EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0510

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 510/2013 tat- 3 ta’ Ġunju 2013 li jemenda l-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ Ossidi u idrossidi tal-ħadid (E 172), ta’ Idrossipropil metilċellulosa (E 464) u ta’ Polisorbati (E 432 - 436) għall-immarkar ta’ ċertu frott Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 150, 4.6.2013, p. 17–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/510/oj

4.6.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 150/17


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 510/2013

tat-3 ta’ Ġunju 2013

li jemenda l-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ Ossidi u idrossidi tal-ħadid (E 172), ta’ Idrossipropil metilċellulosa (E 464) u ta’ Polisorbati (E 432 - 436) għall-immarkar ta’ ċertu frott

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2), l-Artikolu 10(3) u l-Artikolu 30(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistipula l-klassijiet funzjonali tal-addittivi tal-ikel fl-ikel u tal-addittivi tal-ikel fl-addittivi tal-ikel u fl-enżimi tal-ikel.

(2)

Fejn ikun meħtieġ, bħala riżultat tal-progress xjentifiku jew tal-iżviluppi teknoloġiċi jistgħu jiġu miżjuda klassijiet funzjonali addizzjonali għall-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(3)

Ir-riċerka u l-iżvilupp urew li meta l-ossidi u l-idrossidi tal-ħadid (E 172) jiġu applikati fuq il-wiċċ tal-frott jew tal-ħaxix wara t-tneħħija tal-pigmenti ta’ ċerti partijiet (eż. bit-trattament bil-lejżer), itejbu l-kuntrast ta’ dawn il-partijiet mal-wiċċ li jifdal billi jitħalltu ma’ ċerti komponenti rilaxxati tal-epidermide. Dak l-effett jista’ jiġi użat għall-immarkar tal-frott jew tal-ħaxix. Għalhekk, ikun xieraq li tiżdied klassi funzjonali ġdida ‘sustanzi li jintensifikaw il-kuntrast’ fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(4)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(5)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel, f’enżimi tal-ikel, f’aromatizzanti, f’nutrijenti u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(6)

Dawn il-listi jistgħu jiġu emendati skont il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, għall-enżimi tal-ikel u għall-aromatizzanti tal-ikel (2).

(7)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel tista’ tiġi aġġornata jew fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(8)

Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ ossidi u idrossidi tal-ħadid (E 172) bħala sustanza li tintesifika l-kuntrast, ta’ idrossipropil metilċellulosa (E 464) bħala aġent tal-igglejżjar għall-immarkar li ma jitħassarx fuq ċertu frott u ta’ polisorbati (E 432 - 436) bħala emulsifikanti fil-preparazzjoni ta’ sustanzi li jintensifikaw il-kuntrast kienet sottomessa fit-8 ta’ April 2011 u saret disponibbli lill-Istati Membri.

(9)

Ġiet żviluppata teknoloġija ġdida tal-immarkar bl-użu ta’ lejżer tad-diossidu tal-karbonju għall-inċiżjoni ta’ informazzjoni fuq il-wiċċ ta’ frott frisk. Ċerti oġġetti tal-ikel jiżviluppaw marka ċara fuq il-wiċċ tagħhom minħabba l-azzjoni diretta tat-tneħħija tal-pigmenti minn raġġ tal-lejżer, iżda wħud minnhom le. Għalhekk, hemm ħtieġa teknoloġika għall-użu ta’ ossidi u idrossidi tal-ħadid (E 172) bħala sustanza li tintensifika l-kuntrast, ta’ idrossipropil metilċellulosa (E 464) bħala aġent tal-igglejżjar u ta’ polisorbati (E 432 - 436) bħala emulsifikanti fil-preparazzjoni ta’ sustanzi li jintensifikaw il-kuntrast u biex ikun jista’ jsir immarkar li ma jitħassarx fuq ċertu frott. L-ossidi u idrossidi tal-ħadid (E 172) jipprovdu kuntrast biżżejjed ta’ żoni immarkati fuq il-bqija tal-wiċċ tal-frott, l-idrossipropil metilċellulosa (E 464) tifforma kisja rqiqa protettiva fuq iż-żoni mmarkati u l-polisorbati (E 432 - 436) jiżguraw tixrid omoġenju tal-preparazzjoni tal-addittiv tal-ikel fuq iż-żoni mmarkati tal-oġġetti tal-ikel.

