EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R1069

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1069/2013 tat- 30 ta’ Ottubru 2013 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ fosfati tas-sodju (E 339) fil-ġlud naturali għaz-zlazet Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 289, 31.10.2013, p. 61–62 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/1069/oj

31.10.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/61


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1069/2013

tat-30 ta’ Ottubru 2013

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ fosfati tas-sodju (E 339) fil-ġlud naturali għaz-zlazet

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 30(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista ta’ addittivi tal-ikel tal-Unjoni approvati għall-użu fl-ikel, u l-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi aġġornata skont il-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2) kemm fuq inizjattiva tal-Kummissjoni u kemm fuq talba.

(3)

Fis-26 ta’ Awwissu 2010 ġiet sottomoessa talba għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-fosfati tas-sodju (E 339) bħala regolatur tal-aċidità fil-ġlud naturali għaz-zlazet u tpoġġiet għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri.

(4)

Il-fosfati tas-sodju (E 339) huma inklużi fil-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel u dawn jistgħu jintużaw f’ċertu ikel, li ma jinkludix ġlud naturali għaz-zlazet.

(5)

Karatteristiċi mekkaniċi importanti li jnaqqsu l-effikaċja tal-ġlud naturali li jikkawżaw problemi fl-industrija taz-zalzett huma l-okkorrenza tal-ħruġ tal-mili waqt il-proċess u l-kapaċità mnaqqsa tal-ġlud li jinġibdu (aktar twaħħil) fuq it-tubu tal-mili taz-zlazet.

(6)

Ġie pprovat li l-fosfati tas-sodju (E 339), użati bħala regolatur tal-aċidità, huma adattati biex itejbu l-proprjetajiet tal-ġlud naturali li jinġibdu u b’hekk jiffaċilitaw il-mili taz-zlazet u jnaqqsu l-forza massima u t-tensjoni tal-ksur fil-ġlud.

(7)

Il-konsum massimu tollerat ta’ kuljum (MTDI) tal-fosfati stabbiliti mill-Kumitat Xjentifiku tal-Ikel (3) hija 70 mg/kg tal-piż bil-massa. Il-livell massimu propost mill-applikant huwa 12 600 mg/kg ta’ ġlud li jwasslu għal trasferiment massimu tal-fosfati mill-ġlud għaz-zalzett finali ta’ 250 mg/kg. L-ogħla kontribut ta’ fosfati permezz tal-ġlud naturali ttrattati se jkun ta’ 2,1 % MTDI. Għalhekk hu xieraq li jkun permess l-użu ta’ fosfati tas-sodju bħala regolatur tal-aċidità għat-titjib tal-proprjetajiet mekkaniċi tal-ġlud għaz-zalzett.

(8)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni mhuwiex mistenni jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni tal-użu tal-fosfati tas-sodju (E 339) għat-titjib tal-poprjetajiet mekkaniċi tal-ġlud naturali taz-zlazet tikkostitwixxi aġġornament ta’ dik il-lista li mhuwiex mistenni jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem għar-raġunijiet imsemmija, m’hemmx bżonn tintalab l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel.

(9)

Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  Rapporti tal-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, il-Ħamsa u Għoxrin serje (paġna 13), 1991, disponibbli fuq http://ec.europa.eu/food/fs/sc/scf/reports/scf_reports_25.pdf


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-annotazzjoni li ġejja ddaħħlet fil-kategorija tal-ikel 08.2.3 “Kisi u dekorazzjonijiet għal-laħam” wara l-annotazzjoni għal E 338-452:

 

“E 339

Il-fosfati tas-sodju

12 600

(4) (80)

fil-ġlud naturali għaz-zlazet biss

 

 

(4):

Il-livell massimu huwa espress bħala P2O5

 

 

(80):

It-trasferiment fil-prodott finali ma għandux jaqbeż il-250 mg/kg.”


Top