EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52011DC0173
COMMUNICATION FROM THE COMMISSION TO THE EUROPEAN PARLIAMENT, THE COUNCIL, THE EUROPEAN ECONOMIC AND SOCIAL COMMITTEE AND THE COMMITTEE OF THE REGIONS An EU Framework for National Roma Integration Strategies up to 2020
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020
/* KUMM(2011) 173 finali */
[pic] | IL-KUMMISSJONI EWROPEA | Brussel 5.4.2011 KUMM(2011) 173 finali KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT SOĊJALI U EKONOMIKU EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjona li għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020 1. It- TITJIB TAS-SITWAZZJONI TAR-ROMA: IMPERATTIV SOċJALI U EKONOMIKU GħALL-UNJONI U L-ISTATI MEMBRI TAGħHA Bosta mill-għadd stmat ta’ 10 sa 12-il miljun Roma[1] fl-Ewropa jiffaċċjaw preġudizzji, intolleranza, diskriminazzjoni u esklużjoni soċjali fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Huma nies emarġinati u jgħixu f’kundizzjonijiet soċjo-ekonomiċi foqra ħafna. Dan mhux aċċettabbli fl-Unjoni Ewropea (UE) fil-bidu tas-seklu 21. L-istrateġija Ewropa 2020 tal-UE għal pjan ġdid ta’ tkabbir – tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv – ma tħallix lok għall-emarġinazzjoni ekonomika u soċjali persistenti tal-ikbar komunità f’minorità fl-Ewropa. Jeħtieġ li tittieħed azzjoni determinata, bi djalogu attiv mar-Roma, kemm fuq il-livell nazzjonali kif ukoll fuq il-livell tal-UE. Filwaqt li l-awtoritajiet pubbliċi għandhom ir-responsabilità primarja għal dik l-azzjoni, xorta tibqa’ sfida peress li l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma hija proċess li jieħu żewġ direzzjonijiet u li jeħtieġ bidla fil-mentalità tal-maġġoranza tan-nies, kif ukoll tal-membri tal-komunitajiet Roma[2]. L-ewwel u qabel kollox jeħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li r-Roma ma jiġux diskriminati imma jiġu ttrattati daqs kwalunkwe ċittadin ieħor tal-UE u jingħataw aċċess indaqs għad-drittijiet fundamentali stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Barra minn hekk, jeħtieġ li tittieħed azzjoni biex jitwaqqaf il-moviment taċ-ċiklu vizzjuż tal-faqar minn ġenerazzjoni għal oħra. F’ħafna Stati Membri r-Roma jirrappreżentaw proporzjon sinifikanti u li dejjem qed jikber ta’ popolazzjoni ta' tfal tal-iskola u li għalhekk huma l-ħaddiema futuri. Il-popolazzjoni tar-Roma hija popolazzjoni żagħżugħa: 35.7% għandhom inqas minn 15-il sena meta mqabbel ma' 15.7% tal-popolazzjoni globali tal-UE. L-età medja tar-Roma hija 25, mqabbla mal-età medja ta' 40 madwar l-UE[3]. Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni Roma li għandha l-età biex taħdem m’għandhiex l-edukazzjoni meħtieġa għal xogħlijiet tajbin. Għaldaqstant huwa ta' importanza kruċjali li jsir investiment fl-edukazzjoni tat-tfal Roma sabiex iktar 'il quddiem ikollhom l-opportunità li jidħlu b’suċċess fis-suq tax-xogħol. Dan diġà għandu impatt ekonomiku fi Stati Membri li għandhom popolazzjoni Roma sinifikanti. Skont l-istimi, fil-Bulgarija, madwar 23% tal-ħaddiema li jidħlu fis-suq tax-xogħol għall-ewwel darba huma Roma, filwaqt li fir-Rumanija huma madwar 21%[4]. Għadd sinifikanti ta’ Roma li jgħixu fl-UE huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu b’mod legali. Huma jikkondividu l-istess kundizzjonijiet ta’ ħajja ħarxa bħal ħafna Roma li għandhom iċ-ċittadinanza tal-UE, filwaqt li jiffaċċjaw ukoll l-isfidi li jirriżultaw b'konsegwenza tal-immigrati li jiġu minn barra l-UE. Dawn l-isfidi qed jiġu indirizzati f'kuntest ta' politka tal-UE biex tiġi stimulata l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet tal-gruppi partikolarment vulnerabbli[5]. L-integrazzjoni tal-poplu Roma mhux biss se ġġib magħha benefiċċji soċjali, imma se tkun ta’ benefiċċju ekonomiku kemm għall-poplu Roma kif ukoll għall-komunitajiet li tagħhom huma jagħmlu parti. Pereżempju, skont riċerka reċenti magħmula mill-Bank Dinji[6], l-integrazzjoni kompleta tar-Roma fis-suq tax-xogħol tista’ tirriżulta f'benefiċċji ekonomiċi stmati għal mill-inqas EUR 0.5 biljun fis-sena għal xi pajjiżi. B’iktar parteċipazzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol se titjieb il-produttività ekonomika, jitnaqqsu l-ħlasijiet mill-gvern għall-għajnuna soċjali u jiżdied id-dħul mit-taxxi. Skont l-istudju tal-Bank Dinji msemmi hawn fuq, il-benefiċċji fiskali tal-integrazzjoni tar-Roma fis-suq tax-xogħol huma stmati għal mill-inqas EUR 175 miljun fis-sena, għal kull pajjiż. Dawn il-konsegwenzi kollha, ekonomiċi u finanzjarji, importanti li jirriżultaw mill-integrazzjoni tar-Roma jistgħu jrawmu klima iktar miftuħa għall-poplu Roma mal-pubbliku ġenerali u għaldaqstant jikkontribwixxu biex ikun hemm integrazzjoni mingħajr diffikultajiet fil-komunitajiet li tagħhom jagħmlu parti. L-integrazzjoni ekonomika tar-Roma għandha tikkontribwixxi wkoll fil-koeżjoni soċjali u ttejjeb ir-rispett għad-drittijiet fundamentali, inklużi d-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minorità u tgħin fil-qerda tad-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-razza, tal-kulur, tal-orġini etnika jew soċjali ta’ persuna jew għax tkun tagħmel parti minn minorità[7]. L-UE għamlet diversi proposti lill-Istati Membri biex jippRomawovu l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma, reċentement permezz tal-Komunikazzjoni tagħha ta' April 2010[8]. L-Istati Membri diġà għandhom l-obbligu li jagħtu lir-Roma (l-istess bħaċ-ċittadini l-oħra tal-UE) aċċess bla diskriminazzjoni għall-edukazzjoni, għall-impjiegi, għat-taħriġ vokazzjonali, għall-kura tas-saħħa, għall-protezzjoni soċjali u għad-djar permezz tad-Direttiva 2000/43/KE. Il-monitoraġġ strett tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva jista' jkun strument utli biex titkejjel l-integrazzjoni tar-Roma[9]. Minkejja li fis-snin li għaddew sar xi progress kemm fl-Istati Membri kif ukoll fuq il-livell tal-UE[10], ftit li xejn kien hemm tibdil fis-sitwazzjoni ta’ kuljum ta’ ħafna mir-Roma. Skont il-konklużjonijiet tar-Roma Task Force[11], għad mhemmx miżuri b'saħħithom u proporzjonati biex jiġu ffaċċjati l-problemi soċjali u ekonomiċi tal-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni Roma tal-UE. Sabiex tiġi indirizzata din l-isfida, u peress li n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni waħehda mhix biżżejjed