EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021CJ0252

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-4 ta’ Lulju 2023.
Meta Platforms Inc. et vs Bundeskartellamt.
Talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Networks soċjali online – Abbuż minn pożizzjoni dominanti mill-operatur ta’ tali network – Abbuż li jikkonsisti fl-ipproċessar ta’ data personali tal-utenti ta’ dan in-network previst fil-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tiegħu – Kompetenzi ta’ awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru sabiex tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità ta’ dan l-ipproċessar ma’ dan ir-regolament – Rabta mal-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mis-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data personali – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Punti (a) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679 – Legalità tal-ipproċessar – Artikolu 9(1) u (2) – Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali – Il-punt 11 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘kunsens’.
Kawża C-252/21.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2023:537

 SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

4 ta’ Lulju 2023 ( *1 )

Werrej

 

Il‑kuntest ġuridiku

 

Id‑dritt tal‑Unjoni

 

Ir‑Regolament (KE) Nru 1/2003

 

Il‑GDPR

 

Id‑dritt Ġermaniż

 

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

 

Fuq id‑domandi preliminari

 

Fuq l‑ewwel u s‑seba’ domanda

 

Fuq it‑tieni domanda

 

Fuq il‑punt (a) tat‑tieni domanda

 

Fuq il‑punt (b) tat‑tieni domanda

 

Fuq it‑tielet sal‑ħames domanda

 

Osservazzjonijiet preliminari

 

Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda

 

Fuq il-ħames domanda

 

Fuq is‑sitt domanda

 

Fuq l‑ispejjeż

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali – Regolament (UE) 2016/679 – Networks soċjali online – Abbuż minn pożizzjoni dominanti mill-operatur ta’ tali network – Abbuż li jikkonsisti fl-ipproċessar ta’ data personali tal-utenti ta’ dan in-network previst fil-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tiegħu – Kompetenzi ta’ awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru sabiex tikkonstata n-nuqqas ta’ konformità ta’ dan l-ipproċessar ma’ dan ir-regolament – Rabta mal-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mis-superviżjoni tal-protezzjoni tad-data personali – Artikolu 4(3) TUE – Prinċipju ta’ kooperazzjoni leali – Punti (a) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679 – Legalità tal-ipproċessar – Artikolu 9(1) u (2) – Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali – Il-punt 11 tal-Artikolu 4 – Kunċett ta’ ‘kunsens’”

Fil-Kawża C‑252/21,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑24 ta’ Marzu 2021, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑22 ta’ April 2021, fil-proċedura

Meta Platforms Inc., li kienet Facebook Inc.,

Meta Platforms Ireland Ltd, li kienet Facebook Ireland Ltd,

Facebook Deutschland GmbH

vs

Bundeskartellamt,

fil-preżenza ta’:

Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Prechal, K. Jürimäe, C. Lycourgos, M. Safjan, L. S. Rossi (Relatriċi), D. Gratsias u M. L. Arastey Sahún, Presidenti ta’ Awla, J.‑C. Bonichot, S. Rodin, F. Biltgen, M. Gavalec, Z. Csehi u O. Spineanu‑Matei, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: D. Dittert, Kap ta’ diviżjoni,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑10 ta’ Mejju 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Meta Platforms Inc., li kienet Facebook Inc., Meta Platforms Ireland Ltd, li kienet Facebook Ireland Ltd, u Facebook Deutschland GmbH, minn M. Braun, M. Esser, L. Hesse, J. Höft u H.‑G. Kamann, Rechtsanwälte,

għall-Bundeskartellamt, minn J. Nothdurft, K. Ost, I. Sewczyk u J. Topel, bħala aġenti,

għal Verbraucherzentrale Bundesverband eV, minn S. Louven, Rechtsanwalt,

għall-Gvern Ġermaniż, minn J. Möller u P.‑L. Krüger, bħala aġenti,

għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri, bħala aġent, assistita minn E. De Bonis u P. Grasso, avvocati dello Stato,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch, J. Schmoll u G. Kunnert bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn F. Erlbacher, H. Kranenborg u G. Meessen, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑20 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 4(3) TUE, kif ukoll tal-Artikolu 6(1), tal-Artikolu 9(1) u (2), tal-Artikolu 51(1), u tal-Artikolu 56(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1, u rettifika fil-ĠU 2018, L 127, p. 2, iktar ’il quddiem il-“GDPR”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn, minn naħa, Meta Platforms Inc., li kienet Facebook Inc., Meta Platforms Ireland Ltd, li kienet Facebook Ireland Ltd, u Facebook Deutschland GmbH u, min-naħa l-oħra, il-Bundeskartellamt (l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, il-Ġermanja) dwar id-deċiżjoni ta’ din tal-aħħar li tipprojbixxi lil dawn il-kumpanniji milli jipproċessaw ċerta data personali hekk kif previst fil-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu tan-network soċjali Facebook (iktar ’il quddiem il-“kundizzjonijiet ġenerali”).

Il‑kuntest ġuridiku

Id‑dritt tal‑Unjoni

Ir‑Regolament (KE) Nru 1/2003

3

L-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas‑16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101 u 102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), bit-titolu “Il-poteri ta’ l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri”, jipprevedi:

“L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni ta’ l-Istati Membri għandhom ikollhom is-setgħa li japplikaw l-Artikolu [101 u 102 TFUE] f’każijiet individwali. Għal dan il-għan, jaggixxu fuq l-inizjattiva proprja tagħha jew fuq xi ilment, dawn jistgħu jieħdu d-deċiżjonijiet li ġejjin:

jirrikjedu li xi ksur jiġi mitmum,

jordnaw miżuri ntermedjarji,

jaċċettaw rbit,

jimponu multi, perjodu ta’ pagamenti penali jew xi pieni oħra previsti mil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

Fejn fuq bażi ta’ l-informazzjoni li għandhom fil-pussess tagħhom il-kondizzjonijiet għal projbizzjoni m’humiex milħuqa huma għandhom jiddeċiedu li ma hemmx każ li jkun hemm azzjoni mil-parti tagħhom.”

Il‑GDPR

4

Il-premessi 1, 4, 38, 42, 43, 46, 47, 49 u 51 tal-GDPR jipprovdu:

“(1)

Il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali hija dritt fundamentali. L-Artikolu 8(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-‘Karta’) u l-Artikolu 16(1) [TFUE] jipprevedu li kull persuna għandha dritt għall-protezzjoni tad-data personali li tirrigwardaha.

[…]

(4)

L-ipproċessar tad-data personali għandu jitfassal biex iservi lill-bniedem. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali mhuwiex dritt assolut; huwa għandu jiġi kkunsidrat b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jkun ibbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħrajn, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali kollha u josserva l-libertajiet u l-prinċipji rikonoxxuti fil-Karta kif integrata fit-Trattati, b’mod partikolari r-rispett għall-ħajja privata u tal-familja, id-dar u l-komunikazzjonijiet, il-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-intrapriża, id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali u d-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika.

[…]

(38)

Il-minorenni jixirqilhom protezzjoni speċifika fir-rigward tad-data personali tagħhom, minħabba li dawn jistgħu jkunu inqas konxji tar-riskji, il-konsegwenzi u s-salvagwardji u d-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali. Tali protezzjoni speċifika għandha, b’mod partikolari, tapplika għall-użu ta’ data personali tal-minorenni għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jew biex jinħolqu profili ta’ personalità jew ta’ utent u l-ġbir ta’ data personali fir-rigward tal-minorenni meta jsir użu minn servizzi offruti direttament lill-minorenni. Il-kunsens ta’ min ikollu r-responsabbiltà ta’ ġenitur m'għandux ikun meħtieġ fil-kuntest ta’ servizzi preventivi jew ta’ pariri offruti direttament lill-minorenni.

[…]

(42)

Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens tas-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu jkun jista; juri li s-suġġett tad-data ta l-kunsens tiegħu għall-attività tal-ipproċessar. […] Biex il-kunsens ikun wieħed informat, is-suġġett tad-data għandu jkun konxju mill-inqas tal-identità tal-kontrollur u l-finijiet tal-ipproċessar li għalihom tkun intenzjonata d-data personali. Il-kunsens ma għandux jitqies li ngħata liberament jekk is-suġġett tad-data ma jkollux għażla ġenwina jew libera jew ma jkunx jista’ jiċħad jew jirtira l-kunsens mingħajr ħsara.

(43)

Sabiex jiġi żgurat l-għoti ta’ kunsens b’mod liberu, il-kunsens ma għandux jipprovdi raġuni legali valida għall-ipproċessar ta’ data personali f’każ speċifiku fejn ikun hemm żbilanċ ċar bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur, b’mod partikolari fejn il-kontrollur huwa awtorità pubblika u għalhekk ikun improbabbli li l-kunsens ingħata liberament fiċ-ċirkostanzi kollha ta’ dik is-sitwazzjoni speċifika. Il-kunsens huwa preżunt li mhux mogħti b’mod liberu jekk ma jippermettix li jingħata kunsens separat għal operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data personali differenti minkejja li jkun xieraq fil-każ partikolari, jew jekk it-twettiq ta’ kuntratt, inkluż il-provvediment ta’ servizz, ikun jiddependi mill-kunsens minkejja li tali kunsens ma jkunx meħtieġ għal tali twettiq.

[…]

(46)

L-ipproċessar tad-data personali għandu wkoll jitqies bħala legali fejn ikun meħtieġ biex jiġi protett interess li huwa essenzjali għall-ħajja tas-suġġett tad-data jew dak ta’ persuna fiżika oħra. L-ipproċessar ta’ data personali abbażi tal-interess vitali ta’ persuna fiżika oħra fil-prinċipju għandu jsir biss fejn l-ipproċessar ma jistax jibbaża manifestament fuq bażi legali oħra. Xi tipi ta’ pproċessar jistgħu jservu kemm raġunijiet importanti ta’ interess pubbliku u interessi vitali tas-suġġett tad-data bħal pereżempju meta l-ipproċessar ikun meħtieġ għal finijiet umanitarji, inkluż għall-monitoraġġ ta’ epidemiji u t-tixrid tagħhom jew f'sitwazzjonijiet ta’ emerġenzi umanitarji, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet ta’ diżastri naturali u diżastri kkawżati mill-bniedem.

(47)

L-interessi leġittimi ta’ kontrollur inklużi dawk ta’ kontrollur li lilu tista’ tiġi żvelata d-data personali jew ta’ parti terza, jistgħu jipprovdu bażi legali għall-ipproċessar, sakemm l-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jkunux aktar importanti, b’kont meħud tal-aspettattivi raġonevoli tas-suġġetti tad-data abbażi tar-relazzjoni tagħhom mal-kontrollur. […] Fi kwalunkwe każ il-preżenza ta’ interess leġittimu tkun teħtieġ valutazzjoni bir-reqqa inkluż dwar jekk is-suġġett tad-data jkunx jista’ raġonevolment jistenna, fil-mument u fil-kuntest tal-ġbir tad-data personali, li l-ipproċessar għal dak il-fini jkun jista’ jsir. L-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu, b’mod partikolari, isiru iktar importanti mill-interess tal-kontrollur tad-data fejn tkun ipproċessata data personali f’ċirkostanzi fejn is-suġġetti tad-data jistennew b’mod raġonevoli li ma jsirx iktar ipproċessar. […] L-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jista’ jitqies li twettaq għal interess leġittimu.

[…]

(49)

L-ipproċessar ta’ data personali sal-punt li huwa strettament meħtieġ u proporzjonat għall-finijiet li tiġi żgurata s-sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni, jiġifieri l-kapaċità ta’ netwerk jew ta’ sistema ta’ informazzjoni li tirreżisti, b’ċertu livell ta’ fiduċja, avvenimenti aċċidentali jew azzjonijiet illegali jew malizzjużi li jikkompromettu d-disponibbiltà, l-awtentiċità, l-integrità u l-konfidenzjalità tad-data personali maħżuna jew trażmessa, u s-sigurtà tas-servizzi relatati offruti minn, jew aċċessibbli permezz ta’, dawk in-netwerks u s-sistemi, […] jikkostitwixxi interess leġittimu tal-kontrollur tad-data kkonċernat.

[…]

(51)

Data personali, li min-natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva fir-rigward tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali jistħoqqilha protezzjoni speċifika billi l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinifikanti għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali. Dik id-data personali għandha tinkludi data personali li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, fejn l-użu tat-terminu ‘oriġini razzjali’ f'dan ir-Regolament ma jimplikax li l-Unjoni [Ewropea] taċċetta teoriji li jippruvaw jiddeterminaw l-eżistenza ta’ razez umani separati. L-ipproċessar ta’ ritratti m’għandhux sistematikament jitqies bħala pproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali peress li dawn ikunu koperti bid-definizzjoni ta’ data bijometrika biss meta jiġu pproċessati b’mezz tekniku speċifiku li jippermetti l-identifikazzjoni unika jew l-awtentikazzjoni ta’ persuna fiżika. Tali data personali ma għandhiex tiġi pproċessata, għajr jekk l-ipproċessar ikun permess f’każijiet speċifiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament, b’kont meħud li l-liġi tal-Istati Membri tista’ tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-protezzjoni ta’ data sabiex tadatta l-applikazzjoni tar-regoli ta’ dan ir-Regolament għal konformità ma’ obbligu legali jew għall-prestazzjoni ta’ kompitu mwettaq fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur. Minbarra r-rekwiżiti speċifiċi għal dan l-ipproċessar, il-prinċipji ġenerali u regoli oħra ta’ dan ir-Regolament għandhom japplikaw, b’mod partikolari fir-rigward tal-kondizzjonijiet għal ipproċessar legali. Id-derogi mill-projbizzjoni ġenerali għall-ipproċessar ta’ tali kategoriji speċjali ta’ data personali għandhom jiġu previsti b’mod espliċitu, fost oħrajn fejn is-suġġett tad-data jagħti l-kunsens espliċitu tiegħu jew tagħha jew fir-rigward ta’ ħtiġijiet speċifiċi b’mod partikolari fejn l-ipproċessar isir waqt attivitajiet leġittimi minn ċerti assoċjazzjonijiet jew fondazzjonijiet li l-għan tagħhom huwa li jippermettu l-eżerċizzju ta’ libertajiet fundamentali.”

5

L-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament jipprevedi:

“Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(1)

‘data personali’ tfisser kwalunkwe informazzjoni relatata ma’ persuna fiżika identifikata jew identifikabbli (‘suġġett tad-data’); […]

(2)

‘ipproċessar’ tfisser kwalunkwe attività jew sett ta’ attivitajiet li jitwettqu fuq data personali jew fuq settijiet ta’ data personali, sew jekk b’mezzi awtomatizzati u sew jekk mingħajrhom, bħalma huma l-ġbir, ir-reġistrazzjoni, l-organizzazzjoni, l-istrutturar, il-ħażna, l-adattament jew il-bidliet, l-irkupru, il-konsultazzjoni, l-użu, l-iżvelar bi trażmissjoni, it-tixrid jew it-tqegħid għad-dispożizzjoni b’xi mezz ieħor, l-allinjament jew it-taħlita, ir-restrizzjoni, it-tħassir jew il-qerda;

[…]

(7)

‘kontrollur’ tfisser persuna fiżika jew ġuridika, awtorità pubblika, aġenzija jew kwalunkwe korp ieħor li, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, jiddetermina l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ta’ data personali; fejn l-għanijiet u l-mezzi tal-ipproċessar ikunu ddeterminati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, il-kontrollur jew il-kriterji speċifiċi għall-ħatra tiegħu jistgħu jiġu determinati mil-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

[…]

(11)

‘kunsens’ tas-suġġett tad-data tfisser kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu;

[…]

(23)

‘ipproċessar transkonfinali’ tfisser jew:

(a)

l-ipproċessar ta’ data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbilimenti f’iktar minn Stat Membru wieħed ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikun stabbilit f’iktar minn Stat Membru wieħed; jew

(b)

l-ipproċessar ta’ data personali li jsir fil-kuntest tal-attivitajiet ta’ stabbiliment uniku ta’ kontrollur jew proċessur fl-Unjoni li madankollu jaffettwa sostanzjalment lil suġġetti tad-data f’aktar minn Stat Membru wieħed, jew li x’aktarx li ser jaffettwahom sostanzjalment.

