EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62007CJ0502

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tieni Awla) tal-15 ta' Jannar 2009.
K-1 sp. z o.o. vs Dyrektor Izby Skarbowej w Bydgoszczy.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Naczelny Sąd Administracyjny - il-Polonja.
VAT - Irregularitajiet fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-persuna taxxabbli - Taxxa addizzjonali.
Kawża C-502/07.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:11

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

15 ta’ Jannar 2009 ( *1 )

“VAT — Irregolaritajiet fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-persuna taxxabbli — Taxxa addizzjonali ”

Fil-Kawża C-502/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa min-Naczelny Sąd Administracyjny (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-, fil-proċedura

K-1 sp. zo.o.

vs

Dyrektor Izby Skarbowej w Bydgoszczy,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, J.-C. Bonichot (Relatur), K. Schiemann, J. Makarczyk u C. Toader, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2008,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal K-1 sp. zo.o., minn M. Łukasik u M. Złotopolska-Nowak, radcy prawni,

għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz u M. Jarosz, kif ukoll minn A. Rutkowska, bħala aġenti,

għall-Gvern Grieg, minn S. Spyropoulos u I. Bakopoulos, kif ukoll minn M. Tassopoulou, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċiprijott, minn I Neofytou u E. Symeonidou, bħala aġenti,

għall-Gvern tar-Renju Unit, minn L. Seeboruth u C. Gibbs, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u K. Herrmann, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE, tal-11 ta’ April 1967, fuq l-armonizazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ (ĠU 1967, 71, p. 1301, iktar ’il quddiem l-“Ewwel Direttiva VAT”), u ta’ diversi artikoli tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KEE, tas-, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima (ĠU L 145, p. 1), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/66/KE, tas- (ĠU L 168, p. 35, iktar ’il quddiem is-“Sitt Direttiva tal-VAT”).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn K-1 sp. zo.o. (iktar ’il quddiem “K-1”) kontra d-Dyrektor Izby Skarbowej w Bydgoszczy (Direttur tal-awtorità fiskali ta’ Bydgoszcz) dwar it-“taxxa addizzjonali” imposta fuq il-persuna taxxabbli meta, fid-dikjarazzjoni tat-taxxa tagħha, din tal-aħħar tkun indikat rimbors ta’ kreditu ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (iktar ’il quddiem il-“VAT”) jew ta’ taxxa input imħallsa li l-ammont tagħhom jeċċedi dak dovut lilha.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3

Skont l-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva VAT:

“Il-prinċipju tas-sistema komuni ta[l]-[VAT] tinvolvi d-dħul ta’ taxxa ġenerali fuq il-konsum fuq oġġetti u servizzi. Din it-taxxa għandha tkun eżattament proporzjonali għall-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi, hu x’inhu n-numru ta’ transazzjonijiet li jkunu saru waqt il-proċess ta’ produzzjoni u distribuzzjoni qabel l-is[t]adju li fih titħallas it-taxxa.

Fuq kull transazzjoni, i[l]-[VAT], kalkulata fuq il-prezz ta’ l-oġġetti u s-servizzi bir-rata applikabbli għat-tali oġġetti jew servizzi, għandha tkun imposta wara t-tnaqqis tal-[VAT] li qed jinġarr direttament mid-diversi komponenti tal-prezz.”

4

Min-naħa tiegħu, l-Artikolu 2 tas-Sitt Direttiva VAT jipprovdi:

“Dawn li ġejjin għandhom ikunu soġġetti għa[ll]-[VAT]:

1.

il-provvista ta’ oġġetti u servizzi magħmula bi ħlas fit-territorju tal-pajjiż minn persuna taxxabbli li taġixxa bħala tali;

2.

l-importazzjoni ta’ oġġetti.”

