EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52009AE1705
Opinion of the European Economic and Social Committee on the ‘Communication from the Commission to the European Parliament, the Council, the European Economic and Social Committee and the Committee of the Regions — Towards a comprehensive climate change agreement in Copenhagen’ COM(2009) 39 final
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen” COM(2009) 39 finali
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen” COM(2009) 39 finali
ĠU C 128, 18.5.2010, p. 116–121
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
18.5.2010 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 128/116 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen”
COM(2009) 39 finali
(2010/C 128/22)
Relatur: is-Sur McDONOGH
Nhar it-28 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni ddeċidiet, b’konformità mal-Artikolu 262 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, li tikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar
il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni: Lejn ftehim komprensiv dwar it-tibdil fil-klima f'Kopenħagen
COM(2009) 39 finali.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-opinjoni tagħha nhar it-2 ta’ Settembru 2009.
Matul l-457 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fl-4 u l-5 ta’ Novembru 2009 (seduta tal-5 ta’ Novembru 2009), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’168 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
1.1. Il-KESE huwa ddiżappuntat ħafna li l-Kapijiet ta’ Stat tal-UE għadhom ma laħqux ftehim dwar id-deċiżjonijiet kruċjali dwar il-finanzjament għat-tibdil fil-klima.
1.2. Il-KESE jirrakkomanda li, b’konformità mar-riżultati xjentifiċi, tiġi stabbilita mira għal perijodu fit-tul (sal-2050) ta’ madwar 2 tunnellati ekwivalenti ta’ CO2 per capita kull sena, bil-għan li t-tisħin dinji ma jiżdidx b’aktar minn 2 °C.
1.3. Il-KESE huwa tal-fehma li l-UE għandha tistabbilixxi mira intermedja ta’ tnaqqis ta’ mill-anqas 30 % fl-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990, dejjem sakemm ikun hemm tnaqqis komparabbli min-naħa ta’ pajjiżi żviluppati oħra u ta’ pajjiżi ekonomikament aktar avvanzati li qed jiżviluppaw.
1.4. Il-pajjiżi żviluppati għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex jiksbu tnaqqis ta’ mill-anqas 80 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050, meta mqabbla mal-1990.
1.5. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li bħala grupp, il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (bl-eċċezzjoni tal-pajjiżi l-anqas żviluppati tal-Afrika) sal-2020 għandhom jillimitaw iż-żieda fl-emissjonijiet tagħhom għal 15 % sa 30 % inqas milli f’xenarju fejn kollox jibqa’ l-istess.
1.6. Il-gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni u t-trasport marittimu għandhom jiġu inkluzi fin-negozjati ta’ Kopenħagen.
1.7. Il-KESE jtenni li sal-2020, id-deforestazzjoni grossa tal-foresti tropikali għandha tonqos b’mill-inqas 50 % meta mqabbla mal-livelli attwali. Fl-istess ħin, għandha tiġi assigurata l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, l-imriegħi, l-artijiet mistagħdra jew tal-pît fi bnadi oħra tal-pajjiżi żviluppati u għall-futur tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
1.8. Il-KESE jaqbel mal-fatt li l-Kummissjoni tappoġġja ftehim internazzjonali bil-għan li jiżdiedu aktar gassijiet iffluworurati fil-qafas tal-Protokoll ta’ Kjoto.
1.9. Għandu jiġi pprovdut finanzjament adegwat għar-riċerka dinjija (u reġjonali) dwar it-tibdil fil-klima, l-iżvilupp tat-teknoloġija u l-wiri.
1.10. Il-KESE jappoġġja edukazzjoni proattiva u politika usa’ bil-għan li ċ-ċittadini tal-Ewropa u lil hinn jifhmu aħjar it-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu.
1.11. Il-kriżi ekonomika globali attwali m’għandhiex ixxekkel it-teħid ta’ azzjonijiet deċiżivi u urġenti fil-qasam tat-tibdil fil-klima.
2. Daħla
2.1. Il-KESE huwa konvint li, fid-dawl tar-riżultati xjentifiċi reċenti li ħarġu mir-raba’ rapport ta’ valutazzjoni tal-Bord ta’ Esperti Intergovernattiv dwar it-Tibdil fil-Klima (l-IPCC) ’l quddiem, hemm bżonn ta’ azzjoni immedjata u issa aktar minn qatt qabel.
2.2. Fl-1996, il-gvernijiet tal-UE stabbilixxew mira ta’ tisħin massimu li jista’ jiġi ttollerat ta’ 2 oC aktar mil-livelli preindustrijali u din ġiet affermata mill-ġdid mill-Kunsilli Ewropej u l-Kunsilli Ambjentali u aktar reċentement mill-Grupp ta’ Esperti tal-UE dwar it-Tibdil fil-Klima. Jekk dan il-livell jinqabeż jista’ joħloq problemi soċjali kbar minħabba l-impatt fuq is-saħħa, in-nuqqas ta’ ilma u n-nuqqas ta’ sigurtà fil-provvista tal-ikel u l-migrazzjoni mġiegħla. Madankollu, dawn il-2 oC mhumiex biżżejjed peress li diġà qed nosservaw li temperatura medja globali ta’ aktar minn 0.8 oC mil-livelli preindustrijali qed twassal għall-għajbien tas-silġ tal-Baħar Arktiku b’rata mgħaġġla ħafna.
