EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0307

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-10 ta' Frar 2011.
Vicoplus SC PUH (C-307/09), BAM Vermeer Contracting sp. zoo (C-308/09) u Olbek Industrial Services sp. zoo (C-309/09) vs Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Raad van State - il-Pajjizi l-Baxxi.
Libertà li jiġu pprovduti servizzi - Kollokament ta’ ħaddiema - Att ta’ Adeżjoni tal-2003 - Miżuri tranżitorji - Aċċess taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol tal-Istati diġà membri tal-Unjoni fi żmien l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja - Ħtieġa ta’ permess tax-xogħol għall-fornitura ta’ ħaddiema - Direttiva 96/71/KE - Artikolu 1(3).
Każijiet Magħquda C-307/09, C-308/09 u C-309/09.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:64

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Frar 2011 (*)

“Libertà li jiġu pprovduti servizzi – Kollokament ta’ ħaddiema – Att ta’ Adeżjoni tal-2003 – Miżuri tranżitorji – Aċċess taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol tal-Istati diġà membri tal-Unjoni fi żmien l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja – Ħtieġa ta’ permess tax-xogħol għall-provvista ta’ ħaddiema – Direttiva 96/71/KE – Artikolu 1(3)”

Fil-Kawżi magħquda C‑307/09 sa C‑309/09,

li għandhom bħala suġġett talbiet għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-Raad van State (il-Pajjizi l-Baxxi), permezz ta’ deċiżjonijiet tad-29 ta’ Lulju 2009, li waslu fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ Awwissu 2009, fil-proċeduri

Vicoplus SC PUH (C‑307/09),

BAM Vermeer Contracting sp. Zoo (C‑308/09),

Olbek Industrial Services sp. Zoo (C‑309/09),

vs

Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, A. Arabadjiev, A. Rosas, U. Lõhmus (Relatur) u A. Ó Caoimh, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-8 ta’ Lulju 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Vicoplus SC PUH, minn E. Vliegenberg, avukat,

–        għal BAM Vermeer Contracting sp. zoo u Olbek Industrial Services sp. zoo, minn M. Lewandowski, avukat,

–        għall-Gvern Olandiż, minn C. Wissels u B. Koopman, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u T. Müller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Daniż, minn C. Vang, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, N. Graf Vitzthum u J. Möller, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u G. Hesse, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz kif ukoll J. Faldyga u K. Majcher, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn J. Enegren, I. Rogalski, W. Wils u E. Traversa, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tad-9 ta’ Settembru 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE kif ukoll tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 431).

2        Dawn it-talbiet ġew ippreżentati fil-kuntest ta’ kawżi bejn, minn naħa waħda, Vicoplus SC PUH (iktar ’il quddiem “Vicoplus”), BAM Vermeer Contracting sp. zoo (iktar ’il quddiem “BAM Vermeer”) u Olbek Industrial Services sp. zoo (iktar ’il quddiem “Olbek”), kumpanniji Pollakki u, min-naħa l-oħra, il-Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid (Minsitru tal-Affarijiet Soċjali u tax-Xogħol), fir-rigward tal-multi imposti fuqhom talli kkollokaw xi ħaddiema Pollakki mingħajr ma kisbu permess tax-xogħol.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 L-Att ta’ Adeżjoni tal-2003

3        L-Artikolu 24 tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni”), jirriferi għal lista ta’ miżuri li jinsabu fl-Annessi V sa XIV ta’ dan l-att li huma applikabbli, taħt il-kundizzjonijiet stipulati hemmhekk, għall-Istati Membri l-ġodda.

4        L-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni huwa intitolat “Il-lista li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 24 ta’ l-Att ta’ l-Adeżjoni: Il-Polonja”. Il-Kapitolu 2 ta’ dan l-Anness, intitolat “Il-libertà tal-moviment tal-persuni” jistipula fil-paragrafi 1, 2, 5 u 13 tiegħu:

“1.      Fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema u tal-libertà li jiġu provduti servizzi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-ispostament temporanju ta’ ħaddiema kif definit fl-Artikolu 1 tad Direttiva Nru. 96/71/KE, bejn il-Polonja fuq naħa, u l-Belġju, r-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, Spanja, Franza, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, l-Ungerija, l-Olanda, l-Awstrija, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit fuq in-naħa l-oħra, [l-Artikoli 45 TFUE u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 56 TFUE] għandhom japplikaw fl-intier tagħhom biss skond id-disposizzjonijiet transitorji stipulati fil-paragrafi 2 sa 14.