5

L-Artikolu 10(1)(a) tal-istess direttiva jiddefinixxi l-“fatt taxxabbli” bil-kliem li ġejjin, jiġifieri “fatt li permezz tiegħu il-kondizzjonijiet legali neċessarji biex ikun hemm taxxa jiġu sodisfatti”. Dan l-Artikolu 10(2) jipprovdi b’mod partikolari:

“Ikun hemm fatt taxxabbli u jkun hemm taxxa meta l-oġġetti jitwasslu jew is-servizzi jingħataw. Konsenja ta’ oġġetti, ħlief dawk imsemmija fl-Artikolu 5(4)(b), u provvisti ta’ servizzi li jwasslu għal prospetti ta’ kontijiet jew ħlasijiet suċċessivi għandhom jitqiesu bħala kompluti fiż-żmien meta l-perjodi relattivi għal dawn il-prospetti ta’ kontijiet jew ħlasijiet jeskadu. […]”

6

L-Artikolu 22(8) tas-Sitt Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet li għandhom ikunu addottati skond l-Artikolu 17(4), l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligazzjonijiet oħrajn li huma jqisu neċessarji għall-imposizzjoni ġusta u l-ġbir tat-taxxa u għall-prevenzjoni ta’ frodi.”

7

Skont l-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT:

“1.   Il-Kunsill, stabbilit unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil xi Stat Membru li jintroduċi miżuri speċjali għal deroga mid-disposizzjonijet ta’ din id-Direttiva, sabiex jissimplifika l-proċedura tal-ġbir tat-taxxa jew sabiex jippreveni ċertu tipi ta’ evażjonijiet. Miżuri ntenzjonati sabiex jissimplifikaw il-ġbir tat-taxxa, ħlief għal każijiet remoti, m’għanhomx jaffetwaw l-ammont globali tad-dħul tat-taxxa miġbura mill-Istat Membru fl-istadju tal-konsum finali.”

8

L-Artikolu 33(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għal dispożizzjonijiet oħrajn tal-Komunità, b’mod partikolari dawk stabbiliti fid-dispożizzjonijiet fis-seħħ li għandhom x’jaqsmu ma’ l-arranġamenti ġenerali għaż-żamma, ċaqliq, u ssorveljar ta’ prodotti suġġetti għal dazju, din id-Direttiva ma żżommx Stat Membru milli jħalli jew idaħħal taxxi fuq kuntratti ta’ assigurazzjoni, taxxi fuq imħatri u logħob, dazji ta’ sisa, bolol u iktar ġenerali, kull taxxa, dazju jew spejjeż li ma jistgħux ikunu kkaratterizzati bħala taxxi fuq turnover sakemm dawk it-taxxi, dazji jew spejjeż, f’negozju bejn Stati Membri ma jdaħħlux formalitajiet li għandhom x’jaqsmu mal-qsim ta’ fruntieri.”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9

Skont l-Artikolu 109(5) u (6) tal-liġi dwar it-taxxa fuq l-oġġetti u s-servizzi (ustawa o podatku od towarów i usług), tal-11 ta’ Marzu 2004 (iktar ’il quddiem il-“liġi dwar il-VAT”):

“5.   Meta jkun ikkonstatat li, fid-dikjarazzjoni tat-taxxa ppreżentata, il-persuna taxxabbli indikat rimbors ta’ kreditu ta’ VAT jew ta’ taxxa tal-input imħallsa li l-ammont tagħhom jeċċedi dak dovut, id-Direttur tal-Uffiċċju tat-Taxxa jew l-awtorità ta’ kontroll fiskali jistabbilixxi l-ammont eżatt tar-rimbors u jiffissa t-taxxa addizzjonali korrispondenti għal 30 % tal-valutazzjoni żejda.

6.   Il-paragrafu 5 huwa applikabbli mutatis mutandis għall-kreditu ta’ taxxa msemmi fl-Artikolu 87(1)”.

10

L-Artikolu 87(1) tal-istess liġi jipprovdi:

“Meta, matul il-perijodu fiskali, l-ammont tat-taxxa tal-input imħallsa msemmi fl-Artikolu 86(2) jeċċedi, matul il-perijodu ta’ taxxa, it-taxxa dovuta, il-persuna taxxabbli għandha d-dritt għal tnaqqis ta’ din id-differenza mit-taxxa dovuta għall-perijodu suċċessiv jew għal rimbors ta’ tali differenza f’kont bankarju.”

Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11

Permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ Awwissu 2005, id-Direttur tal-Pierwszy Urząd Skarbowy w Toruniu (L-Ewwel Uffiċċju tat-Taxxa ta’ Toruń) ikkonstata, fir-rigward ta’ K-1, li l-ammont ta’ VAT iddikjarat imħallas bħala input eċċeda dak tat-taxxa output għax-xahar ta’ Mejju 2005 u ffissa taxxa addizzjonali fir-rigward ta’ dan l-istess xahar. L-awtorità fiskali, fil-fatt, ikkontestat it-tnaqqis tal-VAT inkluż f’irċevuta datata d- dwar l-akkwist ta’ bini immobbli f’Toruń. Billi dan l-immobbli kien bini antik, l-akkwist tiegħu kellu eżenzjoni mill-VAT u l-irċevuta tiegħu għalhekk ma setgħetx sservi bħala bażi għal tnaqqis tat-taxxa dovuta u lanqas għal rimbors ta’ kreditu ta’ VAT jew ta’ ammont ta’ taxxa tal-input imħallsa. Minħabba l-valutazzjoni żejda tat-taxxa tal-input imħallsa, il-kumpannija ġiet mitluba taxxa addizzjonali abbażi tal-Artikolu 109(5) u (6) tal-liġi dwar il-VAT.

12

K-1 ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem id-Direttur Izby Skarbowej w Bydgoszczy. Fl-appell tagħha, hija sostniet li t-taxxa addizzjonali imposta b’din id-deċiżjoni ma kinitx kompatibbli mal-Artikolu 27 tas-Sitt Direttiva tal-VAT. Permezz ta’ deċiżjoni tad-9 ta’ Novembru 2005, id-Direttur Izby Skarbowej w Bydgoszczy ma aċċettax l-argumenti tal-kumpannija u kkonferma d-deċiżjoni kkontestata.

13

Għalhekk K-1 ippreżentat appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Bydgoszczy (qorti amministrattiva tal-voïvodie ta’ Bydgoszcz). Permezz ta’ sentenza tal-31 ta’ Mejju 2006, din il-qorti ddeċidiet li l-Artikolu 33(1) tas-Sitt Direttiva tal-VAT ma jeskludix l-impożizzjoni ta’ taxxa addizzjonali skont il-prinċipji stabbiliti fil-liġi dwar il-VAT u ċaħdet l-appell ta’ K-1. Hija kkunsidrat li din it-taxxa ma kellhiex il-karatteristiċi essenzjali tal-VAT u li, fin-negozju bejn l-Istati Membri, ma kinitx tagħti lok għal formalitajiet marbuta mal-qsim ta’ fruntieri. Il-Wojewódzki Sąd Administracyjny w Bydgoszczy lanqas ma aċċettat l-argument li t-taxxa addizzjonali kienet miżura speċjali fis-sens tas-Sitt Direttiva VAT. Konsegwentement iddeċidiet li ma kienx hemm bżonn li tinfetaħ il-proċedura stipulata fl-Artikolu 27 ta’ din id-direttiva.

14

K-1 ippreżentat appell fuq punt ta’ liġi minn din is-sentenza. Insostenn ta’ dan l-appell, hija ssostni li l-applikazzjoni obbligatorja tat-taxxa addizzjonali, bħal dik prevista fl-Artikolu 109(5) tal-liġi dwar il-VAT, hija inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju u aktar speċifikament mar-regoli msemmija fis-Sitt Direttiva tal-VAT.

15

Huwa f’dan il-kuntest li n-Naczelny Sąd Administracyjny iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“1)

[L-ewwel u t-tieni paragrafi] tal-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva tal-[VAT] moqrija flimkien mal-Artikoli 2 kif ukoll 10(1)(a) u 10(2) tas-Sitt Direttiva tal-[VAT], jipprekludu lill-Istati Membri milli jimponu fuq persuna taxxabbli għall-VAT il-ħlas tat-taxxa addizzjonali msemmija fl-Artikolu 109(5) u (6) tal-[liġi dwar il-VAT], meta jiġi kkonstatat li, fid-dikjarazzjoni tat-taxxa ppreżentata, il-persuna taxxabbli għall-VAT indikat rimbors ta’ kreditu ta’ VAT jew ta’ taxxa tal-input imħallsa li l-ammont tagħhom jeċċedi dak dovut?

2)

Il-‘miżuri speċjali’ imsemmija fl-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva tal-[VAT] jistgħu jikkonsistu, b’kunsiderazzjoni għan-natura u l-għan tagħhom, fil-possibbiltà li tiġi imposta, fuq il-persuna taxxabbli għall-VAT, taxxa addizzjonali ffissata permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità fiskali, meta jiġi kkonstatat li l-persuna taxxabbli ddikjarat rimbors ta’ kreditu ta’ VAT jew ta’ taxxa tal-input imħallsa li l-ammont tagħhom kien eċċessiv?