[…]”

6

L-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Prinċipji relatati mal-ipproċessar ta’ data personali”, jipprovdi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Id-data personali għandha:

(a)

tkun ipproċessata legalment, ġustament u b’mod trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data (‘legalità, ġustizzja u trasparenza’);

(b)

tinġabar għal finijiet speċifikati, espliċiti u leġittimi u ma għandhiex tiġi pproċessata ulterjorment b’mod inkompatibbli ma’ dawk il-finijiet; […]

(c)

tkun adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata (‘minimizzazzjoni tad-data’);

[…]

2.   Il-kontrollur għandu jkun responsabbli għall-konformità mal-paragrafu 1 u jkun kapaċi juriha (‘responsabbiltà’).”

7

L-Artikolu 6 tal-istess regolament, bit-titolu “Legalità tal-ipproċessar”, huwa fformulat kif ġej:

“1.   L-ipproċessar għandu jkun legali biss jekk u safejn mill-inqas ikun japplika wieħed mill-punti li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali tiegħu għal fini speċifiku wieħed jew aktar;

(b)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt;

(c)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-konformità ma’ obbligu legali li għalih huwa soġġett il-kontrollur;

(d)

l-ipproċessar ikun meħtieġ sabiex ikunu protetti l-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra;

(e)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lill-kontrollur;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni.

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu m’għandux japplika għall-ipproċessar li jitwettaq minn awtoritajiet pubbliċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

[…]

3.   Il-bażi għall-ipproċessar imsemmi fil-punti (c) u (e) tal-paragrafu 1 għandha tkun stipulata minn:

(a)

il-liġi tal-Unjoni, jew

(b)

il-liġi tal-Istat Membru li għaliha huwa soġġett il-kontrollur.

[…]

[…] Il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi tal-Istat Membru għandha tissodisfa l-objettiv ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata mal-għan leġittimu mfittex.”

8

L-Artikolu 7 tal-GDPR, bit-titolu “Kondizzjonijiet għal kunsens”, jipprovdi:

“1.   Fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens, il-kontrollur għandu jkun jista’ juri li s-suġġett tad-data ta kunsens għall-ipproċessar tad-data personali tiegħu.

[…]

4.   Meta jiġi vvalutat jekk il-kunsens ikunx ingħata b’mod liberu, għandu jittieħed kont sħiħ tal-fatt jekk, inter alia, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, inkluż il-provvista ta’ servizz, tkunx kondizzjonata fuq il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali li ma jkunx meħtieġ għall-eżekuzzjoni ta’ dak il-kuntratt.”

9

L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, jipprovdi:

“1.   L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.

2.   Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta’ dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data;

[…]

(e)

l-ipproċessar ikun relatat ma’ data personali li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data;

(f)

l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali jew kull darba li l-qrati jkunu qed jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom;

[…]”

10

L-Artikolu 13 tal-imsemmi regolament, relatat mal-“[i]nformazzjoni li għandha tiġi pprovduta fejn tinġabar data personali mis-suġġett tad-data”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu, dan li ġej:

“Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:

[…]

(c)

l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;

(d)

fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza;

[…]”

11

Il-Kapitolu VI tal-GDPR, relatat mal-“[a]wtoritajiet superviżorji indipendenti”, jinkludi l-Artikoli 51 sa 59 ta’ dan ir-regolament.

12

L-Artikolu 51 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Awtorità superviżorja”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   Kull Stat Membru għandu jipprovdi li awtorità pubblika indipendenti waħda jew aktar ikunu responsabbli għall-monitoraġġ tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ persuni fiżiċi b’rabta mal-ipproċessar u biex jiġi ffaċilitat il-fluss liberu ta’ data personali fl-Unjoni […]

2.   Kull awtorità superviżorja għandha tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament madwar l-Unjoni. Għal dak il-għan, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u mal-Kummissjoni [Ewropea] f’konformità mal-Kapitolu VII.”

13

Skont l-Artikolu 55 tal-istess regolament, bit-titolu “Kompetenza”:

“1.   Kull awtorità superviżorja għandha tkun kompetenti biex twettaq il-kompiti assenjati lilha u l-eżerċizzju tas-setgħat ikkonferiti lilha f’konformità ma’ dan ir-Regolament fit-territorju tal-Istat Membru tagħha stess.

2.   Fejn l-ipproċessar titwettaq minn awtoritajiet pubbliċi jew korpi privati li jaġixxu abbażi tal-punt (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1), għandha tkun kompetenti l-awtorità superviżorja tal-Istat Membru kkonċernat. F’tali każijiet ma japplikax l-Artikolu 56.”

14

L-Artikolu 56 tal-GDPR, bit-titolu “Kompetenza tal-awtorità superviżorja ewlenija”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 55, l-awtorità superviżorja tal-istabbiliment ewlieni jew tal-istabbiliment uniku tal-kontrollur jew il-proċessur għandha tkun kompetenti biex taġixxi bħala l-awtorità superviżorja ewlenija għall-ipproċessar transkonfinali li jsir minn dak il-kontrollur jew proċessur f'konformità mal-proċedura prevista fl-Artikolu 60.”

15

L-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Kompiti”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Mingħajr preġudizzju għal kompiti oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandha fit-territorju tagħha:

(a)

timmonitorja u tinforza l-applikazzjoni ta' dan ir-Regolament;

[…]

(g)

tikkoopera ma’, inkluż bil-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, u tipprovdi assistenza reċiproka lil, awtoritajiet superviżorji oħra bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza tal-applikazzjoni u l-infurzar ta' dan ir-Regolament;

[…]”

16

L-Artikolu 58 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu, il-lista tas-setgħat investigattivi li kull awtorità ta’ superviżjoni għandha u jippreċiża, fil-paragrafu 5 tiegħu li, “[k]ull Stat Membru għandu jipprevedi bil-liġi li l-awtorità superviżorja tiegħu għandu jkollha s-setgħa li tiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarji għal ksur ta’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, tibda jew timpenja ruħha b’mod ieħor fi proċedimenti legali, sabiex tinforza d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament.”

17

It-Taqsima 1, bit-titolu “Kooperazzjoni”, tal-Kapitolu VII tal-GDPR, huwa stess bit-titolu “Kooperazzjoni u konsistenza”, tinkludi l-Artikoli 60 sa 62 ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 60, dwar il-“[k]ooperazzjoni bejn l-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtorità superviżorja ewlenija għandha tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji kkonċernati l-oħra f’konformità ma’ dan l-Artikolu fi sforz biex jintlaħaq kunsens. L-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtoritajiet superviżorji kkonċernati għandhom jiskambjaw l-informazzjoni rilevanti kollha bejniethom.”

18

L-Artikolu 61 tal-GDPR, bit-titolu “Assistenza reċiproka”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet superviżorji għandhom jipprovdu lil xulxin b’informazzjoni rilevanti u assistenza reċiproka sabiex jimplimentaw u japplikaw dan ir-Regolament b’mod konsistenti, u għandhom jistabbilixxu miżuri għal kooperazzjoni effettiva ma’ xulxin. L-assistenza reċiproka għandha tkopri, b’mod partikolari, talbiet ta’ informazzjoni u miżuri superviżorji, bħal talbiet biex jitwettqu awtorizzazzjonijiet u konsultazzjonijiet minn qabel, ispezzjonijiet u investigazzjonijiet.”

19

L-Artikolu 62 ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “Operazzjonijiet konġunti ta’ awtoritajiet superviżorji”, jipprevedi, fil-paragrafi 1 u 2 tiegħu:

“1.   L-awtoritajiet superviżorji għandhom, fejn xieraq, iwettqu operazzjonijiet konġunti inklużi investigazzjonijiet konġunti u miżuri ta’ infurzar konġunti li fihom ikunu involuti membri jew persunal tal-awtoritajiet superviżorji ta’ Stati Membri oħra.

2.   Fejn il-kontrollur jew il-proċessur ikollu stabbilimenti f’diversi Stati Membri jew fejn għadd sinifikanti ta’ suġġetti tad-data f’aktar minn Stat Membru wieħed x’aktarx li jkun affettwat b’mod sostanzjali minn operazzjonijiet ta’ pproċessar, awtorità superviżorja minn kull wieħed minn dawk l-Istati Membri għandu jkollha d-dritt li tipparteċipa fl-operazzjonijiet konġunti. […]”

20

It-Taqsima 2, bit-titolu “Konsistenza”, tal-Kapitolu VII tal-GDPR tinkludi l-Artikoli 63 sa 67 ta’ dan ir-regolament. L-Artikolu 63, bit-titolu “Mekkaniżmu ta’ konsistenza”, huwa fformulat kif ġej:

“Sabiex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni konsistenti ta’ dan ir-Regolament fl-Unjoni kollha, l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw ma’ xulxin u, fejn rilevanti, mal-Kummissjoni, permezz tal-mekkaniżmu ta’ konsistenza kif stabbilit f’din it-Taqsima.”

21

Skont l-Artikolu 64(2) ta’ dan ir-regolament:

“Kwalunkwe awtorità superviżorja, il-President tal-Bord [Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data] jew il-Kummissjoni tista’ titlob li kwalunkwe kwistjoni ta’ applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f’aktar minn Stat Membru wieħed tiġi eżaminata mill-Bord bil-ħsieb li tinkiseb opinjoni, b'mod partikolari fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx f’konformità mal-obbligi ta’ assistenza reċiproka f’konformità mal-Artikolu 61 jew għal operazzjonijiet konġunti f'konformità mal-Artikolu 62.”

22

L-Artikolu 65 tal-imsemmi regolament, bit-titolu “Soluzzjoni għat-tilwim mill-Bord”, jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sabiex jiżgura l-applikazzjoni korretta u konsistenti ta’ dan ir-Regolament f’każijiet individwali, il-Bord [Ewropew tal-Protezzjoni tad-Data] għandu jadotta deċiżjoni vinkolanti fil-każijiet li ġejjin:

(a)

fejn, f’każ imsemmi fl-Artikolu 60(4), awtorità superviżorja kkonċernata tkun qajmet oġġezzjoni rilevanti u motivata għal abbozz ta’ deċiżjoni tal-awtorità superviżorja ewlenija u l-awtorità superviżorja ewlenija ma segwitx l-oġġezzjoni jew tkun ċaħdet tali oġġezzjoni għar-raġuni li ma tkunx rilevanti jew motivata. Id-deċiżjoni vinkolanti għandha tikkonċerna l-kwistjonijiet kollha li jkunu s-suġġett tal-oġġezzjoni rilevanti u motivata, b’mod partikolari jekk ikunx hemm ksur ta’ dan ir-Regolament;

(b)

fejn ikun hemm fehmiet konfliġġenti dwar liema mill-awtoritajiet superviżorji kkonċernati tkun kompetenti għall-istabbiliment ewlieni;

[…]”

Id‑dritt Ġermaniż

23

L-Artikolu 19(1) tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi kontra r-Restrizzjonijiet għall-Kompetizzjoni), fil-verżjoni tagħha ppubblikata fis‑26 ta’ Ġunju 2013 (BGBl. 2013 I, p. 1750, 3245), emendata l-aħħar darba bl-Artikolu 2 tal-liġi tas‑16 ta’ Lulju 2021 (BGBl. 2021 I, p. 2959) (iktar ’il quddiem il-“GWB”) jipprovdi:

“L-operat abbużiv ta’ pożizzjoni dominanti fis-suq minn impriża waħda jew iktar huwa pprojbit.”

24

Skont l-Artikolu 32(1) tal-GWB:

“L-awtorità tal-kompetizzjoni tista’ timponi lill-impriżi jew lill-assoċjazzjonijiet ta’ impriżi jtemmu ksur ta’ dispożizzjoni ta’ din il-parti jew tal-Artikoli 101 u 102 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.”

25

L-Artikolu 50f tal-GWB jipprevedi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, l-awtoritajiet regolatorji, il-persuna responsabbli fuq livell federali għall-protezzjoni tad-data u tal-libertà tal-informazzjoni, il-persuni responsabbli fuq livell reġjonali għall-protezzjoni tad-data kif ukoll l-awtoritajiet kompetenti fis-sens tal-Artikolu 2 tal-EU‑Verbraucherschutzdurchführungsgesetz [(il-Liġi dwar l-Implimentazzjoni tad-Dritt tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi tal-Unjoni Ewropea)] jistgħu, indipendentement mill-proċedura magħżula, jiskambjaw bejniethom informazzjoni, inkluża data personali u sigrieti kummerċjali u tan-negozju, sa fejn dan ikun neċessarju għat-twettiq tal-missjonijiet rispettivi tagħhom kif ukoll jużaw din l-informazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri tagħhom. […]”

Il‑kawża prinċipali u d‑domandi preliminari

26

Meta Platforms Ireland tiġġestixxi l-offerta tan-network soċjali online Facebook fl-Unjoni Ewropea u tippromwovi, b’mod partikolari fl-indirizz www.facebook.com, servizzi li huma bla ħlas għall-utenti privati. Impriżi oħra tal-grupp Meta joffru, fl-Unjoni, servizzi oħra online fosthom Instagram, WhatsApp, Oculus u — sat‑13 ta’ Marzu 2020 — Masquerade.

27

Il-mudell ekonomiku tan-network soċjali online Facebook huwa bbażat fuq il-finanzjament permezz tar-reklamar online, imfassal apposta għall-utenti individwali tan-network soċjali skont, b’mod partikolari, l-attitudnijiet ta’ konsum tagħhom, l-interessi tagħhom, il-kapaċità ta’ akkwist tagħhom u s-sitwazzjoni personali tagħhom. Tali reklamar isir teknikament possibbli permezz tal-istabbiliment awtomatizzat ta’ profili ddettaljati tal-utenti tan-network u tas-servizzi online offruti fuq il-livell tal-grupp Meta. Għal dan il-għan, minbarra d-data li dawn l-utenti jipprovdu direttament meta jabbonaw għas-servizzi online kkonċernati, data oħra relatata mal-imsemmija utenti u mal-apparati tagħhom hija wkoll miġbura, fi ħdan dan in-network soċjali u s-servizzi online pprovduti mill-grupp Meta u barra minnhom, u marbuta mad-diversi kontijiet ta’ utent tagħhom. Il-ħarsa ġenerali lejn din id-data tippermetti li jinsiltu konklużjonijiet iddettaljati dwar il-preferenzi u l-interessi ta’ dawn l-istess utenti.

28

Għall-ipproċessar tal-imsemmija data, Meta Platforms Ireland tibbaża ruħha fuq il-kuntratt ta’ użu konkluż mal-utenti tan-network soċjali Facebook permezz tal-attivazzjoni tal-buttuna “abbona” u li permezz tagħha dawn jaċċettaw il-kundizzjonijiet ġenerali stabbiliti minn din il-kumpannija. L-aċċettazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet hija neċessarja għall-użu tan-network soċjali Facebook. F’dak li jirrigwarda l-ipproċessar tad-data personali, il-kundizzjonijiet ġenerali jirreferu għall-politiki ta’ użu tad-data u tal-cookies stabbiliti mill-imsemmija kumpannija. Skont dawn il-politiki, Meta Platforms Ireland tiġbor data dwar l-utenti u l-apparati, li tirrigwarda l-attivitajiet tal-utenti fi ħdan in-network soċjali u barra minnu, u tqegħedha f’korrelazzjoni mal-kontijiet Facebook tal-utenti kkonċernati. Fir-rigward ta’ din l-aħħar data, relatata mal-attivitajiet li jseħħu barra min-network soċjali (iktar ’il quddiem ukoll id-“data off Facebook”), din tikkonsisti, minn naħa, f’data li tirrigwarda l-konsultazzjoni ta’ paġni internet u ta’ applikazzjonijiet terzi, li huma marbuta ma’ Facebook permezz ta’ interfaċċi ta’ programmazzjoni – l-“Għodod Facebook Business” – u, min-naħa l-oħra, f’data relatata mal-użu tas-servizzi online l-oħra li jappartjenu lill-grupp Meta, fosthom Instagram, WhatsApp, Oculus u – sat‑13 ta’ Marzu 2020 – Masquerade.

