EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31988L0344

Id-Direttiva tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 1988 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigwrd is-solventi ta’ l-estrazzjoni wżati fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel

ĠU L 157, 24.6.1988, p. 28–33 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (FI, SV, CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/06/2009; Imħassar b' 32009L0032

ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/1988/344/oj

31988L0344



Official Journal L 157 , 24/06/1988 P. 0028 - 0033
Finnish special edition: Chapter 13 Volume 17 P. 0066
Swedish special edition: Chapter 13 Volume 17 P. 0066


Id-Direttiva tal-Kunsill

tat-13 ta’ Ġunju 1988

dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta’ l-Istati Membri rigwrd is-solventi ta’ l-estrazzjoni wżati fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel u l-ingredjenti ta’ l-ikel

(88/344/KEE)

IL-KUNSILL TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’mod speċjali l-Artikolu 100a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni [1],

B’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew [2],

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Soċjali u Ekonomiku [3],

Billi d-differenzi bejn il-liġijiet nazzjonali li għandhom x’jaqsmu mas-solventi ta’ l-estrazzjoni jtellfu l-moviment liberu ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel u jistgħu joħolqu kondizzjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux ugwali biex b’hekk jiġu affettwati direttament il-mod kif jiġi stabbilit jew il-mod kif jaħdem is-suq komuni;

Billi l-approssimazzjoni ta’ dawk il-liġijiet hija għalhekk meħtieġa jekk irid jinkiseb il-moviment liberu ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel;

Billi l-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mas-solventi ta’ l-estrazzjoni għall-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel għandhom primarjament iqisu l-ħtiġiet tas-saħħa tal-bniedem iżda wkoll, fil-limiti meħtieġa għall-protezzjoni tas-saħħa, il-ħtiġiet ekonomiċi u tekniċi;

Billi din l-approssimazzjoni għandha tinvolvi l-istabbiliment ta’ lista waħda tas-solventi ta’ l-estrazzjoni għall-preparazzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel jew ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel; billi għandhom ukoll jiġu speċifikati l-kriterji ġenerali tal-purità;

Billi l-użu ta’ solvent ta’ l-estrazzjoni skond il-kondizzjonijiet tal-prattika t-tajba tal-fabbrikazzjoni għandu jirriżulta fit-tneħħija tar-residwi kollha tas-solvent jew tal-biċċa l-kbira minnhom mill-oġġett ta’ l-ikel jew mill-ingredjent ta’ l-ikel;

Billi, taħt dawn il-kondizzjonijiet, il-preżenza ta’ residwi jew ta’ derivati fl-oġġett ta’ l-ikel jew fl-ingredjent aħħarija tista’ ma tkunx intenzjonata iżda ma jkunx tista’ tiġi evitata teknikament;

Billi, minkejja li b’mod ġenerali tkun utli limitazzjoni speċifika, m’hemmx għalfejn tiġi stabbilita għas-sustanzi elenkati fil-Parti I ta’ l-Anness li jkunu nstabu aċċettabbli rigward is-salvagward tal-konsumatur meta jkunu użati taħt il-kondizzjonijiet tal-prattika t-tajba tal-fabbrikazzjoni;

Billi biex titqies il-protezzjoni tas-saħħa pubblika, għandhom jiġu stabbiliti l-kondizzjonijiet dwar l-użu ta’ solventi oħra ta’ l-estrazzjoni elenkati fil-Partijiet II u III ta’ l-Anness u r-residwi permessi fl-ikel u fl-ingredjenti ta’ l-ikel;

Billi, sakemm jiġu adottati r-regoli Komunitarji dwar it-taħwir, l-Istati Membri m’għandhomx jiġu miżmuma milli jawtorizzaw, bħala solventi ta’ l-estrazzjoni għal ċerti taħwiriet, is-sustanzi użati għalbiex jiddilwu u jħollu dawn il-materjali;