3)

Is-setgħa prevista fl-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva tal-[VAT] tinkludi d-dritt li tiddaħħal taxxa addizzjonali msemmija fl-Artikolu 109(5) u (6) tal-[liġi dwar il-VAT]?”

Fuq id-domandi preliminari

Fuq l-ewwel domanda

16

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf essenzjalment, jekk is-sistema komuni tal-[VAT], kif iddefinita fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva tal-VAT u fl-Artikoli 2 u 10(1)(a) u (2) tas-sitt Direttiva VAT, tippermettix lil Stat Membru li jimponi fuq il-persuni taxxabbli għall-VAT “taxxa addizzjonali” bħal dik prevista fl-Artikolu 109(5) u (6) tal-liġi dwar il-VAT.

17

Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret liema huma l-karatteristiċi essenzjali tal-VAT. Dawn huma erbgħa, jiġifieri l-impożizzjoni ġenerali tat-taxxa fuq it-tranżazzjonijiet li jkollhom oġġetti jew servizzi bħala s-suġġett tagħhom; id-determinazzjoni tal-ammont tagħha proporzjonalment mal-prezz mitlub mill-persuna taxxabbli bħala ħlas għall-oġġetti jew għas-servizzi pprovduti minnha; l-impożizzjoni tat-taxxa f’kull stadju tal-proċess ta’ produzzjoni u ta’ distribuzzjoni, inkluż fl-istadju tal-bejgħ bl-imnut, irrispettivament min-numru ta’ tranżazzjonijiet li jkunu seħħew qabel; it-tnaqqis mit-taxxa dovuta mill-persuna taxxabbli tal-ammonti mħallsa fl-istadji preċedenti tal-proċess b’tali mod li din it-taxxa, fi stadju partikolari, tapplika biss għall-valur miżjud f’dak l-istadju u b’tali mod li l-piż finali tat-taxxa jaqa’ b’mod definittiv fuq il-konsumatur (ara s-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2006, Banca popolare di Cremona, C-475/03, Ġabra p. I-9373, punt 28).

18

“Taxxa addizzjonali” bħal dik stipulata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali m’għandhiex dawn il-karatteristiċi. F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija ma tirriżultax minn tranżazzjoni kwalunkwe iżda minn żball ta’ dikjarazzjoni u li, barra minn hekk, l-ammont tagħha mhuwiex iffissat proporzjonalment mal-prezz mitlub mill-persuna taxxabbli.

19

Din mhijiex taxxa, iżda fir-realtà sanzjoni amministrattiva imposta meta ikun ikkonstatat li l-persuna taxxabbli ddikjarat rimbors ta’ kreditu ta’ VAT jew ta’ taxxa tal-input imħallsa li l-ammont tagħhom jeċċedi dak dovut.

20

Il-prinċipju ta’ sistema komuni tal-VAT ma jipprekludix l-introduzzjoni, mill-Istati Membri, ta’ miżuri li jissanzjonaw l-irregolaritajiet imwettqa fid-dikjarazzjoni tal-ammont tal-VAT dovut. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 22(8) tas-Sitt Direttiva VAT jgħid li l-Istati Membri jistgħu jimponu obbligi oħrajn li huma jqisu neċessarji għall-impożizzjoni ġusta u l-ġbir tat-taxxa.

21

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda hija li s-sistema komuni tal-VAT, kif iddefinita fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva tal-VAT, u fl-Artikoli 2 u 10(1)(a) u (2) tas-Sitt Direttiva VAT, ma tipprekludix li Stat Membru jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, sanzjoni amministrattiva li tista’ tiġi imposta fuq il-persuni taxxabbli għall-VAT bħat-“taxxa addizzjonali” prevista fl-Artikolu 109(5) u (6) tal-liġi dwar il-VAT.

Fuq it-tieni domanda

22

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, dwar jekk id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 109 (5) u (6) tal-liġi dwar il-VAT jistgħux jiġu kkunsidrati bħala “miżuri speċjali għal deroga” sabiex jevitaw ċertu frodi jew evażjonijiet fiskali, fis-sens tal-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva VAT.

