu, stabbilit fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, li jiġu suġġetti għal studju tal-effetti fuq l-ambjent il-proġetti suxxettibbli li jkollhom effetti notevoli, b’mod partikolari minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokalità tagħhom (sentenzi Salzburger Flughafen, C-244/12, EU:C:2013:203, punt 29, u Marktgemeinde Straßwalchen et, C-531/13, EU:C:2015:79, punt 40).

93

Għalhekk, il-kriterji u l-limiti msemmija fl-Artikolu 4(2)(b) tad-Direttiva 85/337 għandhom l-għan li jiffaċilitaw l-evalwazzjoni tal-karatteristiċi konkreti li jkollu proġett sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex suġġett għall-obbligu ta’ evalwazzjoni tal-effetti tiegħu fuq l-ambjent (sentenzi Salzburger FlughafenC-244/12, EU:C:2013:203, punt 30, u Marktgemeinde Straßwalchen et, C-531/13, EU:C:2015:79, punt 41).

94

Minn dan isegwi li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, meta ssirilhom applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ proġett li jaqa’ taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva, għandhom jagħmlu eżami partikolari tal-kwistjoni jekk, fid-dawl tal-kriterji li jinsabu fl-Anness III tal-imsemmija direttiva, għandhiex issir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent (sentenza Marktgemeinde Straßwalchen et, C-531/13, EU:C:2015:79, punt 42).

95

Fir-rigward tad-deċiżjoni dwar jekk għandux, fid-dawl tal-applikazzjoni flimkien tal-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92 u tal-Anness III, punt 1(b) tiegħu, jiġi eżaminat l-effett kumulattiv tad-diversi proġetti eoliċi approvati fiż-ŻIKGĦA Kaliakra, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li għandhom jiġu evalwati l-karatteristiċi ta’ proġetti, b’mod partikolari fir-rigward tal-effetti kumulattivi tiegħu ma’ proġetti oħra. Fil-fatt, l-assenza tan-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-effett kumulattiv ta’ proġett ma’ proġetti oħra tista’ fil-prattika twassal għall-konsegwenza li dan il-proġett ma jkunx suġġett għall-obbligu ta’ evalwazzjoni meta, ikkunsidrat flimkien ma’ proġetti oħra, jista’ jkollu effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent (sentenza Marktgemeinde Straßwalchen et, C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96

Minn dan isegwi li hija awtorità nazzjonali li għandha, meta tivverifika jekk proġett għandux jiġi suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, teżamina l-impatt li dan jista’ jkollu flimkien ma’ proġetti oħra (sentenza Marktgemeinde Straßwalchen et, C‑531/13, EU:C:2015:79, punt 45). Issa, f’dan il-każ, mill-fajl mgħoddi lill-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li d-deċiżjonijiet inkwistjoni huma limitati sabiex jiġi kkonstatat li ma kellu jkun mistenni l-ebda effett kumulattiv. Kif tirreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 161 tal-konklużjonijiet tagħha, is-sempliċi allegazzjoni, mir-Repubblika tal-Bulgarija, li ma hemm l-ebda effett kumulattiv ma tipprovax madankollu li din il-konklużjoni ġiet stabbilita abbażi ta’ evalwazzjoni ddettaljata, peress li barra minn hekk l-imsemmi Stat Membru ma jressaq l-ebda prova f’dan ir-rigward.

97

Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, billi ma evalwatx b’mod xieraq l-effett kumulattiv, fuq it-territorju taż-ŻIKGĦA Kaliakra li ma ġietx ikklassifikata bħala ŻPS meta kellha tiġi hekk ikklassifikata, il-proġetti ta’ installazzjonijiet eoliċi “Windtech”, Brestiom “Eco Energy”, u “Longman Investment”, matul il-verifika tal-bżonn li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll taħt l-Anness III, punt 1(b) tagħha, u, min-naħa l-oħra, billi madankollu awtorizza t-twettiq tal-proġett ta’ installazzjonijiet eoliċi “Longman Investment”, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