biex tiġi miġġielda l-esklużjoni soċjali tar-Roma, il-Kummissjoni qed tistieden lill-Istati Membri biex jappoġġjaw dan il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma. Dan huwa metodu ta' kif tiġi kkumplimentata u msaħħa l-leġiżlazzjoni u l-politika tal-UE fil-qasam tal-ugwaljanza billi jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-Roma fuq il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, iżda wkoll permezz tad-djalogu mar-Roma u l-parteċipazzjoni tagħhom, fir-rigward tal-aċċess indaqs għall-impjiegi, l-edukazzjoni, id-djar u l-kura tas-saħħa. Dan il-Qafas tal-UE jfittex li jagħmel differenza tanġibbli fil-ħajja tal-poplu Roma. Hija t-tweġiba tal-UE għas-sitwazzjoni attwali u ma jiħux post ir-responsabbiltà primarja tal-Istati Membri f’dan ir-rigward. Permezz ta’ dan il-Qafas tal-UE, il-Kummissjoni Ewropea tinkoraġġixxi lill-Istati Membri, dejjem skont il-proporzjon ta’ popolazzjoni Roma li tgħix fit-territorju tagħhom[12] u billi jqisu l-punti ta’ tluq differenti tagħhom, biex jadottaw jew jiżviluppaw ulterjorment, metodu komprensiv għall-integrazzjoni tar-Roma u jappoġġjaw l-għanijiet li ġejjin. 2. Il-Ħtieġa ta’ Metodu FFukat: Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma Biex isir progress sinifikanti fl-integrazzjoni tar-Roma, issa huwa kruċjali li l-ħidma tiġi intensifikata biex jiġi żgurat li l-politiki nazzjonali, reġjonali u lokali jiffukaw b’mod ċar u speċifiku fuq ir-Roma , u jindirizzaw il-ħtiġijiet tar-Roma permezz ta’ miżuri espliċiti li jevitaw u jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li jiffaċċjaw. Metodu ffukat, fil-qafas tal-istrateġija iktar wiesgħa għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni – li ma jeskludix mill-appoġġ gruppi oħrajn li huma vulnerabbli u mċaħħda – huma kompatibbli mal-prinċipju ta’ non-diskriminazzjoni kemm fuq il-livell tal-UE kif ukoll fuq il-livell nazzjonali. Il-prinċipju ta' trattament indaqs ma jwaqqafx lill-Istati Membri milli jżommu jew jadottaw miżuri speċifiċi biex jevitaw jew jikkompensaw għall-iżvantaġġi marbuta mar-razza jew mal-oriġini etnika[13]. Xi Stati Membri diġà ħadu azzjoni pożittiva b’suċċess favur ir-Roma, minħabba li qiesu li l-miżuri klassiċi favur l-inklużjoni soċjali ma kinux biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tar-Roma[14]. Bil-għan li jiġi żgurat li jkun hemm politiki effettivi fl-Istati Membri, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-istrateġiji għall-integrazzjoni tar-Roma ikunu mfassla, jew fejn dawn diġà jeżistu, jiġu adattati biex jilħqu l-għanijiet tal-UE għall-integrazzjoni tar-Roma, permezz ta’ azzjoni ffukata u fondi suffiċjenti (nazzjonali, tal-UE u oħrajn) biex ikunu jistgħu jitwettqu. Hija tipproponi soluzzjonijiet biex tindirizza l-ostakli attwali għall-użu iktar effikaċi tal-fondi tal-UE u tistabbilixxi s-sisien ta’ mekkaniżmu b’saħħtu ta’ monitoraġġ biex tiżgura li jkun hemm riżultati konkreti għar-Roma. 3. L-Espressjoni tal-ambizzjoni tal-UE: l-istipular tal-għanijiet tal-integrazzjoni tar-Roma L-Istħarriġ Annwali tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tkabbir[15] wera li għad hemm ħafna xi jsir min-naħa tal-Istati Membri u tal-Unjoni biex tiġi implimentata l-istrateġija Ewropa 2020 u biex jintlaħqu l-għanijiet prinċipali tagħha, appoġġjati mill-inizjattivi prinċipali[16]. Fir-rigward ta’ ħafna Stati Membri, il-fatt li jindirizzaw is-sitwazzjoni tar-Roma f'termini ta' impjiegi, faqar u edukazzjoni se jikkontribwixxi biex isir progress fl-għanijiet tal-Ewropa 2020 fil-qasam tal-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-edukazzjoni. L-għanijiet tal- UE għall-intergrazzjoni tar-Roma għandhom ikopru, fi proporzjoni mad-daqs tal-popolazzjoni Roma, erba’ oqsma kruċjali : aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u d-djar . Dawn l-istandards minimi għandhom ikunu msejsa fuq indikaturi komuni li jistgħu jitqabblu u affidabbli. L-ilħuq ta’ dawn l-għanijiet huwa importanti biex jgħin lill-Istati Membri jilħqu l-objettivi ġenerali tal-istrateġija Ewropa 2020. - Aċċess għall-edukazzjoni : Biex ikun żgurat li kull tifel u tifla Roma itemm mill-inqas l-iskola primarja Fost il-poplu Roma, il-kisbiet fil-qasam edukattiv huma ħafna inqas minn dawk tal-kumplament tal-popolazzjoni, minkejja li s-sitwazzjonijiet ivarjaw fost l-Istati Membri[17]. Filwaqt li l-iskola primarja hija obbligatorja fl-Istati Membri kollha, l-Istati Membri għandhom id-dmir li jiżguraw li l-edukazzjoni primarja tkun disponibbli għat-tfal kollha li jkollhom l-età li fiha l-iskola tkun obbligtorja. Skont l-aħjar evidenza disponibbli mill-Istħarriġ dwar il-Popolazzjoni li Taħdem 2009[18], medja ta’ 97.5% tat-tfal fl-UE jtemmu l-edukazzjoni primarja. Minn xi stħarriġ jidher li f’xi Stati Membri huwa biss għadd limitat ta’ tfal Roma li jtemmu l-iskola primarja[19]. Hemm it-tendenza li jkun hemm għadd kbir ta’ tfal Roma fl-iskejjel li joffru edukazzjoni speċjali u fi skejjel issegregati. Jeħtieġ li jissaħħu r-rabtiet mal-komunitajiet permezz ta’ medjaturi kulturali/fl-iskejjel, tal-knejjes, ta’ assoċjazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi u ta' parteċipazzjoni attiva tal-ġenituri Roma, biex jittejbu l-kompetenzi interkulturali tal-għalliema, biex titnaqqas is-segregazzjoni u biex ikun żgurat li jkun hemm konformità mad-dmir ta’ attendenza tal-iskola primarja. Il-Kummissjoni għandha fil-ħsieb li tieħu azzjoni konġunta mal-Kunsill tal-Ewropa biex fi żmien sentejn tħarreġ madwar 1000 medjatur. Il-medjaturi jistgħu jinfurmaw u jagħtu parir lill-ġenituri dwar il-funzjonament tas-sistema edukattiva lokali u jgħinu biex ikun żgurat li t-tfal jimxu minn stadju għall-ieħor tal-karriera skolastika tagħhom. Huwa magħruf li t-tfal li ma jirċevux edukazzjoni, li jidħlu fis-sistema skolastika jew joħorġu minnha kmieni wisq, sussegwentement jiffaċċjaw diffikulatjiet sinifikanti, li jvarjaw minn problemi ta’ litteriżmu u ta' lingwa sa sens ta’ esklużjoni u inadegwatezza. B’riżultat ta’ dan ikun iktar diffiċli għalihom li jkomplu bl-edukazzjoni tagħhom, li jmorru l-università jew li jsibu impjieg tajjeb. Għalhekk huma mħeġġa inizjattivi ta' programmi li jagħtu ċans ieħor lil żgħażagħ li telqu mill-iskola kmieni, inklużi programmi li jiffukaw b'mod espliċitu fuq it-tfal Roma. Għandu jingħata appoġġ ukoll biex jiġu rriformulati