EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62009CJ0256

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-15 ta' Lulju 2010.
Bianca Purrucker vs Guillermo Vallés Pérez.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesgerichtshof - il-Ġermanja.
Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri - Regolament Nru 2201/2003 - Miżuri provviżorji u kawtelatorji - Rikonoxximent u infurzar.
Kawża C-256/09.

Ġabra tal-Ġurisprudenza 2010 I-07353

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2010:437

Kawża C-256/09

Bianca Purrucker

vs

Guillermo Vallés Pérez

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003 — Miżuri provviżorji jew kawtelatorji — Rikonoxximent u infurzar”

Sommarju tas-sentenza

1.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 8 sa 14)

2.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 20 u 39)

3.        Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili — Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri — Regolament Nru 2201/2003

(Regolament tal-Kunsill Nru 2201/2003, Artikoli 20 sa 27)

1.        Meta l-ġurisdizzjoni dwar il-mertu, skont ir-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, ta’ qorti li tkun adottat miżuri provviżorji ma tirriżultax, b’mod evidenti, mill-elementi tad-deċiżjoni adottata, jew li din id-deċiżjoni ma tinkludix motivazzjoni li ma hijiex nieqsa minn kull ambigwità, dwar il-ġurisdizzjoni tal-mertu ta’ din il-qorti, b’riferiment għall-wieħed mill-elementi tal-ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikoli 8 sa 14 ta’ dan ir-regolament, jista’ jiġi konkluż li l-imsemmija deċiżjoni ma tkunx ġiet adottata skont ir-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti mill-imsemmi regolament. Madankollu, din id-deċiżjoni tista’ tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, dwar miżuri provviżorji u kawtelatorji sabiex jiġi vverifikat jekk taqax taħt din id-dispożizzjoni.

(ara l-punt 76)

2.        Fid-dawl tal-importanza tal-miżuri provviżorji, kemm jekk ikunux adottati minn qorti b’ġurisdizzjoni dwar il-mertu jew bla ġurisdizzjoni dwar il-mertu, li jistgħu jiġu ordnati fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, b’mod partikolari minħabba l-konsegwenzi possibbli fuq tfal żgħar, u b’mod partikolari fir-rigward ta’ tewmin mifruda wieħed mill-ieħor, u minħabba l-fatt li l-qorti li adottat il-miżuri tkun ħarġet, jekk ikun il-każ, ċertifikat skont l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, anki jekk il-validità tal-miżuri provviżorji msemmija f’dan iċ-ċertifikat tkun ikkundizzjonata mill-preżentata ta’ rikors dwar il-mertu matul it-30 ġurnata, huwa importanti li l-persuna kkonċernata b’din il-proċedura, anki jekk tkun instemgħet mill-qorti li adottat il-miżuri, tkun tista’ tieħu l-inizjattiva li tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tistabbilixxi dawn il-miżuri provviżorji sabiex tikkontesta, quddiem qorti distinta minn dik li tkun adottat l-imsemmija miżuri u li tkun iddeċidiet fi żmien qasir, b’mod partikolari, il-ġurisdizzjoni dwar il-mertu li l-qorti li adottat il-miżuri provviżorji kienet irrikonoxxiet, jew, jekk mid-deċiżjoni ma jirriżultax li l-qorti kellha ġurisdizzjoni jew jekk irrikonoxxiet li hija kellha ġurisdizzjoni dwar il-mertu skont dan ir-regolament, b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, jiġifieri:

- il-miżuri kkonċernati għandhom ikunu urġenti;

- dawn għandhom jirrigwardaw persuni jew beni preżenti fl-Istat Membru fejn jinsabu dawn il-qrati, u

- għandhom ikunu ta’ natura provviżorja.

Dan ir-rikors għandu jiġi eżerċitat bla ħsara għal kwalunkwe aċċettazzjoni, mill-persuna li ppreżentatu, dwar il-ġurisdizzjoni dwar il-mertu li l-qorti li adottat il-miżuri provviżorji tista’ eventwalment tirrikonoxxi.

(ara l-punti 77, 97, 98)

3.        Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 et seq tar-Regolament Nru 2201/2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament Nru 1347/2000, ma japplikawx għal miżuri provviżorji, fil-qasam tad-dritt tal-kustodja, li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx din l-applikazzjoni kif jirriżulta kemm mill-istorja leġiżlattiva kif ukoll mid-dispożizzjonijiet ekwivalenti ta’ strumenti preċedenti, bħalma huma r-Regolament Nru 1347/2000 u l-Konvenzjoni ta’ Brussell II. Barra minn hekk, l-applikazzjoni, fl-Istati Membri kollha, inkluż l-Istat li jkollu ġurisdizzjoni dwar il-mertu, ta’ sistema ta’ rikonoxximent u ta’ infurzar stabbilita bir-Regolament Nru 2201/2003 fir-rigward tal-miżuri provviżorji toħloq riskju li jiġu evitati r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament, u ta’ “forum shopping”, fatti li jmorru kontra l-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament u, b’mod partikolari, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess superjuri tal-minuri permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jirrigwardawh mill-qorti li hija ġeografikament viċina għar-residenza abitwali tiegħu, li hija meqjusa mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea bħala l-iktar idonea sabiex tikkunsidra l-adozzjoni ta’ miżuri fl-interess tal-minuri.

(ara l-punti 84, 91 u d-dispożittiv)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Lulju 2010(*)

“Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament Nru 2201/2003 – Miżuri provviżorji jew kawtelatorji – Rikonoxximent u infurzar”

Fil-Kawża C‑256/09,

li għandha bħala suġġett talba għal domanda preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja), permezz tad-deċiżjoni tal-10 ta’ Ġunju 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Lulju 2009, fil-proċedura

Bianca Purrucker

vs

Guillermo Vallés Pérez,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn J. N. Cunha Rodrigues, President tal-Awla, P. Lindh, A. Rosas (Relatur), U. Lõhmus u A. Arabadjiev, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Marzu 2010,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal B. Purrucker, minn B. Steinacker, avukat,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u J. Kemper, bħala aġenti,

–       għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–      għall-Gvern Spanjol, minn J. López-Medel Báscones, bħala aġent,

–      għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn G. Russo, avvocato dello Statto,

–      għall-Gvern Ungeriż, minn R. Somssich u K. Szíjjártó, kif ukoll minn S. Boreczki, bħala aġenti,

–      għall-Gvern Portugiż, minn L. Inez Fernandes, bħala aġent,

–      għall-Gvern tar-Renju Unit, minn H. Walker, bħala aġent, assistita minn K. Smith, barrister,

–      għall-Kummissjoni Ewropea, minn A.-M. Rouchaud-Joët u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-20 ta’ Mejju 2010,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 06, p. 243).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ rikors ippreżentat quddiem il-Bundesgerichtshof minn B. Purrucker, omm il-minuri Merlín u Samira Purrucker, kontra d-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Stuttgart (il-Ġermanja), tat-22 ta’ Settembru 2008, inkwantu din id-deċiżjoni tistabbilixxi l-infurzar tas-sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia n°4 de San Lorenzo de El Escorial (Spanja) li tagħti lil missierhom il-kustodja ta’ dawn il-minuri.

 Il-kuntest ġuridiku

3        Il-Konvenzjoni dwar aspetti ċivili ta’ ħtif internazzjonali ta’ minuri ġie ffirmat fil-25 ta’ Ottubru 1980 fil-kuntest tal-Konferenza ta’ Den Haag tad-dritt internazzjonali privat (iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980”). Hija daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Diċembru 1983. L-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea huma partijiet kontraenti tal-imsemmija konvenzjoni.

4        Din il-konvenzjoni tinkludi diversi dispożizzjonijiet intiżi li jiksbu r-ritorn immedjat ta’ minuri li jkunu tneħħew jew inżammu illegalment.

5        L-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 jistabbilixxi b’mod partikolari li, wara li jkunu ġew innotifikati bit-tneħħija jew biż-żamma illegali tal-minuri, l-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat kontraenti ta’ fejn il-minuri jkun tneħħa jew inżamm ma jistgħux jiddeċiedu dwar il-mertu tad-dritt tal-kustodja sakemm jiġi stabbilit li l-kundizzjonijiet għar-ritorn tal-minuri skont l-imsemmija konvenzjoni jkun ġew sodisfatti.

6        Il-Konvenzjoni fuq il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, rikonoxximent, infurzar u kooperazzjoni dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri u miżuri għall-protezzjoni tat-tfal, li ġiet iffirmata fid-19 ta’ Ottubru 1996, tidħol ukoll fil-kuntest tal-Konferenza ta’ Den Haag tad-dritt internazzjonali privat (iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Den Haag 1996”). Hija tissostitwixxi l-Konvenzjoni tal-5 ta’ Ottubru 1961 dwar il-poteri ta’ awtoritajiet u l-liġi applikabbli fir-rigward għall-protezzjoni ta’ minuri.

7        Ċerti Stati Membri, b’mod partikolari r-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Renju ta’ Spanja, ma rratifikawx din il-konvenzjoni. Dawn l-Istati Membri huma awtorizzati li ma jirratifikawx din il-konvenzjoni abbażi tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/431/KE, tal-5 ta’ Ġunju 2008, li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jirratifikaw, jew jaderixxu ma’, fl-interess tal-Komunità Ewropea, il-Konvenzjoni tal-Aja [Den Haag] tal-1996 dwar il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, ir-Rikonoxximent, l-Infurzar u l-Kooperazzjoni fir-rigward tar-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal u li tawtorizza lil ċerti Stati Membri li jagħmlu dikjarazzjoni dwar l-applikazzjoni tar-regoli interni rilevanti tal-liġi Komunitarja - Konvenzjoni fuq il-Ġurisdizzjoni, il-Liġi Applikabbli, Rikonoxximent, Infurzar u Kooperazzjoni dwar ir-Responsabbiltà tal-Ġenituri u Miżuri għall-Protezzjoni tat-Tfal (ĠU L 151, p. 36).

