EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62008CJ0139

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (it-Tielet Awla) tat-2 ta' April 2009.
Proċedura kriminali kontra Rafet Kqiku.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Oberlandesgericht Karlsruhe - il-Ġermanja.
Viżi, ażil, immigrazzjoni - Ċittadin ta’ Stat terz li għandu permess ta’ residenza Żvizzeru - Dħul u residenza fit-territorju ta’ Stat għal skopijiet li mhumiex ta’ tranżitu - Nuqqas ta’ viża.
Kawża C-139/08.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2009:230

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

2 ta’ April 2009 ( *1 )

“Viżi, ażil, immigrazzjoni — Ċittadin ta’ Stat terz li għandu permess ta’ residenza Svizzeru — Dħul u residenza fit-territorju ta’ Stat Membru għal skopijiet li mhumiex ta’ tranżitu — Nuqqas ta’ viża”

Fil-Kawża C-139/08,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikoli 68 KE u 234 KE, imressqa mill-Oberlandesgericht Karlsruhe (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ April 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ April 2008, fil-proċeduri kriminali kontra

Rafet Kqiku,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Rosas, President tal-Awla, A. Ó Caoimh, J. N. Cunha Rodrigues, U. Lõhmus u P. Lindh (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: Y. Bot,

Reġistratur: R. Grass,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal M. Kqiku, minn A. Heidegger, Rechtsanwalt,

għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. Wilderspin u S. Grünheid, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, li tistabbilixxi reġim simplifikat għall-kontroll ta’ persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Istati Membri ta’ ċerti permessi ta’ residenza maħruġa mill-Isvizzera u l-Liechtenstein għal skopijiet ta’ tranżitu mit-territorji tagħhom (ĠU L 167, p. 8).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ proċeduri kriminali meħuda fil-Ġermanja kontra R. Kqiku, ċittadin Serbo-Montenegrin, li ġie akkużat li daħal fit-territorju tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja fl-4 ta’ Awwissu 2006 u li rrisjeda hemmhekk sas-6 tal-istess xahar mingħajr ma kien fil-pussess ta’ permess ta’ residenza, fil-forma ta’ viża, li kien neċessarju għalih.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt Komunitarju

L-acquis ta’ Schengen

3

Skont l-Artikoli 10 u 11 tal-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija gradwali ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni (ĠU 2000, L 239, p. 19), iffirmat f’Schengen (il-Lussemburgu) fid-19 ta’ Ġunju 1990, għall-persuni kollha li mhumiex ċittadini tal-Istati Membri tal-Komunitajiet Ewropej, ġiet introdotta viża uniformi għal perijodu qasir li tista’ tinħareġ għal residenza li ma taqbiżx it-tliet xhur. Madankollu din il-konvenzjoni tistabbilixxi differenza bejn il-viżi tal-ivvjaġġar u l-viżi ta’ tranżitu li ma jaqbżux il-ħamest ijiem.

Ir-Regolament (KE) Nru 539/2001

4

Skont l-Artikolu 1(1) u l-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001 tal-15 ta’ Marzu 2001 li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom [tagħhom] għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa, (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 4, p. 65), iċ-ċittadini tar-Repubblika Federali tal-Jugoslavja (Serbja-Montenegro) għandhom ikollhom fil-pussess tagħhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri.

5

L-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament huwa fformulat kif ġej:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, “viża” għandha tfisser l-awtorizzazzjoni maħruġha [maħruġa] minn Stat Membru jew b’deċiżjoni meħudha minn tali Stat li tkun meħtieġa bil-għan li:

tad-dħul għal soġġorn [residenza] intiż f’dak l-Istat Membru jew f’diversi Stati Membri ta’ mhux aktar minn total ta’ tlett xhur,

tad-dħul għal transitu matul [fit-] it-territorju ta’ dak l-Istat Membru jew diversi Stati Membri, aparti milli għat-transitu f’ajruport.”