mill-ġdid il-kurrikuli ta’ taħriġ tal-għalliema u biex jiġu elaborati metodi ta' tagħlim innovattivi. L-attendenza ta’ tfal li jbatu minn żvantaġġi multipli teħtieġ koperazzjoni transettorjali u programmi ta’ appoġġ xierqa. Il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-Litteriżmu u l-Kampanja tal-Kummissjoni favur il-Litteriżmu, li l-Kummissjoni qed tniedi bħala kontribut fil-inizjattiva prinċipali Ewropa 2020 "Ħiliet u Impjiegi ġodda”, se jenfasizzaw l-importanza tal-ġlieda kontra l-illitteriżmu fost it-tfal u l-adulti Roma. Il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-Kura u l-Edukazzjoni Bikrija tat-Tfal[20] li enfasizzat li r-rati ta’ parteċipazzjoni tat-tfal Roma huma sinifikatament iktar baxxi, għalkemm huma akbar il-ħtiġijiet tagħhom għall-appoġġ. Aċċess imtejjeb għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja u mhux segregata fit-tfulija bikrija jista’ jkollha rwol ċentrali fl-eliminazzjoni tal-iżvantaġġ edukattiv li jiffaċċjaw it-tfal Roma, kif enfasizzat mill-azzjonijiet pilota fl-integrazzjoni tar-Roma li bħalissa qed jitwettqu f’xi Stati Membri b’kontribuzzjonijiet mill-baġit tal-UE[21]. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tfal kollha Roma ikollhom aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità u li ma jkunux suġġetti għal diskriminazzjoni jew segregazzjoni, indipendentement minn jekk humiex sedentarji jew le. Bħala livell minimu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li tintemm l-iskola primarja. Skont l-istrateġija Ewropa 2020, għandhom iwessgħu l-aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalita u jnaqqsu l-għadd ta’ tfal li jitilqu l-iskola sekondarja kmieni. Iż-żgħażagħ Roma għandhom jitħeġġu bis-sħiħ biex jipparteċipaw ukoll fl-edukazzjoni sekondarja u terzjarja[22]. - Aċċess għall-impjiegi : Biex titnaqqas id-differenza bejn l-impjegar tar-Roma u l-impjegar tal-kumplament tal-popolazzjoni L-istrateġija Ewropa 2020 tistipula l-għan ewlieni li jkun hemm rata ta' impjieġ ta' 75% tal-popolazzjoni fl-età ta' bejn 20 u 64 sena (ir-rata medja tal-impjieg fl-UE hija ta’ 68.8%[23]). L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2011 spjega fil-qosor kif l-Istati Membri qed jistipulaw għanijiet fir-rigward tal-impjiegi fil-programmi nazzjonali ta’ riforma li jistgħu jintużaw biex jitkejjel il-progress. L-evidenza empirika u r-riċerka dwar is-sitwazzjoni soċjo-ekonomika tar-Roma juru li hemm qabża sinifikanti bejn ir-rata ta' impjieg tar-Roma u r-rata ta' impjieg tal-kumplament tal-popolazzjoni. Il-Bank Dinji kkonkluda li r-rati ta’ impjieg tar-Roma (speċjalment tan-nisa) huma ħafna inqas minn dawk tal-maġġoranza mhux Roma[24]. Minn stħarriġ tal-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali li sar f’seba’ Stati Membri wkoll jidher li hemm differenzi sinifikanti u jindika li r-Roma iqisu li jiġu diskriminati ħafna fid-dinja tax-xogħol[25]. Huwa għalhekk li l-Istati Membri għandhom jagħtu lill-popolazzjoni Roma aċċess sħiħ, b’mod li ma jiddiskriminax, għat-taħriġ vokazzjonali, għas-suq tax-xogħol u għall-għodda u l-inizjattivi maħsuba għal dawk li jixtiequ jaħdmu għal rashom. Għandu jitħeġġeġ l-aċċess għall-mikrokreditu. Fis-settur pubbliku għandha tingħata l-attenzjoni xierqa biex fost il-ħaddiema tal-gvern jiġu impjegati persuni Roma ikkwalifikati. Is-Servizz Pubbliku tal-Impjiegi jista’ jgħin lir-Roma billi jipprovdi servizzi personalizzati u medjazzjoni. Dan jista’ jgħin biex ir-Roma jinġibdu lejn is-suq tax-xogħol u b'hekk tiżdied ir-rata ta' impjieg tagħhom. - Aċċess għall-kura tas-saħħa : Biex titnaqqas id-differenza bejn il-qagħda tas-saħħa tar-Roma u dik tal-kumplament tal-popolazzjoni Fl-UE l-għomor mistenni mat-twelid huwa ta’ 76 sena għall-irġiel u ta’ 82 sena għan-nisa[26]. Għar-Roma dan huwa stmat li huwa 10 snin inqas[27]. Barra minn hekk, filwaqt li r-rata ta’ mwiet fl-UE hija ta’ 4.3 kull elf tarbija mwielda ħajja[28], hemm evidenza li r-rata hija ferm ogħla fost il-komunitajiet Roma. Minn rapport tal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti jidher li r-rati ta’ mwiet fost it-tfal Roma huma minn darbtejn sa sitt darbiet ogħla minn dawk tal-popolazzjoni ġenerali, u dan jiddependi mill-pajjiż. Ġew irrappurtati rati għoljin ta’ mwiet fost it-tfal fil-komunitajiet Roma anki f'pajjiżi oħrajn[29]. Din id-diskrepanza tirrifletti l-qabża globali fis-saħħa li hemm bejn ir-Roma u oħrajn mhux Roma. Din id-differenza hija marbuta mas-sitwazzjonijiet ta’ għajxien foqra tagħhom, man-nuqqas ta’ aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità u ma' kemm ikunu esposti għal riskji ogħla tas-saħħa. Fl-istħarriġ tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, deher ukoll li d-diskriminazzjoni mill-persuni li jaħdmu fil-qasam tal-kura tas-saħħa hija problema partikolari għar-Roma[30]: 17% indikaw li kellhom esperjenza ta' diskriminazzjoni ta’ dan it-tip fit-12-il xahar ta’ qabel. L-użu ta’ servizzi ta’ prevenzjoni fost il-popolazzjoni Roma huwa baxx u, skont xi studji li saru, iktar minn 25% tat-tfal Roma ma ħadux it-tilqim kollu[31]. Huwa għalhekk li l-Istati Membri għandhom jipprovdu lir-Roma b’aċċess għal kura tas-saħħa ta’ kwalità, speċjalment għat-tfal u n-nisa kif ukoll għal kura maħsuba għall-prevenzjoni u għal servizzi soċjali ta’ livell simili u bl-istess kundizzjonijiet tal-bqija tal-popolazzjoni. Il-persuni Roma ikkwalifikati għandhom jiġu involuti fi programmi maħsuba għall-komunitajiet tagħhom, meta dan ikun possibbli. - Aċċess għal djar u għas-servizzi essenzjali : Biex titnaqqas id-differenza bejn l-għadd ta’ Roma li għandhom aċċess għad-djar u għas-servizzi pubbliċi (bħall-ilma, l-elettriku u l-gass) u l-kumplament tal-popolazzjoni li għandhom is-servizzi pubbliċi. Bejn 72% u 100% tad-djar fl-UE għandhom is-servizz pubbliku tal-ilma[32]. Madankollu, is-sitwazzjoni tar-Roma hija ħafna agħar. Il-kundizzjoni spiss ħżiena tad-djar tagħhom jinkludu aċċess inadegwat għas-servizzi pubbliċi bħall-ilma, l-elettriku jew il-gass, u huwa spiss diffiċli għar-Roma mhux sedentarji li jsibu żoni b'aċċess għall-ilma[33]. Dan għandu impatt negattiv fuq is-saħħa tagħhom u fuq l-integrazzjoni ġenerali tagħhom fis-soċjetà. Huwa għalhekk li l-Istati Membri għandhom jippRomawovu aċċess bla diskriminazzjoni għad-djar, inkluż aċċess għall-iskemi soċjali tad-djar. L-aċċess għad-djar għandu jkun parti minn metodu integrat li jinkludi, b’mod partikolari l-edukazzjoni, is-saħħa, l-affarijiet soċjali, l-impjiegi u s-sigurtà u miżuri kontra s-segregazzjoni. L-Istati Membri għandhom jindirizzaw ukoll il-ħtiġijiet tar-Roma mhux sedentarji (pereżempju billi jipprovdulhom aċċess għal żoni xierqa fejn huma jistgħu jieqfu). Għandhom jintervjenu b’mod attiv permezz ta' programmi mmirati li jinvolvu l-awtoritajiet reġjonali u lokali. 4. Strateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma: Impenn ta’ politika ċara mill-Istati Membri Biex tkompli tibni fuq l-esperjenza tal-Istati Membri inkluża ta’ dawk li jipparteċipaw fid-Deċennju tar-Roma[34], il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jallinjaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma mal-metodu ffukat imsemmi hawn fuq u jestendu l-perjodu ta’ ppjanar sas-sena 2020. L-Istati Membri li għad m’għandhomx strateġiji nazzjonali dwar ir-Roma huma mistiedna biex jistabbilixxu objettivi simili, fi proporzjon mad-daqs tal-popolazzjoni Roma li tgħix fit-territorju tagħhom[35], u billi iqisu l-punti ta’ tluq differenti tagħhom u l-fatturi partikolari ta’ popolazzjonijiet bħal dawn. L-istrateġiji nazzjonali tal-Istati Membri għandhom isegwu metodu ffukat li jikkontribwixxi b’mod attiv fl-integrazzjoni soċjali tar-Roma fis-soċjetà ġenerali u fit- tneħħija tas-segregazzjoni fejn din teżisti , skont il-Prinċipji Bażiċi Komuni tal-Inklużjoni tar-Roma[36] . Għandhom ikunu adattati u jikkontribwixxu għall-qafas iktar wiesa’ tal-istrateġija Ewropa 2020 u għaldaqstant għandhom ikunu konsistenti mal-programmi nazzjonali ta’ riforma. Meta jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma, l-Istati Membri għandhom iżommu f’moħħhom il-metodi li ġejjin: - Jistabbilixxu objettivi nazzjonali li jistgħu jintlaħqu għall-integrazzjoni tar-Roma biex titnaqqas id-differenza li hemm bejn ir-Roma u l-popolazzjoni ġenerali. Bħala minimu, dawn l-objettivi għandhom jindirizzaw l-erba’ għanijiet tal-UE għall-integrazzjoni tar-Roma marbuta mal-aċċess għall-edukazzjoni, l-impjiegi, il-kura tas-saħħa u l-akkomodazzjoni. - Jidentifikaw, fejn ikun rilevanti, dawk il- mikroreġjuni żvantaġġjati jew iż-żoni residenzjali ssegregati , fejn il-komunitajiet huma l-iktar imċaħħda, bl-użu ta' indikaturi soċjoekonomiċi u territorjali diġà disponibbli (jiġifieri livell baxx ħafna ta' edukazzjoni, qgħad persistenti, etc...) - Jallokaw ammont suffiċjenti ta’ fondi mill-baġits nazzjonali, li għandhom jiġu ssuplimentati mill-iffinanzjar internazzjonali u tal-UE, meta dan ikun xieraq. - Jinkludu metodi stretti ta’ monitoraġġ biex jevalwaw l-impatt tal-azzjonijiet għall-integrazzjoni tar-Roma u mekkaniżmu ta’ reviżjoni għall-adattazzjoni tal-istrateġija. - Ikkunu mfassla, implimentati u sorveljati b’koperazzjoni mill-qrib u bi djalogu kontinwu mas-soċjetà ċivili tar-Roma, mal-awtoritajiet reġjonali u lokali. - Jaħtru punt ta’ kuntatt nazzjonali għall-istrateġija nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma mal-awtorità biex jiġu kkoordinati l-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istrateġija jew, fejn ikun rilevanti, biex iserrħu fuq strutturi amministrattivi eżistenti xierqa. L-Istati Membri huma mitluba li jħejju jew jirrevedu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma u jippreżentawhom lill-Kummissjoni sal-aħħar ta’ Diċembru 2011. Fir-Rebbiegħa tal-2012, qabel il-laqgħa annwali tal-Pjattaforma tar-Roma, il-Kummissjoni se tevalwa l-istrateġiji nazzjonali u tħejji rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress li jkun sar. 5. Niksbu riżultati konkreti għall-poplu Roma L-implimentazzjoni u s-suċċess tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma se jiddependu ħafna fuq l-allokazzjoni effettiva u suffiċjenti tar-riżorsi nazzjonali. L-iffinanzjar waħdu tal-UE żgur mhux se jsolvi s-sitwazzjoni tar-Roma, imma l-Kummissjoni tfakkar li bħalissa hemm programmati sa EUR 26.5 biljuni f’fondi tal-UE maħsuba biex jgħinu lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom fil-qasam tal-inklużjoni soċjali, kif ukoll biex jappoġġjaw l-isforzi li qed isiru biex tingħata għajnuna lir-Roma[37]. F’April 2010, il-Kummissjoni[38] stiednet lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE, speċjalment il-Fondi Strutturali u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, ikunu aċċessibbli biex jintużaw għar-Roma. Il-Kunsill approva din l-istrateġija f’Ġunju 2010[39]. Madankollu, bosta mill-Istati Membri bħalissa ma jużawx biżżejjed il-fondi tal-UE disponibbli biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tar-Roma. Nagħmlu progress fil-perjodu ta’ programmazzjoni attwali (2007-2013)... - Sabiex jingħelbu d-dgħjufijiet, fejn jeżistu, fl-iżvilupp ta’ strateġiji xierqa u ta’ miżuri effettivi li jimplimentawhom, l-Istati Membri huma mistiedna jemendaw il-programmi operattivi tagħhom li huma kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u mill- Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali , sabiex ikunu jistgħu jappoġġjaw aħjar il-proġetti li jiffukaw fuq ir-Roma, u biex jallinjawhom mal-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma. - Il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri se teżamina t-tibdil fil-programmi operazzjonali tagħhom sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet il-ġodda, jiġu simplifikati r-riżultati u titħaffef l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet, inkluż l-użu ta' metodu integrat fil-qasam tad-djar maħsub mir-Regolament modifikat dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali[40]. Il-Kummissjoni se tevalwa b'ħeffa t-talbiet għal modifiki fil-programm li jkunu marbuta mal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma. - Hemm kwantità sinifikanti ta' assistenza teknika tal-UE disponibbli għall-Istati Membri (4% tal-Fondi Strutturali kollha), li minnhom, sa tmiem l-2009, l-istess Stati Membri użaw biss medja ta’ 31% tal-allokazzjonijiet ippjanati għalihom. Dawn l-ammonti se jintilfu jekk ma jintużawx. L-Istati Membri għandhom għalhekk jużaw iktar l-assistenza teknika tal-UE[41] meta jfasslu l-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma, biex itejbu l-immaniġġjar, il-monitoraġġ u l-kapaċitajiet ta’ valutazzjoni tagħhom fil-proġetti maħsuba għar-Roma. Hemm