8        L-Artikolu 11 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, li jagħmel parti mill-Kapitolu II tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Ġurisdizzjoni”, jipprovdi s-segwenti:

“1.       F’kull każ ta’ urġenza, l-awtoritajiet ta’ kwalunkwe Stat Kontraenti, fit-territorju ta’ liema huwa preżenti t-tifel jew proprjetà tat-tifel, għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu kwalunkwe miżuri ta’ protezzjoni neċessarji.

2.       L-effetti tal-miżuri meħudin taħt il-paragrafu ta’ qabel dan b’rigward tifel li abitwalment jkun residenti f’Stat Kontraenti għandhom jieqfu malli l-awtoritajiet li għandhom ġurisdizzjoni taħt l-Artikoli 5 sa 10 ħadu l-miżuri meħtieġa mis-sitwazzjoni.

3.       L-effetti ta’ miżuri meħudin taħt paragrafu 1 fir-rigward tat-tifel li abitwalment jkun residenti f’Stat mhux Kontraenti għandhom jieqfu f’kull Stat Kontraenti malli miżuri meħtieġa mis-sitwazzjoni u meħudin mill-awtoritajiet ta’ Stat ieħor huma rikonoxxuti fl-Istati Kontraenti in kwistjoni”.

9        L-Artikolu 23 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996, li jagħmel parti mill-Kapitolu IV tal-imsemmija konvenzjoni, intitolat “Rikonoxximent u Infurzar”, jistabbilixxi:

“1.       Il-miżuri meħudin mill-awtoritajiet ta’ l-Istat Kontraenti għandhom jiġu rikonoxxuti skond l-operazzjoni tal-liġi fl-Istati Kontraenti oħra kollha.

2.       Rikonoxximent jista’ madankollu jiġi rrifjutat:

a)       jekk il-miżura ttieħdet minn awtorità l-ġurisdizzjoni ta’ liema ma kenitx ibbazata fuq waħda mir-raġunijiet previsti fil-Kapitolu II;

[…]”.

10      L-Artikolu 26 ta’ din il-konvenzjoni, li jagħmel parti mill-istess kapitolu, jistabbilixxi:

“1.      Jekk miżuri meħudin fi Stat Kontraenti wieħed u nfurzabbli hemm jeħtieġu nfurzar fi Stat Kontraenti ieħor, għandhom, fuq talba minn parti interessata, jiġu ddikjarati infurzabbli jew reġistrati għall-għan ta’ infurzar f’dak l-Istat ieħor skond il-proċedura prevista fil-liġi ta’ l-Istat ta’ l-aħħar.

[…]

3.      Id-dikjarazzjoni ta’ infurzabblità jew reġistrazzjoni tista’ tiġi rrifjutata biss għal waħda mir-raġunijiet stabbiliti fl-Artikolu 23(2)”.

11      L-Artikolu 31 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 44/2001, tat-22 ta’ Diċembru 2000, dwar ġurisdizzjoni u rikonoxximent u eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 04, p. 42) jistabbilixxi:

“Tista’ ssir applikazzjoni lill-qrati ta’ Stat Membru għal miżuri proviżorji bħal dawn, inklużi miżuri protettivi, skond kif jista’ jkun disponibbli permezz tal-liġi ta’ dak l-Istat, permezz ta’ dan ir-Regolament, li qrati ta’ Stat Membru ieħor li jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sustanza tal-materja”.

12      Il-Konvenzjoni ta’ Brussell tal-1968, dwar il-ġurisdizzjoni u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali (ĠU 1972, L 299, p. 32), kif emendata bil-Konvenzjoni, tad-9 ta’ Ottubru 1978, dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, tal-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU L 304, p. 1 – test emendat – p. 77), bil-Konvenzjoni, tal-25 ta’ Ottubru 1982, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika Ellenika (ĠU L 388 p. 1), bil-Konvenzjoni, tas-26 ta’ Mejju 1989, dwar l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Portugiża (ĠU L 285, p. 1), u bil-Konvenzjoni, tad-29 ta’ Novembru 1996, dwar l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u r-Renju tal-Isvezja (ĠU 1997, C 15, p. 1, iktar ’il quddiem, il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”) kellha, fl-Artikolu 24 tagħha, dispożizzjoni simili.

13      Qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 2001/2003, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea kien stabbilixxa, b’att tat-28 ta’ Mejju 1998, abbażi tal-Artikolu K. 3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea, il-Konvenzjoni dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali (ĠU C 221, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell II”). Din il-konvenzjoni ma daħlitx fis-seħħ. Sa fejn it-test ta’ din il-konvenzjoni ispira t-test tad-Direttiva 2001/2003, ir-rapport ta’ spjegazzjoni dwar l-imsemmija konvenzjoni (ĠU 1998, C 221, p. 27), miktub minn A. Borrás (iktar ’il quddiem ir-“rapport Borrás”), ġie invokat sabiex jgħin fl-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament.

14      Ir-Regolament Nru 2201/2003 ġie ppreċedut mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1347/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi f’materji matrimonjali u f’materji ta’ responsabbiltà tal-ġenituri għall-ulied taż-żewġ konjuġi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 09, p. 209). Ir-Regolament Nru 1347/2000 ġie rrevokat bir-Regolament Nru 2201/2003, li l-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa iktar wiesgħa.

15      Il-premessi 12, 16, 21 u 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxu:

“(12) Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

[…]

(16)      Dan ir-Regolament m’għandux jimpedixxi lill-qrati ta’ xi Stat Membru milli jieħdu miżuri proviżorji, inkluzi dawk protettivi, f’każijiet urġenti, fir-rigward ta’ persuni jew proprjetà li tinstab f’dak l-Istat.

[…]

(21)      Ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandu jiġi bbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka u l-bażi għal nuqqas ta’ rikonoxximent għandu jinżamm għall-minimu neċessarju.

[…]

(24)      Iċ-ċertifikat maħruġ sabiex jiffaċilita l-infurzar tas-sentenza m’għandux ikun suġġett għall-appell. Għandu jiġi kkoreġut biss fejn hemm żball materjali, jiġifieri fejn ma jirriflettix b’mod korrett is-sentenza”.

16      Skont l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

1)      il-kelma ‘qorti’ għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament skond l-Artikolu 1;

[…]

4)      il-kelma ‘sentenza’ […] kull sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, iddikjarata minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni;

[…]

7)      il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[…]

9)      il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja’ għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta’ l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

[…]

11)      il-kliem ‘tneħħija nġusta jew iż-żamma’ għandhom ifissru t-tneħħija ta’ l-minuri jew iż-żamma fejn:

a)      hemm ksur ta’ liġi tad-drittijiet ta’ kustodja akkwistati permezz ta’ sentenza jew b’operat ta’ liġi jew b’xi fteħim li għandu effett legali taħt il-liġi ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma

u

b)      iżda, f’dak iż-żmien tat-tneħħija jew iż-żamma, id-drittijiet ta’ kustodja kienu attwalment eżerċitati, konġuntament jew unikament, jew kieku kienu ikunu hekk eżerċitati minħabba t-tneħħija jew iż-żamma. Il-kustodja se tiġi kkunsidrata biex tiġi eżerċitata konġuntament meta, skond sentenza jew b’operat ta’ liġi, wieħed mill-ġenituri li għandu jew għandha r-responsabbilità ma tistax tiddeċiedi dwar il-post ta’ residenza ta’ l-minuri mingħajr il-kunsens ta’ persuna oħra li għandha r-responsabbilità ta’ l-ġenitur.

[…]”

17      L-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi:

“Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess”.

18      L-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament jistabbilixxi:

“Fejn minuri jiċċaqalqu legalment minn Stat Membru wieħed għall-ieħor u jakkwistaw residenza abitwali ġdida hemmhekk, il-qrati ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel se, skond eċċezzjoni għall-Artikolu 8, iż-żomm il-ġurisdizzjoni matul perjodu ta’ tlett xhur wara ċ-ċaqliqa għall-iskop ta’ modifika ta’ sentenza dwar drittijiet ta’ aċċess maħruġa f’dak l-Istat Membru qabel il-minuri ġew imċaqalqin, fejn il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess skond is-sentenza dwar id-drittijiet ta’ aċċess ikompli jkollu jew ikollha r-residenza abitwali fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel, ta’ l-minuri”.

19      L-Artikolu 10 tal-istess regolament jistabbilixxi:

“F’każ ta’ tneħħija jew żamma nġusta ta’ minuri, il-qrati ta’ l-Istat Membru fejn il-minuri kienu abitwalment residenti mmedjatament qabel it-tneħħija jew iż-żamma nġusta għandhom iżommu l-ġurisdizzjoni sakemm il-minuri jakkwistaw residenza abitwali fi Stat Membru ieħor […]”.

20      L-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi:

“Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita”.

21      L-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Miżuri provviżorji, inklużi dawk protettivi”, jistabbilixxi:

“1. F’każijiet urgenti, id-disposizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament mhux se jħallu l-qrati ta’ Stat Membru milli jieħu dawk il-miżuri provviżorji, inkluzi dawk protettivi fir-rigward ta’ persuni jew assi f’dak l-Istat kif huma disponibbli taħt il-liġi ta’ dak l-Istat Membru, anke jekk, taħt dan ir-Regolament, il-qorti ta’ Stat Membru ieħor għandha l-ġurisdizzjoni nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni.