Billi d-dispożizzjonijiet dwar ċerti solventi ta’ l-estrazzjoni għandhom jiġu rriveduti f’perjodu taż-żmien fuq il-bażi tar-riċerka xjentifika u teknika li għadha sejra dwar l-aċċettazzjoni ta’ dawn is-solventi u l-kondizzjonijiet għall-użu tagħhom;

Billi għandhom jiġu stabbiliti kriterji speċifiċi dwar il-purità għas-solventi ta’ l-estrazzjoni u għall-metodi ta’ l-analiżi u għal kif jittieħdu l-kampjuni tas-solventi ta’ l-estrazzjoni ġewwa u fuq l-oġġetti ta’ l-ikel;

Billi, jekk l-użu ta’ solvent ta’ l-estrazzjoni li għalih hemm pprovvediment f’din id-Direttiva jidher li joħloq riskju għas-saħħa b’riżultat tat-tagħrif ġdid, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jissospendu jew jillimitaw dan l-użu, jew inaqqsu l-limiti eżistenti, sakemm tittieħed deċiżjoni fil-livell Komunitarju;

Billi l-istabbiliment ta’ proċeduri għat-teħid tal-kampjuni u għall-metodi ta’ l-analiżi meħtieġa sabiex jiġu ċċekkjati s-sustanzi elenkati u l-istandards tal-purità tagħhom jikkostitwixxu miżuri tekniċi ta’ implimentazzjoni; billi sabiex jiġu ssimplifikati u jitħaffu dawn il-proċeduri u biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tagħhom huwa mixtieq li tiġi żgurata l-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni fil-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 69/414/KEE [4],

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

L-Artikolu 1

1. Din id-Direttiva tapplika għas-solventi ta’ l-estrazzjoni użati jew maħsuba għalbiex jintużaw fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel jew ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel.

Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għas-solventi ta’ l-estrazzjoni użati fil-produzzjoni ta’ l-addittivi ta’ l-ikel, il-vitamini jew addittivi nutrijenti oħra, għajr jekk dawn l-addittivi ta’ l-ikel, il-vitami jew l-addittivi nutrijenti huma elenkati fl-Anness.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-użu ta’ l-addittivi ta’ l-ikel, il-vitamini u l-addittivi nutrijenti l-oħra ma jirriżultax illi l-oġġetti ta’ l-ikel jkun fihom livelli ta’ residwi tas-solvent ta’ l-estrazzjoni li jkunu ta’ periklu għas-saħħa tal-bniedem.

2. Din id-Direttiva ma taffettwax il-liġijiet ta’ l-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ l-użu tal-metanol, il-propan-1-ol, il-propan-2-ol u t-trikoloroetilene bħala solventi ta’ l-estrazzjoni fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel jew ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel.

3. Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva:

(a) “solvent” ifisser kull sustanza użata sabiex tħoll l-oġġett ta’ l-ikel jew kull komponent tiegħu, inkluż kull kontaminant preżenti ġewwa jew fuq dan l-oġġett ta’ l-ikel;

(b) “solvent ta’ l-estrazzjoni” ifisser solvent li huwa użat skond proċedura ta’ l-estrazzjoni matul il-proċessar tal-materji prima, ta’ oġġetti ta’ l-ikel, jew tal-komponenti jew l-ingredjenti ta’ dawn il-prodotti u li jiġi mneħħi iżda li jista’ jirriżulta fil-preżenza mhux intenzjonata, iżda teknikament li ma tistax tiġi evitata, ta’ residwi jew derivati fl-oġġetti ta’ l-ikel jew fl-ingredjent ta’ l-ikel.

L-Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom jawtorizzaw l-użu tas-solventi ta’ l-estrazzjoni fil-fabbrikazzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel jew ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel ta’ dawk is-sustanzi u materjali elenkati fl-Anness, skond il-kondizzjonijiet ta’ l-użu u fejn xieraq fil-limiti massimi tar-residwi speċifikati fih.

L-Istati Membri ma jistgħux jipprojbixxu, jirrestrinġu jew ifixklu t-tqegħid fis-suq ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel jew ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel għal raġunijiet li għandhom x’jaqsmu mas-solventi ta’ l-estrazzjoni użati jew mar-residwi tagħhom jekk dawn jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’din id-Direttiva.

