EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006L0142

Direttiva tal-Kummissjoni 2006/142/KIE tat- 22 ta’ Diċembru 2006 li temenda l-Anness IIIa tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li fih il-lista ta’ l-ingredjenti li għandhom jiġu indikati fiċ-ċirkostanzi kollha fuq it-tikketta ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel Test b'rilevanza għaż-ŻEE.

ĠU L 368, 23.12.2006, p. 110–111 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 652–653 (MT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 12/12/2014; Impliċitament imħassar minn 32011R1169

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2006/142/oj

1.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

652


DIRETTIVA TAL-KUMMISSJONI 2006/142/KIE

tat-22 ta’ Diċembru 2006

li temenda l-Anness IIIa tad-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li fih il-lista ta’ l-ingredjenti li għandhom jiġu indikati fiċ-ċirkostanzi kollha fuq it-tikketta ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2000/13/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ l-20 ta’ Marzu ta’ l-2000 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tikkettjar, preżentazzjoni u riklamar ta’ oġġetti ta’ l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 6(11) it-tielet sottoparagrafu tagħha,

Wara li kkunsidrat l-opinjoni ta’ l-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà ta’ l-Ikel tas-6 ta’ Diċembru 2005 u tal-15 ta’ Frar 2006.

Billi:

(1)

L-Anness IIIa tad-Direttiva 2000/13/KE jistabbilixxi l-lista ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel li għandhom jiġu indikati fiċ-ċirkostanzi kollha fuq it-tikkettjar ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel għaliex huwa possibbli li dawn jikkawżaw reazzjonijiet ta’ ħsara fuq individwi li huma suxxettibbli.

(2)

L-Artikolu 6(11) l-ewwel sottoparagrafu tad-Direttiva msemmija jistipula li l-lista li tidher fl-Anness IIIa hi ezaminata mill-ġdid sistematikament u, fejn meħtieġ, aġġornata fuq il-bażi ta’ l-għarfien xjentifiku l-aktar reċenti.

(3)

Fil-qafas ta’ dan l-eżami mill-ġdid, il-Kummissjoni talbet l-opinjoni ta’ l-Awtorità Ewropea tas-Sigurtà ta’ l-Ikel (EFSA) dwar inklużjoni possibbli fl-Anness IIIa ta’ ċerti prodotti supplimentari.

(4)

Għal dak li għandu x’jaqsam mal-lupina, l-EFSA tispeċifika fl-opinjoni tagħha tas-6 ta’ Diċembru 2005, li din il-pjanta li ġejja mill-familja Leguminosae, li bħalha jeżistu 450 speċi, ilha tittiekel kif inhi għal ħafna żmien, iżda li t-tqiq tal-lupina hu, minn xi snin ’il hawn, miżjud mat-tqiq tal-qamħ għall-produzzjoni ta’ prodotti tal-forn. Każijiet ta’ reazzjonijiet allerġiċi diretti, kultant gravi, huma rreġistrati u studji juru li hemm riskju li hu relattivament għoli ta’ allerġija inkroċjata akbar għal-lupina fost 30 sa 60 % tal-persuni li huma allerġiċi għall-karawett.

(5)

Fil-każ tal-molluski (il-gasteropodi, il-bivalvi jew iċ-ċefalopodi) l-EFSA tistipula fl-opinjoni tagħha tal-15 ta’ Frar 2006 li dawn huma sikwit mikula kif inhuma, iżda wkoll użati bħala ingredjenti, wara bidla possibbli, f’ċerti preparazzjonijiet kif ukoll f’prodotti bħas-surimi. Ir-reazzjonijiet allerġiċi, kultant gravi, jikkonċernaw sa 0.4 % tal-popolazzjoni, jiġifieri 20 % tal-każijiet kollha ta’ allerġiji għall-frott tal-baħar. Il-proteina ewlenija allerġenika tal-molluski, it-tropomyosin, hi l-istess bħal dik tal-krustaċji u l-każijiet ta’ allerġiji mħallta molluski/krustaċji huma spissi.

(6)

Dawn il-fatti jippermettu li jiġi konkluż il-bżonn li l-lupina u l-molluski jiżdiedu mal-lista li tidher fl-Anness IIIa tad-Direttiva 2000/13/KE.

(7)

Il-miżuri stipulati f’din id-Direttiva huma skond l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti tal-Katina Alimentari u s-Saħħa ta’ l-Annimali,

ADOTTAT DIN ID-DIRETTIVA:

L-ewwel Artikolu

Fil-parti A ta’ l-Anness III tad-Direttiva 2000/13/KEE l-ingredjenti li jmiss huma miżjuda:

“Lupina u prodotti magħmula mil-lupina

Molluski u prodotti magħmula mill-molluski.”

Artikolu 2

1.   L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw il-kummerċ ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel skond din id-Direttiva minn [12-il xahar wara l-pubblikazzjoni].

2.   L-Istati Membri għandhom jipprojbixxu l-kummerċ f’oġġetti ta’ l-ikel li mhumiex skond din id-Direttiva minn [12-il xahar wara l-pubblikazzjoni]. Madankollu, il-bejgħ ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel li mhumiex konformi ma’ din id-Direttiva u li twaħħlitilhom tikketta qabel din id-data għandhom jiġu awtorizzati sakemm ikunu fadlu l-ħażniet.

Artikolu 3

1.   L-Istati Membri jadottaw u jippubblikaw, sa mhux iktar tard minn [12-il xahar wara l-pubblikazzjoni], id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi, regolamentari u amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu f'konformità ma’ din id-Direttiva. Għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet kuf ukoll tabella ta’ korrelazzjoni bejn dawk id-dispożizzjonijiet u din id-Direttiva.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawn id-dispożizzjonijiet, huma għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn referenza ta’ dan it-tip waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Il-modalitajiet ta’ din ir-referenza jiġu deċiżi mill-Istati Membri.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali, li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 4

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum ta’ wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell, 22 ta’ Diċembru 2006.

Għall-Kummissjoni

Markos KYPRIANOU

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 109, 6.5.2000, p. 29. Id-Direttiva kif emendata l-aħħar bid-Direttiva 2003/89/KE (ĠU L 308, 25.11.2003, p. 15).


Top