23

F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed, li jiġi rrilevat li sanzjoni amministrattiva imposta meta jkun ikkonstatat li l-persuna taxxabbli ddikjarat rimbors ta’ kreditu ta’ taxxa jew ta’ taxxa input imħallsa li l-ammont tagħhom jeċċedi dak dovut, bħal dik prevista fl-Artikolu 109 (5) u (6) tal-liġi dwar il-VAT, ma tistax tikkostitwixxi miżura speċjali għal deroga bħal dawk stipulati fl-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva VAT, iżda tikkostitwixxi, kif intqal preċedentament, miżura msemmija fl-Artikolu 22(8) tas-Sitt Direttiva tal-VAT.

24

Sussegwentement, dispożizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 109(5) u (6) tal-liġi dwar il-VAT m’għandhomx jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 27(1).

25

Konsegwentement, ir-risposta li għandha tingħata għat-tieni domanda hija li dispożizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 109(5) u (6) tal-liġi dwar il-VAT, ma jikkostitwixxux “miżuri speċjali għal deroga” intiżi sabiex jiġu evitati ċerti frodi jew evazjonijiet fiskali, fis-sens tal-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva VAT.

Fuq it-tielet domanda

26

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva tal-VAT jipprekludix iż-żamma ta’ dispożizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 109(5) u (6) tal-liġi dwar il-VAT.

27

Fl-Artikolu 33 tagħha, is-Sitt Direttiva tal-VAT tippermetti ż-żamma fis-seħħ jew l-introduzzjoni, minn Stat Membru, ta’ dazji u spejjeż fir-rigward tal-kunsinna ta’ oġġetti, tal-provvista tas-servizzi jew tal-importazzjonijiet fil-każ biss li dawn ma jkollhomx in-natura ta’ taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ (ara s-sentenza Banca popolare di Cremona, iċċitata iktar ’il fuq, punt 24).

28

Madankollu, m’hemmx lok li jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali jistipulawx taxxa, dazju jew spiża li għandhom in-natura ta’ taxxa fuq id-dħul mill-bejgħ, skont l-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva VAT. Kif jirriżulta mir-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, dawn id-dispożizzjonijiet ma jistabbilixxux taxxa, dazju jew spiża, iżda jistipulaw sanzjoni amministrattiva li tista’ tiġi imposta fuq il-persuni taxxabbli għall-VAT meta jkun ikkonstatat li huma ddikjaraw rimbors ta’ kreditu ta’ taxxa jew ta’ taxxa input imħallsa li l-ammont tagħhom jeċċedi dak dovut.

29

F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta li għandha tingħata għat-tielet domanda hija li l-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva VAT ma jipprekludix iż-żamma fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 109(5) u (6) tal-liġi dwar il-VAT.

Fuq l-ispejjeż

30

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

Is-sistema komuni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, kif iddefinita fl-ewwel u fit-tieni paragrafi tal-Artikolu 2 tal-Ewwel Direttiva tal-Kunsill 67/227/KEE, tal-11 ta’ April 1967, fuq l-armonizazzjoni tal-leġislazzjoni tal-Istati Membri dwar it-taxxi fuq il-bejgħ, kif ukoll fl-Artikoli 2 u 10(1)(a) u (2) tas-Sitt Direttiva tal-Kunsill 77/388/KE, tas-, fuq l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ — Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta’ stima, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 2004/66/KE, tas-, ma tipprekludix li Stat Membru jipprovdi, fil-leġiżlazzjoni tiegħu, sanzjoni amministrattiva li tista’ tiġi imposta fuq il-persuni taxxabbli għat-taxxa fuq il-valur miżjud bħat-“taxxa addizzjonali” prevista fl-Artikolu 109(5) u (6) tal-liġi dwar it-taxxa fuq l-oġġetti u fuq is-servizzi (ustawa o podatku od towarów i usług), tal-.

 

2)

Dispożizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 109(5) u (6) tal-liġi dwar il-VAT, tal-11 ta’ Marzu 2004, ma jikkostitwixxux “miżuri speċjali għal deroga” intiżi sabiex jiġu evitati ċerti frodi jew evażjonijiet fiskali, fis-sens tal-Artikolu 27(1) tas-Sitt Direttiva 77/388.

 

3)

L-Artikolu 33 tas-Sitt Direttiva 77/388 ma jipprekludix iż-żamma fis-seħħ ta’ dispożizzjonijiet bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 109(5) u (6) tal-liġi dwar il-VAT, tal-11 ta’ Marzu 2004.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.

Top