2. L-Istati Membri la għandhom jawtorizzaw l-użu ta’ sustanzi u materjali oħra bħala solventi ta’ l-estrazzjoni, u lanqas jestendu l-kondizzjonijiet jew l-użu jew ir-residwi permessi tas-solventi ta’ l-estrazzjoni elenkati fl-Anness lil hemm minn dawk speċifikati fih.

3. Sakemm jiġu addottati d-dispożizzjonijiet Komunitarji dwar is-sustanzi użati għad-dilwit u sabiex jinħall it-taħwir l-Istati Membri jistgħu, fit-territorju tagħhom, jippermettu l-użu, bħala solventi għall-estrazzjoni it-taħwir minn materjali naturali tat-taħwir, tas-sustanzi użati sabiex il-ħwawar jiġu dilwiti jew maħlula.

4. L-ilma, li jista’ jkun ġie miżjud b’sustanzi li jirregolaw l-aċidità jew l-alkalinità, sustanzi oħra ta’ l-ikel li jkollhom proprjetajiet tas-solvent u l-etanol huma awtorizzati bħala solventi ta’ l-estrazzjoni fil-fabbrikazzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel jew ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel.

5. Fi żmien sentejn mill-adozzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku ta’ l-Ikel, terġa’ teżamina d-dispożizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-Parti I ta’ l-Anness m’hawn u mas-sustanzi li ġejjin u għandha tipproponi kull emenda meħtieġa waqt li taġixxi skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 100a tat-Trattat:

Il-Butan-1-ol

Il-Butan-2-ol

Il-Metil-propan-1-ol

Il-Metil-propan-2-ol

L-Aċetat tal-metil

Iċ-ĊikloHexane

Id-Diklorometan

L-Eksane

L-Etilmetilketon

L-Isobutan

Id-Diethyl ether

Bħala parti minn din l-emenda, il-Kunsill għandu jiddeċiedi jekk ir-residwi tas-solventi ta’ l-estrazzjoni elenkati fil-Parti III ta’ l-Anness għandhomx jirreferu għat-taħwir aktar milli għall-oġġetti ta’ l-ikel.

6. Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Kumitat Xjentifiku ta’ l-Ikel, għandha terġa’ teżamina s-sitwazzjoni rigward is-sustanzi riferiti fl-Artikolu 1(2) u tissottometti kull proposta xierqa lill-Kunsill:

- tliet snin wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva rigward il-metanol, il-propan-1-ol u l-propan-2-ol.

- seba’ snin wara l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva rigward it-trikloroetilene.

L-Artikolu 3

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha sabiex jiżguraw illi s-sustanzi u l-materjali elenkati bħala solventi ta’ l-estrazzjoni fl-Anness jissodisfaw il-kriterji tal-purità li ġejjin:

(a) m’għandux ikun fihom ammont tossikoloġiku perikoluż ta’ xi element jew sustanza;

(b) bla ħsara għal kull eċċezzjoni dderivata mill-kriteriji speċifiċi tal-purità riferiti fiċ-(ċ), m’għandux ikun fihom aktar minn 1 mg/kg ta’ arseniku jew aktar minn 1 mg/kg ta’ ċomb;

(ċ) għandhom jissodisfaw il-kriterji speċifiċi tal-purità stabbiliti skond l-Artikolu 4.

L-Artikolu 4

Dawn li ġejjin għandhom jiġu stabbiliti skond il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6:

(a) il-metodi ta’ l-analiżi meħtieġa sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-kriterji ġenerali u speċifiċi tal-purità riferiti fl-Artikolu 3;

(b) il-proċedura għat-teħid tal-kampjuni u l-metodi għall-analiżi kwalitattiva u kwantitattiva tas-solventi ta’ l-estrazzjoni ċċitati fl-Anness użati fl-oġġetti ta’ l-ikel jew fl-ingredjenti ta’ l-ikel;

(ċ) jekk meħtieġa, il-kriterji speċifiċi tal-purità tas-solventi ta’ l-estrazzjoni elenkati fl-Anness, u b’mod partikulari l-limiti massimi permessi ta’ merkurju u ta’ kadmju fis-solventi ta’ l-estrazzjoni; dawn il-kriterji jridu jiġu adottati fi żmien tliet snin mid-data ta’ l-adozzjoni ta’ din id-Direttiva.

