EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32005D0911

Deċiżjoni tal-Kunsill tat- 12 ta' Diċembru 2005 li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tikkonkludi Ftehim mal-Konfederazzjoni Żvizzera li jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-Artikolu 2(2) u 3 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ

ĠU L 331, 17.12.2005, p. 30–31 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
ĠU L 175M, 29.6.2006, p. 205–206 (MT)

Legal status of the document Date of entry into force unknown (pending notification) or not yet in force.

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2005/911/oj

29.6.2006   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

205


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

tat-12 ta' Diċembru 2005

li tawtorizza lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja sabiex tikkonkludi Ftehim mal-Konfederazzjoni Żvizzera li jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw mill-Artikolu 2(2) u 3 tas-Sitt Direttiva 77/388/KEE dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ

(2005/911/KE)

IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidra s-Sitt Direttiva tal-Kunsill (77/388/KEE) tas-17 ta' Mejju 1977 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri dwar taxxi fuq id-dħul mill-bejgħ - Sistema Komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud: bażi uniformi ta' stima (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 30 tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Billi:

(1)

Skond l-Artikolu 30(1) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b'mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza kwalunkwe Stat Membru sabiex jikkonkludi ma' pajjiż terz Ftehim li jista' jkollu derogi minn dik id-Direttiva.

(2)

Permezz ta' ittra reġistrata mas-Segretarjat Ġenerali tal-Kummissjoni fl-14 ta' Jannar 2005, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (minn hawn 'il quddiem “il-Ġermanja”) talbet awtorizzazzjoni sabiex tikkonkludi Ftehim mal-Konfederazzjoni Svizzera (minn hawn 'il quddiem “l-Isvizzera”) dwar il-bini u l-manutenzjoni ta’ pont tal-fruntiera li jaqsam ir-Rhine bejn Laufenburg (Baden-Württemberg, il-Ġermanja) u Laufenburg (Aargau, l-Isvizzera).

(3)

Konformement ma' l-Artikolu 30(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, il-Kummissjoni informat lill-Istati Membri l-oħra, b'ittra li ġġib id-data tas-17 ta’ Jannar 2005, bit-talba magħmula mill-Ġermanja. B'ittra li ġġib id-data tad-19 ta' Jannar 2005, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ġermanja li hija kellha l-informazzjoni kollha li kkunsidrat meħtieġa sabiex tivvaluta t-talba.

(4)

Il-Ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar il-VAT li jidderogaw mill-Artikoli 2(2) u 3 tad-Direttiva 77/388/KEE fir-rigward ta' oġġetti u servizzi fornuti għall-bini u l-manutenzjoni tal-pont tal-fruntiera u ta' oġġetti importati għall-istess finijiet.

(5)

Jekk ma jingħatawx id-derogi mid-Direttiva 77/388/KEE, il-bini u l-manutenzjoni mwettqa fil-Ġermanja jkunu suġġetti għall-VAT Ġermaniża filwaqt li dawk imwettqa fl-Isvizzera ma jkunux suġġetti għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 77/388/KEE. L-oġġetti importati mill-Isvizzera fil-Ġermanja għall-bini jew għall-manutenzjoni tal-pont tal-fruntiera jkunu wkoll suġġetti għall-VAT Ġermaniża.

(6)

L-applikazzjoni tar-regoli normali tfisser kumplikazzjonijiet fiskali serji għan-negozji responsabbli mit-twettiq tax-xogħlijiet.

(7)

L-għan ta' dawn id-derogi huwa s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxi fuq ix-xogħlijiet involuti fil-bini u l-manutenzjoni tal-pont konċernat.

(8)

Id-derogi sejrin ikollhom effett totalment insinifikanti fuq ir-riżorsi proprji tal-Komunità li jiġu mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Ġermanja hija b'dan awtorizzata li tikkonkludi Ftehim ma’ l-Isvizzera li jinkludi dispożizzjonijiet li jidderogaw mid-Direttiva 77/388/KEE u li jkopri l-bini u l-manutenzjoni ta’ pont tal-fruntiera li jaqsam ir-Rhine bejn Laufenburg (Baden-Württemberg, il-Ġermanja) u Laufenburg (Aargau, l-Isvizzera).

Id-dispożizzjonijiet fiskali derogattivi fir-rigward tal-Ftehim huma esposti fl-Artikoli 2 u 3.

Artikolu 2

B'deroga mill-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 77/388/KEE, oġġetti importati mill-Isvizzera fil-Ġermanja ma għandhomx ikunu suġġetti għat-taxxa fuq il-valur miżjud, sakemm ikunu użati għall-bini jew għall-manutenzjoni tal-pont imsemmi fl-Artikolu 1 ta' din id-Deċiżjoni. Madankollu, din id-deroga ma għandhiex tapplika għal oġġetti importati għall-istess finijiet minn awtorità pubblika.

Artikolu 3

B'deroga mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 77/388/KEE, il-parti tal-pont li tinsab fit-territorju Ġermaniż għandha tkun meqjusa bħala parti mit-territorju Żvizzeru għall-finijiet tal-provvisti ta' oġġetti u servizzi għall-bini u l-manutenzjoni tal-pont.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Magħmula fi Brussell, nhar it-12 ta' Diċembru 2005.

Għall-Kunsill

Il-President

J. STRAW


(1)  ĠU L 145, 13.6.1977, p. 1. Direttiva kif emendata l-aħħar mid-Direttiva 2004/66/KE (ĠU L 168, 1.5.2004, p. 35).


Top