2.3. Ir-riżultati xjentifiċi reċenti huma ħafna aktar allarmanti minn dawk tar-raba’ rapport ta’ valutazzjoni tal-IPCC. L-organizzazzjoni Global Carbon Project ikkonfermat li l-emissjonijiet tal-karbonju qed jiżdiedu (b’medja ta’ 3.5 % bejn l-2000 u l-2007, żieda ta’ kważi erba’ darbiet aktar mill-0.9 % fis-sena bejn l-1990 u l-1999), b’rati ta’ tkabbir li jisbqu anke l-agħar xenarju possibbli stabbilit fir-Rapport Speċjali tal-IPCC dwar ix-Xenarji Possibbli fir-rigward tal-Emissjonijiet.
3. Il-miri tal-emissjonijiet
3.1. Sfond
Il-pajjiżi żviluppati u industrijalizzati, li jinkludu madwar biljun mis-6.7 biljun individwu fid-dinja skont statistika tal-2008, huma responsabbli għal madwar 70 % tal-emissjonijiet kollha mill-1950 ’il quddiem. Fil-futur, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħalissa ser jiġġeneraw il-biċċa l-kbira tal-emissjonijiet.
L-emissjonijiet globali għall-1990 u l-2000 kienu ta’ madwar 40 gigatunnellata (Gt) ekwivalenti ta’ CO2 fis-sena, u fl-2008 kienu ta’ madwar 50 gigatunnellata ekwivalenti ta’ CO2. L-emissjonijiet globali per capita fis-sena fl-1990 u fl-2000 kienu ta’ 7-7.5 tunnellati metriċi per capita u kważi 8 tunnellati metriċi per capita fl-2008. Il-ħidma reċenti mmexxija mill-Grupp ta’ Riċerka dwar l-Impatt tal-Klima f’Potsdam, il-Ġermanja, ikkonkludiet li l-emissjonijiet globali tal-gassijiet b’effett ta’ serra għandhom jonqsu b’aktar minn 50 % sal-2050, meta mqabbla mal-livelli tal-1990, sabiex ir-riskju li naqbżu l-mira ta’ 20C ma jkunx akbar minn 25 % (li xorta waħda mhuwiex riskju insinjifikanti).
3.2. Il-KESE jirrakkomanda li, b’konformità mar-riżultati xjentifiċi u mal-ftehim xjentifiku ġenerali, tiġi stabbilita mira fuq il-perijodu iktar fit-tul (sal-2050) ta’ madwar 2 tunnelllati ekwivalenti ta’ CO2 per capita kull sena, u dan huwa ekwivalenti għal mira ta’ stabilizzazzjoni għall-emmissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra ta’ madwar 500 ppm ekwivalenti ta’ CO2. Il-mira ta’ 2 tunnellati per capita kull sena għandha tiġi promossa fil-livell nazzjonali.
3.3. Il-KESE jaqbel mal-miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet imressqa mill-Kummissjoni li jipprovdu għal tnaqqis tal-emissjonijiet globali għal anqas minn 50 % tal-livelli tal-1990 sal-2050.
3.4. Il-KESE jaqbel mar-rabba’ rapport annwali tal-IPCC u mar-riżultati tal-ħidma aktar reċenti li l-pajjiżi żviluppati għandhom jimpenjaw ruħhom sabiex jiksbu tnaqqis ta’ mill-anqas 80 % fl-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra sal-2050, meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
L-UE tat l-eżempju billi mpenjat ruħha li tnaqqas l-emissjonijiet tagħha b’20 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli tal-1990.
3.5. Barra minn hekk, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li, kif ġie propost, l-UE għandha tistabbilixxi mira ogħla ta’ tnaqqis – ta’ 30 % – sal-2020, dejjem sakemm ikun hemm impenn għal tnaqqis komparabbli min-naħa ta’ pajjiżi żviluppati oħra u għal tnaqqis adegwat min-naħa ta’ pajjiżi ekonomikament aktar avvanzati li qed jiżviluppaw. Mhux il-pajjiżi kollha mniżżlin fl-Anness 1 tal-Protokoll ta’ Kjoto biss għandhom jimpenjaw ruħhom biex jiksbu din il-mira, iżda wkoll il-pajjiżi kollha membri tal-OECD, l-Istati Membri kollha tal-UE, il-pajjiżi kandidati u dawk li huma kandidati potenzjali tal-UE. Dan l-impenn min-naħa tal-pajjiżi żviluppati huwa meħtieġ, jekk mhux assolutament indispensabbli, biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw isegwu u jadottaw il-miri. Dawn il-miri għandhom jiġu riveduti maż-żmien u għandu jitfassal pjan direzzjonali li jispeċifika l-miri previsti għall-2030 u l-2040, fid-dawl tal-aħħar riżultati tar-riċerka xjentifika.
