EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018CN0793

Kawża C-793/18 P: Appell ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2018 minn Jean-François Jalkh mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fis-17 ta’ Ottubru 2018 fil-Kawża T-27/17, Jalkh vs Il-Parlament

ĠU C 65, 18.2.2019, p. 29–30 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

18.2.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 65/29


Appell ippreżentat fis-17 ta’ Diċembru 2018 minn Jean-François Jalkh mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fis-17 ta’ Ottubru 2018 fil-Kawża T-27/17, Jalkh vs Il-Parlament

(Kawża C-793/18 P)

(2019/C 65/37)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Jean-François Jalkh (rappreżentant: F. Wagner, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

L-appellant jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

Tannulla s-sentenza mogħtija fis-17 ta’ Ottubru 2018 mis-Seba’ Awla tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (T-27/17);

Għaldaqstant:

Tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-22 ta’ Novembru 2016 li tadotta r-rapport Nru A8-0319/2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità u tal-privileġġi ta’ Jean-François JALKH, membru tal-Parlament Ewropew;

Tagħti ordni xierqa dwar l-ammont li għandu jiġi allokat lill-appellant bħala spejjeż ta’ proċedura;

Tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-aggravji huma bbażati fuq il-ksur tad-dritt tal-Unjoni, fuq l-iżball ta’ liġi u fuq l-iżball ta’ klassifikazzjoni tan-natura ġuridika tal-fatti, kif ukoll fuq l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni.

1.   Fuq l-osservazzjonijiet preliminari tas-sentenza

Kuntrarjament għall-affermazzjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 21 tas-sentenza appellata, l-assenza ta’ tneħħija tal-immunità parlamentari ma ċċaħħadx lil parti mill-possibbiltà li tfittex fi Franza il-kumpens għad-dannu unikament fil-livell ċivili, abbażi tan-nuqqas (Artikolu 1240 tal-Kodiċi Ċivili) kontra Membru.

2.   Fuq l-ewwel motiv analizzat mill-Qorti Ġenerali

L-analiżi tal-Qorti Ġenerali tirriżulta minn konfużjoni bejn żewġ dispożizzjonijiet. Il-punt H jagħmel parti mir-raġunament b’riferiment għall-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7, dwar l-espressjoni tal-opinjonijiet, filwaqt li l-Qorti Ġenerali żviluppat ir-raġunament tagħha dwar dan l-istess suġġett fil-punti 44 sa 46, b’riferiment għall-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, dwar l-immunità li tirreferi għad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti.

1.   Fuq it-tieni u t-tielet motiv eżaminat mill-Qorti Ġenerali

Huwa minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni li l-Qorti Ġenerali ma tagħtix lid-Dokument tax-Xogħol tad-Direttorat Ġenerali tal-Istudji tal-Parlament Ewropew dwar “L-immunità Parlamentari fl-Istati Membri tal-Komunità Ewropea u fil-Parlament Ewropew, sensiela Affarijiet ġuridiċi” valur normattiv u ma tiħux inkunsiderazzjoni l-prinċipji li huma mfakkra fih, li jwassalha għal evalwazzjoni żbaljata tal-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 fir-rigward tal-fatti tal-każ.

2.   Fuq ir-raba’ motiv eżaminat mill-Qorti Ġenerali

Fuq il-ġurisprudenza eżistenti

Kuntrarjament għal dak li tiddikjara l-Qorti Ġenerali, kienet teżisti ġurisprudenza stabbilita sew tal-Parlament “li tikkonsisti li jiġu miċħuda t-talbiet ta’ tneħħija ta’ immunità parlamentari bbażati fuq fatti relatati mal-attività politika tal-Membri” li kellha twassalha għal konklużjoni differenti dwar it-tneħħija tal-immunità parlamentari.

Fuq il-fumus persecutionis

Ma hemm ebda kontroll min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji rigward in-natura partiġjana jew le ta’ assoċjazzjoni, ħaġa li l-Qorti Ġenerali kellha tieħu inkunsiderazzjoni mis-sempliċi qari tal-liġi tad-29 ta’ Lulju 1881.

Il-Qorti Ġenerali setgħet tivverifika, permezz tal-eżami tal-termini tal-istedina għall-konferenza tal-Fédération des Maisons des Potes, in-natura partiġjana ta’ din l-assoċjazzjoni li hija avversarja politika tal-Front National u ta’ Jean-François Jalkh.

Dan huwa każ identifikat bħala fumus persecutionis.


Top