Id-Deċiżjoni Nru 896/2006

6

Il- premessi 2, 3, 6 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 896/2006 huma fformulati kif ġej:

“(2)

[…] Ir-regoli attwali tal-Komunità madankollu ma jipprevedux reġim simplifikat għall-kontroll ta’ persuni fuq il-fruntieri esterni fejn il-permessi ta’ residenza maħruġa minn pajjiżi terzi jkunu jistgħu jitqiesu bħala ekwivalenti għall-viża uniformi għal skopijiet ta’ tranżitu miż-żona komuni jew ta’ żjara qasira fiha [iż-żona Schengen].

(3)

Iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkollhom permess ta’ residenza maħruġ mill-Iżvizzera u li huma suġġetti għall-obbligu ta’ viża taħt ir-Regolament […], għandhom japplikaw għal viża meta dawn jgħaddu fi tranżitu miż-żona komuni. […]

[…]

(6)

Sabiex tkun indirizzata s-sitwazzjoni fl-uffiċċji konsolari fl-Iżvizzera u l-Liechtenstein, kemm ta’ l-Istati Membri li jimplimentaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen kif ukoll ta’ l-Istati Membri l-ġodda, għandu jiġi introdott reġim simplifikat għall-kontroll ta’ persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali ta’ ċerti permessi ta’ residenza maħruġa mill-awtoritajiet ta’ l-Iżvizzera u l-Liechtenstein bħala li huma ekwivalenti għall-viżi uniformi jew nazzjonali.

(7)

Tali rikonoxximent għandu jkun limitat għall-finijiet ta’ tranżitu, u m’għandux jaffettwa l-possibbiltà li l-Istati Membri joħorġu viżi għal żjara qasira [residenza għal perijodu qasir]. […]”

7

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni Nru 896/2006 jipprevedi:

“Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi reġim simplifikat għall-kontroll ta’ persuni fuq il-fruntieri esterni li huwa bbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Istati Membri ta’ permessi ta’ residenza maħruġa mill-Iżvizzera u l-Liechtenstein lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi b’obbligu ta’ viża skond ir-Regolament (KE) Nru 539/2001 bħala ekwivalenti għall-viża uniformi jew nazzjonali tagħhom għall-għan ta’ tranżitu.

[…]”

8

L-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni jispjega:

“L-Istati Membri li jimplementaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen għandhom jirrikonoxxu unilateralment il-permessi ta’ residenza maħruġa mill-Iżvizzera u l-Liechtenstein u li qed jidhru fl-Anness.

[…]”

9

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni jistabbilixxi:

“Il-perjodu tat-tranżitu taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi mit-territorju ta’ l-Istat(i) Membru(i) m’għandux ikun ta’ iktar minn ħamest ijiem.”

10

Fost il-permessi ta’ residenza maħruġa mill-Konfederazzjoni Svizzera, indikati fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni Nru 896/2006 u msemmija fil-lista li hemm mal-anness tagħha, hemm b’mod partikolari l-ktejjeb għall-barranin Ċ, marbut ma’ permess ta’ residenza permanenti tat-tip Ċ.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

11

Id-dispożizzjonijiet applikabbli tal-liġi Ġermaniża dwar ir-residenza, ix-xogħol u l-integrazzjoni tal-barranin (aktar ’il quddiem il-“liġi tal-barranin”) (Gesetz über den Aufenthalt, die Erwerbstätigkeit und die Integration von Ausländern im Bundesgebiet, BGBl. 2004 I, p. 1950) jipprevedu obbligu għaċ-ċittadini barranin li jkollhom permess ta’ residenza sakemm id-dritt tal-Unjoni Ewropea jew digriet jiddisponi mod ieħor. Il-permessi ta’ residenza jinħarġu, fost oħrajn, fil-forma ta’ viża u ta’ permess ta’ residenza.