2.      B’deroga mill-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament [tal-Kunsill (KEE)] Nru. 1612/68 [tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kaptiolu 5, Vol. 1, p. 15)] u sa l-aħħar tal-perijodu ta’ sentejn wara d-data ta’ l-adeżjoni, l-Istati Membri attwali ser japplikaw miżuri nazzjonali, jew dawk li joħorġu minn xi ftehim bilaterali, biex jirregolaw l-aċċess għas-swieq tax-xogħol tagħhom minn ċittadini Pollakki. L-Istati Membri attwali jistgħu jkomplu japplikaw dawn il-miżuri sa l-aħħar tal-perijodu ta’ ħames snin wara d-data ta’ l-adeżjoni.

[…]

5.      Stat Membru li jżomm fis-seħħ miżuri nazzjonali jew miżuri li joħorġu minn xi ftehim bilaterali fl-aħħar tal-perijodu ta’ ħames snin imsemmi fil-paragrafu 2 jista, f’każ ta’ taqlib serju jew ta’ theddida ta’ taqlib serju fis-suq tax-xogħol tiegħu u wara li javża lill-Kummissjoni, ikompli japplika dawn il-miżuri sa l-aħħar tal-perijodu ta’ seba’ snin wara d-data ta’ l-adeżjoni. Fin-nuqqas ta’ dan l-avviż, l-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament (KEE) Nru. 1612/68 għandhom japplikaw.

[…]

13.      Sabiex jilqgħu għal taqlib serju jew xi theddida ta’ taqlib serju f’setturi speċifiċi ta’ servizzi sensittivi fis-swieq tax-xogħol tagħhom li jistgħu jseħħu f’ċerti reġjuni minħabba l-provvista ta’ servizzi minn pajjiż għall-ieħor, kif definit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71/KE, u sakemm ikunu japplikaw miżuri nazzjonali jew dawk li joħorġu minn xi ftehim bilaterali fir-rigward tal-moviment liberu ta’ ħaddiema Pollakki bis-saħħa tad-disposizzjonijiet transitorji stipulati hawn qabel, il-Ġermanja u l-Awstrija jistgħu, wara li javżaw lill-Kummissjoni, jidderogaw mill-ewwel paragrafu ta’ l-Artikolu [56 TFUE] bl-iskop li jillimitaw fil-kuntest tal-provvista ta’ servizzi minn kumpanniji stabbiliti fil-Polonja, l-ispustament temporanju tal-ħaddiema li d-dritt tagħhom li jiksbu xogħol fil-Ġermanja u l-Awstrija huwa soġġett għal miżuri nazzjonali.

[…]”

 Id-Direttiva 96/71

5        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71, intitolat “Il-kamp ta’ l-applikazzjoni”, jipprovdi:

“1.      Din id-Direttiva għandha tapplika għall-impriżi stabbiliti fi Stat Membru li, fil-qafas ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi transnazzjonali, jimpjegaw ħaddiema skond il-paragrafu 3, fit-territorju ta’ Stat Membru.

[...]

3.      Din id-Direttiva għandha tapplika sa fejn l-impriżi imsemmija fil-paragrafu 1 jieħdu waħda mill-miżuri transnazzjonali li ġejjin:

a)      jibagħtu ħaddiema fit-territorju ta’ Stat Membru għall-kont tagħhom proprju u taħt il-kontroll tagħhom fil-qafas ta’ kuntratt konkluż bejn l-impriża li tibgħat u d-destinatarju tal-prestazzjoni ta’ servizzi li jopera f’dak l-Isat Membru, sakemm teżisti relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tibgħat u l-ħaddiem fil-perjodu tal-kollokazzjoni;

jew

b)      jibgħat ħaddiema fi stabbiliment jew f’impriża fil-proprjetà ta’ grupp fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża li tagħmel il-kollokament u l-ħaddiema tul il-perjodu tal-kollokament;

jew

c)      billi tkun impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokazzjoni temporanju, tibgħat ħaddiem lill-impriża utenti stabbilita jew li topera fit-territorju ta’ Stat Membru, sakemm ikun hemm relazzjoni ta’ impjieg bejn l-impriża ta’ impjieg jew aġent ta’ kollokament temporanju u l-ħaddiem matul il-perjodu tal-kollokament.

[…]”

 Id-Direttiva 91/383/KEE

6        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva tal-Kunsill 91/383/KEE, tal-25 ta’ Ġunju 1991, li tissupplementa l-miżuri biex jinkoraġġixxu t-titjib fis-sigurtà u s-saħħa fix-xogħol tal-ħaddiema li għandhom relazzjoni ta’ impjieg b’dewmien fiss [għal żmien determinat] jew ta’ mpjieg temporanju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 418:

“Din id-Direttiva għandha tapplika għal

[…]

2)      relazzjonijiet ta’ mpjieg temporanji bejn impriża ta’ mpjieg temporanju li hija min iħaddem u l-ħaddiem, fejn ta’ l-aħħar huwa assenjat xogħol għal u taħt il-kontroll ta’ mpriża u/jew ta’ stabbiliment li jagħmlu użu minn dawn is-servizzi.”