il-potenzjal li dan l-istrument jintuża mill-Istati Membri biex jiksbu l-għarfien li għandhom l-organizzazzjonijiet reġjonali, nazzjonali u internazzjonali fil-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' interventi. - Biex jingħelbu l-kwistjonijiet ta’ kapaċità, bħan-nuqqas ta’ għarfien u ta' kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet li jmexxu u d-diffikultajiet li hemm biex il-fondi jingħaqdu biex jiġu appoġġjati proġetti integrati, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri biex jikkunsidraw jagħtu t-tmexxija u l-implimentazzjoni ta’ parti mill-programmi tagħhom lil korpi intermedjarji bħall-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-korpi għall-iżvilupp reġjonali, il-knejjes u organizzazzjonijiet jew komunitajiet reliġjużi kif ukoll l-organizzazzjonijiet mhux governattivi li għandhom esperjenza ppruvata fl-integrazzjoni tar-Roma u għarfien tal-partijiet involuti fil-proċess[42]. F’dan ir-rispett, in-netwerk tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jista' jkun għodda utli[43]. - L-Istati Membri għandhom iqisu wkoll l-użu ta’ Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress[44], li għaliha hemm disponibbli EUR 100 miljun f’iffinanzjar tal-UE għas-snin 2010-2013. Il-Kummissjoni tistima li dan l-ammont jista’ jiġġenera iktar minn EUR 500 miljun f’mikrokreditu fit-tmien snin li ġejjin. Il-komunitajiet Roma huma wieħed mill-gruppi fil-mira tal-istrument[45]. Jekk lill-komunitajiet Roma tingħatalhom il-possibilità li jibdew attivitajiet produttivi awtonomi, dan jista’ jfisser li tingħata l-motivazzjoni lin-nies li jipparteċipaw b’mod attiv fix-xogħol regolari, titnaqqas id-dipendenza fuq il-benefiċċji u tingħata ispirazzjoni lill-ġenerazzjonijiet futuri. - Meta jfasslu u jimplimentaw l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma, l-Istati Membri huma mħeġġa biex jużaw l-Inizjattiva Ewropea dwar l-Innovazzjoni Soċjali, li l-Kummissjoni Ewropea għandha l-intenzjoni li tniedi fl-2011, kif stabbilit fl-Inizjattiva Prinċipali “Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali”. Dan il-metodu msejjes fuq l-innovazzjoni jista’ jikkontribwixxi fit-titjib tal-effettività tal-politiki soċjali ta’ inklużjoni. ...u lil hinn mill-2013 L-istrateġiji Nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma għandhom ikopru l-perjodu mill-2011 sal-2020 għalhekk huwa importanti li l-fondi disponibbli fil-Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) jintużaw bl-aħjar mod. Il-Qafas Finanzjarju Multiannwali se jfassal il-metodu li bih il-baġit futur tal-UE se jappoġġja l-għanijiet tal-Ewropa 2020. Sa mill-bidu, l-istrateġija Ewropa 2020 qieset is-sitwazzjoni tal-poplu Roma[46]. L-azzjonijiet li jappoġġjaw l-integrazzjoni tar-Roma se jkunu parti mill-istrumenti finanzjarji rilevanti tal-UE, b’mod partikolari l-fondi għall-politika ta' koeżjoni. Meta jitħejjew il-proposti għall-qafas regolatorju futur dwar il-politika ta’ koeżjoni, imsejsa fuq l-orjentazzjonijiet fir-Reviżjoni tal-Baġit[47] u fil-konklużjonijiet tal-Ħames Rapport ta' Koeżjoni, il-Kummissjoni se tistinka biex tindirizza l-ostakli potenzjali ta’ bħalissa biex il-fondi għall-politika ta' koeżjoni jintużaw b'mod effettiv fl-appoġġ tal-integrazzjoni tar-Roma. Se jkun importanti li jiġi żgurat li l-prijoritajiet ta’ investiment tal-fondi varji, li jkunu jistgħu jintużaw fil-qasam tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar, ikunu fil-bażi tal-implimentazzjoni tal-programmi nazzjonali ta’ riforma u tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma. Għandhom jistipulaw ukoll il-kundizzjonijiet meħtieġa minn qabel biex ikun hemm appoġġ effettiv u mmirat lejn ir-riżultati, anki permezz ta' valutazzjoni aħjar. Barra minn hekk, se tiġi esplorata l-possibilità li jintużaw inċentivi pożittivi biex jingħata rimedju għall-inugwaljanza. Fl-istess ħin, is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għall-benefiċċju tal-utenti tal-programm se tkun waħda mill-elementi prinċipali li se tqis il-Kummissjoni waqt li tħejji l-proposti futuri. Dan huwa ta’ importanza partikolari għal proġetti li jindirizzaw il-ħtiġijiet tar-Roma. 6. I L-PROMOZZJONI TAL-INTEGRAZZJONI TAR-ROMA LIL HINN MILL-UE: IS-SITWAZZJONI PARTIKOLARI TAL-PAJJIżI LI SE JISSIEħBU L-Istrateġija tal-Kummissjoni għat-Tkabbir[48] enfasizzat is-sitwazzjoni prekarja ta’ ħafna Roma fil-Balkani tal-Punent u fit-Turkija. Il-Kunsill tal-Ewropa jistma li hemm 3.8 miljuni. Ir-Roma fil-pajjiżi li se jissieħbu għandhom l-istess problemi jew problemi iktar serji minn dawk li għandhom f'ħafna Stati Membri tal-UE: l-esklużjoni soċjali, is-segregazzjoni u l-emarġinazzjoni li jwasslu għal nuqqas ta’ edukazzjoni, qgħad kroniku, aċċess limitat għall-kura tas-saħħa, għad-djar u għas-servizzi essenzjali kif ukoll faqar mifrux. Barra minn hekk, minħabba l-gwerer fir-reġjun tal-Balkani, ħafna familji Roma kellhom imorru f’pajjiżi oħra fir-reġjun jew fl-Ewropa tal-Punent u ma setgħux immorru lura f’pajjiżhom. Fit-Turkija, il-gruppi Roma huma differenti, imma l-parti l-kbira minnhom ibatu minn esklużjoni soċjali multidimensjonali. Il-lezzjonijiet li ħadna mis-sħubijiet fil-passat wrew li l-promozzjoni tal-integrazzjoni tar-Roma teħtieġ impenn politiku mtejjeb lejn l-inklużjoni tar-Roma, l-allokazzjoni tar-riżorsi xierqa fil-baġits nazzjonali, koordinazzjoni aħjar mad-donaturi kollha rilevanti u valutazzjoni sistematika u monitoraġġ imsaħħaħ. L-għanijiet tal-integrazzjoni tar-Roma għandhom l-istess rilevanza għal dawn il-pajjiżi. L-istrateġiji nazzjonali tagħhom għall-integrazzjoni tar-Roma u l-Pjanijiet ta’ Azzjoni (f’ħafna mill-każijiet żviluppati fi ħdan il-qafas tad-Deċennju tal-Inklużjoni tar-Roma 2005-2015) għandhom jiġu riveduti skont dawn l-għanijiet. It-Turkija għadha trid tadotta qafas nazzjonali biex tindirizza l-inklużjoni tar-Roma. Kemm fuq il-livell reġjonali kif ukoll fuq il-livell nazzjonali, il-Kummissjoni ħadet impenn li tgħin fl-isforzi ta’ dawn il-pajjiżi biex titjieb l-inklużjoni soċjali u ekonomika tar-Roma permezz ta’: - titjib fl-għoti ta’ appoġġ, skont l-Istrument għall-Assistenza ta’ qabel l-Adeżjoni, għal programmar nazzjonali strateġiku u orjentat lejn ir-riżultati u li jkun ta’ benefiċċju multiplu, b’iffukar fuq metodu ta' żvilupp soċjali li jolqot is-settur kollu. Bħalissa l-Kummissjoni qed timplimenta jew tippjana proġetti b’valur totali ta’ iktar minn EUR 50 miljun li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju esklussiv jew parzjali għall-komunitajiet Roma. - it-tisħiħ tal-involviment tas-soċjetà ċivili billi jitħeġġu d-djalogi istituzzjonalizzati mar-rappreżentanti tar-Roma biex jinvolvu ruħhom u jieħdu r-responsabilità tat-tfassil, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika fuq il-livelli reġjonali, nazzjonali u lokali. - monitoraġġ mill-qrib tal-progress li jkun sar minn kull pajjiż fir-rigward tas-sitwazzjoni ekonomika u soċjali tar-Roma u l-preżentazzjoni annwali tal-konklużjonijiet fir-Rapporti ta’ Progress marbuta mat-tkabbir. 