12

Skont il-qorti tar-rinviju, jekk ċittadin barrani ma jkollux wieħed mill-permessi ta’ residenza mitluba skont din il-liġi, id-dħul tiegħu fit-territorju Ġermaniż ikun illegali. Skont l-Artikolu 95 tal-imsemmija liġi, min jirrisjedi fit-territorju Ġermaniż mingħajr ma jkollu permess ta’ residenza jeħel piena ta’ mhux iktar minn sena ħabs jew multa. L-istess piena hija prevista jekk barrani jidħol fit-territorju Ġermaniż mingħajr passaport jew mingħajr ma jkollu permess ta’ residenza validu.

13

Fid-deċiżjoni tar-rinviju, l-Oberlandesgericht Karlsruhe tispjega li, skont id-dritt nazzjonali Ġermaniż, waqt l-eżami ta’ aġir ikkontestat skont l-imsemmi Artikolu 95, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss l-eżistenza ta’ awtorizzazzjoni ta’ dħul u ta’ residenza valida fuq livell formali.

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

14

R. Kqiku, li, skont il-passaport tiegħu, huwa ċittadin Serbo-Montegrin, jgħix b’mod permanenti fl-Isvizzera minn Ġunju 1993. Mis-27 ta’ Marzu 2006 ’il quddiem, huwa għandu l-ktejjeb għall-barranin Ċ, maħruġ mill-Konfederazzjoni Svizzera, marbut ma’ permess ta’ residenza permanenti tat-tip Ċ, li l-“Kontrollfrist” tiegħu jiskadi fid-19 ta’ Ġunju 2009. Il-membri kollha tal-familja tiegħu wkoll għandhom il-ktejjeb għall-barranin li kien għadu validu jew, għal dak li jirrigwarda t-tfal, ċertifikati korrispondenti.

15

Fl-4 ta’ Awwissu 2006, R. Kqiku, flimkien mal-mara u tliet itfal tiegħu, telqu mill-Isvizzera sabiex imorru fil-Ġermanja. Waqt ir-residenza tagħhom fit-territorju Ġermaniż, l-interessati żaru lil membri tal-familja tagħhom, f’Köln u f’Stuttgart.

16

F’din l-okkażjoni, u sakemm mar lura l-Isvizzera fis-6 ta’ Awwissu 2006, R. Kqiku kellu passaport li kien għadu validu, il-ktejjeb għall-barranin Ċ, kif ukoll il-liċenzja tas-sewqan, li ukoll kienet għadha valida, maħruġa mill-awtoritajiet Svizzeri. Il-membri l-oħra tal-familja li kienu miegħu kellhom ukoll il-passaporti u l-ktejjeb għall-barranin li kienu għadhom validi, jew, għal dak li jirrigwarda t-tfal, ċertifikati korrispondenti.

17

Għal din iż-żjara fit-territorju Ġermaniż, u kuntrarjament għal dak li kien il-każ matul iż-żjarat preċedenti għal perijodu qasir ta’ R. Kqiku fil-Ġermanja, l-interessat ma kien ressaq ebda applikazzjoni għal viża, u dan kemm għalih kif ukoll għall-membri tal-familja tiegħu.

18

F. Kqiku kien suġġett ta’ proċeduri kriminali talli daħal fit-territorju Ġermaniż u rrisjeda hemmhekk bejn l-4 u s-6 ta’ Awwissu 2006, mingħajr ma kien fil-pussess ta’ permess ta’ residenza, fil-forma ta’ viża, li kien meħtieġ għalih bħala ċittadin Serbo-Montenegrin.

19

Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Novembru 2006, l-Amtsgericht Singen (il-Ġermanja) ħelset lil F. Kqiku mill-akkuża ta’ dħul u ta’ residenza illegali fis-sens tal-liġi tal-barranin, peress li l-aġir tiegħu ma kienx jikkostitwixxi ksur, fid-dawl tad-Deċiżjoni Nru 896/2006. Il-prosekutur ippreżenta rikors għal “Reviżjoni” kontra din id-deċiżjoni. L-Oberlandesgericht Karlsruhe hija mitluba tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, bħala qorti tal-aħħar istanza.