3.6. Il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta’ ambizzjonijiet fil-proposti mressqa mill-pajjiżi żviluppati ewlenin l-oħra bħall-Istati Uniti u l-Ġappun. Fil-fatt, il-proposti tagħhom għadhom lura ħafna meta mqabbla mal-miri proposti hawn fuq għall-2020. Nhar il-21 ta’Mejju 2009, il-Kumitat tal-Enerġija u l-Kummerċ tal-Kungress Amerikan adotta leġiżlazzjoni dwar l-enerġija u t-tisħin dinji li tipprovdi għal tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 17 % meta mqabbla mal-livelli tal-2005 (u mhux tal-livelli tal-1990 li huma partikolarment aktar baxxi) sal-2020 u għal tnaqqis ta’ 83 % sal-2050. Madankollu, din il-leġiżlazzjoni, li fiha 930 paġna, għad trid tiġi approvata mill-Gvern tal-Istati Uniti u x’aktarx dan mhux ser isir fiż-żmien mixtieq qabel il-konferenza ta’ Kopenħagen f’Diċembru. Il-KESE jinsab imħasseb dwar l-impatt li dan jista’ jkollu fuq is-suċċess tan-negozjati ta’ Kopenħagen.
3.7. Il-KESE jikkritika wkoll in-nuqqas ta’ impenn finanzjarju konkret min-naħa tal-G8, tmien nazzjonijiet oħra u l-UE li ltaqgħu matul il-Forum tal-Akbar Ekonomiji dwar l-Enerġija u l-Klima f’L’Aquila, l-Italja, fid-9 ta’ Lulju 2009. Għalkemm ftehmu fuq mira globali fuq il-perijodu fit-tul għal tnaqqis tal-emissjonijiet dinjija tal-anqas b’50 % sal-2050, u mira ta’ tnaqqis ta’ 80 % jew aktar għall-pajjiżi żviluppati sal-2050, ma ngħatat l-ebda sena ta’ bażi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u ma ġew stabbiliti l-ebda miri għat-terminu medju (sal-2020).
3.8. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li bħala grupp, il-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw (bl-eċċezzjoni tal-pajjiżi l-anqas żviluppati tal-Afrika) fl-istess waqt sal-2020 għandhom jillimitaw iż-żieda tal-emissjonijiet tagħhom għal 15 sa 30 % inqas milli f’xenarju fejn kollox jibqa’ l-istess.
Il-KESE jaħseb li biex dawn il-miri jintlaħqu hemm bżonn ta’ azzjoni bikrija u miftiehma.
3.9. Il-KESE huwa tal-fehma li l-massa tal-emissjonijiet per capita huwa indiċi ġusta għall-miri ta’ tnaqqis tal-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, peress li kwalunkwe ċittadin tad-dinja għandu jkollu l-istess drittijiet fil-qasam tat-tniġġis.
3.10. Il-proporzjonijiet bħall-intensità tal-karbonju (l-emissjonijiet tal-karbonju għal kull unità tal-PDG) jistgħu jintużaw bħala indiċi għall-mira ta’ tnaqqis, għalkemm il-KESE jirrakkomanda li dan jintuża bil-kawtela, peress li t-tnaqqis ta’ dan il-parametru jista’ jirriżulta minn żieda fil-PDG ta’ pajjiż u mhux minn tnaqqis ġenerali tal-emissjonijiet ta’ dak il-pajjiż.
4. Emissjonijiet mill-avjazzjoni u t-trasport marittimu
4.1. L-emissjonijiet
4.1.1. L-avjazzjoni internazzjonali (u nazzjonali) kif ukoll it-trasport marittimu jikkostitwixxu sors dejjem jikber ta’ emissjonijiet globali – l-emissjonijet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni internazzjonali żdiedu b’4.5 % fis-sena bejn l-1990 u l-2004 filwaqt li l-emissjonijiet mit-trasport marittimu żdiedu b’2.75 % fis-sena fl-istess perijodu. Minkejja dan, dawn l-emissjonijiet mhumiex ikkontrollati fil-qafas tal-UNFCCC u l-Protokoll tagħha ta’ Kjoto. L-avjazzjoni hija responsabbli għal madwar 2 % tal-emissjonijiet globali, skont l-emissjonijiet tas-CO2 mill-avjazzjoni fl-2007 u dan il-persentaġġ x’aktarx jiżdied fil-futur qarib. F’Ġunju 2009 l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru (IATA) adottat sensiela ta’ miri għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra mill-avjazzjoni. L-IATA tipproponi wkoll li l-emissjonijiet jitqiesu (jitħallsu) fil-livell globali u mhux fil-livell reġjonali jew lokali. Ir-rapporti reċenti tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) juru li t-trasport marittimu jipproduċi madwar 843 MT CO2 fis-sena (madwar 3.5 % tal-ammont totali emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra fil-livell dinji), ekwivalenti għall-emissjonijiet ta’ pajjiż żviluppat kbir bħall-Ġermanja.