(10)

L-użu tal-addittivi tal-ikel għandu jkollu vantaġġi u benefiċċji għall-konsumatur. It-teknoloġija tal-immarkar il-ġdida tista’ tintuża biex tirrepeti l-partikolaritajiet tal-informazzjoni obbligatorja kollha jew uħud minnhom, li huma meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew skont il-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-konsumaturi jistgħu jibbenefikaw mill-użu tat-teknoloġija tal-immarkar il-ġdida meta isem id-ditta u l-metodu tal-produzzjoni, jingħataw fuq bażi volontarja.

(11)

Barra minn hekk, it-teknoloġija l-ġdida tal-immarkar li ma jitħassarx tipprovdi alternattiva għal stikers adeżivi li jistgħu jitneħħew u li jintużaw bħalissa u tillimita r-riskji li l-oġġetti tal-ikel jintilfu, jitħalltu jew jinqalbu ma’ xulxin u għalhekk tiffaċilita t-trasport u l-ħażna tal-frott ikkonċernat. Għal dak il-għan, l-indikazzjoni tal-kodiċi-PLU (numru tal-identifikazzjoni użat mill-operaturi tan-negozji tal-ikel biex jiffaċilitaw iċ-“checkout” u l-kontroll tal-inventarju tal-prodotti), tal-kodiċi-QR (barcode matriċi li tippermetti l-informazzjoni kodifikata tiġi skannjata b’veloċità għolja) u ta’ barcode tista’ tkun utli wkoll. Għalhekk, huwa xieraq li tali informazzjoni titħalla fuq ċertu frott.

(12)

L-ossidi u idrossidi tal-ħadid (E 172), l-idrossipropil metilċellulosa (E 464) u l-polisorbati (E 432 - 436) għandhom jintużaw fi kwantitajiet żgħar u fuq il-parti esterna tal-frott biss u mhumiex mistennija li jemigraw b’mod sinifikanti lejn il-parti interna. Għal dik ir-raġuni, it-trattament fuq frott li l-qxur tiegħu ma jittikilx x’aktarx li ma jkollux effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Għalhekk huwa xieraq li jkun permess biss l-użu ta’ ossidi u idrossidi tal-ħadid (E 172) u ta’ idrossipropil metilċellulosa (E 464) għall-immarkar tal-frott taċ-ċitru, tal-bettieħ u tar-rummien u ta’ polisorbati (E 432 - 436) għall-użu fil-preparazzjoni ta’ sustanzi li jintensifikaw il-kuntrast.

(13)

L-ossidi u idrossidi tal-ħadid (E 172) kienu evalwati l-aħħar mill-Kumitat Xjentifiku tal-Ikel, fl-1975 (3). Ġie muri li 1 % biss tal-ossidi tal-ħadid u tal-idrossidi tal-ħadid x’aktarx li jinħallu fil-pajp gastrointestinali tal-bniedem u għalhekk il-Kumitat stabbilixxa doża aċċettabbli ta’ kuljum mingħajr ma speċifika limitu massimu. L-idrossipropil metilċellulosa (E 464) kienet evalwata l-aħħar mill-Kumitat Xjentifiku tal-Ikel, fl-1992 (4). Grupp ta’ doża aċċettabbli ta’ kuljum “mhux speċifikat” kien allokat għal 5 miċ-ċellulożi modifikati. Fl-1983 il-Kumitat alloka lill-grupp tal-polisorbati (E 432-436) doża aċċettabbli ta’ kuljum f’livell ta’ 10 mg/kg bw/jum (5). Ir-Rapport mill-Kummissjoni dwar it-Teħid tal-Addittivi tal-Ikel Dijetetiku fl-Unjoni Ewropea (6) kkonkluda li l-polisorbati (E 432-436) jistgħu jeħtieġu valutazzjoni aktar realistika tad-doża msejsa fuq livelli tal-użu reali tal-addittivi tal-ikel. L-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel hija mistennija twettaq din il-valutazzjoni tad-doża matul il-valutazzjoni mill-ġdid tal-polisorbati (E 432-436) sal-aħħar tal-2016 kif previst mir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 (7). Sadanittant, għall-fini li tiġi determinata l-estensjoni potenzjali tal-użu tagħhom, għandhom jiġu eżaminati biss is-sustanzi li jikkontribwixxu b’mod insinifikanti għall-konsum totali ta’ polisorbati.