7. Nagħtu s-setgħa lis-Soċjetà Ċivili: Rwol imsaħħaħ għall-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni tar-Roma Il-Pjattaforma Ewropea għall-Inklużjoni[49] tar-Roma hija forum utli għad-dibattitu u għal azzjoni konġunta tal-partijiet interessati kollha rilevanti: l-istituzzjonijiet tal-UE, il-gvernijiet nazzjonali, l-organizzazzjonijiet internazzjonali, l-akkademiċi u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili Roma. Il-Pjattaforma kkontribwixxiet b’mod sinifikanti sabiex kemm il-politiki Ewropej kif ukoll nazzjonali jkunu iktar sensittivi lejn il-ħtiġijiet tar-Roma. Il-Kummissjoni ħadet impenn biex ikollha rwol iktar b'saħħtu fil-Pjattaforma u biex issaħħaħ ir-rwol tal-Pjattaforma, billi tibni fuq l-esperjenza tal-passat u torbot il-ħidma tagħha mal-erba' oqsma ta' prijorità tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma. Permezz tal-Pjattaforma, il-partijiet interessati kkonċernati, speċjalment ir-rappreżentanti tal-komunitajiet Roma, għandu jkollhom il-possibilità ta' rwol fil-Qafas Ewropew għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma. Il-Pjattaforma msaħħa tista’ tkun ta’ appoġġ għall-Istati Membri biex isibu soluzzjoni ta’ politika rilevanti permezz tal-iskambju ta’ prattiki tajba u diskussjoni dwar il-metodi ma' organizzazzjonijiet internazzjonali li għandhom esperjenza fil-promozzjoni tal-inklużjoni tar-Roma. Se tipprovdi wkoll lill-Kummissjoni bir-reazzjonijiet għar-riżultati tal-isforzi nazzjonali li jkunu qed isiru fil-post permezz tal-vuċi tas-soċjetà ċivili Roma. 8. Il-kejl tal-progress: it-twaqqif ta’ sistema soda ta’ monitoraġġ Bħalissa huwa diffiċili li tinkiseb dejta preċiża, dettaljata u kompleta dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fl-Istati Membri u li jiġu identifikati miżuri konkreti li jkunu twaqqfu apposta biex jittrattaw l-esklużjoni u d-diskriminazzjoni tar-Roma. Mhux possibbli li jiġi vvalutat jekk dawn il-miżuri tawx ir-riżultati mistennija jew le. Għalhekk huwa importanti li tinġabar dejta affidabbli. Huwa proprju għalhekk li jeħtieġ li jitwaqqaf mekkaniżmu sod ta’ monitoraġġ b’punti ta’ referenza ċari, li jiżgura li r-riżultati tanġibbli jkunu jistgħu jitkejlu, li l-fondi maħsuba għall-integrazzjoni tar-Roma ikunu waslu għand il-benefiċjarji aħħarija, li jkun sar progress lejn l-ilħuq tal-għanijiet tal-UE għall-integrazzjoni tar-Roma u li l-istrateġiji għall-integrazzjoni tar-Roma ikunu ġew implimentati. Il-Kummissjoni se tħejji rapport darba fis-sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-progress fl-integrazzjoni tal-popolazzjoni Roma fl-Istati Membri u dwar l-ilħuq tal-għanijiet. Dan se jsir billi l-Kummissjoni tibni fuq il-proġett pilota ta’ stħarriġ dwar il-ħajja domestika tar-Roma li kien sar mill-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti b’koperazzjoni partikolari mal-Bank Dinji u mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali[50]. Il-Kummissjoni tistieden lill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali biex twessa’ dan l-istħarriġ dwar ir-Roma fl-Istati Membri kollha u tagħmlu regolarment biex jitkejjel il-progress li jkun sar fil-post. Permezz ta’ ħidma ma’ korpi oħra rilevanti, bħall-Fondazzjoni Ewropea għat-titjib tal-Kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali se tiġbor dejta dwar is-sitwazzjoni tar-Roma fir-rigward tal-aċċess għall-impjiegi, għall-edukazzjoni, għall-kura tas-saħħa u għad-djar. Il-ġbir tad-dejta se jsir ukoll minn riċerka speċifika ffinanzjata mill-Programm tax-Xjenzi Soċjo-Ekonomiċi u l-Umanistika tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka. Matul dan il-proċess, il-Kummissjoni, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u korpi oħrajn tal-Unjoni, skont tal-Artikolu 4(2)TUE, se jirrispettaw l-identitajiet nazzjonali tal-Istati Membri li huma parti integrali mill-istrutturi fundamentali tagħhom, politiċi u kostituzzjonali, u inklużi fit-tmexxija reġjonali u fit-tmexxija tagħhom stess. Il-Kummissjoni se tqis ukoll il-ħidma kontinwa fi ħdan il-Metodu Miftuħ ta’ Koordinazzjoni fil-qasam tal-politiki soċjali u l-kontributi ta' Stati Membri oħra msejsa fuq is-sistemi tagħhom ta' monitoraġġ tal-integrazzjoni tar-Roma. Monitoraġġ fil-fond tal-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Roma mill-Istati Membri u mill-partijiet interessati, huwa metodu sod biex tiżdied it-trasparenza u r-responsabilità sabiex ikun żgurat li l-integrazzjoni tar-Roma ikollha impatti mill-iktar pożittivi. Il-programmi ta’ riforma nazzjonali flimkien mal-proċessi ta’ monitoraġġ u ta’ reviżjoni inter pares tal-istrateġija Ewropa 2020 għandhom ikunu għajn addizzjonali ta’ informazzjoni biex jiġi valutat il-progress u għandhom iservu ta’ gwida għall-Istati Membri. Sabiex il-Kummissjoni tikseb dejta utli fuq tul ta’ żmien, hija se trawwem ukoll il-koperazzjoni bejn l-uffiċċji nazzjonali għall-istatistika u l-Eurostat sabiex ikun possibbli li jinstabu metodi biex jiġu identifikati l-mikroreġjuni l-inqas żviluppati tal-UE, fejn jgħixu l-gruppi l-iktar emarġinati, b'mod partikolari r-Roma. Dan il-metodu territorjali għall-ġbir tad-dejta għandu rilevanza diretta għall-ittrattar tal-faqar u l-esklużjoni tar-Roma. Barra minn hekk, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali għandha taħdem mill-qrib mal-Istati Membri biex jiġu żviluppati metodi ta’ monitoraġġ li jistgħu jipprovdu analiżi komparattiva tas-sitwazzjoni tar-Roma madwar l-Ewropa. 