98

Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li billi:

naqset milli tinkludi l-integralità tat-territorji taż-żoni importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar fiż-ŻPS Kaliakra, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kklassifikatx bħala ŻPS it-territorji l-iktar xierqa f’termini ta’ numru u ta’ daqs għall-konservazzjoni, minn naħa, ta’ speċi bijoloġiċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva “għasafar” u, min-naħa l-oħra, ta’ speċi migratorji mhux inklużi f’dan l-anness, iżda li jaslu regolarment fiż-żona ġeografika marittima u terrestri ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u b’hekk naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmija direttiva;

approvat it-twettiq tal-proġetti “AES Geo Energy”, “Disib” u “Longman Investment” fuq it-territorju taż-ŻIKGĦA Kaliakra li ma ġietx ikklassifikata bħala ŻPS meta fil-fatt kellha tkun hekk ikklassifikata, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “għasafar”;

approvat it-twettiq tal-proġetti Kaliakra Wind Power”, “EVN Enertrag Kavarna” u “Vertikal – Petkov & Cie” kif ukoll “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort” fuq it-territorji rispettivament, taż-ŻPS Kaliakra u Belite skali, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “habitats”;

naqset, minn naħa, milli tevalwa korrettament l-effett kumulattiv tal-proġetti “Windtech”, “Brestiom”, “Eco Energy” u “Longman Investment” fuq it-territorju taż-ŻIKGĦA Kaliakra li ma ġietx ikklassifikata bħala ŻPS meta kellha tkun hekk ikklassifikata, u madankollu awtorizzat, min-naħa l-oħra, it-twettiq tal-proġett “Longman Investment”, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, rispettivament, minn naħa taħt l-Artikolu 4(2) u (3) tad-Direttiva 2011/92 kif ukoll taħt l-Anness III, punt 1(b) tagħha, u, min-naħa l-oħra, taħt l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

99

Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-essenzjal tal-ilmenti li kienet akkużata bihom ir-Repubblika tal-Bulgarija ġew milqugħa, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Billi:

naqset milli tinkludi l-integralità tat-territorji taż-żoni importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar fiż-żona ta’ Protezzjoni Speċjali li tkopri r-reġjun ta’ Kaliakra, ir-Repubblika tal-Bulgarija ma kklassifikatx bħala żona ta’ protezzjoni speċjali t-territorji l-iktar xierqa f’termini ta’ numru u ta’ daqs għall-konservazzjoni, minn naħa, ta’ speċi bijoloġiċi msemmija fl-Anness I tad-Direttiva Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Novembru 2009, dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi u, min-naħa l-oħra, ta’ speċi migratorji mhux inklużi f’dan l-anness, iżda li jaslu regolarment fiż-żona ġeografika marittima u terrestri ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva u b’hekk naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u (2) tal-imsemmija direttiva;

approvat it-twettiq tal-proġetti “AES Geo Energy”, “Disib” u “Longman Investment” fuq it-territorju taż-żona importanti għall-konservazzjoni tal-għasafar li tkopri r-reġjun ta’ Kaliakra li ma ġietx ikklassifikata bħala żona ta’ protezzjoni speċjali meta fil-fatt kellha tkun hekk ikklassifikata, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2009/147;

approvat it-twettiq tal-proġetti Kaliakra Wind Power”, “EVN Enertrag Kavarna” u “Vertikal – Petkov & Cie” kif ukoll “Thracian Cliffs Golf & Spa Resort” fuq it-territorji rispettivament, taż-żoni ta’ protezzjoni speċjali tar-reġjun ta’ Kaliakra u ta’ Belite skali, ir-Repubblika tal-Bulgarija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa;

naqset, minn naħa, milli tevalwa korrettament l-effett kumulattiv tal-proġetti “Windtech”, “Brestiom”, “Eco Energy” u “Longman Investment” fuq it-territorju taż-żona importanti għall-konservazzjoni li tkopri r-reġjun ta’ Kaliakra li ma ġietx ikklassifikata bħala żona ta’ protezzjoni speċjali meta kellha tkun hekk ikklassifikata, u madankollu awtorizzat, min-naħa l-oħra, it-twettiq tal-proġett “Longman Investment”, dan l-Istat Membru naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu, rispettivament, minn naħa taħt l-Artikolu 4(2) u (3) tad- Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif ukoll taħt l-Anness III, punt 1(b) tagħha, u, min-naħa l-oħra, taħt l-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva.

 

2)

Ir-rikors huwa miċħud għall-bqija.

 

3)

Ir-Repubblika tal-Bulgarija hija kkundannata għall-ispejjeż.

 

Firem


( *1 )   Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top