EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0310

Kawża C-310/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fid-29 ta’ Mejju 2017 – Levola Hengelo BV vs Smilde Foods BV

ĠU C 269, 14.8.2017, p. 8–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

14.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 269/8


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden (il-Pajjiżi l-Baxxi) fid-29 ta’ Mejju 2017 – Levola Hengelo BV vs Smilde Foods BV

(Kawża C-310/17)

(2017/C 269/12)

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Gerechtshof Arnhem-Leeuwarden

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Levola Hengelo BV

Konvenuta: Smilde Foods BV

Domandi preliminari

1)

a.

Id-dritt tal-Unjoni Ewropea jipprekludi t-togħma ta’ prodott tal-ikel, inkwantu kreazzjoni intellettwali proprja tal-awtur tiegħu, milli tkun protetta mid-drittijiet tal-awtur? B’mod partikolari:

b.

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur hija prekluża mill-fatt li l-espressjoni “xogħlijiet litterarji u artistiċi” fl-Artikolu 2(1) tal-Konvenzjoni ta’ Berna, li hija vinkolanti fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropea, tinkludi “kull produzzjoni fil-qasam litterarju, xjentifiku u artistiku, ikun xi jkun il-mod jew il-forma tal-espressjoni tagħha”, iżda fejn l-eżempji ċċitati f’din id-dispożizzjoni jirreferu biss għal kreazzjonijiet li jistgħu jiġu pperċepiti mill-ħars u/jew mis-smigħ?

c.

L-instabbiltà (possibbli) ta’ prodott tal-ikel u/jew in-natura suġġettiva ta’ esperjenza ta’ togħma tipprekludi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ togħma ta’ prodott tal-ikel?

d.

Is-sistema ta’ drittijiet esklużivi u ta’ restrizzjonijiet, kif irregolata mill-Artikoli 2 sa 5 tad-Direttiva 2001/29/KE (1), tipprekludi l-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ togħma ta’ prodott tal-ikel?

2)

Jekk ir-risposta għad-domanda 1(a) tkun fin-negattiv:

a.

X’inhuma r-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ togħma ta’ prodott tal-ikel?

b.

Il-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur ta’ togħma hija bbażata unikament fuq it-togħma fiha nfisha jew (ukoll) fuq ir-riċetta tal-prodott tal-ikel?

c.

Fi proċedimenti (ta’ ksur), xi provi għandha tipproduċi l-parti li ssostni li tkun ħolqot togħma protetta mid-drittijiet tal-awtur? Huwa suffiċjenti għal din il-parti, li tippreżenta l-prodott tal-ikel inkwistjoni fl-imsemmija proċedimenti lill-qorti sabiex din il-qorti, billi dduq u xxomm, tkun tista’ tifforma l-opinjoni tagħha dwar jekk it-togħma ta’ prodott tal-ikel tissoddisfax ir-rekwiżiti għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur? Jew inkella r-rikorrent għandu (wkoll) jipprovdi deskrizzjoni tal-għażliet kreattivi involuti fil-kompożizzjoni tat-togħma u/jew tar-riċetta li abbażi tagħhom it-togħma tista’ tiġi kkunsidrata li hija l-kreazzjoni intellettwali tal-awtur?

d.

Fi proċedimenti ta’ ksur il-qorti kif għandha tiddetermina jekk it-togħma tal-prodott tal-ikel tal-konvenut tikkorrispondix sa tali punt mat-togħma tal-prodott tal-ikel tar-rikorrent li tikkostitwixxi ksur tad-drittijiet tal-awtur? Il-fattur deċiżiv hawnhekk huwa (ukoll) dak li l-impressjoni ġenerali taż-żewġ togħmiet hija l-istess?


(1)  Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


Top