EUR-Lex Aċċess għal-liġi tal-Unjoni Ewropea

Lura għall-paġna ewlenija ta' EUR-Lex

Dan id-dokument hu mislut mis-sit web tal-EUR-Lex

Dokument 62022CJ0372

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-27 ta’ April 2023.
CM vs DN.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa minn Tribunal d'arrondissement de Luxembourg.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 9 u 15 – Żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-wild wara ċ-ċaqliq – Kunċett ta’ ‘ċaqliq’ – Talba għal modifika ta’ deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess – Kalkolu tat-terminu li fih għandha tiġi ppreżentata tali talba – Rinviju tal-kawża lil qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali l-ġdida tal-minuri, f’pożizzjoni aħjar li tieħu konjizzjoni tal-kawża.
Kawża C-372/22.

Rapporti tal-qorti - ġenerali - Taqsima “Informazzjoni dwar deċiżjonijiet mhux ippubblikati”

IdentifikaturECLI: ECLI:EU:C:2023:364

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

27 ta’ April 2023 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi fil-qasam matrimonjali u fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Artikoli 9 u 15 – Żamma tal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-wild wara ċ-ċaqliq – Kunċett ta’ ‘ċaqliq’ – Talba għal modifika ta’ deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess – Kalkolu tat-terminu li fih għandha tiġi ppreżentata tali talba – Rinviju tal-kawża lil qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali l-ġdida tal-minuri, f’pożizzjoni aħjar li tieħu konjizzjoni tal-kawża”

Fil-Kawża C‑372/22,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mit-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il‑Qorti Distrettwali, il-Lussemburgu), permezz ta’ deċiżjoni tat‑8 ta’ Ġunju 2022, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Ġunju 2022, fil-proċedura

CM

vs

DN,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn L. S. Rossi (Relatriċi), Presidenta tal-Awla, J.‑C. Bonichot u S. Rodin, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għall-Kummissjoni Ewropea, minn S. Noë u W. Wils, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 9(1) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn CM u DN dwar id-dritt ta’ aċċess fir-rigward tal-ulied minuri tagħhom.

Ir‑Regolament Nru 2201/2003

3

Il-premessi 12, 13 u 33 tar-Regolament Nru 2201/2003 huma fformulati kif ġej:

“(12)

Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.

(13)

Fl-interess ta’ l-minuri, dan ir-Regolament jippermetti, permezz ta’ eċċezzjoni u taħt ċerti kondizzjonijiet, li l-qorti li għandha l-ġurisdizzjoni tista’ tittrasferixxi każ għal qorti oħra ta’ Stat Membru jekk din il-qorti hija f’posizzjoni aħjar biex tisma’ l-każ. Madankollu, f’dan il-każ it-tieni qorti m’għandiex titħalla tittrasferixxi l-każ għal qorti terza.

[…]

(33)

Dan ir-Regolament jirrikonoxxi d-drittijiet fondamentali u josserva l-prinċipji ta’ l-Karta tad-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea. B’mod partikolari, ifittex li jassigura r-rispett għad-drittijiet fondamentali ta’ l-minuri kif stabbiliti fl-Artikolu 24 ta’ l-Karta tat-Drittijiet Fondamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.”

4

L-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Id-definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-għanijiet ta’ dan ir-Regolament:

[…]

7)

il-kliem ‘responsabbilità ta’ l-ġenituri’ għandhom ifissru d-drittijiet u r-responsabbilitajiet kollha dwar il-persuna jew il-proprjetà ta’ l-minuri li huma moghtija lil persuna jew persuna legali b’sentenza, bl-operazzjoni ta’ l-liġi jew b’xi fteħim li għandu effetti legali. Il-kliem se jinkludu d-drittijiet ta’ kustodja u d-drittijiet ta’ l-aċċess;

[…]

9)

il-kliem ‘drittijiet ta’ kustodja” għandhom jinkludu drittijiet u responsabbilitajiet dwar il-kura ta l-persuna ta’ l-minuri, u partikolarment id-drittijiet li jiddeterminaw il-post ta’ residenza ta’ l-minuri;

10)

il-kliem ‘drittijiet ta’ aċċess’ għandhom jinkludu partikolarment id-dritt li tieħu l-minuri f’post ‘l barra minn dak li huwa l-post residenzali proprju, għal perjodu ta’ żmien limitat;

[…]”

5

L-imsemmi regolament jinkorpora l-Kapitolu II, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni”, li jinkludi, fit-Taqsima 2 tiegħu, intitolata “Responsabbiltà ta’ l-ġenituri”, l-Artikoli 8 sa 15 tal-istess regolament.