L-Artikolu 5

1. Meta Stat Membru, b’riżultat tat-tagħrif ġdid jew ta’ evalwazzjoni mill-ġdid tat-tagħrif eżistenti magħmula mindu kienet addottata d-Direttiva, ikollu raġunijiet iddettaljati sabiex jistabbilixxi illi l-użu fl-oġġetti ta’ l-ikel ta’ xi sustanza elenkata fl-Anness jew li l-livell ta’ wieħed jew aktar mill-komponenti riferiti fl-Artikolu 3 misjub f’dawn is-sustanzi jistgħu jipperikolaw is-saħħa tal-bniedem għalkemm jikkonformaw mal-kondizzjonijiet stabbiliti f’din id-Direttiva, dak l-Istat Membru jista’ jissospendi jew jirrestrinġi temporanjament l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni fit-territorju tiegħu. Għandu jgħarraf lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni b’dan minnufih u jagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħu.

2. Il-Kummissjoni għandha teżamina malajr kemm jista’ jkun ix-xhieda mogħtija mill-Istat Membru konċernat u tikkonsulta lill-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel, umbagħad għandha tagħti l-opinjoni tagħha ninnufih u tieħu l-miżuri adatti, li jistgħu jieħdu l-post tal-miżuri riferiti fil-paragrafu 1.

3. Jekk il-Kummissjoni tqis illi huma meħtieġa emendi għad-Direttiva sabiex issolvi d-diffikultajiet imsemmija fil-paragrafu 1 u sabiex tiżgura l-protezzjoni tas-saħħa pubblika, għandha tibda l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 6 bil-ħsieb li taddotta dawn l-emendi. Kull Stat Membru li jkun addotta miżuri ta’ salvagwardja jista’ f’dan il-każ iżommhom sakemm l-emendi jidħlu fis-seħħ fit-territorju tiegħu.

L-Artikolu 6

1. Meta l-proċedura stabbilita f’dan l-Artikolu għandha tiġi segwita, il-President għandu jirreferi l-kwistjoni lill-Kumitat Permanenti ta’ l-Oġġetti ta’ l-Ikel.

2. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jissottometti lill-Kumitat abbozz tal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kumitat għandu jagħti l-opinjoni tiegħu dwar l-abbozz fiż-żmien stabbilit mill-President skond l-urġenza tal-każ. L-opinjoni għandha tingħata bil-maġġoranza stabbilita fl-Artikolu 148(2) tat-Trattat fil-każ tad-deċiżjonijiet illi l-Kunsill ikun meħtieġ li jadotta fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-voti tar-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri fil-Kumitat għandhom jiġu ppeżati bil-mod stabbilit f’dak l-Artikolu. Il-President m’għandux jivvota.

3. (a) Il-Kummissjoni għandha taddotta l-miżuri maħsuba meta dawn ikunu skond l-opinjoni tal-Kumitat.

(b) Meta l-miżuri maħsuba ma jkunux skond l-opinjoni tal-Kumitat, jew fin-nuqqas ta’ opinjoni, il-Kummissjoni għandha mill-ewwel tissottometti lill-Kunsill proposta li jkollha x’taqsam mal-miżuri li jridu jittieħdu. Il-Kunsill għandu jaġixxi b’maġġoranza kkwalifikata.

(ċ) Jekk, malli jiskadu t-tliet xhur mid-data li fiha kienet riferita l-kwistjoni, il-Kunsill ma jkun adotta l-ebda miżura, il-Kummissjoni għandha tadotta l-miżuri proposti.

