EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CN0491

Kawża C-491/08: Rikors ippreżentat fit- 12 ta' Novembru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana

ĠU C 44, 21.2.2009, p. 27–27 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.2.2009   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 44/27


Rikors ippreżentat fit-12 ta' Novembru 2008 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Taljana

(Kawża C-491/08)

(2009/C 44/45)

Lingwa tal-kawża: It-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: D. Recchia, aġent)

Konvenuta: Ir-Repubblika Taljana

Talbiet tar-rikorrenti

Tikkonstata li, b'referenza għall-proġett tal-kumpless turistiku “Is Arenas” fil-Komun ta' Narbolia, li jikkonċerna l-habitats u l-ispeċi preżenti fis-sit ITB032228 “Is Arenas”,

billi ma adottatx, qabel id-19 ta' Lulju 2006, miżuri ta' protezzjoni adatti, b'rigward għall-għan ta' konservazzjoni stipulat fid-Direttiva, sabiex jiġi ppreżervat l-interess ekoloġiku rilevanti li għandu, fuq livell nazzjonali, is-SIK propost ITB032228 “Is Arenas”, b'mod partikolari billi ma pprojbixxietx intervent li jista' serjament jikkomprometti l-karatteristiċi ekoloġiċi tas-sit, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-Direttiva 92/43/KEE (1),

u, billi ma adottatx, wara, id-19 ta' Lulju 2006, il-miżuri xierqa sabiex tevita d-deterjorament tal-habitats naturali u tal-habitats tal-ispeċi kif ukoll it-tfixkil tal-ispeċi li għalihom ġie nnominat l-imsemmi SIK, ir-Repubblika Taljana naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 92/43/KEE;

tikkundanna lir-Repubblika Taljana għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni hija konxja tal-fatt li fiż-żona tas-SIK Is Arenas huwa fil-proċess li jitlesta stabbiliment turistiku li jinkludi, fost affarijiet l-oħra, korsa tal-golf. Il-Kummissjoni hija tal-opinjoni li l-proġett ta' infrastrutturi turistiċi fis-SIK Is Arenas jestendi, b'mod partikolari, għaż-żoni li jiggarantixxu l-konnettività ekoloġika bejn l-iktar żewġ żoni rilevanti ta' foresta tal-arżnu. Għaldaqstant dan jista' jkollu impatti negattivi sinjifikanti fuq tali żoni, u b'mod partikolari fuq il-funżjoni tagħhom ta' “kollegament ekoloġiku”.

Barra minn hekk, fost il-kritika fir-rigward tal-proġett, il-Kummissjoni tenfasizza t-tnaqqis u t-trasformazzjoni tal-habitats oriġinali anki permezz tal-introduzzjoni ta' speċi estranji bħall-ħaxix tal-korsa tal-golf, it-tneħħija tal-habitats, effetti ta' tgħaffiġ u ta' kkumpattar tal-art, tneħħija tal-ispazji, impatt dovut għaż-żieda ta' għawwiema fuq il-habitats tal-ewwel faxxa kostali, ta' rilevanza kbira għaliex jikkonċernaw is-sistemi dunali u l-qtugħ tas-siġar.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, p. 7).


Top