EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011D0851

2011/851/UE: Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tat- 12 ta’ Diċembru 2011 dwar kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali tal-Unjoni għall-2006 u l-2007 biex tkopri n-nefqa mġarrba mill-Portugall bl-iskop li jiġi miġġieled il- Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al . (nematodu tal-injam tal-arżnu) (notifikata bid-dokument numru C(2011) 9247)

ĠU L 335, 17.12.2011, p. 107–108 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2011/851/oj

17.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 335/107


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

tat-12 ta’ Diċembru 2011

dwar kontribuzzjoni finanzjarja addizzjonali tal-Unjoni għall-2006 u l-2007 biex tkopri n-nefqa mġarrba mill-Portugall bl-iskop li jiġi miġġieled il-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (nematodu tal-injam tal-arżnu)

(notifikata bid-dokument numru C(2011) 9247)

(It-test bil-Portugiż biss huwa awtentiku)

(2011/851/UE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-pjanti u l-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), b’mod partikolari l-Artikolu 23(6) tagħha,

Billi:

(1)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2006/923/KE (2) approvat kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal programm ta’ miżuri introdott mill-Portugall li għandu l-għan li fl-2006 u l-2007 jikkontrolla l-firxa tal-Bursaphelenchus xylophilus (Steiner et Buhrer) Nickle et al. (nematodu tal-injam tal-arżnu) milli jinfirex lejn Stati Membri oħra. Il-miżuri kienu jikkonsistu mill-ħolqien ta’ settur li jkun ħieles mis-siġar kollha li jospitaw il-vettur tan-nematodu tal-injam tal-arżnu, minn issa’l quddiem imsejjaħ “il-faxxa ta’ konteniment fitosanitarju” (clear cut belt).

(2)

Il-kontribuzzjoni finanzjarja mogħtija mid-Deċiżjoni 2006/923/KE kienet imsejsa fuq il-programm għal aktar azzjonijiet għan-nematodu tal-injam tal-arżnu (minn issa’l quddiem: PWN) u l-istima tal-baġit li tirreferi għal dan il-programm kif imressaq mill-Portugall lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Lulju 2006.

(3)

Il-ħlasijiet finali lill-Portugall konnessi mal-azzjonijiet stipulati fid-Deċiżjoni 2006/923/KE saru f’Ġunju 2008.

(4)

Il-Portugall għarraf lill-Kummissjoni fit-28 ta’ Settembru 2007 u ressaq dokumenti ġustifikattivi fit-30 ta’ Ġunju 2009 li wrew li n-nefqa relatata mal-ħolqien ta’ faxxa ta’ konteniment fitosanitarju kienet taqbeż sew l-istima mressqa f’Lulju 2006. F’dan ir-rigward huwa ressaq talba oħra għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-Unjoni għal nefqa addizzjonali ta’ EUR 10 230 256,59. Is-sottostima inizjali kienet minħabba diversi fatturi, inkluża sottostima ta’ għadd ta’ siġar kbar li jospitaw in-nematodu tal-injam tal-arżnu, il-perċentwal żgħir ta’ sigar li jospitaw in-nematodu tal-injam tal-arżnu maqtugħa mis-sidien tagħhom u n-noninklużjoni tal-ispejjeż li se jsiru għall-qtugħ tas-siġar żgħar li jospitaw dan in-nematodu msemmi.

(5)

F’Lulju 2010, il-Kummissjoni wettqet verifika dwar it-tagħrif ikkomunikat mill-Portugall fit-30 ta’ Ġunju 2009. Wara l-eżami tad-dokumenti ġustifikattivi kollha għat-talba addizzjonali, ir-rapport ta’ verifika kkonkluda li seta’ jiġi vvalidat ammont eliġibbli ta’ EUR 5 314 851,15 ta’ fatturi mħallsa (inklużi l-ispejjeż ta’ koordinazzjoni)

(6)

Billi l-miżuri inklużi fil-talba addizzjonali huma tal-istess natura u jimmiraw lejn l-istess skop bħall-miżuri tad-Deċiżjoni 2006/923/KE, huwa xieraq li tiġi allokata l-istess rata ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni bħal fid-deċiżjoni, jiġifieri rata ta’ 75 %.

(7)

Skont l-Artikolu 3(2)(a) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 tal-21 ta’ Ġunju 2005 dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (3), il-miżuri għas-saħħa tal-pjanti huma ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija. Għall-finijiet ta’ kontroll finanzjarju ta’ dawn il-miżuri, għandhom japplikaw l-Artikoli 9, 36 u 37 tar-Regolament imsemmi hawn fuq.

(8)

Skont l-Artikolu 75 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (4) u l-Artikolu 90(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 fuq ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (5), l-impenn tan-nefqa mill-baġit tal-Unjoni għandu jkun ippreċedut minn deċiżjoni ta’ finanzjament adottata mill-istituzzjoni li għaliha jkunu ġew iddelegati l-poteri, filwaqt li jiġu stipulati l-elementi essenzjali tal-azzjoni li tinvolvi n-nefqa.

(9)

Id-deċiżjoni preżenti tikkostitwixxi deċiżjoni ta’ finanzjament għan-nefqa mressqa fit-talbiet ta’ kofinanzjament ippreżentati mill-Istati Membri.

(10)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar is-Saħħa tal-Pjanti,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-prinċipju

L-allokazzjoni ta’ kontribuzzjoni finanzjarja supplementari tal-Unjoni biex tkopri n-nefqa mġarrba mill-Portugall fl-2006 u l-2007 għall-ħolqien ta’ faxxa ta’ konteniment fitosanitarju u dan biex jiġi miġġield in-nematodu tal-injam tal-arznu, hija b’dan approvata.

Artikolu 2

L-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni

Il-kontribuzzjoni finanzjarja supplimentari massima tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 1 hija ta’ EUR 3 986 138,36.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Portugiża.

Magħmul fi Brussell, il-12 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

John DALLI

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.

(2)  ĠU L 354, 14.12.2006, p. 42.

(3)  ĠU L 209, 11.8.2005, p. 1.

(4)  ĠU L 248, 16.9.2002, p. 1.

(5)  ĠU L 357, 31.12.2002, p. 1.


Top