4.2. Il-miri
4.2.1. Il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u t-trasport marittimu għandhom jiġu inklużi fil-ftehim ta’ Kopenħagen: “għal livell li jkun inqas minn dawk tal-2005 sal-2020, u għal livell li jkun ferm inqas mil-livell tal-1990 sal-2050”. Barra minn hekk, il-KESE jaqbel mal-Kummissjoni li jekk sa tmiem l-2010 ma jkun hemm l-ebda ftehim fi ħdan l-Organizzazzjoni għall-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali u l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali dwar il-miri tal-emissjonijiet, l-emissjonijiet mill-avjazzjoni internazzjonali u mit-trasport marittimu ser jingħaddu mal-ammont totali nazzjonali skont il-ftehim ta’ Kopenħagen. Il-KESE jtenni li l-applikazzjoni għal skemi ta’ skambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet hija konsiderevolment aktar ikkomplikata fit-trasport marittimu milli fl-avjazzjoni u li skema globali alternattiva tista’ tkun aktar effettiva minn skema tal-UE jew skema reġjonali oħra (ara wkoll l-opinjoni tal-KESE dwar Lejn trasport marittimu u dak fuq l-ibħra interni aktar ekoloġiku).
5. Emissjonijiet mill-użu tal-art u mit-tibdil fl-użu tal-art
5.1. It-tibdil fl-użu tal-art – id-deforestazzjoni fi kwantitajiet kbar, il-ħruq tal-pît u attivitajiet simili oħra huma responsabbli għal madwar 17.4 % tal-emissjonijiet globali attwali.
5.2. Fid-dawl ta’ din il-proporzjoni kbira ta’ emissjonijiet mit-tibdil fl-użu tal-art, il-KESE jisħaq mill-ġdid fuq il-ħtieġa li nnaqqsu d-deforestazzjoni grossa tal-foresti tropikali mill-anqas b’50 % sal-2020 meta mqabbla mal-livelli attwali (ara l-opinjoni tal-KESE dwar Nindirizzaw l-isfidi tad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti sabiex niġġieldu t-tibdil fil-klima u t-telf tal-bijodiversità).
5.3. Fl-istess ħin, għandha tiġi żgurata l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, l-imriegħi, l-artijiet mistagħdra jew tal-pît, għall-ewwel fil-pajjiżi żviluppati (u mbagħad fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw) sabiex is-CO2 jibqa’ jinqabad ukoll f’dawn il-pajjiżi. Il-pajjiżi kollha għandhom jieħdu passi sabiex jikkontrollaw id-deforestazzjoni.
5.4. L-Ewropa għandha tagħti eżempju tajjeb u tippromovi l-ħarsien tal-foresti billi pereżempju l-prodotti tal-injam jingħataw ċertifikazzjoni ta’ ġestjoni sostenibbli.
5.5. L-aspetti tas-settur agrikolu li huma marbutin mat-tibdil fil-klima huma indirizzati f’opinjoni separata tal-KESE (1) u għaldaqstant m’humiex żviluppati aktar f’din l-opinjoni.
6. Approċċi settorjali fil-kuntest tan-negozjati dwar it-tibdil fil-klima
6.1. Il-KESE jipproponi li tingħata attenzjoni lir-rwol ta’ approċċ settorjali sabiex nikkomplementaw in-negozjati dwar it-tibdil fil-klima. Pereżempju, fuq il-bażi tas-suġġerimenti f’rapport tal-grupp ta’ ħidma dwar il-Protokoll ta’ Kjoto, barra l-miri nazzjonali dwar l-emissjonijiet jistgħu jiġu stabbiliti miri volontarji/obbligatorji, kwantittattivi/kwalitattivi f’setturi speċifiċi (bħall-elettriku, il-ħadid u l-azzar, is-siment). L-approċċ settorjali huwa deskritt f’aktar dettall b’rabta mal-possibbiltajiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet għal ftehim globali dwar it-tibdil fil-klima.