(14)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel stipulata fl-Annessi II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni għall-użu tal-ossidi u idrossidi tal-ħadid (E 172) u tal-idrossipropil metilċellulosa (E 464) għall-immarkar tal-frott taċ-ċitru, tal-bettieħ u tar-rummien u tal-polisorbati (E 432 - 436) għall-użu fil-preparazzjoni ta’ sustanzi li jintensifikaw il-kuntrast tikkostitwixxi aġġornamenti ta’ dawn il-listi li mhumiex suxxettibli li jkollhom effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhuwiex neċessarju li tinkiseb l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel.

(15)

Skont id-dispożizzjonijiet tranżizzjonali tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta’ Novembru 2011 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel (8), l-Anness II li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu japplika mill-1 ta’ Ġunju 2013. Sabiex jitħalla l-użu ta’ ossidi u idrossidi tal-ħadid (E 172) u ta’ idrossipropil metilċellulosa (E 464) għall-immarkar fuq ċertu frott qabel dik id-data, jeħtieġ li tiġi speċifikata data aktar kmieni għall-applikazzjoni fir-rigward ta’ dawn l-addittivi tal-ikel.

(16)

Għalhekk, l-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandhom jiġu emendati skont dan.

(17)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi I, II u III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huma emendati skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Ġunju 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  http://ec.europa.eu/food/fs/sc/scf/reports/scf_reports_01.pdf

(4)  http://ec.europa.eu/food/fs/sc/scf/reports/scf_reports_32.pdf

(5)  http://ec.europa.eu/food/fs/sc/scf/reports/scf_reports_15.pdf

(6)  COM(2001) 542 finali.

(7)  ĠU L 80, 26.3.2010, p. 19.

(8)  ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1.


ANNESS

Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat kif ġej:

(1)

Fl-Anness I tiddaħħal l-annotazzjoni 27:

“27.

‘sustanzi li jintensifikaw il-kuntrast’ huma sustanzi li, meta applikati fuq il-wiċċ estern tal-frott jew tal-ħaxix wara t-tneħħija tal-pigment minn partijiet iddefiniti minn qabel (pereżempju bit-trattament bil-lejżer), jgħinu fid-distinzjoni bejn dawn il-partijiet mill-bqija tal-wiċċ billi jagħtu l-kulur wara l-interazzjoni ma’ xi komponenti tal-epidermide.”

(2)

L-Anness II huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-Parti B, fit-taqsima 3. “Addittivi għajr kuluri u sustanzi li jagħtu l-ħlewwa”, wara l-annotazzjoni għal E 170, tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja:

“E 172

Ossidi u idrossidi tal-ħadid”

(b)

Fil-parti E, il-kategorija tal-ikel 04.1.1 “Frott u ħxejjex friski” hija emendat kif ġej:

(i)

L-annotazzjoni li ġejja E 172 tiddaħħal qabel l-entrata għal E 200-203:

 

“E 172

Ossidi u idrossidi tal-ħadid

6

 

biss bħala sustanza li tintensifika l-kuntrast għall-immarkar tal-frott taċ-ċitru, tal-bettieħ u tar-rummien sabiex:

jiġu ripetuti l-partikolaritajiet tal-informazzjoni obbligatorja kollha jew uħud minnhom, li huma meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u/jew il-liġi nazzjonali;

u/jew

tipprovdi fuq bażi volontarja l-isem tad-ditta, il-metodu ta’ produzzjoni, il-kodiċi-PLU, il-kodiċi-QR u/jew il-barcode

Perjodu ta’ applikazzjoni:

Mill-24 ta’ Ġunju 2013.”

(ii)

L-annotazzjoni E 464 li ġejja tiddaħħal wara l-annotazzjoni għal E 445:

 

“E 464

Idrossipropil metilċellulosa

10

 

biss għall-frott taċ-ċitru, għall-bettieħ u għar-rummien sabiex:

jiġu ripetuti l-partikolaritajiet tal-informazzjoni obbligatorja kollha jew uħud minnhom, li huma meħtieġa skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u/jew il-liġi nazzjonali;

u/jew

tipprovdi fuq bażi volontarja l-isem tad-ditta, il-metodu ta’ produzzjoni, il-kodiċi-PLU, il-kodiċi-QR u/jew il-barcode

Perjodu ta’ applikazzjoni:

Mill-24 ta’ Ġunju 2013.”

(3)

Fil-Parti 2 tal-Anness III, l-annotazzjoni għal E 432 – E 436 tinbidel b’dan li ġej:

“E 432 – E 436

Polisorbati

quantum satis

Preparazzjonijiet ta’ kuluri, sustanzi li jintensifikaw il-kuntrast, antiossidanti li jinħallu fix-xaħam u aġenti tal-igglejżar għall-frott”


Top