2.      Il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx jibqgħu japplikaw meta l-qorti ta’ l-Istat Membru li għandha l-ġurisdizzjoni taħt dan ir-Regolament nkwantu għas-sustanza ta’ l-kwistjoni, ħadet il-miżuri li dehrilha xierqa”.

22      L-Artikoli 21 et seq tal-imsemmi regolament jirrigwardaw ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi. L-imsemmi Artikolu 21(1), jistabbilixxi b’mod partikolari li s-sentenzi mogħtija fi Stat Membru għandhom jiġu rrikonoxxuti fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura.

23      L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi li ma jistax isir stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini.

24      L-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament jistabbilixxi l-ħruġ ta’ ċertifikat. Mill-Anness II tal-imsemmi regolament, li jistabbilixxi d-dettalji li jinsabu fuq dan iċ-ċertifikat, jirriżulta li huwa jispeċifika diversi elementi tal-proċedura, b’mod partikolari li tiċċertifika l-infurzabbiltà u n-notifika ta’ sentenza ġudizzjarja.

25      L-Artikolu 46 tal-istess regolament jistabbilixxi:

“Id-dokumenti li jkunu ġew formalment magħmula jew irreġistrati bħala strumenti awtentiċi u li jkunu nfurzabbli fi Stat Membru wieħed u kif ukoll il-ftehim bejn il-partijiet li huma nfurzabbli fl-Istat Membru fejn ġew konkluzi għandhom jiġu rikonoxxuti u ddikjarati li huma nfurzabbli taħt l-istess kondizzjonijiet tas-sentenzi”.

26      L-Artikolu 60 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi li dan ir-regolament jieħu preċedenza fuq, b’mod partikolari, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. L-Artikolu 61 tal-imsemmi regolament jirrigwarda r-relazzjoni bejn dan tal-aħħar u l-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996.

 Il-fatti fil-kawża prinċipali u l-proċeduri pendenti

27      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li f’nofs l-2005, B. Purrucker marret tgħix fi Spanja ma’ G. Vallés Pérez. Hija welldet tewmin, imwielda qabel iż-żmien f’Mejju 2006. It-tifel, Merlín, seta’ jħalli l-isptar f’Settembru 2006. It-tifla, Samira, setgħet tħalli l-isptar biss f’Marzu 2007, minħabba komplikazzjonijiet li seħħew fil-frattemp.

28      Qabel, peress li l-relazzjoni bejn B. Purrucker u G. Vallés Pérez marret lura, B. Purrucker riedet tmur lura l-Ġermanja bit-tfal tagħha, filwaqt li, għal bidu, G. Vallés Pérez oppona. Fit-30 ta’ Jannar 2007, il-partijiet ikkonkludew ftehim notarili li kellu jiġi approvat minn qorti sabiex ikun infurzabbli. Il-Klawżoli 2 u 3 ta’ dan il-ftehim jipprovdu s-segwenti:

“It-tieni nett – Huwa paċifiku li t-tfal minuri tal-koppja huma taħt l-awtorità tal-ġenituri, tal-missier u tal-omm, li t-tnejn li huma għandhom il-kustodja fuqhom, bla ħsara għad-dritt ta’ aċċess li l-missier għandu fuq it-tfal tiegħu u li jista’ jeżerċita dan id-dritt b’mod liberu f’kull mument u skont l-għażla tiegħu, kemm-il darba l-partijiet jaqblu li jiffissaw il-post ta’ residenza bil-mod kif spejgat fil-punt 3 iktar ’l isfel.

It-tielet nett – Fir-rigward tal-post ta’ residenza tal-omm u tat-tfal, huwa paċifiku li B. Purrucker tmur tgħix mat-tfal tagħha fil-Ġermanja fejn hija ser tistabbilixxi l-post ta’ residenza permanenti tagħha li għandha tikkomunikah lil missier it-tfal, li jagħti espressament il-kunsens tiegħu għall-fatt li l-omm u t-tfal imorru jgħixu fl-imsemmi pajjiż, kemm-il darba l-omm tirrikonoxxi d-dritt ta’ aċċess tal-missier u li tippermettilu jara f’kull mument u skont l-għażla tiegħu t-tfal tiegħu, wara li jkun ikkomunikalha bil-quddiem id-dati tal-mawra tiegħu. Il-post ta’ residenza ser ikun għal terminu indefinit, u dan huwa bla ħsara għad-deċiżjonijiet li t-tfal tal-koppja jistgħu jieħdu meta jsiru maġġorenni”.

29      B. Purrucker kellha l-intenzjoni tmur lura l-Ġermanja flimkien mat-tifel tagħha D., li twieled minn relazzjoni preċedenti, kif ukoll mat-tfal tagħha Merlín u Samira.

30      Minħabba l-komplikazzjonijiet u l-ħtieġa ta’ intervent kirurġiku, Samira ma setgħetx tħalli l-isptar. Għalhekk, B. Purrucker telqet lejn il-Ġermanja bit-tifel tagħha Merlín fit-2 ta’ Frar 2007. Skont id-dikjarazzjonijiet ta’ B. Purrucker quddiem il-qorti tar-rinviju, it-tifla tagħha Samira kellha, wara li toħroġ mill-isptar, titwassal ukoll lejn il-Ġermanja.

31      Hemm tliet proċeduri pendenti bejn il-partijiet fil-kawża prinċipali:

–        l-ewwel waħda, fi Spanja, għandha bħala suġġett l-għoti ta’ miżuri provviżorji, ippreżentata minn G. Vallés Pérez. Din il-proċedura, taħt ċerti kundizzjonijiet, tidher li tista’ titqies li hija proċedura dwar il-mertu li s-suġġett tagħha huwa l-għoti tad-dritt tal-kustodja ta’ Merlín u Samira;

–        it-tieni waħda, fil-Ġermanja, ippreżentata minn B. Purrucker, li għandha bħala suġġett l-għoti tad-dritt tal-kustodja fuq l-istess tfal, u

–        it-tielet waħda, fil-Ġermanja, ippreżentata minn G. Vallés Pérez, li għandha bħala suġġett l-infurzar tas-sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia n°4 de San Lorenzo de El Escorial, li tistabbilixxi l-miżuri provviżorji. Din hija l-proċedura li wasslet għat-talba għal deċiżjoni preliminari.

 Il-proċedura mibdija fi Spanja għal finijiet tal-għoti ta’ miżuri provviżorji

32      Peress li ma baqax iħossu marbut bil-ftehim notarili, G. Vallés Pérez beda, f’Ġunju 2007, proċedura għal finijiet tal-għoti ta’ miżuri provviżorji u, b’mod partikolari, id-dritt tal-kustodja ta’ Samira u Merlín, quddiem il-Juzgado de Primera Instancia n 4 de San Lorenzo de El Escorial.

33      Is-seduta saret fis-26 ta’ Settembru 2007. B. Purrucker ippreżentat osservazzjonijiet bil-miktub u kienet irrappreżentata.

34      B’deċiżjoni tat-8 ta’ Novembru 2007, il-Juzgado de Primera Instancia n°4 de San Lorenzo de El Escorial adottat miżuri urġenti u provviżorji.

35      Kif jirriżulta minn din is-sentenza, annessa mal-osservazzjonijiet ippreżentati minn B. Purrucker quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-qorti Spanjola osservat:

“Minbarra d-dritt sostantiv Spanjol ikkonċernat, ir-rikors huwa bbażat fuq il-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980 (Artikoli 1 u 2) kif ukoll fuq ir-Regolament […] Nru 2201/2003 u l-Ftehim bejn ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli (Artikolu 8)”.

36      Fil-punt 3 tal-motivi tagħha, l-imsemmija sentenza tistabbilixxi l-kunsiderazzjonijiet segwenti:

“It-tielet nett – Fl-ewwel lok, fir-rigward tad-dritt Ewropew invokat u l-konvenzjonijiet irratifikati mir-Renju ta’ Spanja u mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-qasam tad-dritt tal-familja, tad-dritt tal-kustodja u l-manteniment għat-tfal minuri, il-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni peress li l-ġenituri kienu jirrisjedu fi Spanja u Spanja kienet l-aħħar domiċilju fiss tal-familja (Artikolu 769(3) tal-[Kodiċi proċedurali ċivili Spanjol (Ley de Enjuiciamiento Civil)]; Artikolu 1 tal-[Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980] – il-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni hija dik fejn il-minuri jkollu r-residenza abitwali tiegħu – iċ-ċensiment stabbilixxa l-preżenza fi Colmenarejo ta’ Merlín u sakemm telaq lejn il-Ġermanja fit-2 ta’ Frar 2007, ir-residenza abitwali tiegħu kienet Spanja).

Barra minn hekk, ir-rikorrent huwa Spanjol, jirrisjedi abitwalment fi Spanja u din hija l-ewwel proċedura ppreżentata f’din il-kawża fi Spanja. Il-qorti tar-rinviju ddikjarat, fid-digriet li laqa’ r-rikors tat-28 ta’ Ġunju u fid-digriet sussegwenti tal-20 ta’ Settembru, li hija għandha l-ġurisdizzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti ta’ Albstadt għandha, jekk ikun il-każ, tirrinunzja ex officio favur il-qorti Spanjola skont l-Artikolu 19 tar-[Regolament Nru 2201/2003]. Ir-rinunzja ex officio tista’ sseħħ biss jekk il-partijiet ikunu ppreżentaw, quddiem il-qrati ta’ Stati Membri differenti, talbiet li jikkonċernaw ir-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward tal-minuri u li jkollhom l-istess suġġett u l-istess skop. Issa, jidher illi l-proċedura mibdija sussegwentement fil-Ġermanja minn B. Purrucker hija proċedura simplifikata intiża li jikseb mingħand il-missier, Guillermo Vallés, l-għoti ta’ manteniment għal Merlín. Din il-proċedura ġiet irreġistrata taħt in-numru 8FH13/07 mill-Qorti tal-Familja ta’ Albstadt.

L-avukat ta’ B. Purrucker qajjem matul is-seduta n-nuqqas ta’ ġurisdizzjoni tal-qorti tar-rinviju minħabba, minn naħa, li Merlín jirrisjedi b’mod regolari fil-Ġermanja u li, konsegwentement, l-interessi ta’ dan il-minuri għandhom jiġu ttrattati fil-Ġermanja u, min-naħa l-oħra, li jeżisti ftehim privat bejn il-partijiet.

Ir-rikorrent jopponi [li l-kawża tiġi rrinvjata quddiem il-qorti Ġermaniża] għaliex hija tinjora l-istat reali ta’ saħħet Merlín u, peress li l-omm telqet meta Samira kienet f’periklu tal-mewt, wieħed ma jafx jekk l-omm hijiex sejra lura xi darba fi Spanja. Barra minn hekk, il-ftehim privat ma huwiex ġudizzjarjament irratifikat, ma ġiex approvat mill-prosekutur u seta’ ġie ffirmat taħt pressjoni jew b’qerq.

Il-prosekutur matul is-seduta ddikjara li l-qorti tar-rinviju kellha ġurisdizzjoni għaliex il-ftehim bejn il-partijiet ma kienx ġudizzjarjament irratifikat u kien hemm il-ħtieġa li jiġu adottati b’mod urġenti miżuri provviżorji. Huwa jfakkar il-ġurisdizzjoni tal-qorti Spanjola tad-domiċilju abitwali tar-rikorrenti fi Spanja, id-dokument ta’ ftehim aċċettat fi Spanja u t-twelid tal-minuri Merlín fi Spanja; huwa jiddubita kemm it-tluq ta’ Merlín mit-territorju Spanjol kien regolari.

Għaldaqstant, aħna nikkonfermaw li l-qorti tar-rinviju għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-talba għal miżuri provviżorji”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

37      Kif tindika l-Bundesgerichtshof fid-deċiżjoni tar-rinviju, il-miżuri provviżorji adottati jipprovdu s-segwenti:

“Taħt titolu kawtelatorju, il-Qorti, li qed tiddeċiedi fuq it-talba ta’ G. Guillermo Vallés Pérez kontra B. Purrucker, ser tadotta dawn il-miżuri provviżorji urġenti u immedjati:

1.       L-għoti lill-missier, G. Guillermo Vallés Pérez, tad-dritt tal-kustodja komuni fuq iż-żewġt itfal Samira u Merlín Vallés Purrucker; iż-żewġ ġenituri jżommu l-awtorità tal-ġenituri.

Sabiex tiġi infurzata l-miżura preżenti, l-omm għandha trodd lura t-tifel minuri Merlín lil missieru li huwa ddomiċiljat fi Spanja. Għandhom jittieħdu miżuri adatti sabiex jippermettu lill-omm tivvjaġġa mat-tifel u sabiex tara lil Samira u Merlín kull darba li hija tixtieq, u, għalhekk, abitazzjoni, li tista’ sservi bħala post fejn il-familja tiltaqa’, għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha jew tista’ titqiegħed għad-dispożizzjoni tagħha minn membru tal-familja jew minn persuna affidabbli li għandha tkun preżenti matul kull mawra li l-omm tqatta’ mat-tfal; l-abitazzjoni tista’ tkun, jekk il-partijiet jaqblu reċiprokament fuq dan il-punt, l-abitazzjoni tal-missier.

2.       Projbizzjoni tat-tluq mit-territorju Spanjol bit-tfal mingħajr l-awtorizzazzjoni bil-quddiem tal-qorti.

3.       L-għoti tal-passaporti ta’ kull wieħed mit-tfal lill-ġenitur li jeżerċita d-dritt tal-kustodja.

4.       Kull bdil tad-domiċilju ta’ Samira u Merlín huwa s-suġġett għall-awtorizzazzjoni bil-quddiem tal-qorti.

5.       L-omm mhija suġġetta għall-ebda obbligu ta’ manteniment.

L-ebda deċiżjoni fuq l-ispejjeż ma ser tittieħed.

Fil-każ li titressaq proċedura dwar il-mertu, id-digriet preżenti għandu jiġi rreġistrat fl-atti tal-proċedura korrispondenti.

Id-digriet preżenti għandu jiġi nnotifikat lill-partijiet u lill-prosekutur skont ir-regoli stabbiliti u bir-referenza li tindika li dan ma jistax ikun is-suġġett ta’ rikors”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

38      Mid-dokumenti annessi mal-osservazzjonijiet ta’ B. Purrucker jirriżulta li s-sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia n°4 de San Lorenzo de El Escorial, tat-8 ta’ Novembru 2007, kienet is-suġġett ta’ sentenza emendatorja tat-28 ta’ Novembru 2007. Il-punt 1 tad-dispożittiv ġie emendat inkwantu jattribbwixxi lill-missier id-“dritt tal-kustodja” u mhux “id-dritt tal-kustodja komuni”.

39      Fil-11 ta’ Jannar 2008, il-Juzgado de Primera Instancia n°4 de San Lorenzo de El Escorial ħarġet ċertifikat abbażi tal-Artikolu 39(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 u ddikjarat li s-sentenza tagħha hija infurzabbli u ġiet innotifikata.

40      Jidher li G. Vallés Pérez ressaq azzjoni dwar il-mertu, li l-qorti li tressqet quddiemha l-azzjoni qatgħet fit-28 ta’ Ottubru 2008 u li appell ġie ppreżentat mid-deċiżjoni mogħtija.

 Il-proċedura mibdija fil-Ġermanja għall-finijiet tal-għoti tad-dritt tal-kustodja

41      Fl-20 ta’ Settembru 2007, jiġifieri qabel l-intervent tas-sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia n 4 de San Lorenzo de El Escorial, B. Purrucker kienet talbet, permezz ta’ azzjoni dwar il-mertu mibdija quddiem l-Amtsgericht Albstadt (Qorti tal-ewwel istanza ta’ Albstadt, il-Ġermanja), li jingħatalha d-dritt tal-kustodja ta’ Merlín u Samira. Abbażi tal-Artikolu 16 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, il-proċedura fil-qasam tad-dritt tal-kustodja ġiet sospiża mid-19 ta’ Marzu sat-28 ta’ Mejju 2008, u wara ngħatat lill-Amtsgericht Stuttgart (il-Ġermanja), skont l-Artikolu 13 tal-liġi dwar l-infurzar u l-applikazzjoni ta’ ċerti strumenti legali fil-qasam tad-dritt internazzjonali tal-familja (Gesetz zur Aus- und Durchführung bestimmter Rechtsinstrumente auf dem Gebiet des internationalen Familienrechts). L-Amtsgericht Stuttgart irrifjutat li tieħu miżuri provviżorji ġodda marbuta mad-dritt tal-kustodja taż-żewġt itfal ikkonċernati. Hija ma ddeċidietx dwar il-mertu tal-kawża, iżda esprimiet dubji dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha. B’deċiżjoni tat-8 ta’ Diċembru 2008, hija kkonstatat li, b’deċiżjoni tat-28 ta’ Ottubru 2008 msemmija fil-punt 40 tas-sentenza preżenti, il-Juzgado de Primera Instancia n°4 de San Lorenzo de El Escorial iddikjarat lilha nnifisha bħala l-qorti li quddiemha tressqet l-ewwel il-kawża fis-sens tal-Artikoli 16 u 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003. Għalhekk, l-Amtsgericht Stuttgart issospendiet il-proċedura, skont l-Artikolu 19(2) tal-imsemmi regolament, sakemm is-sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia n°4 de San Lorenzo de El Escorial issir res judicata.

42      B. Purrucker ippreżentat rikors kontra d-deċiżjoni tal-Amtsgericht Stuttgart. Fl-14 ta’ Mejju 2009, l-Oberlandesgericht Stuttgart annullat id-deċiżjoni u bagħtet il-kawża quddiem l-Amtsgericht Stuttgart sabiex tadotta deċiżjoni ġdida. L-Oberlandesgericht Stuttgart qieset li qorti setgħet tistħarreġ hija stess il-ġurisdizzjoni tagħha u li l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jagħti lill-ebda qorti li quddiemha tressqet il-kawża l-ġurisdizzjoni esklużiva sabiex tiddetermina liema kienet l-ewwel qorti li tressqet quddiemha l-kawża. L-Oberlandesgericht Stuttgart irrilevat li t-talba dwar id-dritt tal-kustodja, imressqa fi Spanja f’Ġunju 2007 minn G. Vallés Pérez, tidħol fil-kuntest ta’ proċedura intiża għall-għoti ta’ miżuri provviżorji, filwaqt li t-talba dwar id-dritt tal-kustodja, imressqa fil-Ġermanja fl-20 ta’ Settembru 2007 minn B. Purrucker, tikkostitwixxi azzjoni dwar il-mertu. Din l-azzjoni u l-proċedura għall-għoti ta’ miżuri provviżorji għandhom bħala suġġett kontroversji differenti jew talbiet differenti.

43      B’digriet tat-8 ta’ Ġunju 2009, l-Amtsgericht Stuttgart talbet lill-partijiet jindikawlha f’liema stadju kienet tinsab il-proċedura mibdija fi Spanja u stedniethom jieħdu pożizzjoni fuq il-possibbiltà li tiddeferixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari dwar id-determinazzjoni tal-ewwel qorti li quddiemha tressqet il-kawża, skont l-Artikolu 104b tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja.

 Il-proċedura mibdija fil-Ġermanja għall-finijiet tal-infurzar tad-deċiżjoni mogħtija mill-qorti Spanjola

44      Din hija l-proċedura li wasslet għat-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti. G. Vallés Pérez fil-bidu eżiġa, fost l-oħrajn, l-għoti lura ta’ Merlín u ppreżenta, bħala miżura kawtelatorja, rikors intiż li tiġi ddikjarata l-infurzabbiltà tas-sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia n°4 de San Lorenzo de El Escorial. Wara, huwa talab b’mod partikolari l-infurzar ta’ din id-deċiżjoni. Konsegwentement, l-Amtsgericht Stuttgart, b’deċiżjoni tat-3 ta’ Lulju 2008, u l-Oberlandesgericht Stuttgart, b’deċiżjoni tat-22 ta’ Settembru 2008 meħuda b’rikors, infurzaw is-sentenza tal-qorti Spanjola u wissew lill-omm li tista’ tiġi imposta multa fuqha jekk hija ma tikkonformax mad-deċiżjonijiet tagħhom.

45      Il-Bundesgerichtshof tipprovdi s-segwenti sunt tad-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Stuttgart:

“L-ebda motiv ma jipprekludi l-infurzabbiltà tas-sentenza tal-qorti Spanjola. Din tirrigwarda miżura provviżorja ta’ qorti Spanjola. Madankollu, l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jistabbilixxi l-ebda differenza abbażi tal-forma tas-sentenza, fil-kuntest tar-rikonoxximent u tal-infurzar tad-deċiżjonijiet ta’ Stati Membri oħra, u teżiġi biss ‘deċiżjoni ġudizzjarja’. Anki jekk it-tfal komuni ma nstemgħux mill-qorti Spanjola, in-nuqqas ta’ smigħ ma jikser l-ebda regola fundamentali tal-proċedura tad-dritt Ġermaniż, iktar u iktar għaliex fid-data tas-sentenza t-tfal kellhom biss sena u nofs. Iċ-ċertifikat tal-qorti Spanjola maħruġ abbażi tal-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2201/2003 jxejjen id-dubji tal-konvenuta, dovuti għall-preżentata tardiva tal-azzjoni dwar il-mertu, dwar l-infurzabbiltà tas-sentenza Spanjola. Lanqas ma hemm raġuni għal nuqqas ta’ rikonoxximent fis-sens tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 2201/2003. B’mod partikolari, l-ebda ksur tal-ordni pubbliku Ġermaniż ma ġie rrilevat; id-drittijiet tad-difiża ġew osservati permezz tat-taħrika tal-konvenuta għas-seduta. Il-fatt li ma assistietx personalment għas-seduta, iżda kienet kuntenta li tiġi rrappreżentata mill-avukat tagħha huwa dovut għad-deċiżjoni tagħha stess. Fil-proċedura ta’ rikonoxximent u ta’ infurzar, il-qorti tar-rinviju ma tistax tipproċedi b’reviżjoni tal-mertu tal-kawża dwar id-dritt tal-kustodja, deċiża fi Spanja”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

46      Fl-appell li ppreżentat quddiem il-Bundesgerichtshof, B. Purrucker tikkontesta d-deċiżjoni tal-Oberlandesgericht Stuttgart tat-22 ta’ Settembru 2008 minħabba li, skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet mogħtija mill-qrati ta’ Stati Membri oħra ma japplikawx għal miżuri provviżorji fis-sens tal-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, għaliex dawn ma jistgħux jitqiesu li huma deċiżjonijiet fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

 Id-deċiżjoni tar-rinviju u d-domanda preliminari

47      Il-Bundesgerichtshof tirrileva li l-kwistjoni dwar jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 et seq tar-Regolament Nru 2201/2003 japplikawx ukoll għal miżuri provviżorji fis-sens tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament jew biss għal deċiżjonijiet dwar il-mertu hija s-suġġett ta’ diskussjoni fid-duttrina u li ma hijiex deċiża b’mod definittiv mill-ġurisprudenza.

48      Skont l-ewwel argument, il-miżuri provviżorji fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma bħala regola esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar, kif stabbilit fl-Artikoli 21 et seq ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament jinkludi biss sempliċi regola ta’ ġurisdizzjoni. Is-sentenza tat-2 ta’ April 2009, A (C‑523/07, Ġabra p. I‑2805, punti 46 et seq), tista’ ssaħħaħ dan l-argument, inkwantu tistabbilixxi li l-miżuri provviżorji fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma ta’ natura temporanja u l-infurzar u n-natura vinkolanti tagħhom għandhom jirriżultaw mil-liġi nazzjonali. Jekk dan huwa l-każ, l-appell ta’ B. Purrucker għandu jintlaqa’.

49      Skont ċerti argumenti, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 2201/2003 jinkludi wkoll miżuri provviżorji meħuda minn qorti b’ġurisdizzjoni fil-kuntest ta’ azzjoni dwar il-mertu, sakemm jitħarsu, anki jekk tal-inqas a posteriori, id-drittijiet tad-difiża. Dan il-prinċipju jikkorrispondi għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li tipprovdi li seduta a posteriori hija biżżejjed sabiex jiġi ggarantit smigħ xieraq (sentenza tas-16 ta’ Ġunju 1981, Klomps, 166/80, Ġabra p. 1593). Argumenti oħra jillimitaw l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 għal miżuri provviżorji li jkunu, jekk ikun il-każ, ittieħdu fil-kuntest ta’ proċedura kontradittorja, b’rispett tad-drittijiet tad-difiża.

50      F’dawn l-aħħar żewġ ipoteżi, is-suċċess tal-appell jiddependi mill-kwistjoni dwar jekk, matul il-proċedura li tat lok għall-miżura provviżorja, B. Purrucker effettivament ibbenefikatx mid-dritt għal smigħ. Issa, skont il-qorti tar-rinviju, risposta affermattiva għal din id-domanda hija msaħħa mill-fatt li l-persuna kkonċernata kienet ġiet mħarrka għal seduta, fejn kienet irrappreżentata minn avukat, u li t-tfal tagħha kienu ta’ età li fiha l-ebda informazzjoni supplimentari ma setgħet tinkiseb mis-seduta tagħhom.

51      Fl-aħħar nett, hemm l-argument li jipprovdi li l-miżuri provviżorji kollha huma rregolati mis-sistema tar-Regolament Nru 2201/2003. Minn naħa, il-miżuri provviżorji meħuda abbażi tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament jistgħu jitqiesu li huma sentenzi fis-sens tal-Artikolu 2(4) tal-imsemmi regolament, li għalihom japplikaw id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 et seq tal-istess regolament dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar. Min-naħa l-oħra, il-proponenti ta’ dan l-argument iressqu saħansitra l-argument li jekk il-miżuri provviżorji fis-sens tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma humiex inklużi fid-definizzjoni tal-kunċett ta’ “sentenza” li tinsab fl-Artikolu 2(4) tal-imsemmi regolament, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 et seq ta’ dan ir-regolament, dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar tas-sentenzi mogħtija fi Stati Membri oħra, japplikaw xorta waħda għat-tali miżuri. Skont dan l-argument, l-imsemmija Artikoli 21 et seq japplikaw bla dubju ta’ xejn għal miżura provviżorja adottata mill-qorti Spanjola, u l-appell għandu jiġi miċħud.

52      Il-Bundesgerichtshof tirrileva li d-deċiżjoni tal-qorti Spanjola ma tiksirx l-ordni pubblika Ġermaniża.

53      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-Bundesgerichtshof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:

“Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 et seq tar-Regolament [Nru 2201/2003], dwar ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet ta’ Stati Membri oħra skont l-Artikolu 2(4) tar-Regolament [Nru 2201/2003], japplikaw ukoll għal miżuri provviżorji infurzabbli, fil-qasam tad-dritt tal-kustodja, skont l-Artikolu 20 tar-Regolament [Nru 2201/2003]”?

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

54      Skont l-Artikolu 54a tar-Regoli tal-Proċedura, l-Imħallef Relatur u l-Avukat Ġenerali talbu lil B. Purrucker tibgħat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-deċiżjonijiet tat-8 ta’ Settembru 2008, tal-14 ta’ Mejju 2009 u tat-8 ta’ Ġunju 2009, li huma msemmija fil-punti 41 sa 43 tas-sentenza preżenti u li B. Purrucker tirreferi għalihom fl-osservazzjonijiet tagħha.

55      Mill-osservazzjonijiet ippreżentati jirriżulta li, probabbilment, B. Purrucker u l-Gvern Spanjol biss kienu jafu bil-motivazzjoni tas-sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia n°4 de San Lorenzo de El Escorial tat-8 Novembru 2007, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qorti Spanjola. Diversi gvernijiet li ppreżentaw osservazzjonijiet ipproponew risposta għad-domanda preliminari li hija bbażata fuq preżunzjoni dwar din il-ġurisdizzjoni, filwaqt li l-Kummissjoni Ewropea pprevediet ipoteżi differenti.

56      Meta din is-sentenza, annessa mal-osservazzjonijiet ta’ B. Purrucker, ġiet innotifikata lill-persuni kkonċernati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Qorti tal-Ġustizzja stiednet lil dawn tal-aħħar jieħdu pożizzjoni bil-miktub ġdida dwar id-domanda preliminari, billi jikkunsidraw il-punt 3 tal-imsemmija sentenza, li hija rriprodotta fil-punt 36 tas-sentenza preżenti. Barra minn hekk, hija stiednet lill-Gvern Spanjol jipprovdi diversi preċiżazzjonijiet dwar il-proċedura għall-għoti ta’ miżuri provviżorji f’kawżi bħal dik fil-kawża prinċipali.

 Fuq id-domanda preliminari

57      Permezz tad-domanda tagħha, il-Bundesgerichtshof tistaqsi jekk l-Artikoli 21 et seq tar-Regolament Nru 2201/2003 japplikawx ukoll għal miżuri provviżorji infurzabbli, fil-qasam tad-dritt tal-kustodja, fis-sens tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament

58      Ir-rilevanza ta’ din id-domanda ġiet ikkontestata, minn naħa, minħabba li l-miżuri provviżorji inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqgħux taħt l-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, peress li ġew adottati minn qorti b’ġurisdizzjoni dwar il-mertu u, min-naħa l-oħra, minħabba li anki jekk dawn il-miżuri ttieħdu minn qorti bla ġurisdizzjoni dwar il-mertu, dawn, fi kwalunkwe każ, ma setgħux, fir-rigward ta’ Merlín, jaqgħu taħt din id-dispożizzjoni għaliex huwa ma kienx preżenti fi Spanja meta l-Juzgado de Primera Instancia n°4 de San Lorenzo de El Escorial qatgħet is-sentenza.

59      Dawn id-dikjarazzjonijiet kontradittorji juru l-ħtieġa li l-interpretazzjoni tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tkunx limitata biss għall-effetti ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni, iżda li jsir ukoll eżami ta’ liema deċiżjonijiet jaqgħu taħt dan l-artikolu.

60      L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa l-aħħar artikolu tal-Kapitolu II, dwar il-ġurisdizzjoni, ta’ dan ir-regolament. Huwa ma jagħmilx parti mill-artikoli li jirrigwardaw b’mod speċifiku l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, li jikkostitwixxu t-Taqsima 2 ta’ dan il-kapitolu, iżda jagħmel parti mit-Taqsima 3 ta’ dan ir-regolament, intitolat, “Id-Disposizzjonijiet komuni”.

61      Mill-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-istruttura tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li l-Artikolu 20 ma jistax jitqies li huwa dispożizzjoni li tattribwixxi l-ġurisdizzjoni dwar il-mertu, fis-sens ta’ dan ir-regolament.

62      Din il-konstatazzjoni hija msaħħa bil-formulazzjoni tal-imsemmi Artikolu 20, li sempliċement tindika, f’każijiet urġenti, li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 “mhux se jħallu [jwaqqfu]” lill-qrati ta’ Stat Membru milli jieħdu ċerti miżuri provviżorji jew kawtelatorji stabbiliti bil-liġi ta’ dan l-Istat Membru anki jekk, abbażi ta’ dan ir-regolament, qorti ta’ Stat Membru ieħor ikollha ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar il-mertu tal-kawża. Bl-istess mod, il-premessa 16 tal-imsemmi regolament tindika li dan “m’għandux jimpedixxi” l-adozzjoni tat-tali miżuri.

63      Isegwi li l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 jkopri biss miżuri adottati mill-qrati li jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom, fir-rigward tar-responsabbiltà tal-ġenituri, fuq wieħed mill-artikoli li jinsabu fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II ta’ dan ir-regolament.

64      Għalhekk, ma hijiex biss in-natura tal-miżura li jistgħu jiġu adottati mill-qorti – miżuri provviżorji jew kawtelatorji fil-konfront ta’ deċiżjonijiet dwar il-mertu – li tiddetermina jekk dawn il-miżuri jaqgħux taħt l-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, iżda, b’mod partikolari, il-fatt li jkunu ġew adottati minn qorti li l-ġurisdizzjoni tagħha ma hijiex ibbażata fuq dispożizzjoni oħra tal-istess regolament.

65      Il-kawża prinċipali turi li ma huwiex dejjem faċli, minn qari ta’ sentenza, li tiġi kkwalifikata f’dan ir-rigward is-sentenza adottata minn qorti fis-sens tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, il-Juzgado de Primera Instancia n 4 de San Lorenzo de El Escorial tikkonstata li r-rikors huwa bbażat fuq id-dritt sostantiv Spanjol ikkonċernat, il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980, kif ukoll fuq l-imsemmi regolament u l-Ftehim bejn ir-Renju ta’ Spanja u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, tal-14 ta’ Novembru 1983, dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Spanjoli. Fost dawn id-dispożizzjonijiet, jidher illi hija tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha b’mod speċifiku fuq l-Artikolu 769(3) tal-Kodiċi Ċivili Spanjol u l-Artikolu 1 tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1980. Il-Juzgado de Primera Instancia n 4 de San Lorenzo de El Escorial, fir-rigward tal-fatti li jistgħu jiġġustifikaw din il-ġurisdizzjoni fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, tirreferi dejjem għar-residenza tal-ġenituri, għall-aħħar domiċilju tal-familja, għar-residenza abitwali tal-minuri sakemm telaq lejn il-Ġermanja, għan-nazzjonalità tar-rikorrenti, għar-residenza abitwali tagħha fi Spanja u għall-fatt li l-ewwel proċedura ta’ din il-kawża ġiet ippreżentata fi Spanja. Fl-aħħar nett, din il-qorti ssemmi l-opinjoni tal-prosekutur li, irrispettivament mill-elementi diġà msemmija, jikkunsidra l-fatt li l-atti notarili sar fi Spanja u l-fatt li Merlín twieled fi Spanja.

66      Il-parti l-kbira tal-fatti msemmija mill-Juzgado de Primera Instancia n 4 de San Lorenzo de El Escorial jidhru li ma jikkorrispondux għall-kriterji li jistgħu jwasslu sabiex il-ġurisdizzjoni tiġi bbażata fuq l-Artikoli 8 sa 14 tar-Regolament Nru 2201/2003. Fir-rigward tal-kriterji msemmija fl-Artikoli 8, 9 u 10 tal-imsemmi regolament, li fuqhom tista’ tiġi bbażata din il-ġurisdizzjoni, jiġifieri r-residenza abitwali tal-minuri u r-residenza abitwali ta’ qabel ta’ dan tal-aħħar, huma ma jippermettux li tiġi identifikata fuq liema minn dawn it-tliet dispożizzjonijiet din il-qorti setgħet, jekk dan kien il-każ, ikollha l-ġurisdizzjoni skont dan ir-regolament.

67      Kif juru l-osservazzjonijiet ippreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u d-diffikultajiet li ltaqgħu magħhom il-persuni kkonċernati li ppreżentaw l-osservazzjonijiet dwar ir-risposta għad-domanda preliminari, minn dawn l-elementi kollha tirriżulta inċertezza kbira, mill-qari tas-sentenza tal-Juzgado de Primera Instancia n 4 de San Lorenzo de El Escorial, dwar ir-rikonoxximent, minn din tal-aħħar, tas-supremazija tar-Regolament Nru 2201/2003 fuq id-dispożizzjonijiet l-oħra msemmija fl-imsemmija sentenza u dwar l-applikazzjoni tal-imsemmi regolament għall-fatti ta’ din il-kawża.

68      Skont il-Gvern Ċek, il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka, li huwa l-bażi tar-Regolament Nru 2201/2003, jimponi, fin-nuqqas ta’ referenza espliċita li tipprovdi li d-deċiżjoni taqa’ taħt l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, li jiġi preżunt li l-qorti li tadotta sentenza għandha ġurisdizzjoni fis-sens tal-imsemmi regolament. Skont B. Purrucker u l-Gvern Ġermaniż, min-naħa l-oħra, in-nuqqas ta’ preċiżazzjoni dwar l-eżistenza ta’ ġurisdizzjoni fis-sens tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu bil-kontra jwassal għall-applikazzjoni tal-preżunzjoni li tipprovdi li l-imsemmija sentenza hija miżura li taqa’ taħt l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament.

69      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, inkwantu jagħmel parti mid-dritt tal-Unjoni Ewropea, ir-Regolament Nru 2201/2003 jipprevali fuq id-dritt nazzjonali. Barra minn hekk, dan jipprevali fuq il-parti l-kbira tal-konvenzjonijiet internazzjonali li jirrigwardaw l-oqsma li huwa jirregola skont il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 59 sa 63 tiegħu.

70      Mill-premessa 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirriżulta li l-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji huwa l-bażi għall-ħolqien ta’ żona ġuridika ġenwina.

71      Skont il-premessa 21 tal-imsemmi regolament, dan ir-rikonoxximent għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka.

72      Hija din il-fiduċja reċiproka li ppermettiet li tiġi stabbilita sistema obbligatorja ta’ ġurisdizzjoni, li l-qrati kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament huma marbuta li josservaw, u r-rinunzja korrispondenti tal-Istati Membri għar-regoli interni tagħhom ta’ rikonoxximent u ta’ infurzar favur mekkaniżmu ssimplifikat ta’ rikonoxximent u eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet mogħtija fil-kuntest ta’ proċeduri fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri (ara b’analoġija, fir-rigward tal-proċeduri ta’ insolvenza, is-sentenza tat-2 ta’ Mejju 2006, Eurofood IFSC, C‑341/04, Ġabra p. I‑3813, punt 40).

73      Huwa inerenti għal dan il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka li l-qorti ta’ Stat Membru li quddiemha tressqet talba fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri għandha tivverifika l-ġurisdizzjoni tagħha fir-rigward tal-Artikoli 8 sa 14 tar-Regolament Nru 2201/2003 (ara, b’analoġija, is-sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 41) u mis-sentenza mogħtija minn din il-qorti jirriżulta b’mod ċar li din tal-aħħar aċċettat li tkun suġġetta għar-regoli ta’ ġurisdizzjoni li huma direttament applikabbli, stabbiliti minn dan ir-regolament, jew li din ddeċidiet skont dan ir-regolament.

74      Min-naħa l-oħra, kif jispeċifika l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament, il-qrati tal-Istati Membri l-oħra ma jistgħux jistħarrġu l-evalwazzjoni magħmula mill-ewwel qorti dwar il-ġurisdizzjoni tagħha.

75      Din il-projbizzjoni ma twaqqafx il-possibbiltà, għal qorti li tressqet quddiemha deċiżjoni li ma tinkludix elementi li juru indubjament il-ġurisdizzjoni dwar il-mertu tal-qorti ta’ oriġini, milli tivverifika jekk minn din id-deċiżjoni jirriżultax li din l-aħħar qorti ridietx tibbaża l-ġurisdizzjoni tagħha fuq dispożizzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003. Fil-fatt, kif enfasizzat l-Avukat Ġenerali fil-punt 139 tal-konklużjonijiet tagħha, din il-verifika ma tikkostitwixxix stħarriġ tal-ġurisdizzjoni tal-qorti ta’ oriġini, iżda biss identifikazzjoni tal-bażi li fuqha l-qorti bbażat il-ġurisdizzjoni tagħha.

76      Minn dawn l-elementi jirriżulta li meta l-ġurisdizzjoni dwar il-mertu, skont ir-Regolament Nru 2201/2003, ta’ qorti li tkun adottat miżuri provviżorji ma tirriżultax, mill-evidenza kollha, mill-elementi tad-deċiżjoni adottata, jew li din id-deċiżjoni ma tinkludix motivazzjoni li ma hijiex nieqsa minn kull ambigwità, dwar il-ġurisdizzjoni tal-mertu ta’ din il-qorti, b’riferiment għall-wieħed mill-elementi tal-ġurisdizzjoni msemmija fl-Artikoli 8 sa 14 ta’ dan ir-regolament, jista’ jiġi konkluż li l-imsemmija deċiżjoni ma tkunx ġiet adottata skont ir-regoli tal-ġurisdizzjoni stabbiliti mill-imsemmija regolament. Madankollu, din id-deċiżjoni tista’ tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, sabiex jiġi vverifikat jekk taqax taħt din id-dispożizzjoni.

77      Fil-fatt, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi l-osservanza ta’ bosta kundizzjonijiet. Kif il-Qorti tal-Ġustizzja speċifikat, il-qrati msemmija fl-Artikolu 20(1) tal-imsemmi regolament huma awtorizzati jistabbilixxu miżuri provviżorji jew kawtelatorji biss bil-kundizzjoni li jiġu osservati tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri:

–        il-miżuri kkonċernati għandhom ikunu urġenti,

–        dawn għandhom jirrigwardaw persuni jew beni preżenti fl-Istat Membru fejn jinsabu dawn il-qrati, u

–        għandhom ikunu ta’ natura provviżorja (sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, punt 47, u tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček, C-403/09 PPU, Ġabra p. I‑12193, punt 39).

78      Isegwi li kull deċiżjoni li ma tirriżultax li ġiet adottata minn qorti b’ġurisdizzjoni jew allegatament b’ġurisdizzjoni dwar il-mertu ma taqax neċessarjament taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003, iżda taqa’ taħt din id-dispożizzjoni biss meta tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti minnha.

79      Fir-rigward tal-effetti ta’ miżura li taqa’ taħt l-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, peress li din il-miżura ġiet adottata fuq il-bażi ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali, in-natura vinkolanti tagħha għandha tirriżulta mil-liġi nazzjonali inkwistjoni (sentenza A, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52).

80      Barra minn hekk, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2201/2003 jispeċifika li l-miżuri meħuda li jimplementaw l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament ma jibqgħux japplikaw ladarba qorti ta’ Stat Membru, li għandha ġurisdizzjoni abbażi ta’ dan ir-regolament sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu, tieħu miżuri li jidhrulha xierqa.

81      Min-natura vinkolanti u mill-applikazzjoni diretta tar-Regolament Nru 2201/2003 u minn kliem l-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament jirriżulta li miżura li taqa’ taħt din id-dispożizzjoni tista’, fl-Istat Membru tal-qorti li tkun adottat id-deċiżjoni, tiġi kkonfrontata minn deċiżjoni preċedenti adottata minn qorti ta’ Stat Membru ieħor li jkollha ġurisdizzjoni dwar il-mertu. Min-naħa l-oħra, deċiżjoni li ma taqax taħt l-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament minħabba li ma tosservax il-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni ma tistax tipprevali fuq it-tali deċiżjoni preċedenti (ara s-sitwazzjoni msemmija fis-sentenza Detiček, iċċitata iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-punt 49).

82      Fir-rigward tal-effett ta’ deċiżjoni li taqa’ taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 fi Stati Membri li ma humiex dak ta’ fejn il-qorti tkun adottat id-deċiżjoni, il-Kummissjoni u diversi Stati Membri sostnew li l-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 għandhom jibbenefikaw mis-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ infurzar stabbilit mill-imsemmi regolament. Huma jinvokaw l-ipoteżi ta’ ċaqliq ta’ persuni jew ta’ beni wara li l-qorti tkun iddeċidiet, jew inċident jew mard tat-tifel li tkun teħtieġ l-awtorizzazzjoni tal-persuna li tkun tinsab fi Stat Membru ieħor.

83      Madankollu, hemm lok li jiġi kkunsidrat, kif l-Avukat Ġenerali rrilevat fil-punti 172 sa 175 tal-konklużjonijiet tagħha, li s-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ infurzar, stabbilita mir-Regolament Nru 2201/2003, ma tapplikax għal miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament.

84      Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea ma riedx din l-applikabbiltà. Mill-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni tal-2002 li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 [dokument COM(2002) 222 finali] jirriżulta li l-oriġini tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament jinsab fl-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 1347/2000, li huwa mislut mill-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell II. L-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni tal-1999 li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1347/2000 [dokument COM(1999) 220 finali] u r-rapport Borrás dwar il-Konvenzjoni ta’ Brussell II jindikaw, it-tnejn li huma f’termini identiċi fir-rigward ta’ dawn l-artikoli, li “[i]r-regola li tinsab f’dan l-artikoli tillimita l-effetti territorjali għall-Istat li fih dawn ikunu ttieħdu”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

85      F’dan ir-rigward, ir-rapport Borrás jenfasizza d-differenza li hemm fil-formulazzjoni bejn l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell II u l-Artikolu 24 tal-Konvenzjoni ta’ Brussell inkwantu “[i]l-miżuri msemmija fl-Artikolu 24 ta’ din tal-aħħar [...] huma limitati biss għall-oqsma li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-konvenzjoni, u [...] għandhom, min-naħa l-oħra, effetti extraterritorjali” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Minn dan il-paragun mal-Konvenzjoni ta’ Brussell jirriżulta li dawk li abbozzaw il-Konvenzjoni ta’ Brussell II riedu jistabbilixxu rabta bejn l-oqsma li fuqhom japplikaw il-miżuri provviżorji u l-effett territorjali ta’ dawn il-miżuri.

86      Din ir-rabta tista’ tiġi spjegata mir-riskju li jiġu evitati regoli li jinsabu f’leġiżlazzjonijiet oħra tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari fir-Regolament Nru 44/2001. Fil-fatt, kif jenfasizzaw kemm l-espożizzjoni tal-motivi tal-proposta tal-Kummissjoni tal-1999 li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament Nru 1347/2000 kif ukoll ir-rapport Borrás, il-miżuri provviżorji msemmija fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 jirrigwardaw kemm il-persuni kif ukoll il-beni u jinkludu, konsegwentement, oqsma li ma humiex koperti minn dan l-aħħar regolament. Għalhekk, l-applikazzjoni tas-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ infurzar stabbilita mir-Regolament Nru 2201/2003 tippermetti r-rikonoxximent u l-infurzar, fi Stati Membri oħra, ta’ miżuri li jirrigwardaw oqsma li ma humiex koperti minn dan ir-regolament u li jistgħu jkunu ġew adottati, pereżempju, bi ksur tar-regoli li jistabbilixxu l-ġurisdizzjoni speċjali jew esklużiva ta’ qrati oħra skont ir-Regolament Nru 44/2001.

87      It-test tar-Regolament Nru 2201/2003 bl-ebda mod ma juri x-xewqa li jiġu rrifjutati l-ispjegazzjonijiet li jinsabu fix-xogħol preparatorju dwar l-effetti tal-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 tar-regolament. Bil-kontra, il-pożizzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fl-imsemmi regolament u l-espressjonijiet “mhux se jħalli” u “m’għandux jimpedixxi”, li jinsabu fl-Artikolu 20(1) u fil-premessa 16 tal-imsemmi regolament, juru li l-miżuri li jaqgħu taħt l-imsemmi Artikolu 20 ma jagħmlux parti mid-deċiżjonijiet adottati skont ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mill-istess regolament u li jibbenefikaw, għalhekk, mis-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ infurzar stabbilit mill-imsemmi regolament.

88      Fil-konfront ta’ din il-konklużjoni, l-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag ma jistax jintuża bħala argument. Skont din id-dispożizzjoni, “[f]’kull każ ta’ urġenza, l-awtoritajiet ta’ kwalunkwe Stat Kontraenti, fit-territorju ta’ liema huwa preżenti t-tifel jew proprjetà tat-tifel, għandhom ġurisdizzjoni biex jieħdu kwalunkwe miżuri ta’ protezzjoni neċessarji”.

89      Kif jenfasizza l-Gvern Ġermaniż fl-osservazzjonijiet bil-miktub tiegħu, żewġ differenzi sinjifikattivi jiddistingwu l-Artikolu 11(1) tal-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 mill-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003. L-ewwel nett, l-Artikolu 11 ta’ din il-konvenzjoni huwa manifestament maħsub bħala regola dwar il-ġurisdizzjoni u jinsab strutturalment fil-lista tad-dispożizzjonijiet ta’ dan it-tip; fil-każ tal-Artikolu 20 ta’ dan ir-regolament, kif ġie espost fil-punt 61 tas-sentenza preżenti, dan ma huwiex il-każ.

90      Barra minn hekk, jekk il-Konvenzjoni ta’ Den Haag tal-1996 tistabbilixxi r-rikonoxximent u l-infurzar tal-miżuri adottati skont l-Artikolu 11 tagħha, għandu jitfakkar li r-regoli stabbiliti minn din il-konvenzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 23(2)(a) ta’ din tal-aħħar, dwar ir-rikonoxximent, u l-Artikolu 26(3) ta’ din il-konvenzjoni, dwar l-infurzar, li jirreferi għall-imsemmi Artikolu 23(2), jippermettu l-istħarriġ tal-ġurisdizzjoni internazzjonali tal-qorti li tkun adottat il-miżura. Dan ma huwiex il-każ għas-sistema ta’ rikonoxximent u l-infurzar stabbilita bir-Regolament Nru 2201/2003, għaliex l-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament jipprojbixxi l-istħarriġ dwar il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Istat Membru ta’ oriġini.

91      Kif il-Gvern tar-Renju Unit enfasizza matul is-seduta, jekk ir-rikonoxximent u l-infurzar tal-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 jiġi aċċettat fl-Istati Membri kollha, inkluż l-Istat li jkollu ġurisdizzjoni dwar il-mertu, joħloq barra minn hekk riskju li jiġu evitati r-regoli dwar il-ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament u ta’ “forum shopping”, fatti li jmorru kontra l-għanijiet imfittxija mill-imsemmi regolament u, b’mod partikolari, it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interess superjuri tal-minuri permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjonijiet li jirrigwardawh mill-qorti li hija ġeografikament viċina għar-residenza abitwali tiegħu, li hija meqjusa mil-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea bħala l-iktar idonea sabiex tikkunsidra l-adozzjoni ta’ miżuri fl-interess tal-minuri.

92      Il-fatt li l-miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jibbenefikawx mis-sistema ta’ rikonoxximent u ta’ infurzar stabbiliti mill-imsemmi regolament ma jwaqqafx, kif irrilevat l-Avukat Ġenerali fil-punt 176 tal-konklużjonijiet tagħha, madankollu r-rikonoxximent u l-infurzar kollu ta’ dawn il-miżuri. Fil-fatt, jistgħu jintużaw strumenti internazzjonali oħra u leġiżlazzjonijiet nazzjonali oħra, fl-osservanza tal-imsemmi regolament.

93      Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi mhux biss regoli dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati kif ukoll ir-rikonoxximent u l-infurzar tad-deċiżjonijiet tagħhom, iżda wkoll il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-Istati Membri fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. Din il-kooperazzjoni għandha tkun tista’ tiġi implementata sabiex tkun tista’, fl-osservanza tal-imsemmi regolament u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, tingħata għajnuna fl-ipoteżi eċċezzjonali ta’ urġenza bħal dik imsemmija fil-punt 82 tas-sentenza preżenti.

94      Fil-punt 42 tas-sentenza Detiček, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddefiniet il-kunċett ta’ “urġenti” li jinsab fl-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2201/2003 fis-sens li jirrigwarda kemm is-sitwazzjoni li jinsab fiha l-minuri kif ukoll l-impossibbiltà prattika li tittressaq it-talba dwar ir-responsabbiltà quddiem il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar il-mertu.

95      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm il-modalitajiet konkreti tad-dritt għal smigħ għall-konvenut jistgħu jvarjaw skont l-urġenza li jkun hemm sabiex tittieħed deċiżjoni, kull restrizzjoni għall-eżerċizzju ta’ dan id-dritt għandu jkun indebitament ġustifikat u mdawwar b’garanziji proċedurali li jiżguraw lil dawn il-persuni kkonċernati mit-tali proċedura l-possibbiltà effettiva li jikkontestaw il-miżuri adottati b’urġenza (ara b’analoġija, fir-rigward tal-proċeduri ta’ insolvenza, is-sentenza Eurofood IFSC, iċċitata iktar ’il fuq, punt 66).

96      Ma huwiex ikkontestat li, fil-kawża prinċipali, B. Purrucker instemgħet mill-Juzgado de Primera Instancia n°4 de San Lorenzo de El Escorial qabel ma adottat il-miżuri provviżorji. Min-naħa l-oħra, mill-ispjegazzjonijiet tal-Gvern Spanjol dwar il-proċedura fil-kawża prinċipali, ipprovduti bi tweġiba għat-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja, jirriżulta li:

–        ma hemm l-ebda rikors kontra d-deċiżjoni dwar il-miżuri provviżorji, b’mod li l-konvenut jista’ jemenda d-deċiżjoni adottata mill-imsemmija miżuri biss matul il-proċedura dwar il-mertu sussegwenti jew ippreżentata fl-istess ħin li ġiet ippreżentata l-miżura provviżorja;

–        kull parti tista’ tressaq quddiem il-qorti talba dwar il-mertu, kemm dik li talbet il-miżuri provviżorji kif ukoll dik li ma talbithomx;

–        fil-każ ta’ miżuri provviżorji li jiġu qabel talba dwar il-mertu, l-effetti tagħhom jieqfu biss jekk it-talba kontenzjuża prinċipali titressaq fit-30 ġurnata wara l-adozzjoni tagħhom;

–        meta miżuri provviżorji jkunu ġew ippreżentati qabel talba dwar il-mertu, it-talba prinċipali titressaq lill-qorti li hija territorjament kompetenti, li mhux bilfors tkun l-istess qorti li tkun ordnat il-miżuri provviżorji preċedenti;

–        huwa biss f’appell eventwali kontra d-deċiżjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu fl-ewwel istanza li huwa possibbli li l-kwistjoni dwar il-ġurisdizzjoni titressaq quddiem qorti oħra, u

–        huwa diffiċli li jiġi previst iż-żmien medju li jista’ jkun hemm bejn id-deċiżjoni li tordna l-miżuri provviżorji u d-deċiżjoni fuq ir-rikors quddiem qorti differenti.

97      Fid-dawl tal-importanza tal-miżuri provviżorji, kemm jekk humiex adottati minn qorti b’ġurisdizzjoni dwar il-mertu jew bla ġurisdizzjoni dwar il-mertu, li jistgħu jiġu ordnati fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, b’mod partikolari minħabba l-konsegwenzi possibbli fuq tfal żgħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Lulju 2010, Rinau, C‑195/08 PPU, Ġabra, p. I‑5271, punt 81), u b’mod partikolari fir-rigward ta’ tewmin mifruda wieħed mill-ieħor, u minħabba l-fatt li l-qorti li adottat il-miżuri ħarġet, jekk ikun il-każ, ċertifikat skont l-Artikolu 39 tar-Regolament Nru 2201/2003, anki jekk il-validità tal-miżuri provviżorji msemmija f’dan iċ-ċertifikat hija kkundizzjonata mill-preżentata ta’ rikors dwar il-mertu matul it-30 ġurnata, huwa importanti li l-persuna kkonċernata b’din il-proċedura, anki jekk tkun instemgħet mill-qorti li adottat il-miżuri, tkun tista’ tieħu l-inizjattiva li tippreżenta rikors kontra d-deċiżjoni li tistabbilixxi dawn il-miżuri provviżorji sabiex tikkontesta, quddiem qorti distinta minn dik li tkun adottat l-imsemmija miżuri u li tkun iddeċidiet fi żmien qasir, il-ġurisdizzjoni dwar il-mertu li l-qorti li adottat il-miżuri provviżorji kienet irrikonoxxiet, jew, jekk mid-deċiżjoni ma jirriżultax li l-qorti kellha ġurisdizzjoni jew jekk irrikonoxxiet li hija kellha ġurisdizzjoni dwar il-mertu skont dan ir-regolament, b’osservanza tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament u mfakkra fil-punt 77 tas-sentenza preżenti.

98      Dan ir-rikors għandu jiġi eżerċitat bla ħsara għal kwalunkwe aċċettazzjoni, mill-persuna li ppreżentatu, dwar il-ġurisdizzjoni dwar il-mertu li l-qorti li adottat il-miżuri provviżorji tista’ eventwalment tirrikonoxxi.

99      Hija l-Qorti nazzjonali li għandha tapplika, bħala regola, id-dritt nazzjonali tagħha filwaqt li tishar sabiex tkun żgurata l-effikaċja tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, u dan jista’ jwassalha li, jekk ikun hemm bżonn, twarrab liġi nazzjonali li tkun ta’ xkiel jew li tinterpreta liġi nazzjonali li oriġinarjament kienet intiżat biss għal sitwazzjoni interna sabiex tkun tista’ tapplikha għas-sitwazzjoni transfrontaliera inkwistjoni (ara b’mod partikolari, f’dan is-sens, is-sentenzi tad-9 ta’ Marzu 1978, Simmenthal, 106/77, Ġabra p. 629, punt 16; tad-19 ta’ Ġunju 1990, Factortame et, C‑213/89, Ġabra p. I‑2433, punt 19; tal-20 ta’ Settembru 2001, Courage u Crehan, C‑453/99, Ġabra p. I‑6297, punt 25, u tas-17 ta’ Settembru 2002, Muñoz u Superior Fruiticola, C‑253/00, Ġabra p. I‑7289, punt 28, kif ukoll tat-8 ta’ Novembru 2005, Leffler, C‑443/03, Ġabra p. I‑9611, punt 51).

100    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 et seq tar-Regolament Nru 2201/2003 ma japplikawx għal miżuri provviżorji, fil-qasam tad-dritt tal-kustodja, li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament.

 Fuq l-ispejjeż

101    Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 21 et seq tar-Regolament Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000, ma japplikawx għal miżuri provviżorji, fil-qasam tad-dritt tal-kustodja, li jaqgħu taħt l-Artikolu 20 tal-imsemmi regolament.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top