20

L-Oberlandesgericht Karlsruhe, peress li kkunsidrat li għandhom jiġu interpretati r-regoli dwar ir-rikonoxximent unilaterali skont ir-residenza previsti mid-Deċiżjoni Nru 896/2006 sabiex jiġi determinat jekk F. Kqiku setax jiġi ssanzjonat għal dħul u residenza illegali fit-territorju Ġermaniż, skont il-punt 3 tal-Artikolu 95(1) u l-Artikolu 95(2) tal-liġi tal-barranin, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“L-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni Nru 896/2006/KE […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-permessi ta’ residenza tal-Isvizzera u tal-Liechtenstein, elenkati fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni, joħolqu direttament, minħabba r-rikonoxximent unilaterali tagħhom, mill-Istati Membri li jimplementaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen, bħala ekwivalenti għall-viża uniformi jew għall-viża nazzjonali tagħhom, l-effett ta’ permess ta’ residenza li jawtorizza t-tranżitu miż-żona komuni;

jew

l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE […] għandhom jiġu interpretati fis-sens li ċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi li għandhom permess ta’ residenza tal-Isvizzera u tal-Liechtenstein, elenkat fl-anness tal-imsemmija deċiżjoni, u rikonoxxut unilateralment mill-Istati Membri li jimplementaw b’mod sħiħ l-acquis ta’ Schengen, huma eżenti, għall-finijiet ta’ tranżitu miż-żona komuni, mill-obbligu ta’ viża previst permezz tal-Artikolu 1(1) tar-Regolament (KE) Nru 539/2001?”

Fuq id-domanda preliminari

21

Permezz tad-domanda preliminari, il-qorti tar-rinviju ssaqsi, fis-sustanza, dwar il-portata tar-rikonoxximent ta’ permessi ta’ residenza indikati mid-Deċiżjoni Nru 896/2006, fid-dawl tal-obbligu ta’ viża previst mir-Regolament Nru 39/2001.

22

F. Kqiku jsostni li d-Deċiżjoni Nru 896/2006 hija intiża għar-rikonoxximent ta’ permessi maħruġa mill-Konfederazzjoni Svizzera u mill-Prinċipalità ta’ Liechtenstein għal skopijiet ta’ tranżitu miż-żona Schengen jew ta’ residenza għal żmien qasir f’din iż-żona. Huwa jsostni li l-ktejjeb tiegħu għall-barranin Ċ huwa wieħed mill-permessi ta’ residenza maħruġa mill-Konfederazzjoni Svizzera, li jissemmew fl-Anness tal-imsemmija deċiżjoni, li dan il-ktejjeb għandu l-effett biss li jeżenta mill-obbligu ta’ viża previst mir-Regolament Nru 39/2001, u li l-imsemmi ktejjeb jikkostitwixxi permess għal dħul u għal residenza validu.

23

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tenfasizza li l-portata tal-ekwivalenza prevista mid-Deċiżjoni Nru 896/2006 hija limitata għal skopijiet ta’ tranżitu fiż-żona Schengen. Hija tikkunsidra li permess ta’ residenza, bħal dak fil-kawża prinċipali, jista’ jitqies simili għal “viża Schengen” biss għat-tranżitu, u li r-rikonoxximent ta’ permess ta’ residenza maħruġ mill-Konfederazzjoni Svizzera jew mill-Prinċipalità ta’ Liechtenstein jwassal għal eżenzjoni mill-viża prevista mill-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 539/2001, esklużivament għal skopijiet ta’ tranżitu.

24

L-ewwel nett, għandu jitfakkar li s-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni Nru 896/2006 hija, skont l-Artikolu 1 ta’ din l-istess deċiżjoni, ibbażata fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Istati Membri, bħala ekwivalenti għal viża uniformi u l-viżi nazzjonali għal skopijiet ta’ tranżitu, għal permessi ta’ residenza maħruġa mill-Konfederazzjoni Svizzera u mill-Prinċipalità ta’ Liechtenstein liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi suġġetti għall-obbligu ta’ viża skont ir-Regolament Nru 539/2001.

