EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CN0486

Kawża C-486/10: Rikors ippreżentat fit- 8 ta’ Ottubru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

ĠU C 13, 15.1.2011, p. 17–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.1.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 13/17


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Ottubru 2010 — Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-486/10)

()

2011/C 13/28

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: G. Wilms u C. Zadra, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 moqrija flimkien mat-Titolu III sa VI tad-Direttiva 92/50/CEE (1) sa fejn il-belt ta’ Hamm tat direttament lil Lipperverband il-kuntratti għal servizzi tat-30 ta’ Lulju u tas-16 ta’ Diċembru 2003 li jirrigwardaw il-ġbir ta’ ilmijiet użati u t-trasport tagħhom, kif ukoll iż-żamma fi stat tajjeb, l-użu, il-manutenzjoni u l-kontroll tal-kanali tad-dranaġġ tal-belt ta’ Hamm mingħajr ma għamlet l-ewwel sejħa għal offerti fil-livell Ewropew.

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors jirrigwarda l-kuntratti għal servizzi bi ħlas dwar il-ġbir u t-trasport ta’ ilmijiet użati kif ukoll iż-żamma fi stat tajjeb, l-użu, il-manutenzjoni u l-kontroll tal-kanali tad-dranaġġ tal-belt ta’ Hamm, li din il-belt ikkonkludiet mal-assoċjazzjoni inkarigata bl-ilmijiet użati stabbilita bil-liġi, il-Lipperverband. Il-Lipperverband hija kooperattiva rregolata mid-dritt pubbliku li hija meħtieġa twettaq ċerti funzjonijiet iddefiniti mil-liġi fil-qasam tal-immaniġġjar tal-ilma. Madwar 25 % tal-membri tagħha huma impriżi privati. Permezz tal-kuntratti kkontestati, il-Lipperverband kellha tassumi, fl-1 ta’ Jannar 2004, ix-xogħol tal-ġbir u tat-trasport ta’ ilmijiet użati fit-territorju tal-belt ta’ Hamm, funzjoni li għaliha l-belt stabbilixxiet remunerazzjoni msejħa “kontribuzzjoni ta’ interess speċjali”. Sabiex tagħmel dan, il-belt ta’ Hamm tittrasferixxi d-dritt ta’ użu esklużiv, permanenti u ġenerali tal-istallazzjonijiet tal-ilmijiet użati, u għal dan il-Lipperverband għandha tagħmel ħlas kumpensatorju.

Minkejja li l-kuntratti għal servizzi inkwistjoni jirrigwardaw kuntratti pubbliċi għal servizzi fis-sens tal-Artikolu 1(a) tad-Direttiva 92/50/KEE, dawn ġew konklużi direttament mal-Lipperverband mingħajr proċedura formali għall-għoti ta’ kuntratti u mingħajr sejħa għal offerti fil-livell Ewropew. Mingħajr dubju, il-kuntratti għandhom jiġu kklassifikati bħala kuntratti għal servizzi bi ħlas. Dawn ġew konklużi għal żmien determinat minn awtorità kontraenti, jirrigwardaw il-provvista ta’ servizzi ta’ tneħħija ta’ ilmijiet użati fis-sens tal-kategorija 16 tal-Anness IA tad-direttiva ċċitata iktar ’il fuq u jeċċedu l-limitu ta’ applikazzjoni tad-direttiva b’mod kunsiderevoli. Għalhekk, il-konklużjoni tal-kuntratti kellha tkun ippreċeduta minn sejħa għal offerti fil-livell Ewropew.

B’mod kuntrarju għall-pożizzjoni tal-gvern federali, it-trasferiment tas-servizzi inkwistjoni la jikkostitwixxi att marbut mal-organizzazzjoni tal-Istat u lanqas għoti ta’ kuntratt “in-house”.

Minn naħa, wieħed jista’ jistaqsi jekk assoċjazzjoni tal-immaniġġjar tal-ilma bi struttura mħallta bħalma hija l-Lipperverband, li 25 % tal-membri tagħha huma assoċjazzjonijiet privati, tistax tassumi funzjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni tal-Istat bl-esklużjoni tar-regoli Komunitarji fil-qasam tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratti. Skont il-Kummissjoni, l-atti marbuta mal-organizzazzjoni tal-Istat, li għalihom id-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-proċeduri pubbliċi għall-għoti ta’ kuntratti ma humiex applikabbli, jistgħu jkunu previsti biss bejn stabbilimenti pubbliċi li l-attività tagħhom isservi esklużivament l-interess pubbliku. Il-fatt li l-assoċjazzjonijiet tal-immaniġġjar tal-ilma jingħataw mil-liġi ċerti funzjonijiet tal-immaniġġjar tal-ilma ma jagħmel ebda differenza għall-fatt li l-Lipperverband ma hijiex element kostituttiv tal-organizzazzjoni interna tal-amministrazzjoni fis-sens tad-dritt Komunitarju. Madankollu, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-Lipperverband tistax tittrasferixxi funzjoni permezz ta’ att marbut mal-organizzazzjoni tal-Istat, ma hemm ebda trasferiment ta’ funzjoni ta’ dan it-tip fil-każ ineżami. Il-fatt li kull sena l-belt ta’ Hamm tħallas remunerazzjoni għall-provvista ta’ servizzi mil-Lipperverband jirrendi l-kuntratti, mingħajr ebda dubju, kuntratti għal servizzi bi ħlas u jeskludi l-eżistenza ta’ trasferiment ta’ funzjoni fil-kuntest tal-amministrazzjoni pubblika.

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-esklużjoni ta’ dak li wieħed jikklassifika bħala għoti ta’ kuntratt “in-house” mir-regoli tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, din l-eċċezzjoni ma jista’ jkollha ebda effett skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja meta impriża privata jkollha sehem — anki sempliċement minoritarju — fl-istabbiliment inkarigat bil-funzjoni. F’każ bħal dan, l-awtorità kontraenti pubblika ma tistax teżerċita fuq l-impriża kkonċernata l-istess kontroll li teżerċita fuq is-servizzi tagħha.

Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li dan huwa kuntratt pubbliku għal servizzi u ebda dispożizzjoni derogatorja ma hija applikabbli. Minħabba f’hekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/50 minħabba li l-belt ta’ Hamm attribwixxiet b’mod dirett il-funzjonijiet ta’ tneħħija tal-ilmijiet tal-belt.


(1)  Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-18 ta’ Ġunju 1992, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322).


Top