29

L-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni bdiet proċedura kontra Meta Platforms, Meta Platforms Ireland u Facebook Deutschland, li b’riżultat tagħha, permezz ta’ deċiżjoni tas‑6 ta’ Frar 2019, ibbażata fuq l-Artikolu 19(1) u fuq l-Artikolu 32 tal-GWB, huma essenzjalment ġew ipprojbiti milli jissuġġettaw, fil-kundizzjonijiet ġenerali, l-użu tan-network soċjali Facebook minn utenti privati residenti fil-Ġermanja għall-ipproċessar tad-data off Facebook tagħhom u milli jipproċessaw, mingħajr il-kunsens tagħhom, din id-data abbażi tal-kundizzjonijiet ġenerali fis-seħħ dak iż-żmien. Barra minn hekk, hija imponiet li huma jadattaw dawn il-kundizzjonijiet ġenerali b’mod li minnhom ikun jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmija data la ser tinġabar, la ser titqiegħed f’korrelazzjoni mal-kontijiet ta’ utenti Facebook u lanqas ser tintuża mingħajr il-kunsens tal-utent ikkonċernat, u kkjarifikat il-fatt li tali kunsens ma jkunx validu meta dan ikun jikkostitwixxi kundizzjoni għall-użu tan-network soċjali.

30

L-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni mmotivat id-deċiżjoni tagħha bil-fatt li l-ipproċessar tad-data tal-utenti kkonċernati, kif previst fil-kundizzjonijiet ġenerali u implimentat minn Meta Platforms Ireland, kien jikkostitwixxi operat abbużiv tal-pożizzjoni dominanti ta’ din il-kumpannija fis-suq tan-networks soċjali online għall-utenti privati fil-Ġermanja, fis-sens tal-Artikolu 19 tal-GWB. B’mod partikolari, skont l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, dawn il-kundizzjonijiet ġenerali, inkwantu riżultat ta’ din il-pożizzjoni dominanti, huma abbużivi peress li l-ipproċessar tad-data off Facebook li huma jipprevedu ma huwiex konformi mal-valuri li fuqhom huwa bbażat il-GDPR u, b’mod partikolari, ma jistax jiġi ġġustifikat, fid-dawl tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament.

31

Fil‑11 ta’ Frar 2019, Meta Platforms, Meta Platforms Ireland u Facebook Deutschland ippreżentaw rikors kontra d-deċiżjoni tal- Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni quddiem l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf, il-Ġermanja).

32

Fil‑31 ta’ Lulju 2019, Meta Platforms Ireland introduċiet kundizzjonijet ġenerali ġodda li jindikaw espressament li l-utent, minflok ma jħallas għall-użu tal-prodotti Facecbook, jiddikjara li qiegħed jagħti l-kunsens tiegħu għar-reklami.

33

Barra minn hekk, sa mit‑28 ta’ Jannar 2020, Meta platforms tipproponi, fuq livell dinji, l-“Off‑Facebook-activity”, li tippermetti lill-utenti tan-network soċjali Facebook jirċievu sunt tal-informazzjoni li tkun tikkonċernahom, li l-kumpanniji tal-grupp Meta jiksbu b’rabta mal-attivitajiet tagħhom fuq paġni internet u applikazzjonijiet oħra, u, jekk ikunu jixtiequ, jiddissoċjaw din id-data mill-kont Facebook.com tagħhom, kemm għall-passat kif ukoll għall-futur.

34

L-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) għandha dubji, fl-ewwel lok, dwar il-possibbiltà għal awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni li jwettqu superviżjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, tal-konformità ta’ pproċessar ta’ data personali mar-rekwiżiti fformulati fil-GDPR; fit-tieni lok, dwar il-possibbiltà għal operatur ta’ network soċjali online li jipproċessa d-data personali sensittiva tas-suġġett tad-data, fis-sens tal-Artikolu 9(1) u (2) ta’ dan ir-regolament; fit-tielet lok, dwar il-legalità tal-ipproċessar tad-data personali tal-utent ikkonċernat min-naħa ta’ tali operatur, konformement mal-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament u, fir-raba’ lok, dwar il-validità, fid-dawl tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 9(2)(a) tal-istess regolament, tal-kunsens mogħti lil impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq nazzjonali tan-networks soċjali online, għall-finijiet ta’ tali pproċessar.

35

F’dan il-kuntest, peress li kienet tqis li s-soluzzjoni tat-tilwima fil-kawża prinċipali tiddependi fuq ir-risposta li għandha tingħata għal dawn id-domandi, l-Oberlandesgericht Düsseldorf (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Düsseldorf) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)

a)

Huwa kompatibbli mal-Artikolu 51 et seq. tar-RĠPD [GDPR] jekk awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, bħall-[…] Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni, li ma hijiex awtorità superviżorja fis-sens tal-Artikolu 51 et seq. tar-RĠPD, ta’ Stat Membru li fih impriża stabbilita barra mill-Unjoni Ewropea jkollha fergħa li, fil-qasam tar-reklamar, tal-komunikazzjoni u tar-relazzjonijiet pubbliċi, tassisti lill-istabbiliment prinċipali ta’ din l-impriża li jinsab fi Stat Membru ieħor u li huwa esklużivament responsabbli għall-ipproċessar tad-data personali għat-territorju kollu tal-Unjoni Ewropea, tikkonstata, fil-kuntest tal-kontroll ta’ prattiki abbużivi tad-dritt tal-kompetizzjoni, li l-kundizzjonijiet kuntrattwali tal-istabbiliment prinċipali relatati mal-ipproċessar tad-data kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet jiksru r-RĠPD u tordna t-tmiem ta’ dan il-ksur?

b)

Fl-affermattiv, huwa kompatibbli mal-Artikolu 4(3) TUE jekk, fl-istess waqt, l-awtorità superviżorja ewlenija fl-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment prinċipali, tissuġġetta l-kundizzjonijiet kuntrattwali ta’ dan l-aħħar dwar l-ipproċessar tad-data għal proċedura ta’ eżami, konformement mal-Artikolu 56(1) [tal-ĠDPR]?

Fil-każ ta’risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda:

2)

a)

Jekk utent tal-internet sempliċement jikkonsulta siti tal-internet jew applikazzjonijiet li fir-rigward tagħhom japplikaw il-kriterji tal-Artikolu 9(1) tar-RĠPD, bħal applikazzjonijiet ta’ namrar, siti ta’ namrar għall-omosesswali, siti internet ta’ partiti politiċi jew siti internet relatati mas-saħħa, jew jinserixxi data fihom, pereżempju meta jirreġistra jew jagħmel ordnijiet, u impriża […], bħal [Meta Platforms Ireland], tuża interfaċċi integrati f’dawn is-siti internet u applikazzjonijiet, bħal ‘Facebook Business Tools’ jew cookies jew teknoloġiji ta’ ħażna simili mqiegħda fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent tal-internet, sabiex tiġbor data dwar dawn il-konsultazzjonijiet ta’ siti internet u applikazzjonijiet u dwar informazzjoni mdaħħla mill-utent, u tirrelata din id-data mad-data tal-kont Facebook.com tal-utent u tużaha, din il-ġabra u/jew korrelazzjoni u/jew użu jinvolvu l-ipproċessar ta’ data [personali] sensittiva għall-finijiet ta’ din id-dispożizzjoni?

b)

Fl-affermattiv, il-konsultazzjoni ta’ dawn is-siti internet jew applikazzjonijiet u/jew l-inserzjoni ta’ informazzjoni u/jew l-attivitazzjoni ta’ buttuni integrati fihom minn fornitur bħal [Meta Platforms Ireland] (plugins soċjali bħal ‘Like’, ‘Share’ jew ‘Facebook Login’ jew ‘Account Kit’) irendu manifestament pubblika d-data li tikkonċerna l-konsultazzjoni fiha nnifisha u/jew l-informazzjoni inserita mill-utent, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tar-RĠPD?

3)

Impriża bħal [Meta Platforms Ireland], li topera network diġitali soċjali ffinanzjat mir-reklamar u li tipproponi, fil-kundizzjonijiet għall-użu tagħha, il-personalizzazzjoni tal-kontenut u tar-reklamar, is-sigurtà tan-network, it-titjib tal-prodott kif ukoll l-użu kontinwu u bla xkiel tal-prodotti kollha fil-grupp, tista’ tinvoka l-ġustifikazzjoni bbażata fuq in-neċessità tal-eżekuzzjoni tal-kuntratt, konformement mal-Artikolu 6(1)(b) tar-RĠPD, jew it-teħid inkunsiderazzjoni tal-interessi leġittimi, konformement mal-Artikolu 6(1)(f) tar-RĠPD, meta hija tiġbor, tirrelata mal-kont Facebook.com tal-utent u tuża, għal dawn il-finijiet, id-data minn servizzi oħra tal-grupp stess u minn siti internet u applikazzjonijiet terzi, permezz ta’ interfaċċi integrati f’dawn tal-aħħar, bħal ‘Facebook Business Tools’ [jew] permezz ta’ cookies imqiegħda fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent tal-internet, jew permezz ta’ teknoloġiji ta’ ħażna simili?

4)

F’tali każ,

il-fatt li l-utent huwa minuri, għall-finijiet tal-personalizzazzjoni tal-kontenut u tar-reklamar, tat-titjib tal-prodott, tas-sigurtà tan-network u tal-komunikazzjonijiet mhux kummerċjali mal-utent;

it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ miżuri, analiżijiet u servizzi oħra kummerċjali lil min jirreklama, lil żviluppaturi u lil imsieħba oħra, sabiex ikunu jistgħu jevalwaw il-prestazzjonijiet tagħhom u jtejbuhom,

it-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ komunikazzjoni kummerċjali lill-utent, sabiex l-impriża tkun tista’ ttejjeb il-prodotti tagħha u twettaq kummerċjalizzazzjoni diretta,

ir-riċerka u l-innovazzjoni għall-finijiet soċjali, sabiex jiġi promoss l-istat tat-teknika jew il-fehim xjentifiku fir-rigward ta’ kwistjonijiet soċjali importanti u sabiex jiġu influwenzati b’mod pożittiv is-soċjetà u d-dinja,

l-informazzjoni lill-awtoritajiet responsabbli għall-prosekuzzjonijiet kriminali u għall-eżekuzzjoni tal-pieni, u r-risposta għal kwistjonijiet legali intiża għall-prevenzjoni, għall-identifikazzjoni u għall-prosekuzzjoni ta’ reati, użu illegali, ksur tal-kundizzjonijiet għall-użu u tal-politiki u aġir dannuż ieħor,

jistgħu jikkostitwixxu [wkoll] interessi leġittimi fis-sens tal-Artikolu 6(1)(f) tar-RĠPD meta, għal dan il-għan, l-impriża tiġbor, tirrelata mal-kont Facebook.com tal-utent u tuża d-data minn servizzi oħra tal-grupp stess u siti internet u applikazzjonijiet terzi, permezz ta’ interfaċċi integrati f’dawn tal-aħħar, bħal ‘Facebook Business Tools’ jew permezz ta’ cookies imqiegħda fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent tal-internet, jew permezz ta’ teknoloġiji ta’ ħażna simili?

5.

F’tali każ, il-ġbir ta’ data minn servizzi oħra tal-grupp stess u minn siti internet u applikazzjonijiet terzi, permezz ta’ interfaċċi integrati f’dawn tal-aħħar, bħal ‘Facebook Business Tools’, jew permezz ta’ cookies jew teknoloġiji ta’ ħażna simili maħżuna fil-kompjuter jew fit-tagħmir ċellulari tal-utent tal-internet, il-korrelazzjoni mal-kont Facebook.com tal-utent u l-użu ta’ din id-data jew inkella l-użu ta’ data diġà miġbura u mqiegħda f’korrelazzjoni mod ieħor [u b’mod leġittimu] jistgħu, f’każijiet individwali, jiġu ġġustifikati wkoll skont l-Artikolu 6(1)(c), (d) u (e) tar-RĠPD, pereżempju sabiex tingħata risposta għal talba legalment valida li tiġi pprovduta ċerta data (punt (c)) sabiex jiġi miġġieled aġir dannuż u tiġi promossa s-sigurtà (punt (d)) għall-finijiet ta’ riċerka għall-benefiċċju tas-soċjetà u sabiex jiġu promossi l-protezzjoni, l-integrità u s-sigurtà (punt (e))?

6.

Fil-konfront ta’ impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq, bħal [Meta Platforms Ireland], jista’ jingaħta kunsens validu, u b’mod partikolari liberu, fis-sens tal-Artikolu 4(11) tar-RĠPD, konformement mal-Artikolu 6(1)(a) u l-Artikolu 9(2)(a) tar-RĠPD?

Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għall-ewwel domanda:

7)

a)

Awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru, bħall-Uffiċċju Federali tal-Kompetizzjoni, li ma hijiex awtorità superviżorja fis-sens tal-Artikolu 51 et seq. tar-RĠPD u li teżamina ksur tal-projbizzjoni ta’ prattiki abbużivi fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni kommessi minn impriża li għandha pożizzjoni dominanti fis-suq li ma jikkonsistix fi ksur tar-RĠPD taħt il-kundizzjonijiet ta’ pproċessar tad-data u l-implimentazzjoni tagħhom, tista’ tistabbilixxi, pereżempju fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi, jekk tali kundizzjonijiet ta’ pproċessar tad-data ta’ din l-impriża u l-implimentazzjoni tagħhom humiex konformi mar-RĠPD?

b)

Fl-affermattiv: fid-dawl tal-Artikolu 4(3) TUE, dan japplika wkoll jekk l-awtorità superviżorja prinċipali tissuġġetta l-kundizzjonijiet dwar l-ipproċessar tad-data ta’ din l-impriża għal proċedura ta’ eżami, konformement mal-Artikolu 56(1) tar-RĠPD?

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għas-seba’ domanda, huwa neċessarju li tingħata risposta għat-tielet sal-ħames domanda fir-rigward ta’ data mill-użu tas-servizz Instagram tal-grupp.”

Fuq id‑domandi preliminari

Fuq l‑ewwel u s‑seba’ domanda

36

Permezz tal-ewwel u tas-seba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikoli 51 et seq. tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tikkonstata, fil-kuntest tal-eżami ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, li l-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ din l-impriża relatati mal-ipproċessar tad-data personali u l-implimentazzjoni tagħhom ma humiex konformi mal-GDPR u, fl-affermattiv, jekk l-Artikolu 4(3) TUE għandux jiġi interpretat fis-sens li tali konstatazzjoni, ta’ natura inċidentali, mill-awtorità tal-kompetizzjoni hija wkoll possibbli meta dawn il-kundizzjonijiet ikunu suġġetti, fl-istess ħin, għal proċedura ta’ eżami mill-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija kompetenti, skont l-Artikolu 56(1) tal-GDPR.

37

Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu qabel kollox jitfakkar li l-Artikolu 55(1) tal-GDPR jistabbilixxi l-kompetenza bħala prinċipju ta’ kull awtorità ta’ superviżjoni sabiex teżerċita l-funzjonijiet u s-setgħat mogħtija lilha, konformement ma’ dan ir-regolament, fit-territorju tal-Istat Membru tagħha (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et, C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).

38

Il-missjonijiet li bihom huma investiti dawn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni jinkludu dik ta’ superviżjoni tal-applikazzjoni tal-GDPR u ta’ żgurar tal-osservanza tiegħu, prevista fl-Artikolu 51(1) u fl-Artikolu 57(1)(a) ta’ dan ir-regolament, bil-għan li jiġu protetti l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u li tiġi faċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ tali data fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 51(2) u skont l-Artikolu 57(1)(g) tal-imsemmi regolament, l-imsemmija awtoritajiet ta’ superviżjoni għandhom jikkooperaw bejniethom, inkluż billi jaqsmu informazzjoni, u jipprovdu assistenza reċiproka f’dan il-kuntest bil-għan li tiġi żgurata applikazzjoni koerenti ta’ dan l-istess regolament u tal-miżuri adottati sabiex tiġi żgurata l-osservanza tiegħu.

39

Bil-għan li jitwettqu dawn il-missjonijiet, l-Artikolu 58(1) tal-GDPR jagħti lill-imsemmija awtoritajiet ta’ superviżjoni, fil-paragrafu 1 tiegħu, setgħat ta’ investigazzjoni, fil-paragrafu 2 tiegħu, is-setgħa li jadottaw miżuri korrettivi u, fil-paragrafu 5 tiegħu, is-setgħa li jressqu kull ksur ta’ dan ir-regolament għall-attenzjoni tal-awtoritajiet ġudizzjarju u, jekk ikun il-każ, li jkollhom locus standi in judicio bil-għan li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament.

40

Bla ħsara għar-regola tal-kompetenza stabbilita fl-Artikolu 55(1) tal-GDPR, l-Artikolu 56(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi, fir-rigward tal-ipproċessar transkonfinali, fis-sens tal-punt 23 tal-Artikolu 4 tiegħu, mekkaniżmu ta’ “punt uniku ta’ servizz”, ibbażat fuq tqassim tal-kompetenzi bejn “awtorità superviżorja ewlenija” u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni l-oħra kkonċernati kif ukoll fuq kooperazzjoni bejn dawn l-awtoritajiet kollha skont il-proċedura ta’ kooperazzjoni prevista fl-Artikolu 60 tal-imsemmi regolament.

41

Barra minn hekk, l-Artikolu 61(1) tal-GDPR jobbliga lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni, b’mod partikolari, jikkomunikaw lil xulxin l-informazzjoni utli kif ukoll jgħinu lil xulxin sabiex dan ir-regolament jiġi implimentat u applikat b’mod koerenti fl-Unjoni kollha. L-Artikolu 63 tal-imsemmi regolament jispeċifika li huwa għal dan il-għan li huwa previst il-mekkaniżmu ta’ superviżjoni tal-koerenza, stabbilit fl-Artikoli 64 u 65 tiegħu (sentenza tal‑15 ta’ Ġunju 2021, Facebook Ireland et, C‑645/19, EU:C:2021:483, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42

Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-regoli tal-kooperazzjoni previsti fil-GDPR ma humiex indirizzati lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni iżda jirregolaw il-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali kkonċernati u l-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija kif ukoll, jekk ikun il-każ, il-kooperazzjoni ta’ dawn l-awtoritajiet mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u mal-Kummissjoni.

43

Fil-fatt, la l-GDPR u lanqas ebda strument ieħor tad-dritt tal-Unjoni ma jipprevedu regoli speċifiċi dwar il-kooperazzjoni bejn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni u l-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali kkonċernati jew l-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija. Barra minn hekk, ebda dispożizzjoni ta’ dan ir-regolament ma tipprojbixxi lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni milli jikkonstataw, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tagħhom, in-nuqqas ta’ konformità mal-imsemmi regolament ta’ pproċessar ta’ data, imwettaq minn impriża f’pożizzjoni dominanti u li jista’ jikkostitwixxi abbuż minn din il-pożizzjoni.

44

F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, li l-awtoritajiet ta’ superviżjoni, minn naħa, u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, min-naħa l-oħra, jeżerċitaw funzjonijiet differenti u jsegwu għanijiet kif ukoll missjonijiet speċifiċi għalihom.

45

Fil-fatt, minn naħa, hekk kif ġie indikat fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, skont l-Artikolu 51(1) u (2) kif ukoll skont l-Artikolu 57(1)(a) u (g) tal-GDPR, il-missjoni prinċipali tal-awtorità ta’ superviżjoni hija li twettaq superviżjoni tal-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li tiżgura l-osservanza tiegħu, filwaqt li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni koerenti tiegħu fl-Unjoni, u dan sabiex jiġu protetti l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u sabiex tiġi ffaċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ tali data fi ħdan l-Unjoni. Għal dan l-għan, hekk kif tfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, l-awtorità ta’ superviżjoni hija mogħtija diversi setgħat bis-saħħa tal-Artikolu 58 tal-GDPR.

46

Min-naħa l-oħra, konformement mal-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 1/2003, l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni għandhom il-kompetenza sabiex jadottaw, b’mod partikolari, deċiżjonijiet li jikkonstataw abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, li l-għan tiegħu huwa li tiġi stabbilita sistema li tiżgura li l-kompetizzjoni ma tiġix distorta fis-suq intern, fid-dawl, ukoll, tal-konsegwenzi ta’ tali abbuż għall-konsumaturi f’dan is-suq.

47

Hekk kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 23 tal-konklużjonijiet tiegħu, fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, awtorità tal-kompetizzjoni għandha tevalwa, abbażi taċ-ċirkostanzi kollha speċifiċi tal-kawża, jekk l-aġir tal-impriża f’pożizzjoni dominanti għandux bħala effett li jostakola, permezz tal-użu ta’ mezzi differenti minn dawk li jirregolaw kompetizzjoni normal tal-prodotti jew tas-servizzi, iż-żamma tal-livell ta’ kompetizzjoni eżistenti fis-suq jew l-iżvilupp ta’ din il-kompetizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑25 ta’ Marzu 2021, Deutsche Telekom vs Il‑Kummissjoni, C‑152/19 P, EU:C:2021:238, punti 4142). F’dan ir-rigward, il-konformità jew in-nuqqas ta’ konformità ta’ tali aġir mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR jistgħu jikkostitwixxu, jekk ikun il-każ, indizju importanti fost iċ-ċirkustanzi rilevanti tal-każ sabiex jiġi stabbilit jekk dan l-aġir jikkostitwixxix użu ta’ mezzi li jirregolaw kompetizzjoni normali kif ukoll sabiex jiġu evalwati l-konsegwenzi ta’ ċerta prattika fuq is-suq jew għall-konsumaturi.

48

Minn dan isegwi li, fil-kuntest tal-eżami ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ impriża f’suq partikolari, jista’ jkun neċessarju għall-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat li teżamina wkoll il-konformità tal-aġir ta’ din l-impriża ma’ regoli differenti minn dawk li jaqgħu taħt id-dritt tal-kompetizzjoni, bħar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali previsti mill-GDPR.

49

Issa, fid-dawl tal-għanijiet differenti mfittxija mir-regoli stabbiliti fil-qasam tal-kompetizzjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 102 TFUE, minn naħa, u minn dawk previsti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali taħt il-GDPR, min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, meta awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tirrileva ksur ta’ dan ir-regolament fil-kuntest tal-konstatazzjoni ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti, hija ma tissostitwixxix lill-awtoritajiet ta’ superviżjoni. B’mod partikolari, tali awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma twettaqx superviżjoni tal-applikazzjoni u lanqas ma tiżgura l-osservanza ta’ dan ir-regolament bil-għan previst fl-Artikolu 51(1) tiegħu, jiġifieri li jiġu protetti l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom u li tiġi faċilitata ċ-ċirkolazzjoni libera ta’ tali data fi ħdan l-Unjoni. Barra minn hekk, billi tillimita ruħha tirrileva n-nuqqas ta’ konformità ta’ ipproċessar ta’ data mal-GDPR għas-sempliċi skopijiet li tikkonstata abbuż minn pożizzjoni dominanti u billi timponi miżuri intiżi li jtemmu dan l-abbuż abbażi ta’ bażi ġuridika li tirriżulta mid-dritt tal-kompetizzjoni, tali awtorità ma twettaq ebda waħda mill-missjonijiet previsti fl-Artikolu 57 ta’ dan ir-regolament, u lanqas ma tuża setgħat irriżervati għall-awtorità ta’ superviżjoni taħt l-Artikolu 58 tal-imsemmi regolament.

50

Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-aċċess għad-data personali kif ukoll l-użu tagħha huma ta’ importanza kbira fil-kuntest tal-ekonomija diġitali. Din l-importanza hija murija, fil-kuntest tal-kawża prinċipali, mill-mudell ekonomiku li fuqu jibbaża ruħu n-network soċjali Facebook, li jipprevedi, hekk kif tfakkar fil-punt 27 ta’ din is-sentenza, il-finanzjament permezz tal-kummerċjalizzazzjoni ta’ messaġġi ta’ reklamar ippersonalizzati skont profili ta’ utent stabbiliti abbażi ta’ data personali miġbura minn Meta Platforms Ireland.

51

Hekk kif enfasizzat, b’mod partikolari, il-Kummissjoni, l-aċċess għad-data personali u l-possibbiltà ta’ pproċessar ta’ din id-data saru parametru sinjifikattiv tal-kompetizzjoni bejn impriżi tal-ekonomija diġitali. Għaldaqstant, l-esklużjoni tar-regoli fil-qasam tal-protezzjoni tad-data ta’ natura personali mill-kuntest ġuridiku li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni waqt l-eżami ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti tkun tinjora r-realtà ta’ dan l-iżvilupp ekonomiku u tista’ tippreġudika l-effettività tad-dritt tal-kompetizzjoni fi ħdan l-Unjoni.

52

Madankollu, fit-tieni lok, għandu jiġi rrilevat li, fil-każ li awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tkun tqis neċessarju li tiddeċiedi, fil-kuntest ta’ deċiżjoni dwar abbuż minn pożizzjoni dominanti, fuq il-konformità jew in-nuqqas ta’ konformità mal-GDPR ta’ pproċessar ta’ data personali mwettaq mill-impriża inkwistjoni, din l-awtorità u l-awtorità ta’ superviżjoni kkonċernata jew, jekk ikun il-każ, l-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija kompetenti fis-sens ta’ dan ir-regolament għandhom jikkooperaw bejniethom sabiex tiġi żgurata applikazzjoni koerenti ta’ dan ir-regolament.

53

Fil-fatt, għalkemm, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 42 u 43 ta’ din is-sentenza, la l-GDPR u lanqas ebda strument ieħor tad-dritt tal-Unjoni ma jipprevedu regoli speċifiċi f’dan ir-rigward, xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif irrileva essenzjalment l-Avukat Ġenerali fil-punt 28 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta japplikaw il-GDPR, id-diversi awtoritajiet nazzjonali involuti huma kollha marbuta bil-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali stabbilit fl-Artikolu 4(3) TUE. Taħt dan il-prinċipju, skont ġurisprudenza stabbilita, fl-oqsma li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet amministrattivi tagħhom, għandhom jirrispettaw lil xulxin u jassistu lil xulxin fit-twettiq tal-missjonijiet li jirriżultaw mit-Trattati, jieħdu kull miżura xierqa sabiex jiżguraw it-twettiq tal-obbligi li jirriżultaw, b’mod partikolari, mill-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni kif ukoll jastjenu minn kull miżura li tista’ tipperikola t-twettiq tal-għanijiet tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Novembru 2013, UPC Nederland, C‑518/11, EU:C:2013:709, punt 59, kif ukoll tal‑1 ta’ Awwissu 2022, Sea Watch, C‑14/21 u C‑15/21, EU:C:2022:604, punt 156).

54

Għalhekk, fid-dawl ta’ dan il-prinċipju, meta l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni jkollhom, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħhom, jeżaminaw il-konformità ta’ aġir ta’ impriża mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, huma għandhom jikkonsultaw u jikkooperaw lealment mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali kkonċernati jew mal-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija, fejn dawn l-awtoritajiet kollha huma obbligati, f’dan il-kuntest, josservaw is-setgħat u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, b’mod li l-obbligi li jirriżultaw mill-GDPR kif ukoll l-għanijiet ta’ dan ir-regolament jiġu osservati u jiġi ppreżervat l-effett utli tagħhom.

55

Fil-fatt, l-eżami minn awtorità tal-kompetizzjoni ta’ aġir ta’ impriża fid-dawl tar-regoli tad-dispożizzjonijiet tal-GDPR jista’ jinvolvi r-riskju ta’ diverġenzi bejnha u bejn l-awtoritajiet ta’ superviżjoni fir-rigward tal-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament.

56

Minn dan isegwi li, meta, fil-kuntest tal-eżami intiż li jikkonstata abbuż minn pożizzjoni dominanti fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE min-naħa ta’ impriża, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tqis li jkun neċessarju li tiġi eżaminata l-konformità ta’ aġir ta’ din l-impriża mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, l-imsemmija awtorità għandha tivverifika jekk dan l-aġir jew aġir simili kienx diġà s-suġġett ta’ deċiżjoni mill-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali kompetenti jew mill-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija jew inkella mill-Qorti tal-Ġustizzja. Jekk dan ikun il-każ, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax titbiegħed minnhom, filwaqt li tibqa’ libera li tislet minnhom il-konklużjonijiet tagħha stess mill-perspettiva tal-applikazzjoni tad-dritt tal-kompetizzjoni.

57

Meta jkollha dubji dwar il-portata tal-evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali kompetenti jew mill-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija, meta l-aġir inkwistjoni jew aġir simili jkun, fl-istess ħin, is-suġġett ta’ eżami min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet, jew inkella meta, fl-assenza ta’ investigazzjoni mill-imsemmija awtoritajiet, hija tkun tqis li aġir ta’ impriża ma huwiex konformi mad-dispożizzjonijiet tal-GDPR, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni għandha tikkonsulta lil dawn l-awtoritajiet u titlob il-kooperazzjoni tagħhom, sabiex tneħħi d-dubji tagħha jew sabiex tiddetermina jekk hemmx lok li tistenna l-adozzjoni ta’ deċiżjoni min-naħa tal-awtorità ta’ superviżjoni kkonċernata qabel ma tibda l-evalwazzjoni tagħha stess.

58

Min-naħa tagħha, meta l-awtorità ta’ superviżjoni tiġi mitluba minn awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni, hija għandha twieġeb għal din it-talba għal informazzjoni jew għal kooperazzjoni f’terminu raġonevoli, billi tikkomunika lil din tal-aħħar l-informazzjoni li hija jkollha għad-dispożizzjoni tagħha li tkun tista’ tippermetti li jitneħħew id-dubji ta’ din l-awtorità dwar il-portata tal-evalwazzjoni mwettqa mill-awtorità ta’ superviżjoni jew, jekk ikun il-każ, billi tinforma lill-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni jekk hija jkollha l-intenzjoni li tattiva l-proċedura ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni l-oħra kkonċernati jew mal-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija, konformement mal-Artikoli 60 et seq. tal-GDPR, sabiex tasal għal deċiżjoni intiża li tikkonstata l-konformità jew in-nuqqas ta’ konformità tal-aġir inkwistjoni ma’ dan ir-regolament.

59

Fl-assenza ta’ tweġiba mill-awtorità ta’ superviżjoni mitluba f’terminu raġonevoli, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tkompli l-investigazzjoni tagħha stess. L-istess japplika meta l-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali kompetenti u l-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija ma joġġezzjonawx għat-tkomplija ta’ tali investigazzjoni mingħajr l-istennija tal-adozzjoni ta’ deċiżjoni min-naħa tagħhom.

60

F’dan il-każ, mill-fajl għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, matul ix-xhur ta’ Ottubru u ta’ Novembru 2018, jiġifieri, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tas‑6 ta’ Frar 2019, l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni kkuntattjat lill-Bundesbeauftragte für den Datenschutz und die Informationsfreiheit (BfDI) (il-Kummissarju Federali għall-Protezzjoni tad-Data u għall-Libertà tal-Informazzjoni, il-Ġermanja), lill-Hamburgische Beauftragte für Datenschutz und Informationsfreiheit (il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data u għall-Libertà tal-Informazzjoni ta’ Hamburg, il-Ġermanja), responsabbli fir-rigward ta’ Facebook Deutschland, u lid-Data Protection Commission (DPC) (l-Awtorità għall-Protezzjoni tad-Data, l-Irlanda), sabiex tinforma lil dawn l-awtoritajiet bl-intervent tagħha. Barra minn hekk, jidher li l-l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni kisbet il-konferma li ebda investigazzjoni ma kienet qiegħda titwettaq dak iż-żmien mill-imsemmija awtoritajiet dwar fatti simili għal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, u dawn ma qajmu ebda oġġezzjoni fir-rigward tal-intervent tagħha. Fl-aħħar, fil-punti 555 u 556 tad-deċiżjoni tagħha tas‑6 ta’ Frar 2019, l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni rreferiet espressament għal din il-kooperazzjoni.

61

F’dawn iċ-ċirkustanzi, u bla ħsara għall-verifiki li għandha twettaq il-qorti tar-rinviju, jidher li l-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni ssodisfat l-obbligi tagħha ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni nazzjonali kkonċernati kif ukoll mal-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija.

62

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ewwel u għas-seba’ domanda għandha tkun li l-Artikoli 51 et seq. tal-GDPR kif ukoll l-Artikolu 4(3) TUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li, bla ħsara għall-osservanza tal-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni, awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tikkonstata, fil-kuntest tal-eżami ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, li l-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ din l-impriża relatati mal-ipproċessar tad-data personali u l-implimentazzjoni tagħhom ma humiex konformi ma’ dan ir-regolament, meta din il-konstatazzjoni tkun neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali abbuż.

63

Fid-dawl ta’ dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax titbiegħed minn deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali kompetenti jew tal-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija kompetenti dwar dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jew dwar kundizzjonijiet ġenerali simili. Meta jkollha dubji dwar il-portata ta’ tali deċiżjoni, meta l-imsemmija kundizzjonijiet jew kundizzjonijiet simili jkunu, fl-istess ħin, is-suġġett ta’ eżami min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet, jew inkella meta, fl-assenza ta’ investigazzjoni jew ta’ deċiżjoni tal-imsemmija awtoritajiet, l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun tqis li l-kundizzjonijiet inkwistjoni ma humiex konformi mal-GDPR, hija għandha tikkonsulta lil dawn l-istess awtoritajiet ta’ superviżjoni u titlob il-kooperazzjoni tagħhom, sabiex tneħħi d-dubji tagħha jew sabiex tiddetermina jekk hemmx lok li tistenna l-adozzjoni ta’ deċiżjoni min-naħa tagħhom qabel ma tibda l-evalwazzjoni tagħha stess. Fl-assenza ta’ ta’ oġġezzjoni min-naħa tagħhom jew ta’ tweġiba fi żmien raġonevoli, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tkompli l-investigazzjoni tagħha stess.

Fuq it‑tieni domanda

64

Permezz tal-punt (a) tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 9(1) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn utent ta’ network soċjali online jikkonsulta siti internet jew applikazzjonijiet relatati ma’ kategorija waħda jew iktar imsemmija f’din id-dispożizzjoni u, jekk ikun il-każ, idaħħal fihom data meta jabbona ruħu jew iwettaq ordnijiet online, l-ipproċessar ta’ data personali mill-operatur ta’ dan in-network soċjali online, li jikkonsisti fil-ġbir, permezz ta’ interfaċċi integrati, ta’ cookies jew ta’ teknoloġiji ta’ reġistrazzjoni simili, tad-data li tirriżulta mill-konsultazzjoni ta’ dawn is-siti u ta’ dawn l-applikazzjonijiet kif ukoll tad-data mdaħħla mill-utent, fil-korrelazzjoni ta’ din id-data kollha mal-kont tan-network soċjali tiegħu u fl-użu tal-imsemmija data minn dan l-operatur, għandu jitqies bħala “[i]pproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li bħala prinċipju huwa pprojbit, bla ħsara għad-derogi previsti f’dan l-Artikolu 9(2).

65

Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, permezz tal-punt (b) tat-tieni domanda tagħha, jekk l-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta utent ta’ network soċjali online jikkonsulta siti internet jew applikazzjonijiet li għandhom rabtiet mal-kategoriji stabbiliti fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR, idaħħal data fuq dawn is-siti jew applikazzjonijiet jew jattiva buttuni ta’ selezzjoni integrati fihom, bħall-buttuni “Like” jew “Share” jew il-buttuni li jippermettu lill-utent jidentifika ruħu fuq dawn is-siti jew fuq dawn l-applikazzjonijiet billi juża l-identifikaturi ta’ konnessjoni marbuta mal-kont tiegħu ta’ utent tan-network soċjali online, in-numru tat-telefon tiegħu jew l-indirizz elettroniku tiegħu, huwa meqjus li manifestament għamel pubblika, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, id-data miġbura f’din l-okkażjoni mill-operatur ta’ dan in-network soċjali online permezz ta’ cookies jew ta’ teknoloġiji ta’ reġistrazzjoni simili.

Fuq il‑punt (a) tat‑tieni domanda

66

Il-premessa 51 tal-GDPR tipprovdi li d-data personali li, minn natura tagħha, tkun partikolarment sensittiva mil-lat tal-libertajiet u tad-drittijiet fundamentali jistħoqqilha protezzjoni speċifika, peress li l-kuntest tal-ipproċessar tagħha jista’ joħloq riskji sinjifikattivi għal dawn il-libertajiet u għal dawn id-drittijiet. Din il-premessa tippreċiża li tali data personali ma għandhiex tiġi pproċessata, sakemm dan l-ipproċessar ma jkunx awtorizzat fil-każijiet speċifiċi previsti mill-imsemmi regolament.

67

F’dan il-kuntest, l-Artikolu 9(1) tal-GDPR jistabbilixxi l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali li huwa jindika. Din hija, b’mod partikolari, data li tiżvela l-oriġini razzjali jew etnika, l-opinjonijiet politiċi, it-twemmin reliġjuż kif ukoll data li tirrigwarda s-saħħa, il-ħajja sesswali jew l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika.

68

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR, għandu jiġi vverifikat, fil-każ ta’ pproċessar ta’ data personali mwettaq mill-operatur ta’ network soċjali online, jekk din id-data tippermettix li tiġi żvelata informazzjoni li taqa’ taħt waħda mill-kategoriji msemmija f’din id-dispożizzjoni, kemm jekk din l-informazzjoni tkun tikkonċerna utent ta’ dan in-network kif ukoll kwalunkwe persuna fiżika oħra. Fl-affermattiv, tali pproċessar ta’ data personali ikun għaldaqstant ipprojbit, bla ħsara għad-derogi previsti fl-Artikolu 9(2) tal-GDPR.

69

Hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punti 40 u 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, din il-projbizzjoni bħala prinċipju, prevista fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR, hija indipendenti mill-kwistjoni dwar jekk l-informazzjoni żvelata mill-ipproċessar inkwistjoni hijiex eżatta jew le u jekk il-kontrollur huwiex qiegħed jaġixxi bl-għan li jikseb informazzjoni li taqa’ taħt waħda mill-kategoriji speċjali msemmija f’din id-dispożizzjoni.

70

Fil-fatt, fid-dawl tar-riskji sinjifikattivi għal-libertajiet fundamentali u għad-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, li jirriżultaw minn kull ipproċessar ta’ data personali li jaqa’ taħt il-kategoriji msemmija fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR, dan għandu l-għan li jipprojbixxi dan l-ipproċessar, indipendentement mill-għan iddikjarat tiegħu.

71

F’dan il-każ, l-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali mwettaq minn Meta Platforms Ireland jikkonsisti, qabelxejn, fil-ġbir tad-data personali tal-utenti tan-network soċjali Facebook meta huma jikkonsultaw siti internet jew applikazzjonijiet — inkluża dik li tista’ tiżvela informazzjoni li taqa’ taħt kategorija waħda jew iktar imsemmija fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR — u, jekk ikun il-każ, jinkludu informazzjoni fihom meta jabbonaw ruħhom jew iwettqu ordnijiet online, sussegwentement fil-korrelazzjoni ta’ din id-data mal-kont tan-network soċjali ta’ dawn l-utenti u, fl-aħħar, fl-użu tal-imsemmija data.

72

F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk id-data hekk miġbura, waħedha jew permezz tar-korrelazzjoni tagħha mal-kontijiet Facebook tal-utenti kkonċernati, tippermettix effettivament li tiġi żvelata tali informazzjoni, kemm jekk din l-informazzjoni tkun tikkonċerna utent ta’ dan in-network jew kwalunkwe persuna fiżika oħra. Madankollu, fid-dawl tad-domandi magħmula minn dik il-qorti, għandu jiġi ppreċiżat li jidher, bla ħsara għall-verifiki li għandhom jitwettqu minnha, li l-ipproċessar tad-data relatata mal-konsultazzjoni tas-siti internet jew tal-applikazzjonijiet inkwistjoni jista’, f’ċerti każijiet, jiżvela tali informazzjoni, mingħajr ma jkun neċessarju li l-imsemmija utenti jdaħħlu fihom informazzjoni meta jabbonaw ruħhom jew iwettqu ordnijiet online.

73

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt (a) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ fejn utent ta’ network soċjali online jikkonsulta siti internet jew applikazzjonijiet relatati ma’ kategorija waħda jew iktar imsemmija f’din id-dispożizzjoni u, jekk ikun il-każ, idaħħal fihom data meta jabbona ruħu jew iwettaq ordnijiet online, l-ipproċessar ta’ data personali mill-operatur ta’ dan in-network soċjali online, li jikkonsisti fil-ġbir, permezz ta’ interfaċċi integrati, ta’ cookies jew ta’ teknoloġiji ta’ reġistrazzjoni simili, tad-data li tirriżulta mill-konsultazzjoni ta’ dawn is-siti u ta’ dawn l-applikazzjonijiet kif ukoll tad-data mdaħħla mill-utent, fil-korrelazzjoni ta’ din id-data kollha mal-kont tan-network soċjali tiegħu u fl-użu tal-imsemmija data minn dan l-operatur, għandu jitqies bħala “[i]pproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li bħala prinċipju huwa pprojbit, bla ħsara għad-derogi previsti f’dan l-Artikolu 9(2), meta dan l-ipproċessar ta’ data jkun jippermetti li tiġi żvelata informazzjoni li taqa’ taħt waħda minn dawn il-kategoriji, kemm jekk din l-informazzjoni tkun tikkonċerna utent ta’ dan in-network jew kwalunkwe persuna fiżika oħra.

Fuq il‑punt (b) tat‑tieni domanda

74

Fir-rigward tal-punt (b) tat-tieni domanda, kif ifformulat mill-ġdid fil-punt 65 ta’ din is-sentenza u relatat mad-deroga prevista fl-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR, għandu jitfakkar li, skont din id-dispożizzjoni, il-projbizzjoni bħala prinċipju ta’ kull ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali, stabbilita fl-Artikolu 9(1) ma tapplikax fil-każ fejn “is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta’ dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data;”, jew fil-każ fejn l-ipproċessar ikun jirrigwarda data personali li “b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data”.

75

Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, din id-deroga tapplika biss għad-data manifestament magħmula pubblika “mis-suġġett tad-data”. Għaldaqstant, hija ma hijiex applikabbli għad-data li tikkonċerna persuni oħra ħlief dik li tkun għamlet din id-data pubblika.

76

Min-naħa l-oħra, sa fejn jipprevedi eċċezzjoni għall-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali, l-Artikolu 9(2) tal-GDPR għandu jiġi interpretat b’mod restrittiv (ara. f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑6 ta’ Ġunju 2019, Weil, C‑361/18, EU:C:2019:473, punt 43, u tas‑17 ta’ Settembru 2014, Baltic Agro, C‑3/13, EU:C:2014:2227, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77

Minn dan isegwi li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR, għandu jiġi vverifikat jekk is-suġġett tad-data kellux l-intenzjoni, b’mod espliċitu u permezz ta’ att affermattiv ċar, li jagħmel id-data personali inkwistjoni aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali.

78

F’dan ir-rigward, fir-rigward, minn naħa, tal-konsultazzjoni tas-siti internet jew tal-applikazzjonijiet relatati ma’ kategorija waħda jew iktar imsemmija fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR, għandu jiġi kkonstatat li, permezz ta’ din il-konsultazzjoni, l-utent ikkonċernat bl-ebda mod ma jkollu l-intenzjoni li jagħmel pubbliku l-fatt li huwa kkonsulta dawn is-siti jew dawn l-applikazzjonijiet u d-data relatata ma’ din il-konsultazzjoni li tista’ tintrabat mal-persuna tiegħu. Fil-fatt, din il-persuna tista’ l-iktar l-iktar tistenna li l-ġestjonarju tas-sit jew tal-applikazzjoni jkollu aċċess għal din id-data u li huwa jaqsamha, jekk ikun il-każ u bla ħsara għall-kunsens espliċitu mogħti minn dan l-utent, ma’ ċerti terzi u mhux mal-pubbliku ġenerali.

79

Għalhekk, ma jistax jiġi dedott mis-sempliċi konsultazzjoni ta’ tali siti internet jew ta’ tali applikazzjonijiet minn utent li l-imsemmija data personali kienet ġiet manifestament magħmula pubblika minn dan l-utent, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR.

80

Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-attivitajiet li jikkonsistu fl-inklużjoni ta’ data fl-imsemmija siti internet jew fl-imsemmija applikazzjonijiet kif ukoll fl-attivazzjoni ta’ buttuni ta’ selezzjoni integrati fihom, bħall-buttuni “Like” jew “Share” jew il-buttuni li jippermettu lill-utent jidentifika ruħu fuq sit internet jew fuq applikazzjoni billi juża l-identifikaturi ta’ konnessjoni marbuta mal-kont ta’ utent Facebook tiegħu, in-numru tat-telefon tiegħu jew l-indirizz elettroniku tiegħu,, għandu jiġi rrilevat li dawn l-attivitajiet jinvolvu interazzjoni bejn dan l-utent u s-sit internet jew l-applikazzjoni inkwistjoni, u, jekk ikun il-każ, is-sit tan-network soċjali online, interazzjoni li l-forom ta’ reklamar tagħha jistgħu jvarjaw sa fejn dawn jistgħu jkunu s-suġġett ta’ parametraġġ individwali min-naħa tal-imsemmi utent.

81

F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk l-utenti kkonċernati għandhomx il-possibbiltà li jiddeċiedu, abbażi ta’ parametraġġ imwettaq b’għarfien sħiħ tal-fatti, li jagħmlu d-data mdaħħla fis-siti internet jew fl-applikazzjonijiet inkwistjoni kif ukoll id-data li tirriżulta mill-attivazzjoni tal-buttuni ta’ selezzjoni integrati fihom aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali jew, għall-kuntrarju, għal numru ftit jew wisq limitat ta’ persuni magħżula.

82

Meta l-utenti kkonċernati jkollhom effettivament tali għażla, dawn jistgħu jitqiesu, meta b’mod volontarju jdaħħlu data f’sit internet jew f’applikazzjoni jew meta jattivaw buttuni ta’ selezzjoni integrati fihom, bħala li jagħmlu manifestament pubblika d-data li tkun tikkonċernahom, fis-sens tal-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR, biss, fil-każ fejn, abbażi ta’ parametraġġ individwali mwettaq b’għarfien sħiħ tal-fatti, dawn l-utenti jkunu esprimew b’mod ċar l-għażla tagħhom li din id-data ssir aċċessibbli għal numru illimitat ta’ persuni, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

83

Għall-kuntrarju, jekk tali parametraġġ individwali ma jiġix propost, għandu jitqies, fid-dawl ta’ dak li ġie indikat fil-punt 77 ta’ din is-sentenza, li, meta utenti jdaħħlu volontarjament data f’sit internet jew f’applikazzjoni jew jattivaw buttuni ta’ selezzjoni integrati fihom, huma għandhom, sabiex jitqiesu li manifestament għamlu pubblika din id-data, ikunu taw il-kunsens espliċitu tagħhom, abbażi ta’ informazzjoni espressa pprovduta minn dan is-sit jew minn din l-applikazzjoni qabel tali inklużjoni jew attivazzjoni, sabiex l-imsemmija data tkun tista’ tiġi vviżwalizzata minn kull persuna li jkollha aċċess għall-imsemmi sit jew għall-imsemmija applikazzjoni.

84

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-punt (b) tat-tieni domanda għandha tkun li l-Artikolu 9(2)(e) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta utent ta’ network soċjali online jikkonsulta siti internet jew applikazzjonijiet relatati ma’ kategorija waħda jew iktar imsemmija fl-Artikolu 9(1) tal-GDPR, huwa ma jagħmilx manifestament pubblika, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, id-data relatata ma’ din il-konsultazzjoni, miġbura mill-operatur ta’ dan in-network soċjali online permezz ta’ cookies jew ta’ teknoloġiji ta’ reġistrazzjoni simili.

85

Meta jdaħħal data f’tali siti internet jew f’tali applikazzjonijiet jew meta jattiva buttuni ta’ selezzjoni integrati f’dawn is-siti u f’dawn l-applikazzjonijiet, bħall-buttuni “Like” jew “Share” jew il-buttuni li jippermettu lill-utent jidentifika ruħu fuq dawn is-siti jew fuq dawn l-applikazzjonijiet billi juża l-identifikaturi ta’ konnessjoni marbuta mal-kont tiegħu ta’ utent tan-network soċjali, in-numru tat-telefon tiegħu jew l-indirizz elettroniku tiegħu, tali utent jagħmel manifestament pubblika, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 9(2)(e), id-data hekk imdaħħla jew li tirriżulta mill-attivazzjoni ta’ dawn il-buttuni biss fil-każ fejn huwa jkun esprima b’mod espliċitu l-għażla tiegħu minn qabel, jekk ikun il-każ abbażi ta’ parametraġġ individwali mwettaq b’għarfien sħiħ tal-fatti, li jagħmel id-data li tikkonċernah pubblikament aċċessibbli għal numru illimitat ta’ persuni.

Fuq it‑tielet sal‑ħames domanda

86

Permezz tat-tielet u tar-raba’ domanda tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf, essenzjalment, jekk u f’liema kundizzjonijiet il-punti (b) u (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn operatur ta’ network soċjali online, li jikkonsisti fil-ġbir ta’ data tal-utenti ta’ tali network li tirriżulta minn servizzi oħra tal-grupp li għalih jappartjeni dan l-operatur jew li tirriżulta mill-konsultazzjoni minn dawn l-utenti ta’ siti internet jew ta’ applikazzjonijiet terzi, fil-korrelazzjoni ta’ din id-data mal-kont tan-network soċjali tal-imsemmija utenti u fl-użu tal-imsemmija data, jista’ jitqies li huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li fih is-suġġetti tad-data jkunu partijiet, fis-sens tal-punt (b), jew għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur jew minn terz, fis-sens tal-punt (f). Din il-qorti tistaqsi b’mod partikolari jekk, għal dan l-għan, ċerti interessi li hija tiċċita espliċitament jikkostitwixxux “interess leġittimu”, fis-sens ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

87

Permezz tal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punti (c) sa (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li tali pproċessar ta’ data personali jista’ jitqies li huwa neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih il-kontrollur huwa suġġett, fis-sens tal-punt (c), għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra, fis-sens tal-punt (d), jew għat-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika mogħtija lill-kontrollur, fis-sens tal-punt (e), fil-każ fejn l-imsemmi pproċessar jitwettaq rispettivament bil-għan ta’ tweġiba għal talba legalment valida sabiex tiġi pprovduta ċerta data, bil-għan li jiġi miġġieled aġir ta’ ħsara u li tiġi promossa s-sigurtà, u għall-finijiet ta’ riċerka għall-benefiċċju tas-soċjetà u bil-għan li jiġu promossi l-protezzjoni, l-integrità u s-sigurtà.

Osservazzjonijiet preliminari

88

Preliminarjament, għandu jiġi osservat, l-ewwel, li t-tielet sal-ħames domanda huma magħmula minħabba l-fatt li, skont il-konstatazzjonijiet tal-Awtorità Federali tal-Kompetizzjoni fid-deċiżjoni tagħha tas‑6 ta’ Frar 2019, ma jistax jitqies li l-utenti tan-network soċjali Facebook taw il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar tad-data tagħhom inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fis-sens tal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u tal-Artikolu 9(2)(a) tal-GDPR. Huwa għalhekk f’dan il-kuntest li l-qorti tar-rinviju, filwaqt li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja permezz tas-sitt domanda tagħha fir-rigward ta’ din il-premessa, tqis li għandha tivverifika jekk dan l-ipproċessar jikkorrispondix għal waħda mill-kundizzjonijiet l-oħra għal-legalità, imsemmija f’dawn il-punti (b) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

89

F’dan il-kuntest, għandu jiġi rrilevat li l-operazzjonijiet ta’ ġbir, ta’ korrelazzjoni u ta’ użu tad-data, imsemmija fit-tielet sal-ħames domanda, jistgħu jinkludu kemm data sensittiva fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR kif ukoll data mhux sensittiva. Issa, għandu jiġi ppreċiżat li, fil-każ fejn sett ta’ data li jkun jinkludi kemm data sensittiva kif ukoll data mhux sensittiva jkun is-suġġett ta’ tali operazzjonijiet u, b’mod partikolari, jinġabar f’daqqa mingħajr ma d-data tkun tista’ tiġi sseparata minn xulxin fil-mument ta’ dan il-ġbir, l-ipproċessar ta’ dan is-sett ta’ data għandu jitqies li huwa pprojbit, fis-sens tal-Artikolu 9(1) tal-GDPR peress li jkun jinkludi mill-inqas data sensittiva waħda u ebda waħda mid-derogi msemmija fl-Artikolu 9(2) ta’ dan ir-regolament ma tkun applikabbli.

90

It-tieni, sabiex tingħata risposta għat-tielet sal-ħames domanda, għandu jitfakkar li l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR jipprevedi lista eżawrjenti u limitata tal-każijiet li fihom ipproċessar ta’ data personali jista’ jitqies li huwa legali. Għaldaqstant, sabiex ipproċessar ta’ data personali jkun jista’ jitqies li huwa leġittimu, dan għandu jkun kopert minn wieħed mis-sitt każijiet previsti f’din id-dispożizzjoni (sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità), C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91

Skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1)ta’ dan ir-regolament, l-ipproċessar ta’ data ikun legali biss jekk, u sakemm, is-suġġett tad-data jkun ta l-kunsens tiegħu sabiex id-data tiegħu tiġi pproċessata għal skop speċifiku wieħed jew iktar.

92

Fl-assenza ta’ tali kunsens, jew meta dan il-kunsens ma jkunx ingħata b’mod liberu, speċifiku, informat u inekwivoku, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, tali pproċessar ikun madankollu ġġustifikat meta dan ikun jissodisfa wieħed mir-rekwiżiti ta’ neċessità msemmija fil-punti (b) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

93

F’dan il-kuntest, il-ġustifikazzjonijiet previsti f’din l-aħħar dispożizzjoni, sa fejn dawn jippermettu li pproċessar ta’ data personali mwettaq fl-assenza tal-kunsens tas-suġġett tad-data jsir legali, għandhom ikunu suġġetti għal interpretazzjoni restrittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Frar 2022, Valsts ieņēmumu dienests (Ipproċessar ta’ data personali għal finijiet fiskali) (C‑175/20, EU:C:2022:124, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata).

94

Barra minn hekk, hekk kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, meta jkun possibbli li jiġi kkonstatat li pproċessar ta’ data personali huwa neċessarju fid-dawl ta’ waħda mill-ġustifikazzjonijiet previsti fil-punti (b) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, ma hemmx lok li jiġi ddeterminat jekk dan l-ipproċessar jaqax ukoll taħt waħda oħra minn dawn il-ġustifikazzjonijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑1 ta’ Awwissu 2022. Vyriausioji tarnybinės etikos komisija, C‑184/20, EU:C:2022:601, punt 71.

95

Fl-aħħar għandu jiġi ppreċiżat li, konformement mal-Artikolu 5 tal-GDPR huwa l-kontrollur li għandu l-oneru li jipprova li din id-data hija b’mod partikolari miġbura għal skopijiet speċifiċi, espliċiti u leġittimi u li din hija pproċessata b’mod legali, ġust u trasparenti fir-rigward tas-suġġett tad-data. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 13(1)(c) ta’ dan ir-regolament, meta data personali tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, huwa l-kontrollur li għandu jinformah dwar l-iskopijiet tal-ipproċessar li għalih din id-data hija intiża kif ukoll dwar il-bażi legali ta’ dan l-ipproċessar.

96

Għalkemm hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina jekk id-diversi elementi tal-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali humiex iġġustifikati minn waħda jew mill-oħra mir-rekwiżiti msemmija fil-punti (b) sa (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ madankollu tipprovdilha indikazzjonijiet utli sabiex hija tkun tista’ tiddeċiedi t-tilwima mressqa quddiemha.

Fuq it‑tielet u r‑raba’ domanda

97

F’dak li jirrigwarda, fl-ewwel lok, il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, dan jipprevedi li pproċessar ta’ data personali ikun legali jekk dan ikun “meħtieġ għat-twettiq ta’ kuntratt li għalih is-suġġett tad-data huwa parti jew sabiex jittieħdu passi fuq talba tas-suġġett tad-data qabel ma jidħol f’kuntratt”.

98

F’dan ir-rigward, sabiex ipproċessar ta’ data personali jitqies li huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, dan għandu jkun oġġettivament indispensabbli sabiex jitwettaq skop li jagħmel parti integrali mill-provvista kuntrattwali intiża għas-suġġett tad-data. Il-kontrollur għandu għalhekk ikun f’pożizzjoni li juri kif l-għan prinċipali tal-kuntratt ma jkunx jista’ jintlaħaq fl-assenza tal-ipproċessar inkwistjoni.

99

Il-fatt li tali pproċessar jissemma fil-kuntratt jew li jkun utli biss għall-eżekuzzjoni tiegħu huwa, fih innifsu, irrilevanti f’dan ir-rigward. Fil-fatt, l-element determinanti għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-ġustifikazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR huwa li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq mill-kontrollur ikun essenzjali sabiex jippermetti l-eżekuzzjoni korretta tal-kuntratt konkluż bejnu u s-suġġett tad-data u, għaldaqstant, li ma jeżistux soluzzjonijiet oħra prattiċi u inqas intrużivi.

100

F’dan ir-rigward, hekk kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 54 tal-konklużjonijiet tiegħu, meta l-kuntratt ikun jikkonsisti f’diversi servizzi jew f’diversi elementi distinti tal-istess servizz li jistgħu jiġu eżegwiti indipendentement minn xulxin, l-applikabbiltà tal-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandha tiġi evalwata separatament fil-kuntest ta’ kull wieħed minn dawn is-servizzi.

101

F’dan il-każ, fil-kuntest tal-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, il-qorti tar-rinviju tirreferi, bħala elementi intiżi li jiżguraw l-eżekuzzjoni adegwata tal-kuntratt konkluż bejn Meta Platforms Ireland u l-utenti tagħha, għall-personalizzazzjoni tal-kontenut kif ukoll għall-użu kontinwu u bla xkiel tas-servizzi tal-grupp Meta stess.

102

Fir-rigward, l-ewwel, tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq il-personalizzazzjoni tal-kontenut, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm tali personalizzazzjoni hija utli għall-utent, sa fejn din tippermettilu b’mod partikolari jara kontenut li jkun jikkorrispondi fil-parti l-kbira għall-interessi tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li, bla ħsara għal verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, il-personalizzazzjoni tal-kontenuti ma tidhirx li hija neċessarja sabiex jiġu offruti lil dan l-utent is-servizzi tan-network soċjali online. Dawn is-servizzi jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu pprovduti lilu fil-forma ta’ alternattiva ekwivalenti li ma tkunx tinvolvi tali personalizzazzjoni, b’tali mod li din tal-aħħar ma hijiex oġġettivament indispensabbli għal skop li jifforma parti integrali mill-istess servizzi.

103

It-tieni, fir-rigward tal-ġustifikazzjoni bbażata fuq l-użu kontinwu u bla xkiel tas-servizzi tal-grupp Meta stess, mill-fajl li għandha il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li persuna ma għandhiex l-obbligu tissottoskrivi għad-diversi servizzi offruti mill-grupp Meta sabiex tkun tista’ toħloq kont ta’ utent fin-network soċjali Facebook. Fil-fatt, id-diversi prodotti u servizzi offruti minn dan il-grupp jistgħu jintużaw indipendentement minn xulxin u l-użu ta’ kull prodott jew servizz huwa bbażat fuq is-sottoskrizzjoni għal kuntratt ta’ użu separat.

104

Għaldaqstant u bla ħsara għal verifika mill-qorti tar-rinviju, ipproċessar ta’ data personali li tirriżulta minn servizzi li ma humiex is-servizz tan-network soċjali online offruti mill-grupp Meta ma jidhirx li huwa neċessarju sabiex jippermetti l-provvista ta’ dan l-aħħar servizz.

105

Fit-tieni lok, f’dak li jirrigwarda l-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, dan jipprovdi li pproċessar ta’ data personali ikun legali jekk dan ikun “meħtieġ għall-finijiet tal-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza, għajr meta dawn l-interessi jingħelbu mill-interessi jew id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tas-suġġett tad-data li jeħtieġu l-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari meta s-suġġett tad-data jkun minorenni”.

106

Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet, din id-dispożizzjoni tipprevedi tliet kundizzjonijiet kumulattivi sabiex l-ipproċessar ta’ data personali previst minnha jkun legali, jiġifieri, l-ewwel, it-tfittxija ta’ interess leġittimu mill-kontrollur jew minn terz, it-tieni, in-neċessità tal-ipproċessar tad-data personali sabiex jintlaħaq l-interess leġittimu mfittex u, it-tielet, il-kundizzjoni li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata mill-protezzjoni tad-data ma jipprevalixxux fuq l-interess leġittimu tal-kontrollur jew ta’ terz (sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata).

107

L-ewwel, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mat-tfittxija ta’ interess leġittimu, għandu jiġi ppreċiżat li, konformement mal-Artikolu 13(1)(d) tal-GDPR, huwa l-kontrollur, fil-mument li fih data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand dan is-suġġett, li għandu jindikalu l-interessi leġittimi mfittxija meta dan l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament.

108

It-tieni, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar tad-data personali għat-twettiq tal-interess leġittimu mfittex, din timponi fuq il-qorti tar-rinviju l-obbligu li tivverifika li l-interess leġittimu tal-ipproċessar tad-data mfittex ma jistax jintlaħaq raġonevolment b’mod daqstant effettiv permess ta’ mezzi oħra li inqas jirrestrinġu l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Ġunju 2021, Latvijas Republikas Saeima (Punti ta’ penalità) (C‑439/19, EU:C:2021:504, punt 110 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109

F’dan il-kuntest, hemm ukoll lok li jitfakkar li l-kundizzjoni relatata man-neċessità tal-ipproċessar għandha tiġi eżaminata flimkien mal-prinċipju msejjaħ ta’ “minimizzazzjoni tad-data” stabbilit fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR, li skontu d-data personali għandha tkun “adegwata, rilevanti, u limitata għal dak li hu meħtieġ b’rabta mal-finijiet li għalihom tkun qed tiġi pproċessata” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑11 ta’ Diċembru 2019, Asociația de Proprietari bloc M5A‑ScaraA, C‑708/18, EU:C:2019:1064, punt 48).

110

It-tielet, fir-rigward tal-kundizzjoni li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tal-persuna kkonċernata mill-protezzjoni tad-data ma jipprevalixxux fuq l-interess leġittimu tal-kontrollur jew ta’ terz, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li din timplika bbilanċjar bejn id-drittijiet u l-interessi opposti inkwistjoni li jkun jiddependi, bħala prinċipju, fuq iċ-ċirkustanzi konkreti tal-każ partikolari u li, konsegwentement, hija l-qorti tar-rinviju li għandha twettaq dan l-ibbilanċjar billi tieħu inkunsiderazzjoni dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi (sentenza tas‑17 ta’ Ġunju 2021, M.I.C.M., C‑597/19, EU:C:2021:492, punt 111 u l-ġurisprudenza ċċitata).

111

F’dan ir-rigward, mit-test stess tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR jirriżulta li huwa neċessarju, fil-kuntest ta’ tali bbilanċjar, li tingħata attenzjoni partikolari għas-sitwazzjoni fejn is-suġġett tad-data ikun minuri. Fil-fatt, konformement mal-premessa 38 ta’ dan ir-regolament, il-minorenni jistħoqqilhom protezzjoni speċifika fir-rigward tal-ipproċessar tad-data personali tagħhom minħabba li dawn jistgħu jkunu inqas konxji f’dak li jirrigwarda r-riskji, il-konsegwenzi u l-garanziji kkonċernati, kif ukoll f’dak li jirrigwarda d-drittijiet tagħhom relatati ma’ tali pproċessar ta’ data personali. Għaldaqstant, tali protezzjoni speċifika għandha, b’mod partikolari, tapplika fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali relatata mal-minorenni għall-finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni jew ta’ ħolqien ta’ profili ta’ personalità jew ta' utent jew ta’ offerta ta’ servizzi intiżi direttament lejn minorenni.

112

Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-premessa 47 tal-GDPR, l-interessi u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data jistgħu, b’mod partikolari, jipprevalixxu fuq l-interess tal-kontrollur meta data personali tiġi pproċessata f’ċirkustanzi fejn is-suġġetti tad-data ma jistennewx b’mod raġonevoli tali pproċessar.

113

F’dan il-każ, fil-kuntest tal-ġustifikazzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, il-qorti tar-rinviju tirreferi għall-personalizzazzjoni tar-reklamar, għas-sigurtà tan-network, għat-titjib tal-prodott, għall-qsim tal-informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti f’dak li jirrigwarda t-tressiq ta’ proċeduri kriminali kif ukoll l-eżekuzzjoni ta’ pieni, għall-fatt li l-utent ikun minuri, għar-riċerka u għall-innovazzjoni għal finijiet soċjali kif ukoll għall-offerta, intiża għall-persuni li jirreklamaw u għall-imsieħba professjonali oħra, ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni kummerċjali mal-utent u ta’ għodod ta’ analiżi li jippermettulhom jevalwaw il-prestazzjoni tagħhom.

114

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li t-talba għal deċiżjoni preliminari ma tinkludix elementi ta’ spjegazzjoni li jippermettu li jinftiehem kif ir-riċerka u l-innovazzjoni għal skopijiet soċjali jew il-fatt li l-utent ikun minuri jistgħu jiġġustifikaw, bħala interessi leġittimi fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, il-ġbir u l-użu tad-data inkwistjoni. Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex f’pożizzjoni li tiddeċiedi f’dan ir-rigward.

115

F’dak li jirrigwarda, l-ewwel, il-personalizzazzjoni tar-reklamar, hemm lok li jiġi rrilevat li, skont il-premessa 47 ta’ dan ir-regolament, l-ipproċessar ta’ data personali għal finijiet ta’ kummerċjalizzazzjoni diretta jista’ jitqies li jitwettaq għal interess leġittimu tal-kontrollur.

116

Madankollu, huwa meħtieġ ukoll li tali pproċessar ikun neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-interess u li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġett tad-data ma jipprevalixxux fuqu. Fil-kuntest ta’ dan l-ibbilanċjar tad-drittijiet u tal-interessi opposti inkwistjoni, jiġifieri dawk tal-kontrollur, minn naħa, u dawk tas-suġġett tad-data, min-naħa l-oħra, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, hekk kif ġie rrilevat fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, b’mod partikolari, l-aspettattivi raġonevoli tas-suġġett tad-data kif ukoll il-portata tal-ipproċessar inkwistjoni u l-impatt tiegħu fuq dan is-suġġett tad-data.

117

F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li s-servizzi ta’ network soċjali online bħal Facebook huma bla ħlas, l-utent tiegħu ma jistax raġonevolment jistenna li, mingħajr il-kunsens tiegħu, l-operatur ta’ dan in-network soċjali jipproċessa d-data personali ta’ dan l-utent għal finijiet ta’ personalizzazzjoni tar-reklamar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-interessi u d-drittijiet fundamentali ta’ tali utent jipprevalu fuq l-interess ta’ dan l-operatur f’tali personalizzazzjoni tar-reklamar li permezz tiegħu huwa jiffinanzja l-attività tiegħu, b’tali mod li l-ipproċessar imwettaq minnu għal tali finijiet ma jistax jaqa’ taħt il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR.

118

Barra minn hekk, l-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa partikolarment estensiv peress li jirrigwarda data potenzjalment illimitata u għandu impatt sinjifikattiv fuq l-utent, li l-parti l-kbira tal-attivitajiet online tiegħu, jekk mhux kważi kollha, huma mmonitorjati minn Meta Platforms Ireland, fatt li jista’ jqajjem fih is-sensazzjoni ta’ superviżjoni kontinwa tal-ħajja privata tiegħu.

119

It-tieni, fir-rigward tal-għan intiż li tiġi żgurata s-sigurtà tan-network, dan jikkostitwixxi, hekk kif tiddikjara l-premessa 49 tal-GDPR, interess leġittimu ta’ Meta Platforms Ireland, li jista’ jiġġustifika l-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

120

Madankollu, fir-rigward tan-neċessità ta’ dan l-ipproċessar sabiex jintlaħaq dan l-interess leġittimu, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk u sa fejn l-ipproċessar ta’ data personali miġbura minn sorsi esterni għan-network soċjali Facebook jirriżulta effettivament neċessarju sabiex jiġi żgurat li s-sigurtà interna ta’ dan in-network ma tkunx kompromessa.

121

F’dan il-kuntest, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 108 u 109 ta’ din is-sentenza, hija għandha tivverifika wkoll, minn naħa, jekk l-interess leġittimu tal-ipproċessar tad-data mfittex jistax raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi permezz ta’mezzi oħra li inqas jirrestrinġu l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data, b’mod partikolari d-drittijiet għar-rispett tal-ħajja privata u għall-protezzjoni tad-data personali ggarantiti mill-Artikoli 7 u 8 tal-Karta u, min-naħa l-oħra, jekk il-prinċipju msejjaħ ta’ “minimizzazzjoni tad-data”, stabbilit fl-Artikolu 5(1)(c) tal-GDPR huwiex osservat.

122

It-tielet, fir-rigward tal-għan intiż għat-titjib tal-prodott, ma jistax jiġi eskluż a priori li l-interess tal-kontrollur li jtejjeb il-prodott jew is-servizz tiegħu bil-għan li jagħmlu iktar effiċjenti u b’hekk iktar attraenti jista’ jikkostitwixxi interess leġittimu li jippermetti li jiġi ġġustifikat ipproċessar ta’ data personali u li tali pproċessar jista’ jkun neċessarju għat-tfittxija ta’ dan l-interess.

123

Madankollu, bla ħsara għall-evalwazzjoni finali li għandha ssir f’dan ir-rigward mill-qorti tar-rinviju, jidher dubjuż li, fir-rigward tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-għan intiż għat-titjib tal-prodott jista’, fid-dawl tal-portata ta’ dan l-ipproċessar u tal-impatt sinjifikattiv tiegħu fuq l-utent, kif ukoll tal-fatt li dan tal-aħħar ma jistax raġonevolment jistenna li din id-data tiġi pproċessata minn Meta Platforms Ireland, jipprevali fuq l-interessi u d-drittijiet fundamentali ta’ tali utent, iktar u iktar fil-każ fejn dan ikun minorenni.

124

Ir-raba’, fir-rigward tal-għan imsemmi mill-qorti tar-rinviju, relatat mal-qsim tal-informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti f’dak li jirrigwarda t-tressiq ta’ proċeduri kriminali kif ukoll l-eżekuzzjoni ta’ pieni intiż li jiġu evitati, li jiġu skoperti u li jitressqu proċeduri kontra reati, għandu jiġi kkonstatat li dan l-għan ma jistax, bħala prinċipju, jikkostitwixxi interess leġittimu mfittex mill-kontrollur, fis-sens tal-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR. Fil-fatt, operatur privat bħal Meta Platforms Ireland ma jistax jinvoka tali interess leġittimu, estranju għall-attività ekonomika u kummerċjali tiegħu. Għall-kuntrarju, l-imsemmi għan jista’ jiġġustifika l-ipproċessar imwettaq minn tali operatur meta dan ikun oġġettivament neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih ikun suġġett dan l-operatur.

125

Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għat-tielet u għar-raba’ domanda għandha tkun li l-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn operatur ta’ network soċjali online, li jikkonsisti fil-ġbir ta’ data tal-utenti ta’ tali network li tirriżulta minn servizzi oħra tal-grupp li għalih jappartjeni dan l-operatur jew li tirriżulta mill-konsultazzjoni minn dawn l-utenti ta’ siti internet jew ta’ applikazzjonijiet terzi, fil-korrelazzjoni ta’ din id-data mal-kont tan-network soċjali tal-imsemmija utenti u fl-użu tal-imsemmija data, jista’ jitqies li huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li fih is-suġġetti tad-data jkunu partijiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss bil-kundizzjoni li dan l-ipproċessar ikun oġġettivament indispensabbli sabiex jintlaħaq skop li jagħmel parti integrali mis-servizz kuntrattwali intiż għal dawn l-istess utenti, b’tali mod li l-għan prinċipali tal-kuntratt ma jkunx jista’ jintlaħaq fl-assenza ta’ dan l-ipproċessar.

126

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li tali pproċessar jista’ jitqies li huwa neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur jew minn terz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss bil-kundizzjoni li l-imsemmi operatur ikun indika lill-utenti li mingħandhom id-data tkun inġabret interess leġittimu mfittex mill-ipproċessar tagħha, li dan l-ipproċessar isir fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-interess leġittimu u li minn ibbilanċjar tal-interessi opposti jirriżulta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta’ dawn l-utenti ma jipprevalixxux fuq l-imsemmi interess leġittimu tal-kontrollur jew ta’ terz.

Fuq il-ħames domanda

127

Fl-ewwel lok, sa fejn din id-domanda tirrigwarda l-punti (c) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, hemm lok li jitfakkar li, skont dan il-punt (c), ipproċessar ta’ data personali ikun legali jekk dan ikun neċessarju sabiex jiġi osservat obbligu legali li għalih il-kontrollur ikun suġġett. Barra minn hekk, skont dan il-punt (e), l-ipproċessar li jkun neċessarju għat-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika mogħtija lill-kontrollur huwa wkoll legali.

128

L-Artikolu 6(3) tal-GDPR jippreċiża b’mod partikolari, fir-rigward ta’ dawn iż-żewġ ipoteżijiet ta’ legalità, li l-ipproċessar għandu jkun ibbażat fuq id-dritt tal-Unjoni jew fuq id-dritt tal-Istat Membru li għalih huwa suġġett il-kontrollur, u li din il-bażi legali għandha tissodisfa għan ta’ interess pubbliku u għandha tkun proporzjonata għall-għan leġittimu mfittex.

129

F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ipproċessar ta’ data personali, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistax jitqies li huwa ġġustifikat fid-dawl tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, meta dan ikun intiż sabiex “tingħata risposta għal talba legalment valida li tiġi pprovduta ċerta data”, u, fid-dawl tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-regolament, meta l-għan tiegħu tkun ir-“riċerka għall-benefiċċju tas-soċjetà” u jkun intiż sabiex jiġu “promossi l-protezzjoni, l-integrità u s-sigurtà”.

130

Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li din il-qorti ma pprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja l-elementi li jippermettulha tagħti deċiżjoni b’mod konkret f’dan ir-rigward.

131

Għaldaqstant, hija l-imsemmija qorti li għandha tivverifika, fid-dawl tal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt 128 ta’ din is-sentenza, jekk l-imsemmi pproċessar jistax jitqies li huwa ġġustifikat mill-iskopijiet iddikjarati.

132

B’mod partikolari, fid-dawl ta’ dak li ġie rrilevat fil-punt 124 ta’ din is-sentenza, hija għandha tivverifika, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, jekk Meta Platforms Ireland hijiex suġġetta għal obbligu legali ta’ ġbir u ta’ żamma ta’ data personali b’mod preventiv sabiex tkun tista’ twieġeb għal kull talba ta’ awtorità nazzjonali intiża għall-kisba ta’ ċerta data relatata mal-utenti tagħha.

133

Bl-istess mod, hija l-imsemmija qorti li għandha tevalwa, fid-dawl tal-punt (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, jekk Meta Platforms Ireland għandhiex missjoni ta’ interess pubbliku jew li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika, b’mod partikolari sabiex tiżgura r-riċerka għall-ġid tas-soċjetà kif ukoll sabiex tippromwovi l-protezzjoni, l-integrità u s-sigurtà, filwaqt li jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tan-natura u tal-fatt essenzjalment ekonomiku u kummerċjali tal-attività tagħha, ma tantx jidher probabbli li dan l-operatur privat huwa fdat b’tali missjoni.

134

Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju għandha, jekk ikun il-każ, tivverifika jekk, fid-dawl tal-portata tal-ipproċessar ta’ data mwettaq minn Meta Platforms Ireland u tal-effett sinjifikattiv tiegħu għall-utenti tan-network soċjali Facebook, dan l-ipproċessar isirx fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

135

F’dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, il-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR, din id-dispożizzjoni tipprevedi li l-ipproċessar ta’ data personali huwa legali meta dan ikun neċessarju għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra.

136

Hekk kif jirriżulta mill-premessa 46 ta’ dan ir-regolament, din id-dispożizzjoni tirrigwarda s-sitwazzjoni speċifika li fiha l-ipproċessar ta’ data personali jkun neċessarju għall-protezzjoni ta’ interess essenzjali għall-ħajja tas-suġġett tad-data jew ta’ dik ta’ persuna fiżika oħra. F’dan ir-rigward din il-premessa tiċċita, b’mod partikolari, bħala eżempju l-finijiet umanitarji, bħall-monitoraġġ tal-epidemiji u t-tixrid tagħhom, kif ukoll il-każijiet ta’ emerġenza umanitarja, bħas-sitwazzjonijiet ta’ katastrofi naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

137

Minn dawn l-eżempji kif ukoll mill-interpretazzjoni stretta li għandha tingħata lill-punt (d) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR jirriżulta li, fid-dawl tan-natura tas-servizzi pprovduti mill-operatur ta’ network soċjali online, tali operatur, li l-attività tiegħu hija ta’ natura essenzjalment ekonomika u kummerċjali, ma jistax jinvoka l-protezzjoni ta’ interess essenzjali għall-ħajja tal-utenti tiegħu jew ta’ persuna oħra sabiex jiġġustifika, b’mod assolut u purament astratt u preventiv, il-legalità ta’ pproċessar ta’ data bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

138

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għall-ħames domanda għandha tkun li l-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandu jiġi interpretat fis-sens li l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn operatur ta’ network soċjali online, li jikkonsisti fil-ġbir ta’ data tal-utenti ta’ tali network li tirriżulta minn servizzi oħra tal-grupp li għalih jappartjeni dan l-operatur jew li tirriżulta mill-konsultazzjoni minn dawn l-utenti ta’ siti internet jew minn applikazzjonijiet terzi, fil-korrelazzjoni ta’ din id-data mal-kont tan-network soċjali tal-imsemmija utenti u fl-użu tal-imsemmija data, huwa ġġustifikat, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, meta dan ikun effettivament neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur, skont dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, meta din il-bażi legali tkun tissodisfa għan ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata għall-għan leġittimu mfittex u meta dan l-ipproċessar isir fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

139

Il-punti (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali pproċessar ta’ data personali ma jistax, bħala prinċipju u bla ħsara għal verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, jitqies li huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra, fis-sens tal-punt (d), jew għat-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika mogħtija lill-kontrollur, fis-sens tal-punt (e).

Fuq is‑sitt domanda

140

Permezz tas-sitt domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9(2)(a) tal-GDPR għandhomx jiġu interpretati fis-sens li kunsens mogħti mill-utent ta’ network soċjali online lill-operatur ta’ tali network jista’ jitqies li jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ validità previsti fil-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, b’mod partikolari l-kundizzjoni li dan il-kunsens għandu jingħata liberament, meta dan l-operatur ikun jokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq tan-networks soċjali online.

141

Il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9(2)a tal-GDPR jeħtieġu l-kunsens tas-suġġett tad-data għall-finijiet, rispettivament, tal-ipproċessar, għal skop speċifiku wieħed jew iktar, tad-data personali tiegħu kif ukoll tal-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data previsti f’dan l-Artikolu 9(1).

142

Min-naħa tiegħu, il-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-GDPR jiddefinixxi l-kunċett ta’ “kunsens” bħala “kwalunkwe indikazzjoni tax-xewqat tas-suġġett tad-data mogħtija b’mod liberu, speċifika, infurmata u mhux ambigwa li permezz tagħha s-suġġett tad-data, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara, juri li jaqbel mal-ipproċessar ta’ data personali relatata miegħu”.

143

Fid-dawl tad-domandi tal-qorti tar-rinviju, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li, skont il-premessa 42 tal-GDPR, il-kunsens ma jistax jitqies li jkun ingħata liberament jekk is-suġġett tad-data ma jkollux verament libertà ta’ għażla jew ma jkunx f’pożizzjoni li jirrifjuta jew li jirtira l-kunsens tiegħu mingħajr ma jġarrab dannu.

144

Fit-tieni lok, il-premessa 43 ta’ dan ir-regolament tiddikjara li, sabiex jiġi żgurat li l-kunsens jingħata liberament, huwa neċessarju li dan ma jkunx jikkostitwixxi bażi legali valida għall-ipproċessar ta’ data personali meta jkun hemm żbilanċ ċar bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur, Din il-premessa tippreċiża wkoll li l-kunsens huwa preżunt li ma jkunx ingħata liberament jekk ma jkunx jista’ jingħata kunsens separat għal operazzjonijiet differenti ta’ pproċessar ta’ data personali, minkejja li dan ikun xieraq fil-każ inkwistjoni.

145

Fit-tielet lok, l-Artikolu 7(4) tal-GDPR jipprevedi li meta jiġi ddeterminat jekk il-kunsens huwiex mogħti liberament, għandha tittieħed l-iktar inkunsiderazzjoni l-kwistjoni dwar jekk, fost oħrajn, l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt inkluż, il-provvista ta’ servizz, hijiex suġġetta għall-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali, li ma huwiex neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.

146

Huwa abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandha tingħata risposta għas-sitt domanda.

147

F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, ċertament, il-fatt li l-operatur ta’ network soċjali online, bħala kontrollur, ikun jokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq tan-networks soċjali ma jipprekludix bħala tali li l-utenti ta’ dan in-network soċjali jkunu jistgħu validament jagħtu l-kunsens tagħhom, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 tal-GDPR, għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom, imwettaq minn dan l-operatur.

148

Xorta jibqa’ l-fatt li, hekk kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 75 tal-konklużjonijiet tiegħu, tali fatt għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tan-natura valida u, b’mod partikolari, libera tal-kunsens mogħti mill-utent tal-imsemmi network, peress li dan il-fatt jista’ taffettwa l-libertà ta’ għażla ta’ dan l-utent li jista’ ma jkunx f’pożizzjoni li jirrifjuta jew li jirtira l-kunsens tiegħu mingħajr ma jġarrab dannu, hekk kif tindika l-premessa 42 tal-GDPR.

149

Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ tali pożizzjoni dominanti tista’ toħloq żbilanċ manifest, fis-sens tal-premessa 43 tal-GDPR, bejn is-suġġett tad-data u l-kontrollur, fejn dan l-iżbilanċ jiffavorixxi, b’mod partikolari, l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet li ma humiex strettament neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt, fatt li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni konformement mal-Artikolu 7(4) ta’ dan ir-regolament. F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie rrilevat fil-punti 102 sa 104 ta’ din is-sentenza, ma jidhirx, bla ħsara għall-verifiki li għandhom isiru mill-qorti tar-rinviju, li l-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa strettament neċessarju għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt bejn Meta Platforms Ireland u l-utenti tan-network soċjali Facebook.

150

Għalhekk, dawn l-utenti għandhom ikollhom il-libertà li jirrifjutaw individwalment, fil-kuntest tal-proċess kuntrattwali, li jagħtu l-kunsens tagħhom għal operazzjonijiet speċifiċi ta’ pproċessar ta’ data mhux neċessarji għall-eżekuzzjoni tal-kuntratt mingħajr madankollu ma jkunu obbligati jirrinunzjaw kompletament għall-użu tas-servizz offrut mill-operatur tan-network soċjali online, fatt li jimplika li l-imsemmija utenti jiġu offruti, jekk ikun il-każ kontra ħlas xieraq, alternattiva ekwivalenti mhux akkumpanjata minn tali operazzjonijiet ta’ pproċessar ta’ data.

151

Barra minn hekk, fid-dawl tal-portata tal-ipproċessar tad-data inkwistjoni u tal-impatt sinjifikattiv tiegħu fuq l-utenti ta’ dan in-network kif ukoll tal-fatt li dawn l-utenti ma jistgħux raġonevolment jistennew li data oħra minbarra dik relatata mal-aġir tagħhom fi ħdan in-network soċjali tiġi pproċessata mill-operatur tiegħu, huwa xieraq, fis-sens ta’ din il-premessa 43, li kunsens separat jista’ jingħata għall-ipproċessar ta’ din id-data tal-aħħar, minn naħa, u tad-data off Facebook, min-naħa l-oħra. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika l-eżistenza ta’ tali possibbiltà, li fl-assenza tagħha l-kunsens tal-imsemmija utenti għall-ipproċessar tad-data off Facebook għandu jiġi preżunt li ma ngħatax liberament.

152

Fl-aħħar, għandu jiftakar li, skont l-Artikolu 7(1) tal-GDPR, fil-każijiet fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-kunsens, huwa l-kontrollur li għandu juri li s-suġġett tad-data ta l-kunsens tiegħu għall-proċessar tad-data personali tiegħu.

153

Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kriterji u ta’ eżami ddettaljat taċ-ċirkustanzi kollha tal-każ li l-qorti tar-rinviju għandha tiddetermina jekk l-utenti tan-network soċjali Facebook tawx validament u, b’mod partikolari, liberament il-kunsens tagħhom għall-ipproċessar inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

154

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9(2)(a) tal-GDPR għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-fatt li l-operatur ta’ network soċjali online jokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq tan-networks soċjali online ma jipprekludix, bħala tali, li l-utenti ta’ tali network ikunu jistgħu validament jagħtu l-kunsens tagħhom, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom imwettaq minn dan l-operatur. Dan il-fatt jikkostitwixxi, madankollu, element importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kunsens effettivament ingħatax validament u, b’mod partikolari, liberament, fatt li għandu jiġi pprovat mill-imsemmi operatur.

Fuq l‑ispejjeż

155

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

 

1)

L-Artikoli 51 et seq . tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data), kif ukoll l-Artikolu 4(3) TUE

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

bla ħsara għall-osservanza tal-obbligu tagħha ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet ta’ superviżjoni, awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tikkonstata, fil-kuntest tal-eżami ta’ abbuż minn pożizzjoni dominanti min-naħa ta’ impriża, fis-sens tal-Artikolu 102 TFUE, li l-kundizzjonijiet ġenerali għall-użu ta’ din l-impriża relatati mal-ipproċessar tad-data personali u l-implimentazzjoni tagħhom ma humiex konformi ma’ dan ir-regolament, meta din il-konstatazzjoni tkun neċessarja sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ tali abbuż.

Fid-dawl ta’ dan l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni ma tistax titbiegħed minn deċiżjoni tal-awtorità ta’ superviżjoni nazzjonali kompetenti jew tal-awtorità ta’ superviżjoni ewlenija kompetenti dwar dawn il-kundizzjonijiet ġenerali jew dwar kundizzjonijiet ġenerali simili. Meta jkollha dubji dwar il-portata ta’ tali deċiżjoni, meta l-imsemmija kundizzjonijiet jew kundizzjonijiet simili jkunu, fl-istess ħin, is-suġġett ta’ eżami min-naħa ta’ dawn l-awtoritajiet, jew inkella meta, fl-assenza ta’ investigazzjoni jew ta’ deċiżjoni tal-imsemmija awtoritajiet, l-awtorità tal-kompetizzjoni tkun tqis li l-kundizzjonijiet inkwistjoni ma humiex konformi mar-Regolament 2016/679, hija għandha tikkonsulta lil dawn l-istess awtoritajiet ta’ superviżjoni u titlob il-kooperazzjoni tagħhom, sabiex tneħħi d-dubji tagħha jew sabiex tiddetermina jekk hemmx lok li tistenna l-adozzjoni ta’ deċiżjoni min-naħa tagħhom qabel ma tibda l-evalwazzjoni tagħha stess. Fl-assenza ta’ ta’ oġġezzjoni min-naħa tagħhom jew ta’ tweġiba fi żmien raġonevoli, l-awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tkompli l-investigazzjoni tagħha stess.

 

2)

L-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

fil-każ fejn utent ta’ network soċjali online jikkonsulta siti internet jew applikazzjonijiet relatati ma’ kategorija waħda jew iktar imsemmija f’din id-dispożizzjoni u, jekk ikun il-każ, idaħħal fihom data meta jabbona ruħu jew iwettaq ordnijiet online, l-ipproċessar ta’ data personali mill-operatur ta’ dan in-network soċjali online, li jikkonsisti fil-ġbir, permezz ta’ interfaċċi integrati, ta’ cookies jew ta’ teknoloġiji ta’ reġistrazzjoni simili, tad-data li tirriżulta mill-konsultazzjoni ta’ dawn is-siti u ta’ dawn l-applikazzjonijiet kif ukoll tad-data mdaħħla mill-utent, fil-korrelazzjoni ta’ din id-data kollha mal-kont tan-network soċjali tiegħu u fl-użu tal-imsemmija data minn dan l-operatur, għandu jitqies bħala “[i]pproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, li bħala prinċipju huwa pprojbit, bla ħsara għad-derogi previsti f’dan l-Artikolu 9(2), meta dan l-ipproċessar ta’ data jkun jippermetti li tiġi żvelata informazzjoni li taqa’ taħt waħda minn dawn il-kategoriji, kemm jekk din l-informazzjoni tkun tikkonċerna utent ta’ dan in-network jew kwalunkwe persuna fiżika oħra.

 

3)

L-Artikolu 9(2)(e) tar-Regolament) 2016/679,

għandu jiġi interpretat fis-sens li :

meta utent ta’ network soċjali online jikkonsulta siti internet jew applikazzjonijiet relatati ma’ kategorija waħda jew iktar imsemmija fl-Artikolu 9(1) ta’ dan ir-regolament, huwa ma jagħmilx manifestament pubblika, fis-sens tal-ewwel waħda minn dawn id-dispożizzjonijiet, id-data relatata ma’ din il-konsultazzjoni, miġbura mill-operatur ta’ dan in-network soċjali online permezz ta’ cookies jew ta’ teknoloġiji ta’ reġistrazzjoni simili.

Meta jdaħħal data f’tali siti internet jew f’tali applikazzjonijiet jew meta jattiva buttuni ta’ selezzjoni integrati f’dawn is-siti u f’dawn l-applikazzjonijiet, bħall-buttuni “Like” jew “Share” jew il-buttuni li jippermettu lill-utent jidentifika ruħu fuq dawn is-siti jew fuq dawn l-applikazzjonijiet billi juża l-identifikaturi ta’ konnessjoni marbuta mal-kont tiegħu ta’ utent tan-network soċjali, in-numru tat-telefon tiegħu jew l-indirizz elettroniku tiegħu, tali utent jagħmel manifestament pubblika, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 9(2)(e), id-data hekk imdaħħla jew li tirriżulta mill-attivazzjoni ta’ dawn il-buttuni biss fil-każ fejn huwa jkun esprima b’mod espliċitu l-għażla tiegħu minn qabel, jekk ikun il-każ abbażi ta’ parametraġġ individwali mwettaq b’għarfien sħiħ tal-fatti, li jagħmel id-data li tikkonċernah pubblikament aċċessibbli għal numru illimitat ta’ persuni.

 

4)

Il-punt (b) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679.

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn operatur ta’ network soċjali online, li jikkonsisti fil-ġbir ta’ data tal-utenti ta’ tali network li tirriżulta minn servizzi oħra tal-grupp li għalih jappartjeni dan l-operatur jew li tirriżulta mill-konsultazzjoni minn dawn l-utenti ta’ siti internet jew ta’ applikazzjonijiet terzi, fil-korrelazzjoni ta’ din id-data mal-kont tan-network soċjali tal-imsemmija utenti u fl-użu tal-imsemmija data, jista’ jitqies li huwa neċessarju għall-eżekuzzjoni ta’ kuntratt li fih is-suġġetti tad-data jkunu partijiet, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss bil-kundizzjoni li dan l-ipproċessar ikun oġġettivament indispensabbli sabiex jintlaħaq skop li jagħmel parti integrali mis-servizz kuntrattwali intiż għal dawn l-istess utenti, b’tali mod li l-għan prinċipali tal-kuntratt ma jkunx jista’ jintlaħaq fl-assenza ta’ dan l-ipproċessar.

 

5)

Il-punt (f) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679

għandu jiġi interpretat fis-sens li:

l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn operatur ta’ network soċjali online, li jikkonsisti fil-ġbir ta’ data tal-utenti ta’ tali network li tirriżulta minn servizzi oħra tal-grupp li għalih jappartjeni dan l-operatur jew li tirriżulta mill-konsultazzjoni minn dawn l-utenti ta’ siti internet jew ta’ applikazzjonijiet terzi, fil-korrelazzjoni ta’ din id-data mal-kont tan-network soċjali tal-imsemmija utenti u fl-użu tal-imsemmija data, jista’ jitqies li huwa neċessarju għall-finijiet tal-interessi leġittimi mfittxija mill-kontrollur jew minn terz, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, biss bil-kundizzjoni li l-imsemmi operatur ikun indika lill-utenti li mingħandhom id-data tkun inġabret interess leġittimu mfittex mill-ipproċessar tagħha, li dan l-ipproċessar isir fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħaq dan l-interess leġittimu u li minn ibbilanċjar tal-interessi opposti jirriżulta, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, li l-interessi jew il-libertajiet u d-drittijiet fundamentali ta’ dawn l-utenti ma jipprevalixxux fuq l-imsemmi interess leġittimu tal-kontrollur jew ta’ terz.

 

6)

Il-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679.

għandu jiġi interpretat fis-sens li :

l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn operatur ta’ network soċjali online, li jikkonsisti fil-ġbir ta’ data tal-utenti ta’ tali network li tirriżulta minn servizzi oħra tal-grupp li għalih jappartjeni dan l-operatur jew li tirriżulta mill-konsultazzjoni minn dawn l-utenti ta’ siti internet jew minn applikazzjonijiet terzi, fil-korrelazzjoni ta’ din id-data mal-kont tan-network soċjali tal-imsemmija utenti u fl-użu tal-imsemmija data, huwa ġġustifikat, abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, meta dan ikun effettivament neċessarju għall-osservanza ta’ obbligu legali li għalih huwa suġġett il-kontrollur, skont dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt tal-Istat Membru kkonċernat, meta din il-bażi legali tkun tissodisfa għan ta’ interess pubbliku u tkun proporzjonata għall-għan leġittimu mfittex u meta dan l-ipproċessar isir fil-limiti ta’ dak li huwa strettament neċessarju.

 

7)

Il-punti (d) u (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament 2016/679

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

l-ipproċessar ta’ data personali mwettaq minn operatur ta’ network soċjali online, li jikkonsisti fil-ġbir ta’ data tal-utenti ta’ tali network li tirriżulta minn servizzi oħra tal-grupp li għalih jappartjeni dan l-operatur jew li tirriżulta mill-konsultazzjoni minn dawn l-utenti ta’ siti internet jew minn applikazzjonijiet terzi, fil-korrelazzjoni ta’ din id-data mal-kont tan-network soċjali tal-imsemmija utenti u fl-użu tal-imsemmija data, ma jistax, bħala prinċipju u bla ħsara għal verifika li għandha ssir mill-qorti tar-rinviju, jitqies li huwa neċessarju għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra, fis-sens tal-punt (d), jew għat-twettiq ta’ missjoni ta’ interess pubbliku jew li taqa’ taħt l-eżerċizzju tal-awtorità pubblika mogħtija lill-kontrollur, fis-sens tal-punt (e).

 

8)

Il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u l-Artikolu 9(2)(a) tar-Regolament 2016/679

għandhom jiġu interpretati fis-sens li:

il-fatt li l-operatur ta’ network soċjali online jokkupa pożizzjoni dominanti fis-suq tan-networks soċjali online ma jipprekludix, bħala tali, li l-utenti ta’ tali network ikunu jistgħu validament jagħtu l-kunsens tagħhom, fis-sens tal-punt 11 tal-Artikolu 4 ta’ dan ir-regolament, għall-ipproċessar tad-data personali tagħhom imwettaq minn dan l-operatur. Dan il-fatt jikkostitwixxi, madankollu, element importanti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kunsens effettivament ingħatax validament u, b’mod partikolari, liberament, fatt li għandu jiġi pprovat mill-imsemmi operatur.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top