L-Artikolu 7

1. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi s-sustanzi elenkati fl-Anness u maħsuba għall-użu bħala solventi ta’ l-estrazzjoni fl-oġġetti ta’ l-ikel ma jistgħux jitqiegħdu fis-suq għajr jekk l-imballaġġ, il-kontenituri jew it-tikketti tagħhom ikun fihom it-tagħrif li ġej hekk li jkun jidher b’mod faċli, jinqara b’mod ċar u ma jitħassarx:

(a) l-isem kummerċjali kif mogħti fl-Anness;

(b) indikazzjoni ċara illi l-materjal huwa ta’ kwalità adatta sabiex jintuża’ għall-estrazzjoni ta’ l-ikel jew ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel;

(ċ) referenza li biha l-lott ikun jista’ jiġi identifikat;

(d) l-isem jew l-isem tan-negozju u l-indirizz tal-fabbrikant jew ta’ l-ippakkjatur jew tal-bejjiegħ stabbilit fil-Komunità;

(e) l-ammont nett mogħti bħala unitajiet tal-volum;

(f) jekk meħtieġa, il-kondizzjonijiet speċjali tal-ħażna jew il-kondizzjonijiet ta’ l-użu.

2. B’deroga mill-paragrafu 1, it-tagħrif speċifikat fil-punti (ċ), (d), (e) u (f) ta’ dak il-paragrafu jista’ jidher sempliċiment fuq id-dokumenti kummerċjali li jkollhom x’jaqsmu mal-lott li jridu jiġu fornuti mal-kunsinna jew qabel.

3. Dan l-Artikolu huwa mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet Komunitarji iktar preċiżi jew aktar estensivi rigward l-użin u l-kejl jew id-dispożizzjonijiet li japplikaw għall-klassifikar, l-imballaġġ u l-ittikkettjar tas-sustanzi u tal-preparazzjonijiet perikolużi.

4. L-Istati Membri għandhom iżommu lura milli jistabbilixxu ħtiġiet aktar iddettaljati minn dawk li jinsabu diġà f’dan l-Artikolu rigward il-mod li bih il-partikolaritajiet iridu jintwerew.

L-Istati Membri għandhom, madankollu, jiżguraw illi jiġi pprojbit il-bejgħ tas-solventi ta’ l-estrazzjoni fit-territorji tagħhom jekk il-partikolaritajiet li hemm provvediment dwarhom f’dan l-Artikolu ma jidhrux f’lingwa li tinftiehem b’mod faċli mix-xerrejja, għajr jekk ikunu ttieħdu miżuri oħra sabiex jiżguraw illi x-xerrej jiġi mgħarraf. Din id-dispożizzjoni m’għandhiex tipprevjeni milli dawn il-partikolaritajiet jiġu indikati f’lingwi varji.

L-Artikolu 8

1. Din id-Direttiva għandha tapplika ugwalment għas-solventi ta’ l-estrazzjoni użati jew maħsuba biex jintużaw fil-produzzjoni ta’ l-oġġetti ta’ l-ikel jew ta’ l-ingredjenti ta’ l-ikel importati fil-Komunità.

2. Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għas-solventi ta’ l-estrazzjoni, jew għall-oġġetti ta’ l-ikel maħsuba għall-esportazzjoni ’l barra mill-Komunità.

L-Artikolu 9

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva fi żmien tliet snin mill-adozzjoni tagħha, sabiex jawtorizzaw minn dik id-data il-kummerċ fis-solventi ta’ l-estrazzjoni li jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u l-użu tagħhom u sabiex jipprojbixxu l-kummerċ fis-solventi ta’ l-estrazzjoni u l-użu tagħhom li ma jikkonformawx magħhom. Għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni b’dan minnufih.

L-Artikolu 10

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmula fil-Lussemburgu, fit-13 ta’ Ġunju 1988.

Għall-Kunsill

Il-President

I. Kiechle

[1] ĠU C 312, tas-17.11.1983, p. 3,u ĠU C 77, tat-23.3.1985, p. 7.