6

L-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, intitolat “Il-Ġurisdizzjoni ġenerali”, jipprovdi:

“1.   Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [tkun ġiet adita].

2.   Il-Paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

7

Skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Il-Kontinwità ta’ l-gurisdizzjoni tar-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri”:

“1.   Fejn minuri jiċċaqalqu legalment minn Stat Membru wieħed għall-ieħor u jakkwistaw residenza abitwali ġdida hemmhekk, il-qrati ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel se, skont eċċezzjoni għall-Artikolu 8, iż-żomm il-ġurisdizzjoni matul perjodu ta’ tlett xhur wara ċ-ċaqliqa għall-iskop ta’ modifika ta’ sentenza dwar drittijiet ta’ aċċess maħruġa f’dak l-Istat Membru qabel il-minuri ġew imċaqalqin, fejn il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess skond is-sentenza dwar id-drittijiet ta’ aċċess ikompli jkollu jew ikollha r-residenza abitwali fl-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel, ta l-minuri.

2.   Il-paragrafu 1 m’għandux japplika jekk il-pussessur tad-drittijiet ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafu 1 aċċetta l-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ġdida ta’ l-minuri billi jipparteċipa fi proċedimenti quddiem dawk il-qrati mingħajr jopponi l-ġurisdizzjoni tagħhom.”

8

L-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, intitolat “It-Trasferiment għal qorti li tinstab f’post aħjar sabiex jinstema’ l-każ”, jipprovdi:

“1.   B’mod ta’ eċċezzjoni, il-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni jistgħu, jekk jikkunsidraw li qorti ta’ Stat Membru ieħor, li magħha l-minuri għandu konnessjoni partikolari, u fejn dan huwa fl-aħjar interessi ghall-minuri, tkun f’posizzjoni aħjar biex jisimgħu l-każ, jew parti speċifika minnu:

(a)

twaqqaf l-każ jew parti minnu fil-kwistjoni u tistieden lill-partijiet biex jippreżentaw talba quddiem il-qorti ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor skond il-paragrafu 4; jew

(b)

titlob qorti ta’ Stat Membru ieħor biex tassumi l-ġurisdizzjoni skond il-paragrafu 5.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika:

(a)

malli ssir l-applikazzjoni minn parti waħda; jew

(b)

fuq mozzjoni proprja ta’ l-qorti:

(c)

ma’ l-applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor li miegħu l-minuri għandu konnessjoni partikolari, skontd il-paragrafu 3.

Trasferiment magħmul fuq mozzjoni ta’ l-qorti proprja jew b’applikazzjoni minn xi qorti ta’ Stat Membru ieħor għandu jiġi aċċettat mill-inqas minn wieħed mill-partijiet.

3.   Il-minuri għanhom ikunu kkunsidrati li għandhom konnessjoni partikolari ma xi Stat Membru kif imsemmi fil-paragrafu 1, jekk dak l-Istat Membru;

(a)

ikun sar ir-residenza abitwali ta’ l-minuri wara li l-qorti msemmija fil paragrafu 1 tkun ħadet il-pussess [ġiet adita]; jew

(b)

hija r-residenza abitwali ta’ qabel ta’ l-minuri;

(ċ)

huwa l-post taċ-ċittadinanza ta’ l-minuri; jew

(d)

huwa r-residenza abitwali tad-detentur tar-responsabilità bejn il-ġenituri; jew

(e)

huwa l-post fejn tinstab proprjetà ta’ l-minuri u l-każ jikkonċerna miżuri għall-protezzjoni ta’ l-minuri dwar l-amministrazzjoni, il-konservazzjoni jew ħelsien ta’ din il-proprjetà.

4.   Il-qrati ta’ l-Istat Membru li għandu l-ġurisdizzjoni dwar is-sostanza ta’ l-kwistjoni għandhom jiffissaw żmien limitat b’liema l-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor għandhom jieħdu l-pussess skond il-paragrafu 1.

Jekk il-qrati ma jkunux ħadu pussess f’dak iż-żmien, il-qorti li kellha l-pussess għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 8 sa 14.

5.   Il-qrati ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor jistgħu’, fejn minħabba għall-cirkustanzi speċifiċi ta’ l-każ, dan ikun fl-aħjar interess għall-minuri, jaċċettaw il-ġurisdizzjoni fi żmien sitt ġimgħat mill-pussess tagħhom skond il-paragrafu 1(a) jew 1(b). F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni; F’dan il-każ, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tirrinunzja għall-ġurisdizzjoni; Inkella, il-qorti li ħadet il-pussess l-ewwel għandha tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni skond l-Artikoli 8 sa 14.

6.   Il-qrati għandhom jikkoperaw għar-raġunijiet ta’ dan l-Artikolu, direttament jew permezz ta’ l-awtoritajiet ċentrali maħtura skond l-Artikolu 53.”

9

L-Artikolu 19 tal-istess regolament, intitolat “Lis pendens u azzjonijiet dipendenti”, jipprovdi, fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess [li ġiet adita] għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

10

CM u DN huma rispettivament il-missier u l-omm ta’ żewġt itfal minuri mwielda fl‑2009 u fl‑2010. Il-familja kienet toqgħod fir-reġjun ta’ Pariġi (Franza) sas-sena 2015, li fiha huma ċċaqilqu lejn il-Lussemburgu.

11

Permezz ta’ sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2020, il-qorti tal-familja tat-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) stabbilixxiet id-domiċilju legali u r-residenza abitwali ta’ dawn l-ulied ma’ ommhom, fi Franza, b’effett iddifferit għall‑31 ta’ Awwissu 2020, sabiex, fost l-oħrajn, jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interess tal-imsemmija wlied li jtemmu s-sena skolastika tagħhom fil-Lussemburgu. Permezz ta’ din is-sentenza, din il-qorti tat lil missierhom, li għadu jirrisjedi fil-Lussemburgu, dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni fir-rigward tagħhom, taħt ċerti kundizzjonijiet, ukoll b’effett mill‑31 ta’ Awwissu 2020.

12

L-omm u l-ulied minuri kkonċernati effettivament iċċaqilqu lejn Franza fit‑30 ta’ Awwissu 2020.

13

Fl‑14 ta’ Ottubru 2020, il-missier ippreżenta rikors għal modifika tal-kundizzjonijiet tad-dritt tiegħu ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni quddiem it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu).

14

Peress li l-omm kienet diġà ppreżentat rikors, b’suġġett analogu, quddiem il-qorti tal-familja tat-tribunal judiciaire de Nanterre (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Nanterre, Franza), sitt ijiem qabel ir-rikors ippreżentat mill-missier quddiem it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu), din il-qorti tal-aħħar, permezz ta’ sentenza tal‑1 ta’ Diċembru 2020, issospendiet il-proċeduri, skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament Nru 2201/2003, sakemm din il-qorti Franċiża tkun iddeċidiet dwar il-ġurisdizzjoni internazzjonali tagħha.

15

Permezz ta’ sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2021, it-tribunal judiciaire de Nanterre (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Nanterre) iddikjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-rikors tal-omm, essenzjalment minħabba li, konformement mal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-missier, minn naħa, kien ippreżenta r-rikors tiegħu quddiem it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) fit-terminu ta’ tliet xhur wara ċ-ċaqliq legali tal-ulied minuri kkonċernati u, min-naħa l-oħra, ma kienx aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qrati Franċiżi.

16

Permezz ta’ sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2022, il-cour d’appel de Versailles (il-Qorti tal-Appell ta’ Versailles, Franza) ċaħdet l-appell, ippreżentat mill-omm, minn din is-sentenza.

17

Fit-talba tagħha għal deċiżjoni preliminari, it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) tistaqsi, fl-ewwel lok, dwar il-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003. F’dan ir-rigward, din il-qorti tosserva li, għalkemm ir-rikors tal-missier intiż għall-bidla tal-kundizzjonijiet tad-dritt ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni tiegħu ġie ppreżentat inqas minn tliet xhur wara ċ-ċaqliq effettiv tal-ulied minuri kkonċernati, tali rikors ġie ppreżentat iktar minn erba’ xhur wara l-għoti tas-sentenza tat‑12 ta’ Ġunju 2020, li ddeċidiet dwar dan iċ-ċaqliq u li, peress li saret definittiva, għandha l-awtorità ta’ res judicata. Jekk din id-data tiġi aċċettata, l-imsemmija qorti jkollha għalhekk tirrifjuta l-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din it-talba.

18

Fit-tieni lok, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar ir-rabta tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003 mal-Artikolu 15 tiegħu. Filwaqt li tqis li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, tnejn mill-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu 15 jidhru li huma ssodisfatti, il-qorti tar-rinviju tesprimi madankollu dubju dwar il-possibbiltà li tastjeni minn din it-tilwima favur il-qrati Franċiżi, fid-dawl kemm tal-osservazzjonijiet tal-missier dwar in-natura prijoritarja tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 9 meta mqabbla ma’ dawk tal-imsemmi Artikolu 15, kif ukoll tas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, IQ (C‑478/17, EU:C:2018:812).

19

F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tribunal d’arrondissement de Luxembourg (il-Qorti Distrettwali tal-Lussemburgu) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament [Nru 2201/2003], japplika:

a)

fir-rigward ta’ talba għall-modifika tad-drittijiet ta’ aċċess fis-sens tal-Artikolu 2(10) tal-imsemmi regolament, imressqa mid-detentur tal-imsemmija drittijiet ta’ aċċess skont deċiżjoni ġudizzjarja li għandha effett differit motivata bl-interessi tat-tfal, iżda li saret definittiva u li għandha saħħa ta’ res judicata, mogħtija fl-Istat tar-residenza abitwali preċedenti tat-tfal iktar minn erba’ xhur qabel it-tressiq tat-talba quddiem il-qorti skont l-Artikolu 9(1),

b)

u dan b’mod esklużiv, bl-esklużjoni tal-ġurisdizzjoni ġenerali prevista fl-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament,

minkejja li l-premessa 12 [tar-Regolament Nru 2201/2003] tispeċifika li ‘ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija [;d]an ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri […]’?

2)

Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, il-ġurisdizzjoni hekk eżistenti skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003, prevista ‘skond eċċezzjoni għall-Artikolu 8’ tal-imsemmi regolament, tipprekludi l-applikazzjoni tal-Artikolu 15 tal-istess regolament, previst ‘b’mod ta’ eċċezzjoni” u “fejn dan huwa fl-aħjar interessi għall-minuri’?”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel domanda

20

Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu ta’ tliet xhur li matulu, b’deroga mill-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-wild jibqgħu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ rikors intiż għal modifika ta’ deċiżjoni definittiva dwar id-dritt ta’ aċċess, jibda fil-jum wara dak taċ-ċaqliq effettiv ta’ dan il-wild, jew inkella fil-jum wara dak tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ffissat id-data tal-bdil tar-residenza abitwali tal-imsemmi wild.

21

Għandu, preliminarjament, jitfakkar li, kif jirriżulta mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, dan tal-aħħar ġie mfassal bl-għan li jissodisfa l-aħjar interessi tal-wild u għal dan il-għan, jiffavorixxi l-kriterju ta’ prossimità. Fil-fatt, il-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea qies li l-qorti ġeografikament qrib tar-residenza abitwali tal-wild hija fl-aħjar pożizzjoni sabiex tevalwa l-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-interess tal-wild. Skont din il-premessa, huma prinċipalment il-qrati tal-Istat Membru li fih il-wild għandu residenza abitwali li għandu jkollhom ġurisdizzjoni, salv għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza tal-wild jew wara ftehim konkluż bejn id-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri (sentenza tal‑15 ta’ Frar 2017, W u V, C‑499/15, EU:C:2017:118, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

22

L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jittraduċi dan l-għan billi jistabbilixxi, fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, ġurisdizzjoni ġenerali favur qrati tal-Istat Membru li fih il-wild għandu r-residenza abitwali tiegħu, fil-mument li fih il-qorti tkun adita. Fil-fatt, minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom, dawn il-qrati ġeneralment ikunu fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw il-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-interess tal-wild (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2022, CC (Trasferiment tar-residenza abitwali tal-wild lejn Stat terz),C‑572/21, EU:C:2022:562, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

23

Madankollu, konformement mal-Artikolu 8(2) ta’ dan ir-regolament, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita f’dan l-Artikolu 8(1) tapplika bla ħsara, b’mod partikolari, għall-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament.

24

Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, meta minuri jiċċaqlaq legalment minn Stat Membru għall-ieħor u jikseb residenza abitwali ġdida hemmhekk, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-minuri jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom, b’deroga mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, matul perijodu ta’ tliet xhur wara ċ-ċaqliqa, sabiex ibiddlu deċiżjoni dwar id-drittijiet ta’ aċċess maħruġa f’dan l-Istat Membru qabel ma l-minuri ċċaqlaq, fejn id-detentur tad-drittijiet ta’ aċċess skont din is-sentenza jkompli jirrisjedi abitwalment fl-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-minuri.

25

Dan l-Artikolu 9(2) jippreċiża li ż-żamma tal-ġurisdizzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 9(1) ma tapplikax jekk id-detentur tad-dritt ta’ aċċess jkun aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali l-ġdida tal-wild billi jipparteċipa fi proċedura quddiem dawn il-qrati mingħajr ma jikkontesta l-ġurisdizzjoni tagħhom.

26

Għalhekk, fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003, dan l-artikolu jissuġġetta ż-żamma tal-ġurisdizzjoni, fil-qasam tad-dritt ta’ aċċess, tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-wild, għall-osservanza ta’ ħames kundizzjonijiet kumulattivi.

27

L-ewwel kundizzjoni teżiġi li l-wild ikkonċernat ikun iċċaqlaq “legalment” u li huwa jikseb residenza abitwali ġdida fl-Istat Membru fejn ikun iċċaqlaq. Skont it-tieni kundizzjoni, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-minuri għandhom ikunu taw, qabel iċ-ċaqliq ta’ dan il-minuri, deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess fir-rigward ta’ dan tal-aħħar. It-tielet kundizzjoni teħtieġ li d-detentur tad-dritt ta’ aċċess ikompli jirrisjedi abitwalment fl-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-istess wild. Konformement mar-raba’ kundizzjoni, il-qrati ta’ dan l-aħħar Stat Membru għandhom ikunu ġew aditi, matul perijodu ta’ tliet xhur“wara ċ-ċaqliq” tal-wild ikkonċernat, b’rikors għal modifika tal-ewwel deċiżjoni dwar id-dritt ta’ aċċess li huma taw qabel dan it-trasferiment. Skont il-ħames u l-aħħar kundizzjoni, id-detentur tad-dritt ta’ aċċess ma għandux ikun aċċetta l-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali l-ġdida ta’ dan il-wild.

28

Mill-motivi tat-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li l-qorti tar-rinviju għandha dubji biss dwar l-interpretazzjoni tat-termini “wara ċ-ċaqliq”, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2201/2003. Hija tistaqsi jekk il-perijodu ta’ tliet xhur, previst f’din id-dispożizzjoni, jibdiex fil-jum wara d-data taċ-ċaqliq effettiv tal-ulied ikkonċernati, jiġifieri, f’dan il-każ, it‑30 ta’ Awwissu 2020, jew inkella fil-jum wara d-data tad-deċiżjoni ġudizzjarja li ffissat, b’effett iddifferit, id-data tal-bidla tar-residenza abitwali ta’ dawn l-ulied, jiġifieri, f’dan il-każ, it‑12 ta’ Ġunju 2020.

29

Mill-formulazzjoni ċara ta’ dan l-Artikolu 9(1) jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jillimita l-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-residenza abitwali preċedenti tal-wild, abbażi tal-imsemmi artikolu, għal perijodu ta’ tliet xhur wara t-tneħħija fiżika ta’ dan il-wild minn Stat Membru lejn Stat Membru ieħor, bl-għan li jistabbilixxi r-residenza abitwali l-ġdida tiegħu hemmhekk. Ebda waħda mid-dispożizzjonijiet tal-istess Artikolu 9(1) u lanqas, b’mod iktar wiesa’, tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tippermetti li jitqies li dan il-perijodu ta’ tliet xhur jista’ jibda b’effett minn avveniment li jippreċedi ċ-ċaqliq effettiv tal-wild ikkonċernat, bħad-deċiżjoni ġudizzjarja li stabbilixxiet, jekk ikun il-każ b’effett iddifferit, id-data tal-bidla tar-residenza abitwali ta’ dan il-wild.

30

Konsegwentement, il-fatt, imsemmi mill-qorti tar-rinviju, li d-deċiżjoni ġudizzjarja, li inizjalment stabbilixxiet id-dritt ta’ aċċess, saret definittiva fid-data tat-talba għal bidla ta’ din id-deċiżjoni, huwa irrilevanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-regola ta’ ġurisdizzjoni stabbilita fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2201/2003.

31

Fil-fatt, tali talba għal emenda hija ġġustifikata mill-bidla fiċ-ċirkustanzi marbuta maċ-ċaqliq tal-wild ikkonċernat u mat-trasferiment tar-residenza abitwali tiegħu lejn Stat Membru ieħor, indipendentement mid-data li fiha ġiet adottata d-deċiżjoni ġudizzjarja li inizjalment stabbilixxiet id-dritt ta’ aċċess u l-modalitajiet tiegħu.

32

Għaldaqstant, qorti nazzjonali ma tistax tinvoka kontra d-detentur tad-dritt ta’ aċċess “l-awtorità ta’ res judicata”, li jkollha, jekk ikun il-każ, id-deċiżjoni li inizjalment stabbilixxiet id-dritt ta’ aċċess u l-modalitajiet tiegħu, sabiex tiddeċiedi li t-talba mressqa minn dan tal-aħħar għal bidla ta’ tali dritt ta’ aċċess hija inammissibbli, taħt piena li jitneħħa l-effett utli tal-perijodu ta’ tliet xhur, imsemmi fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, li matulu l-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-minuri jżommu l-ġurisdizzjoni tagħhom sabiex jiddeċiedu fuq tali talba, b’deroga mill-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament.

33

Minn dan isegwi li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodu ta’ tliet xhur li matulu, b’deroga mill-Artikolu 8(1) ta’ dan ir-regolament, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-wild jibqgħu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talba għal modifika ta’ deċiżjoni definittiva dwar id-dritt ta’ aċċess, jibda fil-jum wara dak taċ-ċaqliq effettiv ta’ dan il-wild lejn l-Istat Membru tar-residenza abitwali l-ġdida tiegħu.

Fuq it‑tieni domanda

34

Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 2201/2003 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-wild, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, tistax teżerċita l-possibbiltà ta’ trasferiment, prevista fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, lill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali l-ġdida ta’ dan il-wild.

35

L-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi l-possibbiltà, eċċezzjonalment, għall-qrati ta’ Stat Membru li jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża li jittrasferixxu din il-kawża jew parti speċifika tagħha lil qorti ta’ Stat Membru ieħor li l-minuri jkollu konnessjoni partikolari miegħu, jekk din tal-aħħar tkun f’pożizzjoni aħjar sabiex tieħu konjizzjoni tagħha, u meta dan ikun fl-aħjar interessi tal-minuri.

36

Il-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu 15 jippreċiżaw il-kundizzjonijiet u l-modalitajiet li skonthom jista’ jsir tali trasferiment.

37

F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-imsemmi Artikolu 15(4), jekk il-partijiet ma jadixxux lill-qrati tal-Istat Membru l-ieħor fit-terminu mogħti lilhom għal dan l-għan mill-qorti tal-Istat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu, din il-qorti “tkompli teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha skont l-Artikoli 8 sa 14” tar-Regolament Nru 2201/2003. L-imsemmija qorti tkompli wkoll teżerċita l-ġurisdizzjoni tagħha skont dawn l-Artikoli 8 sa 14 fil-każ fejn, kif previst fl-Artikolu 15(5) ta’ dan ir-regolament, il-qrati tal-Istat Membru l-ieħor ma jkunux iddikjaraw li għandhom ġurisdizzjoni f’terminu ta’ sitt ġimgħat mid-data li fiha jkunu ġew aditi.

38

B’dan il-mod, il-leġiżlatur tal-Unjoni stess ippreveda li l-possibbiltà ta’ trasferiment stabbilita fl-Artikolu 15(1) tal-imsemmi regolament tista’ tiġi eżerċitata minn qorti ta’ Stat Membru li l-ġurisdizzjoni tagħha hija bbażata fuq l-Artikolu 9 tal-istess regolament.

39

Għandu jiġi osservat ukoll li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tippermetti li jitqies li l-eżerċizzju ta’ din il-possibbiltà ta’ trasferiment lil qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali l-ġdida tal-wild huwa, bħala prinċipju, eskluż.

40

F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, kif jirriżulta, essenzjalment, mill-punt 33 tas-sentenza tal‑4 ta’ Ottubru 2018, IQ (C‑478/17, EU:C:2018:812), l-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jippermetti lill-qorti ta’ Stat Membru li għandha ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni tal-mertu ta’ kawża fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri, tittrasferixxi l-ġurisdizzjoni tagħha, fuq il-bażi kollha jew fuq parti speċifika tal-kawża li għandha quddiemha, lejn qorti li normalment ma għandhiex ġurisdizzjoni fil-mertu, iżda li, fis-sitwazzjoni tal-każ, għandha titqies li hija “f’pożizzjoni aħjar” sabiex tieħu konjizzjoni ta’ din il-kawża.

41

F’dan il-każ, kif osservat ġustament il-Kummissjoni Ewropea, b’differenza mill-kawża li tat lok għal din is-sentenza, li fiha l-qrati aditi miż-żewġ Stati Membri inkwistjoni kellhom it-tnejn li huma ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni tal-mertu ta’ din il-kawża, skont, rispettivament, l-Artikolu 8(1) u l-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003, li wassal lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex teskludi l-possibbiltà li tiġi implimentata, bejn dawn il-qrati, il-possibbiltà ta’ trasferiment stabbilita fl-Artikolu 15 ta’ dan ir-regolament, huwa stabbilit li, f’din il-kawża, it-tribunal judiciaire de Nanterre (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Nanterre) iddikjara li ma għandux ġurisdizzjoni sabiex jieħu konjizzjoni ta’ rikors tal-omm tal-ulied minuri kkonċernati, għar-raġuni, b’mod partikolari, li missier dawn tal-aħħar kien ressaq talba għal modifika tad-dritt tiegħu ta’ aċċess u ta’ akkomodazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju fil-perijodu ta’ tliet xhur wara ċ-ċaqliq legali ta’ dawn it-tfal, kif previst fl-Artikolu 9(1) tal-imsemmi regolament.

42

Barra minn hekk, mill-informazzjoni fil-proċess li għandha l-Qorti tal-Ġustizzja ma jirriżultax li l-possibbiltà, għall-qorti tar-rinviju, li tagħmel użu mill-possibbiltà ta’ trasferiment prevista fl-Artikolu 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 tista’ tmur kontra l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet oħra ta’ dan ir-regolament. B’mod partikolari, ma jidhirx li l-qrati Franċiżi għandhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talba għal modifika tad-dritt ta’ aċċess u tal-modalitajiet tiegħu skont l-Artikoli 10 sa 14 tal-imsemmi regolament.

43

Madankollu, għandu jitfakkar li l-qorti nazzjonali li għandha l-intenzjoni li teżerċita din il-possibbiltà ta’ trasferiment għandha tiżgura, qabelxejn, li l-wild għandu “rabta partikolari” ma’ Stat Membru ieħor, sussegwentement, li l-qorti ta’ dan l-Istat Membru hija “f’pożizzjoni aħjar” sabiex tieħu konjizzjoni tal-kawża u, fl-aħħar, li r-rinviju “jservi l-aħjar interessi tal-minuri”, b’osservanza tal-interpretazzjoni ta’ dawn it-tliet kundizzjonijiet mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punti 49 sa 61 tas-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, D. (C‑428/15, EU:C:2016:819), kif ukoll fil-punti 31 sa 34 u 37 sa 42 tad-digriet tal‑10 ta’ Lulju 2019, EP (Responsabbiltà tal-ġenituri u l-qorti l-iktar adatta) (C‑530/18, EU:C:2019:583).

44

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li r-Regolament Nru 2201/2003 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-wild, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, tista’ teżerċita l-possibbiltà ta’ trasferiment prevista fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, lill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali l-ġdida ta’ dan il-wild, sa fejn il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 15 ikunu ssodisfatti.

Fuq l-ispejjeż

45

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000.

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-perijodu ta’ tliet xhur li matulu, b’deroga mill-Artikolu 8(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, il-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-wild jibqgħu jkollhom ġurisdizzjoni sabiex jieħdu konjizzjoni ta’ talba għal modifika ta’ deċiżjoni definittiva dwar id-dritt ta’ aċċess, jibda fil-jum wara dak taċ-ċaqliq effettiv ta’ dan il-wild lejn l-Istat Membru tar-residenza abitwali l-ġdida tiegħu.

 

2)

Ir-Regolament Nru 2201/2003

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

il-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali preċedenti tal-wild, li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq il-mertu skont l-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, tista’ teżerċita l-possibbiltà ta’ trasferiment prevista fl-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament, lill-qorti tal-Istat Membru tar-residenza abitwali l-ġdida ta’ dan il-wild, sa fejn il-kundizzjonijiet previsti f’dan l-Artikolu 15 ikunu ssodisfatti.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Fuq