 Id-dritt nazzjonali

7        Skont l-Artikolu 2(1) tal-Liġi fuq ix-Xogħol tal-Barranin (Wet arbeid vreemdelingen, Stb. 1994, Nru 959, iktar ’il quddiem il-“Wav”), huwa pprojbit għal min iħaddem li jagħti xogħol lil barrani fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr permess tax-xogħol.

8        L-Artikolu 1e(1) tad-digriet ta’ implementazzjoni tal-Wav (Besluit uitvoering Wav, Stb. 1995, Nru 406), kif emendat bid-digriet tal-10 ta’ Novembru 2005 (Stb. 2005, Nru 577, iktar ’il quddiem id-“digriet ta’ implementazzjoni”), jgħid dan li ġej:

“Il-projbizzjoni fl-Artikolu 2(1) tal-Wav ma tapplikax fir-rigward tal-barrani li, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi tranżnazzjonali, jagħmel temporanjament xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi fis-servizz tal-persuna li tħaddmu li tkun stabbilita fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li ma jkunx ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, bil-kundizzjoni li

a)      il-barrani jkollu d-dritt li jagħmel ix-xogħol bħala ħaddiem imħallas salarju minn min iħaddmu fl-Istat fejn huwa stabbilit min iħaddmu,

b)      min iħaddem ikun iddikjara minn qabel ix-xogħol fil-Pajjiżi l-Baxxi lill-Organizzazzjoni Ċentrali tax-Xogħol u tad-Dħul, u

c)      ma jiġux ipprovduti servizzi li jikkonsistu fil-provvista ta’ ħaddiema.”

9        Skont il-qorti tar-rinviju, l-obbligu li jinkiseb permess tax-xogħol impost mill-Artikolu 2(1) tal-Wav, inkwantu restrizzjoni temporanja fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema Pollakki prevista fl-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, inżamm fis-seħħ sal-1 ta’ Mejju 2007.

 Il-kawżi prinċipali u d-domandi preliminari

10      Fir-rigward tal-Kawża C‑307/09, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li matul kontroll imwettaq mill-Ispettorat tax-Xogħol, ġie kkonstatat li tliet ċittadini Pollakki li kienu impjegati ta’ Vicoplus kienu jaħdmu ma’ Maris li hija kumpannija Olandiża li bħala xogħol issewwi l-pompi għal impriżi oħra. Skont kuntratt konkluż minn Maris ma’ soċjetà oħra, ix-xogħol ta’ dawn tal-aħħar kellu jitwettaq matul il-perijodu bejn il-15 ta’ Awwissu u t-30 ta’ Novembru 2005.

11      Il-fatti fil-Kawża C‑308/09 jirrigwardaw rapport imħejji mill-Ispettorat tax-Xogħol fil-31 ta’ Lulju 2006 li skontu żewġ ċittadini Pollaki kienu qed jaħdmu, mill-10 ta’ Jannar 2006, bħala mekkaniks fil-garaxx ta’ Flevoservice en Flevowash BV, kumpannija Olandiża. Huma kienu daħlu fis-servizz ta’ BAM Vermeer, li kienet ikkonkludiet kuntratt mal-imsemmija kumpannija biex issewwi u tadatta trakkijiet u trejlers.

12      Għal dak li jirrigwarda l-Kawża C‑309/09, id-deċiżjoni tar-rinviju tindika li fil-15 ta’ Novembru 2005, il-kumpannija predeċessura ta’ Olbek ikkonkludiet kuntratt ma’ HTG Nederveen BV, kumpannija Olandiża, biex tipprovdilha persunal biex twettaq is-servizzi tat-trattament tal-iskart matul perijodu ta’ diversi xhur. Spezzjoni fl-uffiċini ta’ HTG Nederveen BV, imwettqa mill-Ispettorat tax-Xogħol ippermettiet li jiġi kkonstatat li dawn is-servizzi kienu qed jingħataw, b’mod partikolari, minn 20 ċittadin Pollakk.

13      Fit-tliet kawżi msemmija iktar ’il fuq, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ġew immultati għall-ksur tal-Artikolu 2(1) tal-Wav, talli dawn ikkollokaw ħaddiema Pollakki fil-Pajjiżi l-Baxxi mingħajr ma kisbu permess tax-xogħol biex jagħmlu hekk.