[2] ĠU C 12, ta’ l-14.1.1985, p. 152,u ĠU C 68, ta’ l-14.3.1988, p. 51.

[3] ĠU C 206, tas-6.8.1984, p. 7.

[4] ĠU L 291, tad-19.11.1969, p. 9.

--------------------------------------------------

L-ANNESS

IS-SOLVENTI TA’ L-ESTRAZZJONI LI JISTGĦU JINTUŻAW MATUL IL-PROĊESSAR TAL-MATERJI PRIMA, TA’ L-OĠĠETTI TA’ L-IKEL, TAL-KOMPONENTI TA’ L-IKEL JEW TA’ L-INGREDJENTI TA’ L-IKEL

IL-PARTI I

Is-solventi ta’ l-estrazzjoni li għandhom jintużaw skond il-prattika tajba tal-fabbrikazzjoni għall-użi kollha [1]

L-isem |

Il-Propan |

Il-Butan |

L-Aċetat tal-Butil |

L-Aċetat ta’ l-Etil |

L-Etanol |

Id-Dijossidu tal-Karbonju |

L-Aċetone |

L-Ossidu tan-Nitroġenu |

L-Isem | Il-Kondizzjonijiet ta’ l-użu (id-deskrizzjoni sommarja ta’ l-estrazzjoni) | Il-Limiti massimi tar-residwi fl-oġġett ta’ l-ikel estratt jew fl-ingredjent ta’ l-ikel |

L-Ekżane | Il-produzzjoni jew il-frazzjonament tax-xaħmijiet u taż-żjut u l-produzzjoni tal-butir tal-kawkaw 5 mg/kg fix-xaħam jew fiż-żejt jew fil-butir tal-kawkaw Il-preparazzjoni tal-prodotti tal-proteina u tad-dqiq bix-xaħam imneħħi 10 mg/kg fl-ikel li jkun fih l-prodotti tal-proteini u d-dqiq bix-xaħam imneħħi | Il-preparazzjonii tal-ġermolji taċ-ċereali bix-xaħam imneħħi 5 mg/kg fil-germolju taċ-ċereali bix-xaħam imneħħi Il-prodotti tas-soya bix-xaħam imneħħi 30 mg/kg fil-prodott tas-soya kif mibjugħ lill-aħħar konsumatur |

L-Aċetat tal-metil | It-tneħħija tal-kafeina, jew it-tneħħija ta’ l-irritanti jew l-imrar mill-kafè u t-te 20 mg/kg fil-kafè jew it-te | Il-produzzjoni taz-zokkor mill-ġulepp magħqud (molasses) l mg/kg fiz-zokkor |

L-etilmetilketone | Il-frazzjonizzazzjoni tax-xaħmijiet u ż-żjut 5mg/kg fix-xaħam jew fiż-żejt | It-tneħħija tal-kafeina, jew it-tneħħija ta’ l-irritanti jew l-imrar mill-kafè u t-te 20 mg/kg fil-kafè jew fit-te |

Id-diklorometane | It-tneħħija tal-kafeina, jew it-tneħħija ta’ l-irritanti jew l-imrar mill-kafè u t-te | 10 mg/kg fil-kafè inkaljat u 5 mg/kg fit-te |

L-isem | Il-limiti massimi tar-residwi fl-oġġetti ta’ l-ikel minħabba l-użu tas-solventi ta’ l-estrazzjoni fil-preparazzjoni tat-taħwir minn materjali naturali tat-taħwir |

Id-Diethyl Ether | 2 mg/kg |

L-Isobutan | 1 mg/kg |

L-Hexane | 1 mg/kg |

Iċ-Ċiklohexane | 1 mg/kg |

L-Aċetat tal-Metil | 1 mg/kg |

Il-Butan-1-ol | 1 mg/kg |

Il-Butan-2-ol | 1 mg/kg |

L-Etilmetilketone | 1 mg/kg |

Id-Diklorometan | 0,1 mg/kg |

Il-Metil-propan-1-ol | 1 mg/kg |

--------------------------------------------------

Top