25

B’hekk kif jirriżulta, b’mod partikolari, mill-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 539/2001, l-acquis ta’ Schengen jistabbilixxi distinzjoni bejn żewġ kategoriji prinċipali ta’ viżi, jiġifieri l-viżi għal perijodu qasir u l-viżi ta’ tranżitu. Tal-ewwel huma intiżi għal residenza li l-perijodu totali tagħha ma taqbiżx tliet xhur, filwaqt li t-tieni huma intiżi għal tranżitu fiż-żona komuni, li l-perijodu tiegħu ma jistax jaqbeż ħamest ijiem.

26

Issa, l-iskop tad-Deċiżjoni Nru 896/2006, kif jirriżulta mit-titolu u l-Artikoli 1 u 2 tagħha, huwa li jistabbilixxi sistema semplifikata ta’ kontroll tal-persuni fuq il-fruntieri esterni għal skopijiet biss tat-tranżitu tagħhom fit-territorju tal-Istati Membri. Għalhekk, l-imsemmija artikoli jipprevedu esklużivament li l-permessi ta’ residenza maħruġa mill-Konfederazzjoni Svizzera jew mill-Prinċipalità ta’ Liechtenstein liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi jkunu ekwivalenti għal viża uniformi jew viżi nazzjonali għal skopijiet ta’ tranżitu. Skont l-Artikolu 3 tal-imsemmija deċiżjoni, it-perijodu ta’ tranżitu huwa limitat u ma jistax jaqbeż ħamest ijiem.

27

Peress li r-rikonoxxximent unilaterali ta’ ċerti permessi ta’ residenza maħruġa mill-Konfederazzjoni Svizzera u mill-Prinċipalità ta’ Liechtenstein fil-kuntest ta’ sistema semplifikata ta’ kontroll stabbilita mid-Deċiżjoni Nru 896/2006 huwa limitat għad-dħul fiż-żona Schengen għal skopijiet ta’ tranżitu, għandu jiġi kkonstatat li l-permessi ta’ residenza maħruġa minn dawn l-Istati u elenkati fl-anness ta’ din id-deċiżjoni huma rrikonoxxuti esklużivament bħala ekwivalenti għal viża uniformi jew għal viża nazzjonali għal skopijiet ta’ tranżitu.

28

Din l-interpretazzjoni hija kkorroborata mill-premessi 3 u 7 tad-Deċiżjoni Nru 896/2006, li jistabbilixxu l-għan tagħha, li huwa li toffri liċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi, b’mod partikolari s-Serbja u l-Montenegro, li għandhom permessi ta’ residenza maħruġa mill-Konfederazzjoni Svizzera jew mill-Prinċipalità ta’ Liechtenstein, il-possibbiltà li jmorru lura fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom billi jgħaddu miż-żona komuni mingħajr ma jitolbu viża ta’ tranżitu. Il-premessa 7 ta’ din id-dispożizzjoni ssemmi espressament li r-rikonoxximent tal-imsemmija permessi ta’ residenza għandu jiġi limitat għal skopijiet ta’ tranżitu u ma għandux jaffettwa l-possibbiltà li l-Istati Membri joħorġu viżi ta’ residenza għal perijodu qasir.

29

Barra minn hekk, is-sistema semplifikata implementata bid-Deċiżjoni Nru 896/2006 hija intiża la sabiex tifrex u lanqas tirrestrinġi n-numru ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma eżenti mill-obbligu ta’ viża skont ir-Regolament Nru 539/2001.

30

Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-bażijiet legali tar-Regolament Nru 539/2001 u minn dawk tad-Deċiżjoni Nru 896/2006. Ir-Regolament Nru 539/2001 huwa bbażat fuq l-Artikolu 62(2)(b)(i) KE, li jirregola l-miżuri dwar il-qsim tal-fruntieri esterni li jistabbilixxu regoli dwar il-viżi u, b’mod partikolari, il-lista tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma suġġetti għall-obbligu ta’ viża u dawk li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dan l-obbligu, filwaqt li d-Deċiżjoni Nru 896/2006 hija bbażata fuq l-Artikolu 62(2)(a) KE, li jirregola l-miżuri dwar in-normi u l-modi li l-Istati Membri għandhom ikunu konformi magħhom sabiex iwettqu l-kontrolli tal-persuni mal-fruntieri esterni.

31

Għalhekk, minn dan jirriżulta li permess ta’ residenza maħruġ mill-Konfederazzjoni Svizzera jew mill-Prinċipalità ta’ Liechtenstein liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għall-obbligu ta’ viża huwa dokument li għandu jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti għal viża ta’ tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri. Fil-kuntest tal-proċedura semplifikata introdotta mid-Deċiżjoni Nru 896/2006, għalhekk, ma hemmx l-obbligu tal-persuni kkonċernati minn din id-deċiżjoni li jkollhom fil-pussess tagħhom viża ta’ tranżitu meta jaqsmu l-fruntieri esterni għal skopijiet ta’ tranżitu fit-territorju tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li l-perijodu tat-tranżitu ma jaqbiżx ħamest ijiem.

32

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li saru iktar ’il fuq u konformement mad-distinzjoni bejn il-viżi ta’ tranżitu u l-viżi ta’ residenza għal perijodu qasir stabbilita mir-Regolament Nru 539/2001, għandha tingħata risposta lid-domanda magħmula li d-Deċiżjoni Nru 896/2006 għandha tiġi interpretata fis-sens li permessi ta’ residenza elenkati fl-anness ta’ din id-deċiżjoni, maħruġa mill-Konfederazzjoni Svizzera u mill-Prinċipalità ta’ Liechtenstein liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għall-obbligu ta’ viża, huma kkunsidrati bħala ekwivalenti għal viża esklużivament ta’ tranżitu. Huwa biżżejjed, għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri għall-għanijiet ta’ tranżitu, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 1(1) u 2 tar-Regolament Nru 539/2001, li l-persuna indikata fl-imsemmija deċiżjoni jkollha fil-pussess tagħha permess ta’ residenza maħruġ mill-Konfederazzjoni Svizzera jew mill-Prinċipalità ta’ Liechtenstein u msemmi fl-anness tal-istess deċiżjoni.

Fuq l-ispejjeż

33

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Deċiżjoni Nru 896/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-14 ta’ Ġunju 2006, li tistabbilixxi reġim simplifikat għall-kontroll ta’ persuni fuq il-fruntieri esterni li jkun ibbażat fuq ir-rikonoxximent unilaterali mill-Istati Membri ta’ ċerti permessi ta’ residenza maħruġa mill-Isvizzera u l-Liechtenstein għal skopijiet ta’ tranżitu mit-territorji tagħhom, għandha tiġi interpretata fis-sens li permessi ta’ residenza elenkati fl-anness ta’ din id-deċiżjoni, maħruġa mill-Konfederazzjoni Svizzera u mill-Prinċipalità ta’ Liechtenstein liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi suġġetti għall-obbligu ta’ viża, huma kkunsidrati bħala ekwivalenti għal viża esklużivament ta’ tranżitu. Huwa biżżejjed, għad-dħul fit-territorju tal-Istati Membri għal skopijiet ta’ tranżitu, sabiex jiġu sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikoli 1(1) u 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 539/2001, tal-15 ta’ Marzu 2001, li jelenka l-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħjom [tagħhom] għandhom ikollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni u dawk iċ-ċittadini li huma eżentati minn dik il-ħtieġa, li l-persuna indikata mill-imsemmija deċiżjoni jkollha fil-pussess tagħha permess ta’ residenza maħruġ mill-Konfederazzjoni Svizzera u mill-Prinċipalità ta’ Liechtenstein u msemmi fl-anness tal-istess deċiżjoni.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top