9. Konklużjoni: 10 snin biex tinħass id-differenza Il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma jipprovdi l-opportunità li l-forzi jingħaqdu fil-livelli kollha (UE, nazzjonali, reġjonali) u mal-partijiet interessati kollha, inklużi r-Roma, biex tiġi indirizzata waħda mill-iktar sfidi soċjali serji fl-Ewropa: it-tmiem tal-esklużjoni tar-Roma. Dan jikkomplimenta l-leġiżlazzjoni u l-politiki eżistenti tal-UE fl-oqsma tan-non-diskriminazzjoni, tad-drittijiet fundamentali, tal-moviment ħieles tal-persuni u tad-drittijiet tat-tfal[51]. Il-qafas jispjega l-għanijiet fuq il-livell tal-UE għall-integrazzjoni tar-Roma li għandhom jintlaħqu fuq il-livell nazzjonali, reġjonali u lokali. Dawk l-għanijiet ambizzjużi jistgħu jintlaħqu biss jekk jittieħed impenn ċar mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali flimkien mal-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Roma. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew biex japprovaw il-Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma. Għal iktar minn għaxar snin, l-istituzzjonijiet tal-UE appellaw b’mod regolari lill-Istati Membri u lill-pajjiżi li se jissieħbu biex itejbu l-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma. Issa huwa ż-żmien biex l-intenzjonijiet tajba jinbidlu f’azzjonijiet iktar konkreti. Anness — Tabella miġbura u msejsa fuq dejta tal-Kunsill tal-Ewropa (http://www.coe.int/t/dg3/Romatravellers/default_en.asp) Il-figuri ttieħdu minn dokument imħejji mit-Taqsima Roma u Travellers tal-Kunsill tal-Ewropa | (Pajjiżi mhux Stati Membri tal-UE) | Total fl-Ewropa | | | | | 11.256.900 | | | |*skont UNSCR 1244/99 [1] It-terminu “Roma” jintuża - bl-istess mod ta’ dokumenti politiċi oħrajn tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Ewropew - bħala terminu ġenerali li jinkludi gruppi ta' persuni li għandhom bejn wieħed u ieħor l-istess karatteristiċi, bħas-Sinti, it-Travellers, il-Kalé, il-Gens du voyage, eċċ, kemm jekk huma sedentarji jew le; huwa stmat li madwar 80% tar-Roma huma sedentarji (SEC(2010)400). [2] COM(2010) 133, p.5. [3] Fundación Secretariado Gitano, Is-saħħa u l-komunità tar-Roma, analiżi tas-sitwazzjoni fl-Ewropa, 2009 . Dan l-istudju jagħti ħarsa lejn il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, il-Portugal, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja. [4] Bank Dinji, l-Inklużjoni tar-Roma: Opportunità Ekonomika għall-Bulgarija, għar-Repubblika Ċeka u għas-Serbja, Settembru 2010. [5] Fl-2011 hemm il-ħsieb li ssir Komunikazzjoni dwar Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi. [6] Bank Dinji, l-Inklużjoni tar-Roma: Opportunità Ekonomika għall-Bulgarija, għar-Repubblika Ċeka u għas-Serbja, Settembru 2010. [7] It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 2 u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 21. [8] COM (2010) 133, L-integrazzjoni soċjali u ekonomika tar-Roma fl-Ewropa. [9] Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità (ĠU L 180, 19.07.2009). [10] COM(2010) 133, Taqsima 2. [11] Ir-Roma Task Force tal-Kummissjoni twaqqfet fis-7 ta' Settembru 2010 biex jiġi simplifikat, evalwat u mkejjel l-użu (inkluża l-effettività) tal-fondi tal-UE mill-Istati Membri kollha għall-integrazzjoni tar-Roma u biex jiġu identifikati d-dgħjufijiet li hemm fil-bażi tal-użu ta' dawn il-fondi. [12] Ara l-istimi tal-Kunsill tal-Ewropa inklużi fl-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni fil-paġna http://www.coe.int/t/dg3/Romatravellers/default_EN.asp. [13] Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE (ĠU L 180, 19.7.2000). [14] Pereżempju, it-Traveller Education Support Services (TESS) lokali tar-Renju Unit huwa servizz imfassal biex jintlaħaq livell ta' aċċess għall-edukazzjoni u ta' riżultati edukattivi indaqs għat-tfal Traveller u Roma. Eżempju ieħor huwa l-proġett JOBS for Roma fil-Bulgarija li joffri assistenza lir-Roma bla impjieg u appoġġ lin-negozjanti. Hemm eżempji oħra fir-Rapport tal-Kummissjoni “Intejbu l-għodda għall-inklużjoni soċjali u n-non-diskriminazzjoni tar-Roma fl-UE”, 2010. Ara wkoll il-Kummissjoni Ewropea, "Perspettivi internazzjonali dwar miżuri ta’ azzjoni pożittiva”, 2009. [15] COM (2011) 11, Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir: l-avvanz tar-rispons komprensiv tal-UE għall-kriżi. [16] Minn seba’ inizjattivi prinċipali, l-iktar rilevanti f’dan il-kuntest huma l-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali, l-Aġenda għal Ħiliet u Impjiegi ġodda u l-Unjoni ta’ Innovazzjoni. [17] Fir-rigward tal-edukazzjoni sekondarja, kif stmat fuq il-bażi tal-Istħarriġ tal-2008 tal-Open Society Institute (OSI), l-attendenza tar-Roma huwa ta’ madwar 10% (hemm dejta disponibbli biss fir-rigward ta’ seba’ Stati Membri). [18] Stħarriġ dwar il-popolazzjoni li taħdem, 2009 - http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/microdata/lfs [19] Open Society Institute, International Comparative Data Set on Roma Education , 2008. Id-Dejta dwar l-edukazzjoni primarja hija disponibbli għal 6 Stati Membri: il-Bulgarija, l-Ungerija, il-Latvja, ir-Romanija u s-Slovakkja. il-medja kkalkulata għal dawn l-Istati Membri hija 42%. [20] COM(2011) 66. [21] Proġett pilota: “Bidu tajjeb: inżidu l-aċċess għal servizzi ta’ kwalità għat-tfal Roma”. [22] F’dan il-kuntest, għandu jiġi esplorat b’mod attiv l-użu potenzjali ta’ metodi innovattivi bħal aċċess għat-tagħlim u għall-iżivlupp ta’ ħiliet imsejjes fuq ICT. [23] COM(2011) 11, Anness 3, Abbozz ta’ Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi. Ara wkoll Stħarriġ dwar il-Popolazzjoni li Taħdem, 2009: fl-2009 ir-rata tal-impjiegi kienet 62.5% għan-nisa u 75.8% għall-irġiel -http://epp.eurostat.ec.europa.eu/tgm/table.do?tab=table&init=1&plugin=1&language=en&pcode=t2020_10 [24] Bank Dinji, op.cit. [25] Aġenzija għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stħarriġ dwar il-Minoritajiet fl-Unjoni Ewropea u d-Diskriminazzjoni, Rapport tar-Riżultati Prinċipali, 2009. [26] http://epp.eurostat.ec.europa.eu/portal/page/portal/product_details/dataset?p_product_code=TSDPH100 [27] COM(2009) 567, Is-Solidarjetà fis-Saħħa : it-Tnaqqis tal-Inugwaljanzi fis-Settur tas-Saħħa fl-UE . Ara wkoll Fundacion Secretariado Gitano, op cit. u Sepkowitz K, ‘Health of the World’s Roma population’, 2006, imsejjes fuq is-sitwazzjoni fir-Repubblika Ċeka, fl-Irlanda, fis-Slovakkja u fil-Bulgarija. [28] Il-proporzjon tal-għadd ta’ mwiet kull sena ta’ tfal taħt l-età ta’ sena mal-għadd ta’ twelid ta’ trabi ħajjin fl-istess