7. Gassijiet iffluworurati
7.1. Il-KESE jaqbel mal-proposta li bosta kimiki industrijali ġodda jiġu inklużi fi trattat futur dwar il-klima. Wieħed minn dawn il-kompożizzjonijiet, it-Triflorur tan-nitroġenu (NF3), huwa komponent li jintuża ħafna fil-manifattura ta’ kompjuters personali u ta’ televiżjonijiet b’LCD flat-screen u bejn wieħed u ieħor huwa 17 000 darba aktar qawwi mis-CO2. L-idrofluworokarburi (HFCs) pereżempju m’humiex ikkontrollati mill-konvenzjoni ta’ Montreal u jintużaw bħala sostituti tal-HCFCs. Kimiki ġodda oħra li qegħdin jiġu kkunsidrati jinkludu tipi ġodda ta’ perfluworokarburi (PFCs) u HFCs, trifluworometil pentafluworur tal-kubrit (SF5CF3), eteri fluworurati, perfluworopolieteri (PFPEs) u l-idrokarburi (HCs). L-industrija tal-kimika hija mħeġġa tiżviluppa sostituti għall-gassijiet industrijali ġodda li għandhom potenzjal kbir li jikkontribwixxu għat-tisħin tad-dinja.
7.2. Miri
7.2.1. Il-KESE jaqbel mal-fatt li l-Kummissjoni beħsiebha żżid, permezz ta’ ftehim internazzjonali, il-gassijiet iffluworurati li ġejjin fil-qafas tal-Protokoll ta’ Kjoto: tipi ġodda ta’ HFCs u PFCs; trifluworometil pentafluworur, eteri fluworurati, PFPEs u HCs, bil-għan li jiġi stabbilit limitu qabel ma jibdew jitnaqqsu b’mod gradwali.
7.2.2. Il-KESE jirrakkomanda li l-monitoraġġ u l-verifika tal-livelli ta’ konċentrazzjoni tal-gassijiet iffluworurati l-ġodda għandhom jikkostitwixxu parti importanti tal-ftehimiet internazzjonali.
8. Miżuri ta’ mitigazzjoni
8.1. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-gvernijiet nazzjonali għandhom jippromovu miżuri favur it-tnaqqis fl-użu tal-enerġija li ma jiswewx ħafna flus bħall-miżuri għall-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini bis-saħħa ta’ regolamentazzjoni u standards. Tista’ tiġi introdotta leġiżlazzjoni għall-promozzjoni tat-tnaqqis tal-iskart u tar-riċiklaġġ. Jistgħu jingħataw sussidji biex iħeġġu lin-nies biex fost affarijiet oħra jinstallaw panewijiet solari u jtejbu l-iżolazzjoni fi djarhom
8.2. Sorsi rinnovabbli tal-enerġija għandhom jiġu appoġġjati. Pereżempju, għandhom jingħataw sussidji biex jitwaqqfu turbini tar-riħ għall-produzzjoni tal-elettriku u għandu jkollhom il-faċilità li jkunu mqabbdin man-netwerk tal-elettriku. Nistgħu wkoll nużaw ġeneraturi li jkunu mqabbda man-netwerk tal-elettriku u li jkunu jaħdmu bil-bijogass (magħmul minn taħlita ta’ ħaxix, veġetazzjoni, sikrana, eċċ., li titħalla tiffermenta biex jiġi prodott il-metanu), kif irnexxilha tagħmel il-Ġermanja fil-qafas tal-liġi dwar is-sorsi rinnovabbli tal-enerġija u li bis-saħħa ta’ din il-leġiżlazzjoni aktar minn 14 % tal-elettriku tal-pajjiż jiġi minn sorsi rinnovabbli.
8.3. Jeħtieġ li nippromovu t-teknoloġiji ekoloġiċi u b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju. Il-pajjiżi żviluppati u li qed jiżviluppaw huma mħeġġa jieħdu t-triq tal-innovazzjoni u fejn ikun possibbli jadottaw teknoloġiji ġodda li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija.
8.4. Jeħtieġ li l-impjanti tal-elettriku kemm dawk li jeżistu diġà kif ukoll il-ġodda jittejbu billi jittieħdu miżuri bħat-tibdil għal karburanti b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, iż-żieda tal-proporzjoni tal-enerġija rinnovabbli jew nukleari, l-użu ta’ teknoloġiji aktar effiċjenti fl-impjanti tal-elettriku
8.5. Il-KESE jirrakkomanda li l-investiment inizjali fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandu jkun immirat lejn ix-xiri tal-aqwa teknoloġiji disponibbli lokalment jew li jkunu adatti għall-kundizzjonijiet lokali.
9. Miżuri ta’ adattament
9.1. Il-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali jagħraf il-fatt li l-adattament għandu jiġi inkluż b’mod espliċitu fi ftehim dwar it-tibdil fil-klima għal wara l-2012. L-adattament għat-tibdil fil-klima, fejn is-soċjetà jkollha ssaħħaħ il-kapaċità tagħha li tiffaċċja l-impatti tat-tibdil fil-klima, reċentement ġie enfasizzat waqt Laqgħa Xjentifika Internazzjonali dwar it-Tibdil fil-Klima. Fl-1 ta’ April 2009, tressqet White Paper tal-KE (COM (2009) 147 finali) dwar il-miżuri ta’ adattament li ser jippermettu lill-UE u lill-Istati Membri jippreparaw ruħhom aħjar għall-impatti tat-tibdil fil-klima.
9.2. Il-KESE jappoġġja r-rieda tal-Kummissjoni li twaqqaf qafas għall-adattament fi ħdan il-ftehim ta’ Kopenħagen. Dan il-qafas għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:
— |
approċċ strateġiku għall-adattament, |
— |
l-adattament għandu jiġi integrat fl-oqsma ewlenin tal-politika Ewropea, |
— |
l-adattament għandu jseħħ fil-livell lokali u reġjonali, |
— |
appoġġ għall-adattament fil-pajjiżi l-inqas żviluppati u fl-istati gżejjer żgħar li qegħdin jiżviluppaw fil-qafas tal-Alleanza Globali dwar it-Tibdil fil-Klima kif ukoll f’isem il-UNFCC, permezz tal-qafas għal azzjoni dwar l-adattament. |
9.3. Biex il-politiki ta’ adattament jirnexxu jeħtieġ li l-piżijiet jitqassmu b’mod ġust u li jitqiesu l-impatti fuq l-impjiegi u fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ gruppi bi dħul baxx. Id-dimensjoni soċjali tal-politiki ta’ adattament għandha tiġi eżaminata wkoll u l-imsieħba soċjali kollha għandhom jiġu involuti.
10. Ir-riċerka dinjija, l-iżvilupp teknoloġiku u l-wiri
Il-KESE jemmen li għandu jiġi pprovdut minnufih finanzjament għar-riċerka dinjija (u reġjonali), għall-iżvilupp teknoloġiku u l-wiri (RD&D). L-iskemi tar-RD&D huma rrakkomandati sabiex ikun hemm żvilupp aċellerat, it-titjib tekniku u l-introduzzjoni fis-suq ta’ sorsi rinnovabbli tal-enerġija u tal-koġenerazzjoni tas-sħana u l-enerġija għall-impjanti tal-elettriku.
10.1.1. Il-KESE jappoġġja x-xewqa tal-Kummissjoni (SEC (2008) 3104 finali) li timplimenta riċerka integrata dwar it-tibdil fil-klima fis-Seba’ Programm Qafas ta’ Riċerka. Il-KESE jirrakkomanda sħubija aktar mill-qrib bejn il-KE u l-IPCC fis-Seba’ Programm Qafas ta’ Riċerka u fi programmi ta’ riċerka relatati fil-futur.
10.1.2. Il-KESE jappoġġja l-idea li tingħata spinta ’l quddiem lir-riċerka, l-iżvilupp u l-wiri ta’ teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija li ġew identifikati mill-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija, kif ukoll ta’ dawk it-teknoloġiji li ġew identifikati fil-Pjan Strateġiku għat-Teknoloġija tal-Enerġija (SET) tal-UE bil-għan li jitnieda mill-ġdid u jitħaffef l-iżvilupp ta’ teknoloġiji strateġikament importanti b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija.
10.1.3. Il-kwistjoni dwar il-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw inbidlet b’mod sinifikanti mill-1995 ’l quddiem, meta daħal fis-seħħ il-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet ta’ Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPs). Skont dan il-ftehim, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jirrispettaw il-privattivi barranin. Mindu ġie introdott dan il-Ftehim, il-kumpaniji qed isibu li jaqblilhom aktar iressqu l-applikazzjonijiet tagħhom għall-privattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw.
10.2. Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni favur l-miri li ġejjin:
— |
it-twettiq ta’ riċerka dwar l-impatti tat-tibdil fil-klima, l-adattament u possibilitajiet oħra għall-mitigazzjoni fil-livell nazzjonali u internazzjonali; |
— |
il-promozzjoni tal-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika internazzjonali għar-riċerka kollha li hija relatata mal-klima, inkluż it-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju u s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-setturi kollha; |
— |
li tal-anqas tirdoppja ir-RD&D relatati mal-enerġija sal-2012 u li sal-2020 ikunu erba’ darbiet aktar mill-livelli attwali, b’bidla sinifikanti favur it-teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju speċjalment sorsi rinnovabbli tal-enerġija. |
11. Riżorsi Finanzjarji
11.1. Kwalunkwe ftehim komprensiv li jintlaħaq f’Kopenħagen għandu jiġi appoġġjat minn riżorsi finanzjarji adegwati. Il-proposti finanzjarji tal-pajjiżi żviluppati għandhom jitressqu f’qasir żmien jekk irridu nimmotivaw u nħeġġu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jieħdu azzjoni. Il-finanzjament, flimkien mal-miri mifthema mill-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw, huwa l-fattur ewlieni li jiddetermina s-suċċess jew il-falliment ta’ Kopenħagen.
11.2. Hemm nuqqas ta’ ħeġġa fl-impenn tal-UE lejn il-Konferenza ta’ Kopenħagen u dan joħroġ fid-dieher permezz tal-fatt li waqt il-laqgħa tat-18 u d-19 ta’ Ġunju 2009, il-Kapijiet ta’ Stat tal-UE ipposponew deċiżjonijiet kruċjali dwar il-finanzjament tat-tibdil fil-klima u ddikjaraw li l-prinċipji tal-kapaċità li wieħed iħallas u jinżamm responsabbli għall-emissjonijiet għandhom iservu ta’ bażi għall-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.
11.3. Peress li l-Kunsill Ewropew s’issa għadu ma ħa l-ebda deċiżjoni dwar il-finanzjament, il-KESE jinsab imħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta’ urġenza f’dan ir-rigward. Huwa inkwetanti ħafna li s’issa l-pajjiżi żviluppati, inkluż l-UE, mhumiex qed jagħmlu wegħdiet jew impenji finanzjarji adegwati.
11.4. Investiment f’oqsma bħal dak tat-teknoloġiji li jagħmlu użu effiċjenti tal-enerġija u profil wiesa’ ta’ teknoloġiji b’livelli baxxi ta’ emissjonijiet ta’ karbonju jippromovu t-tkabbir ekonomiku u jtejbu l-iffrankar tal-enerġija.
11.5. Ir-riżorsi bil-għan li jiffinanzjaw miżuri li jtaffu ż-żieda fl-emissjonijiet fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom jiġu minn sorsi domestiċi u esterni, mis-suq dinji tal-karbonju u mill-kontribut tal-pajjiżi żviluppati.
— |
: l-investiment sal-2020 u t-tnaqqis fil-konsum tal-enerġija fil-biċċa l-kbira tagħhom għandhom isiru bi prezz relattivament baxx permezz ta’ miżuri li jippromovu l-użu effiċjenti tal-enerġija fid-dar, fil-bini u fis-settur privat; u l-politiki tal-gvern għall-ambjent u l-enerġija jistgħu jappoġġjaw dan l-investiment finanzjarju. Barra minn hekk, is-sussidji u s-self ta’ flus fil-qafas ta’ programmi nazzjonali, internazzjonali u bilaterali jistgħu jkunu sorsi potenzjali oħra ta’ finanzjament. |
— |
: għall-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni li jmorru lil hinn minn possibbiltajiet ta’ prezzijiet baxxi jew ta’ benefiċċju nett fuq il-perijodu qasir u li jirrekjedu finanzjament li jisboq il-kapaċitajiet domestiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikkonċernati, jeħtieġ li tiġi appoġġjata s-sensiela sħiħa ta’ sorsi u mekkaniżmi innovattivi ta’ finanzjament, inkluż il-fondi pubbliċi u mekkaniżmi internazzjonali għall-ikkreditar tal-karbonju. Il-KESE jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni li tibni suq tal-karbonju li jkopri l-OECD kollha sal-2015 billi ġġib flimkien l-ETS tal-UE flimkien ma’ sistemi komparabbli ta’ limiti massimi u skambji oħra u suq usa’ sal-2020. |
11.6. Il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa li jiġu eżaminati f’aktar dettall il-mekkaniżmi internazzjonali ta’ finanzjament. Is-suġġett ser jerġa’ jkun fuq l-aġenda tal-Kunsill Ewropew ta’ Ottubru. Il-KESE huwa konvint li l-kwistjoni ser tiġi indirizzata tard ħafna peress li l-Konferenza ta’ Kopenħagen ser tinżamm f’Diċembru.
Il-KESE jabel mal-Kummissjoni li l-pajjiżi żviluppati għandhom jagħtu l-kontribut tagħhom permezz ta’ finanzjament pubbliku u billi jużaw mekkaniżmi għall-ikkreditar tal-karbonju. Il-kontribuzzjonijiet finanzjarji pubbliċi għandhom ikunu komparabbli u bbażati fuq il-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas kif ukoll fuq il-kapaċità ekonomika ta’ kull pajjiż. Il-firxa tal-kontribuzzjonijiet għandha tiġi negozjata u għandha tagħmel parti integrali mill-ftehim:
i) |
L-impenn finanzjarju annwali tal-pajjiżi żviluppati għandu jiġi determinat fuq il-bażi ta’ formula stabbilita (li tikkombina l-priniċipju ta’ min iniġġes iħallas u l-kapaċità ta’ dak li jkun biex iħallas); |
ii) |
Għandu jitwarrab persentaġġ tal-emissjonijiet li huma permessi għal kull pajjiż żviluppat. Imbagħad, dawn l-emissjonijiet jiġu rkantati lill-gvernijiet f’livell internazzjonali miftiehem. |
11.7.1. Il-KESE jilqa’ b’mod partikolari l-proposta tal-Messiku li kull pajjiż fid-dinja għandu jikkontribwixxu f’riżerva ċentrali u d-daqs tal-kontribuzzjoni għandu jkun ibbażat fuq formula li tqis il-popolazzjoni ta’ kull pajjiż, il-PDG u l-livell tal-emissjonijiet ta’ gassijiet b’effett ta’ serra. Din ir-riżerva ċentrali mbagħad tinqasam bejn il-pajjiżi kollha skont il-bżonnijiet tagħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet, jibnu teknoloġiji ekoloġiċi u jadattaw għall-impatti tat-tibdil fil-klima.
11.8. Il-KESE
— |
jappoġġja l-pożizzjoni tal-Kummissjoni li tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ limiti massimi u skambji l-ewwel fost il-pajjiżi żviluppati u mbagħad maż-żmien fost il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ewlenin; |
— |
jappoġġja wkoll ir-riforma tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) peress li l-fatt li n-natura tas-CDM hija speċifika għal kull proġett ħoloq spejjeż amministrattivi u ta’ tranżażżjoni kbar; Uzzjoni possibbli hija bidla mis-CDM attwali li huwa bbażat fuq il-proġett ikkonċernat għal CDM settorjali. Soluzzjoni oħra hija CDM ibbażat fuq l-iżvilupp tat-teknoloġija u t-trasferiment li jissodisfa r-rekwiżiti tal-Pjan ta’ Azzjoni ta’ Bali. |
11.9. L-istimi tal-ispejjeż biex jintlaħqu l-miri fuq il-perijodu fit-tul sal-2050 mhumiex żgħar (madwar 2 % tal-PDG attwali), iżda l-ispejjeż ikunu konsiderevolment akbar jekk ma tittiħidx azzjoni deċiżiva.
12. Is-sensibilizzazzjoni u l-involviment tal-pubbliku
12.1. Jeħtieġ li l-pubbliku jsir aktar konxju tas-sitwazzjoni attwali tat-tisħin dinji u tal-konsegwenzi li dan iġib miegħu jekk ma tittieħed l-ebda azzjoni minnufih fir-rigward tat-tibdil fil-klima.
12.2. Iċ-ċittadini għandhom jitħeġġu u jingħataw inċentivi sabiex jagħtu sehemhom billi jużaw forom ta’ enerġija aktar ekoloġiċi, jixtru prodotti u servizzi li jagħmlu użu aktar effiċjenti tal-enerġija, u jnaqqsu l-impatt tal-karbonju tagħhom.
12.3. Il-KESE jemmen li l-pajjiżi, permezz tal-mezzi tax-xandir, għandhom jissensibilizzaw liċ-ċittadini fir-rigward tal-ħtieġa li tittieħed azzjoni minnufih, il-konservazzjoni tal-enerġija u li jiġu provduti sorsi alternattivi tal-enerġija (mhux mill-karburanti fossili) u b’hekk ikunu qed jgħinu biex inaqqsu l-gassijiet b’effet ta’ serra li jagħmlu ħsara lill-ambjent. Jeħtieġ ukoll li l-kwistjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima jiġu indirizzati fl-iskejjel primarji u sekondarji, fil-qafas ta’ programmi edukattivi li għandhom jiġu inklużi fi strateġija fuq il-perijodu aktar fit-tul.
Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Kummissjoni li tinħtieġ politika għal edukazzjoni proattiva bil-għan li jiġi promoss fehim aħjar tat-tibdil fil-klima u l-impatti tiegħu.
12.4. Il-KESE jemmen bis-sħiħ li l-Kunsill Ewropew għandu jħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fil-qafas tal-kompetenzi nazzjonali tagħhom, jappoġġjaw u jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-intrapriżi, it-trejdjunjins u rappreżentanti oħra tas-soċjetà ċivili organizzata fil-promozzjoni tal-istrateġiji u l-inizjattivi dwar it-tibdil fil-klima.
12.5. Barra minn hekk, il-KESE jemmen li l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali għandhom jikkooperaw aktar mill-qrib biex joħolqu bażi soda ta’ għarfien dwar l-impatti u l-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima billi jimmobilizzaw iċ-ċittadini tagħhom u s-settur privat. Pereżempju, madwar 500 muniċipalità impennjaw ruħhom biex inaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 b’aktar minn 20 % sal-2020 fil-qafas tal-Inizjattiva tal-UE tal-Patt tas-Sindki.
13. Klawżola ta’ reviżjoni
13.1. Il-KESE jenfasizza l-fatt li reviżjoni perjodika tal-progress ġenerali u tal-adegwatezza tal-impenni u l-azzjonijiet kif ukoll reviżjoni komprensiva fl-2015 għandhom jagħmlu parti integrali mill-ftehim.
Brussell, 5 ta’ Novembru 2009
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Mario SEPI
(1) ĠU C 27, 3.2.2009, p. 59-65..