14      Meta ċaħdu l-ilmenti li saru kontra dawn il-multi, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Soċjali u għall-Impjieg, fil-Kawża C‑307/09, u l-Minister van Sociale Zaken en Werkgelegenheid, fil-Kawżi C‑308/09 u C‑309/09, ikkunsidraw li l-provvista ta’ servizzi magħmula, rispettivament, minn Vicoplus, BAM Vermeer u Olbek kienet tikkonsisti fil-provvista ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 1e(1)(c) tad-digriet ta’ implementazzjoni.

15      Billi r-rechtbank ’s-Gravenhage ċaħdet ir-rikorsi tagħhom ippreżentati kontra dawn id-deċiżjonijiet, ir-rikorrenti fil-kawżi prinċipali ppreżentaw appell quddiem ir-Raad van State.

16      Din il-qorti tikkunsidra li huwa paċifiku li l-obbligu previst fl-Artikolu 1e(1) tad-digriet ta’ implementazzjoni li jinkiseb permess tax-xogħol għall-provvista ta’ ħaddiema jikkostitwixxi restrizzjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Madankollu, hija tikkunsidra li mis-sentenzi tas-27 ta’ Marzu 1990, Rush Portuguesa (C‑113/89, Ġabra p. I‑1417); tad-9 ta’ Awwissu 1994, Vander Elst (C‑43/93, Ġabra p. I‑3803); tal-21 ta’ Ottubru 2004, Il‑Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu (C‑445/03, Ġabra. p. I‑10191); tad-19 ta’ Jannar 2006, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑244/04, Ġabra p. I‑885); kif ukoll tal-21 ta’ Settembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Awstrija (C‑168/04, Ġabra. p. I‑9041) jirriżulta li restrizzjoni bħal din tista’ tkun iġġustifikata, b’mod partikolari, mill-għan ta’ interess ġenerali li jikkonsisti fil-protezzjoni tas-suq nazzjonali tax-xogħol, b’mod partikolari mit-tentattivi li jiġu evitati r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema.

17      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tispjega li ż-żamma fis-seħħ tal-imsemmi obbligu li jinkiseb permess tax-xogħol huwa bbażat, b’mod partikolari, fuq is-sentenza Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, iżda tirrimarka li l-Qorti tal-Ġustizzja ma reġgħetx affermat il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 16 ta’ dik is-sentenza fis-sentenzi ulterjuri msemmijin iktar ’il fuq. Għalhekk, tqum il-kwistjoni jekk id-dritt tal-Unjoni attwalment jipprojbixxix li l-provvista ta’ ħaddiema tkun suġġetta għall-kisba ta’ permess tax-xogħol fiċ-ċirkustanzi tal-kawżi prinċipali.

18      Għaldaqstant, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk, għall-protezzjoni tas-suq nazzjonali tax-xogħol, il-permess tax-xogħol meħtieġ taħt l-Artikolu 2(1) tal-Wav biex jiġu pprovduti servizzi li jikkonsistu fil-provvista ta’ ħaddiema huwiex miżura proporzjonata fid-dawl tal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE, wara li tiġi kkunsidrata wkoll ir-riżerva li hemm fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 għal dak li jirrigwarda l-moviment liberu tal-ħaddiema. Jekk dan huwa l-każ, il-qorti tar-rinviju tistaqsi fuq il-portata tal-kunċett ta’ “provvista ta’ ħaddiema” u, b’mod partikolari, fuq l-importanza li għandha tingħata lin-natura tal-attività prinċipali li min jipprovdi s-servizzi inkwistjoni jwettaq fl-Istat ta’ stabbiliment tiegħu.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Raad van State iddeċidiet, f’kull waħda mill-kawżi pendenti quddiemha, li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin, li saru fl-istess kliem:

“1)      L-Artikoli [56 TFUE] u [57 TFUE] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu regola nazzjonali bħal dik li tirriżulta mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2 tal-[Wav] u tal-Artikolu 1e(1)(c) tad-digriet li jimplementaha, li tipprovdi li l-kollokament ta’ ħaddiema kif previst fl-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71/KE […] jeħtieġ permess ta’ xogħol?

2)      Fid-dawl ta’ liema kriterji għandu jiġi ddeterminat jekk kienx hemm kollokament ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71/KE?”

20      Permezz ta’ digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Ottubru 2009, il-Kawżi C‑307/09 sa C‑309/09 ġew magħquda għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub u orali kif ukoll tas-sentenza.

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

21      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qed tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE jipprekludux leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tissuġġetta l-kollokament fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, fit-territorju ta’ dan l-Istat, ta’ ħaddiema li jkunu ċittadini ta’ Stat Membru ieħor għall-kisba ta’ permess tax-xogħol.

22      Għandu jitfakkar li l-fatt li qorti nazzjonali fformulat formalment id-domanda preliminari billi rreferiet għal ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni ma huwiex ta’ ostakolu sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tipprovdi lil din il-qorti l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawza li għandha quddiemha, kemm jekk hija rreferiet għalihom jew le meta ressqet id-domandi tagħha. F’dan ir‑rigward, il‑Qorti tal‑Ġustizzja għandha tieħu mill‑elementi kollha li tkun ipprovditilha l‑qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni tar‑rinviju, il‑punti ta’ dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid‑dawl tas‑suġġett tal‑kawża (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2009, ČEZ, C‑115/08, Ġabra p. I‑10265, punt 81 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23      Il-qorti tar-rinviju tindika li, billi żamm fis-seħħ sal-1 ta’ Mejju 2007 l-obbligu li jinkiseb permess tax-xogħol previst fl-Artikolu 2(1) tal-Wav fir-rigward taċ-ċittadini Pollakki li jixtiequ jaħdmu fir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, dan l-Istat Membru applika d-deroga fir-rigward tal-moviment liberu tal-ħaddiema li tinsab fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003. Hija tistaqsi, madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punti 16 sa 18 ta’ din is-sentenza, jekk iż-żamma fis-seħħ, skont l-Artikolu 1e(1)(c) tad-digriet ta’ implementazzjoni, ta’ tali obbligu għal provvista ta’ servizzi li tikkonsisti fil-forntiura ta’ ħaddiema Pollakki fit-territorju tar-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi tistax tiġi ġġustifikata fid-dawl ta’ din id-deroga

24      F’dan ir-rigward, jekk leġiżlazzjoni nazzjonali hija ġġustifikata bis-saħħa ta’ waħda mill-miżuri tranżitorji msemmija fl-Artikolu 24 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, f’dan il-każ dik prevista fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII ta’ dan l-att, il-kwistjoni tal-kompatibbiltà ta’ din il-leġiżlazzjoni mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE ma tqumx iżjed (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-5 ta’ Ottubru 2006, Valeško, C‑140/05, Ġabra p. I‑10025, punt 74).

25      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk leġiżlazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali taqax taħt il-kamp ta’ applikazjoni tal-imsemmija miżura tranżitorja.

26      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jidderoga mill-moviment liberu tal-ħaddiema billi jelimina, b’mod tranżitorju, l-applikazzjoni tal-Artikoli 1 sa 6 tar-Regolament Nru 1612/68 għaċ-ċittadini Pollakki. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprovdi li, għal perijodu ta’ sentejn mill-1 ta’ Mejju 2004, id-data tal-adeżjoni ta’ dan l-Istat mal-Unjoni, l-Istat Membri għandhom japplikaw il-miżuri nazzjonali jew il-miżuri li jirriżultaw minn ftehim bilaterali li jirregolaw l-aċċess taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol tagħhom. L-imsemmija dispożizzjoni tipprovdi wkoll li l-Istati Membri jistgħu jkomplu japplikaw dawn il-miżuri sa tmiem il-perijodu ta’ ħames snin wara d-data tal-adeżjoni mal-Unjoni tar-Repubblika tal-Polonja.

27      Fit-tieni lok, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-attività li tikkonsisti, għal impriża, fil-provvista, bi ħlas, ta’ ħaddiema li jibqgħu fis-servizz ta’ din l-impriża mingħajr ma jiġi konkluż ebda kuntratt tax-xogħol mal-utent, tikkostitwixxi attività professjonali li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 TFUE u għandha, għaldaqstant, tiġi kkunsidrata bħala servizz fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Diċembru 1981, Webb, 279/80, Ġabra p. 3305, punt 9, u d-digriet tas-16 ta’ Ġunju 2010, RANI Slovakia, C‑298/09, punt 36).

28      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li tali attività jista’ jkollha impatt fqu is-suq tax-xogħol tal-Istat Membru tad-destinatarju tas-servizz. Fil-fatt, minn naħa, il-ħaddiema impjegati minn impriżi li jfornu l-ħaddiema jistgħu, jekk ikun il-każ, jaqgħu taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 45 TFUE sa 48 TFUE u tar-regolamenti tal-Unjoni adottati biex jimplementawhom (ara s-sentenza Webb, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10).

29      Min-naħa l-oħra, minħabba n-natura partikolari tar-rabtiet ta’ xogħol inerenti fil-provvista tal-ħaddiema, l-eżerċizzju ta’ din l-attività taffettwa direttament kemm ir-relazzjonijiet fis-suq tax-xogħol kif ukoll l-interessi leġittimi tal-ħaddiema kkonċernati (sentenza Webb, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

30      F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat, fil-punt 16 tas-sentenza Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, li impriża li tforni ħaddiema, għalkemm tipprovdi servizzi fis-sens tat-Trattat FUE, tagħmel attivitajiet li għandhom preċiżament bħala għan li ħaddiema jkunu jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ospitanti.

31      Din il-konstatazzjoni hija ġġustifikata mill-fatt li l-ħaddiem ikkollokat skont l-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71 normalment jiġi assenjat, matul il-perijodu li fih jiġi fornut, f’pożizzjoni fi ħdan l-impriża utenti li kieku kienet tiġi okkupata minn impjegat tagħha.

32      Minn dan isegwi li leġiżlazzjoni ta’ Stat Mmbru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandha tiġi kkunsidrata bħala miżura li tirregola l-aċċess taċ-ċittadini Pollakki għas-suq tax-xogħol ta’ dan l-istess Stat fis-sens tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003.

33      B’hekk, din il-leġiżlazzjoni li, matul il-perijodu tranżitorju previst fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, tkompli tissuġġetta l-provvista, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, ta’ ċittadini Pollakki fit-territorju ta’ dan l-Istat għall-kisba ta’ permess tax-xogħol, hija kompatibbli mal-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE.

34      Wieħed jasal għal din il-konklużjoni wkoll meta jitqies l-għan tal-imsemmija dispożizzjoni li huwa li jiġi evitat li, wara l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda mal-Unjoni, jiġi mfixkel is-suq tax-xogħol tal-Istati Membri l-qodma, minħabba l-wasla immedjata ta’ numru kbir ta’ ħaddiema li jkunu ċittadini tal-imsemmija Stati Membri ġodda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-27 ta’ Settembru 1989, Lopes da Veiga, 9/88, Ġabra p. 2989, punt 10, u Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 13). Dan l-għan jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Kapitolu 2(5) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni, inkwantu dan il-paragrafu jipprovdi l-possibbiltà għal Stat Membru, f’każ ta’ taqlib serju jew ta’ theddida ta’ taqlib serju fis-suq tax-xogħol tiegħu, li jtawwal, sa tmiem il-perijodu ta’ seba’ snin wara d-data ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja, il-miżuri msemmija fl-imsemmi Kapitolu 2(2).

35      Hekk kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 51 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa artifiċjali li ssir distinzjoni skont jekk ħaddiem jidħolx direttament u b’mod awtonomu fis-suq tax-xogħol ta’ Stat Membru jew jekk jidħolx permezz tal-provvista ta’ ħaddiema, peress li, fiż-żewġ każijiet, dan il-moviment ta’ ħaddiema potenzjalment kbir jista’ joħloq taqlib f’dan is-suq tax-xogħol. Għalhekk, il-fatt li l-provvista ta’ ħaddiema tiġi eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, jista’ jwassal biex titneħħa l-parti l-kbira mill-effettività ta’ din id-dispożizzjoni.

36      Il-konklużjoni li saret fil-punt 33 ta’ din is-sentenza barra minn hekk tikkorrispondi ma’ dak li kkonstatat il-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, fir-rigward tal-Artikolu 216 tal-Att li jirrigwarda l-kundizzjoni tal-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-aġġustamenti għat-Trattati (ĠU 1985, L 302, p. 23). Fil-fatt, wara li kkunsidrat, fil-punt 14 ta’ dik is-sentenza, li l-imsemmi artikolu kien applikabbli b’mod partikolari meta l-aċċess, mill-ħaddiema Portugiżi, għas-suq tax-xogħol tal-Istati Membri l-oħra kien inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 16 tal-istess sentenza, li dan l-artikolu jipprekludi l-provvista ta’ ħaddiema Portugiżi minn impriża li tipprovdi servizzi.

37      F’dan ir-rigward, għalkemm, kif irrilevat il-qorti tar-rinviju, il-Qorti tal-Ġustizzja ma rreferietx espressament, fis-sentenzi ulterjuri tagħha, għall-punt 16 tas-sentenza Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, hija madankollu rreferiet għall-punt 17 tal-istess sentenza, li jispjega l-konsegwenza li tinsilet mill-imsemmi punt 16, jiġifieri li Stat Membru għandu jkun jista’ jivverifika, sakemm jirrispetta l-limiti imposti mid-dritt tal-Unjoni, li provvista ta’ servizzi ma tkunx, fir-realtà, tikkorrispondi għal provvista ta’ ħaddiema li ma tibbenifikax mill-moviment liberu tal-ħaddiema (ara s-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq, Il-Kummissjoni vs Il‑Lussemburgu, punt 39, kif ukoll Il-Kummissjoni vs L-Awstrija, punt 56).

38      Ċertament, il-Kapitolu 2(1) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 jistipula dispożizzjonijiet tranżitorji dwar, mhux biss il-moviment liberu tal-ħaddiema, iżda wkoll il-libertà li jiġu pprovduti servizzi li jinvolvu moviment temporanju ta’ ħaddiema, kif iddefinit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71. Il-Kapitolu 2(13) jippermetti lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u lir-Repubblika tal-Awstrija biss li jidderogaw, taħt il-kundizzjonijiet stipulati hemmhekk, mill-Artikolu 56 TFUE għal dak li jirrigwarda l-provvista ta’ servizzi tranżnazzjonali ddefiniti b’dan il-mod.

39      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 1 tad-Direttiva 96/71 ikopri żewġ sitwazzjonijiet li jikkonsistu fil-provvista ta’ ħaddiema tranżnazzjonali. Fil-fatt, minn naħa, il-paragrafu 3(c) ta’ dan l-artikolu jkopri l-kollokament ta’ ħaddiem, minn impriża stabbilita fi Stat Membru, kemm jekk tkun impriża ta’ impjieg temporanju kif ukoll jekk tqiegħed ħaddiem għad-dispożizzjoni, lil impriża utenti stabbilita jew li teżerċita l-attività tagħha fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor. Min-naħa l-oħra, il-punt (b) tal-istess paragrafu jkopri l-kollokament ta’ ħaddiem impjegat ta’ impriża li tappartjeni għal grupp fit-territorju ta’ Stat Membru, fi stabbiliment jew f’impriża li tappartjeni għall-istess grupp.

40      Madankollu, hekk kif irrimarkaw il-Gvern Daniż u dak Ġermaniż, il-Kapitolu 2(13) tal-Annes XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 huwa r-riżultat ta’ negozjati li nbdew mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika tal-Awstrija sabiex tiġi pprovduta sistema tranżitorja għall-provvisti ta’ servizzi kollha koperti mill-Artikolu 1(3) tad-Direttiva 96/71. Ma jistax jiġi kkunsidrat li dan ir-riżultat kellu l-konsegwenza li tiġi eskluża l-possibbiltà għall-Istati l-oħra diġà membri tal-Unjoni fi żmien l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Polonja li japplikaw il-miżuri nazzjonali tagħhom fir-rigward tal-kollokament, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, ta’ ħaddiema li jkunu ċittadini Pollakki. Tali konsegwenza tmur kontra l-għan tal-imsemmi Kapitolu 2(2), kif deskritt fil-punt 34 ta’ din is-sentenza.

41      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha suesposti, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hi li l-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE ma jipprekludux lil Stat Membru milli jissuġġetta, matul il-perijodu tranżitorju previst fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003, il-kollokament, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71, ta’ ħaddiema li jkunu ċittadini Pollakki fit-territorju tiegħu għall-kisba ta’ permess tax-xogħol.

 Fuq it-tieni domanda

42      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kriterji li permezz tagħhom jista’ jiġi ddeterminat jekk servizz mogħti jikkostitwixxix kollokament ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71.

43      Fl-ewwel lok, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, mill-punt 9 tas-sentenza Webb, iċċitata iktar ’il fuq, jirriżulta li l-provvista ta’ ħaddiema hija provvista ta’ servizzi mogħtija bi ħlas, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 57 TFUE, li għaliha l-ħaddiem fornut jibqa’ fis-servizz tal-fornitur, mingħajr ma jiġi konkluż ebda kuntratt tax-xogħol mal-utent.

44      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71 jippreċiża wkoll li għandha teżisti relazzjoni ta’ xogħol bejn l-impriża ta’ impjieg temporanju jew l-impriża li tipprovdi l-ħaddiem u l-ħaddiem matul il-perijodu ta’ kollokament.

45      Fit-tieni lok, huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-provvista u l-ispostament temporanju ta’ ħaddiema li jintbagħtu lejn Stat Membru ieħor sabiex iwettqu xogħol hemmhekk fi ħdan provvista ta’ servizzi ta’ min iħaddimhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Rush Portuguesa, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15). Spostament għal dan il-għan huwa kopert mill-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71.

46      Hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 65 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-każ imsemmi l-aħħar, il-kollokament ta’ ħaddiema minn min iħaddimhom fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxi l-aċċessorju ta’ provvista ta’ servizzi mwettqa minnu f’dan l-Istat. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li jkun hemm kollokament fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71 meta, għad-differenza ta’ spostament temporanju, bħal dak deskritt fil-punt preċedenti, l-ispostament ta’ ħaddiema fi Stat Membru ieħor jikkostitwixxi l-għan stess ta’ provvista ta’ servizzi tranżnazzjonali.

47      Fit-tielet lok, hekk kif osservaw il-gvernijiet kollha li ppreżentaw osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll il-Kummissjoni, ħaddiem ikkollokat fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71 jaħdem taħt il-kontroll u d-direzzjoni tal-impriża utenti. Dan huwa l-korollarju tal-fatt li tali ħaddiem ma jwettaqx ix-xogħol tiegħu fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi minn min iħaddmu fl-Istat Membru ospitanti.

48      Din il-karatteristika tissemma’ wkoll fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 91/383, li jistipula li impjegat ta’ impriża ta’ impjieg temporanju jiġi fornut sabiex jaħdem għal impriża u/jew stabbiliment utenti u taħt il-kontroll tagħhom.

49      Min-naħa l-oħra, il-fatt li l-ħaddiem jerġa’ lura fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu fi tmiem il-kollokament ma jistax jeskludi li dan il-ħaddiem ikun ġie fornut fl-Istat Membru ospitanti. Fil-fatt, għalkemm huwa minnu li l-ħaddiem ikkollokat sabiex iwettaq xogħol fi ħdan provvista ta’ servizzi ta’ min iħaddmu fis-sens tal-Artikolu 1(3)(a) tad-Direttiva 96/71 jerġa’ lura, ġeneralment, fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu wara li tkun intemmet din il-provvista (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Rush Portuguesa, punt 15, u Vander Elst, punt 21), xejn ma jostakola lil ħaddiem ikkollokat fis-sens tas-subparagrafu (c) ta’ dan l-istess paragrafu milli jitlaq l-Istat Membru ospitanti u jerġa’ lura wkoll fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu wara li jkun wettaq xogħlu fi ħdan l-impriża utenti.

50      Bl-istess mod, għalkemm in-nuqqas ta’ korrispondenza bejn ix-xogħol imwettaq mill-ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti u l-attività prinċipali ta’ min iħaddmu jista’ jagħti l-impressjoni li dan il-ħaddiem ġie fornut minn dan tal-aħħar, madankollu, ma jistax jiġi eskluż, b’mod partikolari, li l-imsemmi ħaddiem iwettaq provvista ta’ servizzi għal min iħaddmu li taqa’ taħt qasam ta’ attività sekondarja jew ġdida tiegħu. Bil-kontra, il-fatt li l-imsemmi xogħol jikkorrispondi għall-attività prinċipali ta’ min iħaddem lill-ħaddiem ikkollokat ma jistax jeskludi li dan il-ħaddiem ġie fornut, peress li tali sitwazzjoni tista’ b’mod partikolari tiġri fir-rigward ta’ kollokament fi ħdan il-grupp, kif imsemmi fl-Artikolu 1(3)(b) tad-Direttiva 96/71.

51      Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata lit-tieni domanda hija li l-kollokament ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71 huwa provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas li għaliha l-ħaddiem ikkollokat jibqa’ fis-servizz tal-impriża li tipprovdi s-servizz, mingħajr ma jiġi konkluż ebda kuntatt tax-xogħol mal-impriża utenti. Huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-ispostament tal-ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti jikkostitwixxi l-għan stess tal-provvista ta’ servizzi magħmula mill-impriża li tagħti s-servizz u li dan il-ħaddiem iwettaq xogħlu taħt il-kontroll u d-direzzjoni tal-impriża utenti.

 Fuq l-ispejjeż

52      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikoli 56 TFUE u 57 TFUE ma jipprekludux lil Stat Membru milli jissuġġetta, matul il-perijodu tranżitorju previst fil-Kapitolu 2(2) tal-Anness XII tal-Att li jirrigwarda l-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika tas-Slovakkja u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, il-kollokament, fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 1996, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi, ta’ ħaddiema li jkunu ċittadini Pollakki fit-territorju tiegħu għall-kisba ta’ permess tax-xogħol.

2)      Il-kollokament ta’ ħaddiema fis-sens tal-Artikolu 1(3)(c) tad-Direttiva 96/71 huwa provvista ta’ servizzi magħmula bi ħlas li għaliha l-ħaddiem ikkollokat jibqa’ fis-servizz tal-impriża li tipprovdi s-servizz, mingħajr ma jiġi konkluż ebda kuntatt tax-xogħol mal-impriża utenti. Huwa kkaratterizzat mill-fatt li l-ispostament tal-ħaddiem fl-Istat Membru ospitanti jikkostitwixxi l-għan stess tal-provvista ta’ servizzi magħmula mill-impriża li tagħti s-servizz u li dan il-ħaddiem iwettaq xogħlu taħt il-kontroll u d-direzzjoni tal-impriża utenti.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.

Top