sena. Data Eurostat, 2009 -http://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=demo_minfind&lang=en [29] UNDP, Ir-Roma fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant, Nevitaw id-Dipendenza, 2003. Il-Bulgarija, ir-Rumanija, is-Slovakkja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka. Equality and Human Rights Commission, Inequalities Experienced by Gypsy and Traveller Communities: A review, 2009. [30] Aġenzija għad-Drittijiet tal-Bniedem, Stħarriġ dwar il-Minoritajiet fl-Unjoni Ewropea u d-Diskriminazzjoni, Rapport tar-Riżultati Prinċipali, 2009. [31] Fundacion Secretariado Gitano, op.cit. Ara wkoll University of Sheffield, The Health Status of Gypsies and Travellers in England, 2004. [32] Dejta tal-Eurostat, 2002 - http://epp.eurostat.ec.europa.eu/cache/ITY_PUBLIC/8-21032006-AP/EN/8-21032006-AP-EN.PDF ) [33] Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, Il-kundizzjonijiet tad-djar tar-Roma u tat-Travellers fl-Unjoni Ewropea, Rapport Komparattiv, 2009. [34] Id-Deċennju tal-Inklużjoni tar-Roma 2005-2015 huwa inizjattiva internazzjonali li jgħaqqad il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet internazzjonali msieħba u s-soċjetà ċivili biex jitħaffef il-progress fl-inklużjoni tar-Roma u biex issir reviżjoni tal-istess progress b’mod trasparenti u kwantifikabbli. It-12-il pajjiż li bħalissa qed jipparteċipaw fid-Deċennju huma l-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Ungerija, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja kif ukoll l-Albanija, il-Bożnja u l-Ħerżegovina, il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugożlava tal-Maċedonja, il-Montenegro u s-Serbja. Is-Slovenja għandha status ta’ osservatur. L-organizzazzjonijiet internazzjonali msieħba tad-Deċennju huma l-Bank Dinji, l-OSI, il-UNDP, il-Kunsill tal-Ewropa, il-Bank tal-Iżvilupp tal-Kunsill tal-Ewropa, l-OSCE, l-ERIO, il-UN-HABITAT, il-UNHCR u l-UNICEF. [35] Ara l-istimi tal-Kunsill tal-Ewropa inklużi fl-Anness ta’ din il-Komunikazzjoni fil-paġna http://www.coe.int/t/dg3/Romatravellers/default_EN.asp. [36] L-10 Prinċipji Bażiċi tal-Inklużjoni tar-Roma ġew ippreżentati fl-ewwel lagħqa tal-Pjattaforma fl-24 ta’ April 2009. Kienu annessi mal-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2009. Dawn jinkludu: 1) politiki kostruttivi, prammatiċi u mhux diskriminatorji 2) iffukar espliċitu imma mhux esklużiv 3) metodu interkulturali 4) iffukar fuq l-issimplifikar u l-ġeneralizzazzjoni 5) kuxjenza dwar il-ġens 6) trasferiment ta’ politiki msejsa fuq l-evidenza 7) l-użu ta’ strumenti tal-UE 8) l-involviment tal-awtoritajiet reġjonali u lokali 9) l-involviment tas-soċjetà ċivili 10) il-parteċipazzjoni attiva tar-Roma. [37] Fir-rigward tal-Fond Soċjali Ewropew, ġew allokati EUR 9.6 biljuni fil-perjodu mill-2007 sal-2013 għal miżuri iffukati fuq l-inklużjoni soċjo-ekonomika ta’ persuni żvantaġġjati – fosthom ir-Roma emarġinati – u EUR 172 miljun allokati b'mod espliċitu għal azzjonijiet li jiffukaw fuq l-integrazzjoni tar-Roma. Fir-rigward tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), hemm iktar minn EUR 16.8 biljun maħsuba għall-infrastruttura soċjali. [38] COM(2010) 133. [39] Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-7 ta’ Ġunju 2010, 10058/10+COR 1. [40] Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 437/2010, (ĠU L 132, 29.5.2010). Fid-9 ta’ Frar 2011 il-Kummissjoni ħarġet nota ta’ gwida dwar l-implimentazzjoni ta’ interventi integrati fil-qasam tad-djar favur il-komunitajiet emarġinati taħt il-FEŻR, li ġiet approvata mill-Kumitat għall-Koordinazzjoni tal-Fondi. [41] COM(2010) 110, Il-politika ta’ koeżjoni: Rapport Strateġiku 2010 dwar l-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013 u SEG(2010) 360, irrapporta li l-Istati Membri użaw biss medja ta' 31% tal-allokazzjonijiet tagħhom biex jappoġġjaw il-preparazzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-politika ta' koeżjoni. [42] Skont ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1083/2006, l-Artikoli 42 u 43 relatati mal-għotjiet globali, (ĠU L 210, 31.7.2006). [43] Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għandu netwerk ta’ punti ta’ kuntatt nazzjonali fis-soċjetà organizzata ċivili permezz ta’ kumitati nazzjonali Ekonomiċi u Soċjali u organizzazzjonijiet simili. [44] Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 283/2010/UE tal-25 ta’ Marzu 2010. [45] Pereżempju, il-Kummissjoni diġà tappoġġja l-Kiútprogram, proġett pilota żgħir li għandu fil-mira tiegħu l-komunità Roma fl-Ungerija, li jipprovdi mikrokreditu relattivament żgħir. [46] Fil-Linji gwida Integrati dwar il-politika ekonomika u tal-impjiegi (nru 10) hemm referenza espliċita għar-Roma. Barra minn hekk, l-inizjattiva prinċipali “Pjattaforma kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali” tispjega l-metodu ta' kif għanda tiġi indirizzata l-integrazzjoni tar-Roma fil-politika globali tal-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. Linji gwida oħrajn fil-qasam tal-politiki dwar l-impjieg, jippromwovu l-impjegabilità li tgħin fl-integrazzjoni soċjo-ekonomika tal-poplu Roma. [47] COM (2010) 700, Ir-Reviżjoni tal-Baġit tal-UE. [48] COM (2010) 660, L-Istrateġija ta’ Tkabbir u l-Isfidi Ewlenin 2010-2011. [49] L-ewwel laqgħa tal-Pjattaforma saret fl-2009, wara l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tat-8 ta’ Diċembru 2008, li stieden lill-Kummissjoni biex torganizza skambju ta’ prattiki tajba u ta’ esperjenzi bejn l-Istati membri fil-qasam tal-inklużjoni tar-Roma, biex tipprovdi appoġġ analitiku u tistimula l-koperazzjoni bejn il-partijiet kollha milquta mill-kwistjonijiet tar-Roma, inklużi l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw ir-Roma, fil-kuntest ta’ pjattaforma Ewropea integrata. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali 15976/1/08 REV 1. [50] Stħarriġ UNDP, kofinanzjat mid-DĠ REGIO u żviluppat b’koperazzjoni mad-DĠ REGIO, mal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, mal-Bank Dinji u mal-OSI (Rebbiegħa 2011 - ir-riżultati fil-Ħarifa): ġie kopert 11-il Stat Membru (il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Greċja, l-Ungerija, il-Polonja, ir-Romanija, is-Slovakkja, Franza, l-Italja, Spanja u l-Portugall). [51] COM (2011) 60, Aġenda tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal.