EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0381

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt" għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent

COM/2020/381 final

Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 381 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt"








għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent


Werrej

1.ĦTIEĠA LI TITTIEĦED AZZJONI

2.NIBNU L-KATINA TAL-IKEL LI HIJA TAJBA GĦALL-KONSUMATURI, GĦALL-PRODUTTURI, GĦALL-KLIMA U GĦALL-AMBJENT

2.1.Niżguraw il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel

2.2.Niżguraw is-sigurtà tal-ikel

2.3.Nistimolaw prattiki sostenibbli tal-ipproċessar tal-ikel, tal-bejgħ bl-ingrossa, tal-bejgħ bl-imnut, tal-ospitalità u tas-servizzi tal-ikel

2.4.Nippromwovu l-konsum sostenibbli tal-ikel u niffaċilitaw il-bidla għal dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli

2.5.Innaqqsu t-telf u l-ħela tal-ikel

2.6.Niġġieldu l-frodi tal-ikel tul il-katina tal-provvista tal-ikel

3.Niffaċilitaw it-tranżizzjoni

3.1.Riċerka, innovazzjoni, teknoloġija u investimenti

3.2.Servizzi ta’ konsulenza, kondiviżjoni tad-data u tal-għarfien, u ħiliet

4.Nippromwovu t-tranżizzjoni dinjija

5.Konklużjonijiet



1.Ħtieġa li tittieħed azzjoni

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jistabbilixxi l-mod kif l-Ewropa tista’ ssir l-ewwel kontinent newtrali għall-klima sal-2050. Ifassal strateġija ġdida dwar it-tkabbir sostenibbli u inklużiv li ssaħħaħ l-ekonomija, ittejjeb is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tan-nies, tieħu ħsieb lin-natura u li tinkludi lil kulħadd.

L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” hija element kruċjali tal-Patt Ekoloġiku. Tindirizza b’mod komprensiv l-isfidi tas-sistemi tal-ikel sostenibbli u tirrikonoxxi r-rabtiet inseparabbli bejn il-persuni b’saħħithom, is-soċjetajiet b’saħħithom u pjaneta b’saħħitha. L-Istrateġija hija wkoll element ċentrali tal-Aġenda tal-Kummissjoni biex jinkisbu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-Nazzjonijiet Uniti. Iċ-ċittadini u l-operaturi kollha tul il-ktajjen tal-valur, fl-UE u bnadi oħra, għandhom jibbenefikaw minn tranżizzjoni ġusta, speċjalment wara l-pandemija tal-COVID-19 u t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Bidla għal sistema tal-ikel sostenibbli tista’ ġġib magħha benefiċċji ambjentali, tas-saħħa u soċjali, toffri gwadanji ekonomiċi u tiżgura li l-irkupru mill-kriżi jpoġġina fi triq sostenibbli 1 . L-iżgurar ta’ għajxien sostenibbli għall-produtturi primarji, li għadhom lura f’termini ta’ introjtu 2 , huwa essenzjali għas-suċċess tal-irkupru u tat-tranżizzjoni.

Il-pandemija tal-COVID-19 enfasizzat l-importanza ta’ sistema tal-ikel robusta u reżiljenti li tiffunzjona fiċ-ċirkostanzi kollha, u li tkun kapaċi tiżgura aċċess għal provvista suffiċjenti ta’ ikel li ċ-ċittadini jifilħu jħallsu għaliha. Għamlitna konxji wkoll tal-interrelazzjonijiet bejn is-saħħa, l-ekosistemi, il-ktajjen tal-provvista, ix-xejriet tal-konsum u l-konfini dinjija tagħna. Huwa ċar li rridu nagħmlu ħafna aktar biex nibqgħu b’saħħitna u nżommu lid-dinja b’saħħitha. Il-pandemija attwali hija biss eżempju wieħed. Ir-rikorrenza dejjem tiżdied tan-nixfiet, l-għargħar, in-nirien tal-foresti u l-pesti ġodda hija tfakkira kostanti li s-sistema tal-ikel tagħna hija mhedda u trid issir aktar sostenibbli u reżiljenti.

L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” hija approċċ komprensiv ġdid lejn l-importanza li jagħtu l-Ewropej lis-sostenibbiltà tal-ikel. Hija opportunità biex jitjiebu l-istili tal-ħajja, is-saħħa u l-ambjent. Il-ħolqien ta’ ambjent tal-ikel favorevoli li jiffaċilita l-għażla ta’ dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli se jkun ta’ benefiċċju għas-saħħa u għall-kwalità tal-ħajja tal-konsumaturi u se jnaqqas il-kostijiet relatati mas-saħħa għas-soċjetà. In-nies qed jagħtu aktar attenzjoni lill-kwistjonijiet ambjentali, tas-saħħa, soċjali u etiċi 3 u qed ifittxu l-valur fl-ikel aktar minn qatt qabel. Fl-istess ħin li s-soċjetajiet qegħdin isiru aktar urbanizzati, iridu jħossuhom eqreb lejn l-ikel tagħhom. Iridu ikel li jkun frisk, inqas ipproċessat u li jkun ġej minn sorsi sostenibbli. U t-talbiet għal ktajjen tal-provvista iqsar intensifikaw matul it-tifqigħa attwali. Il-konsumaturi għandhom jingħataw is-setgħa li jagħżlu ikel sostenibbli u l-atturi kollha fil-katina tal-ikel għandhom iqisu dan kemm bħala r-responsabbiltà tagħhom kif ukoll bħala opportunità għalihom.

L-ikel Ewropew diġà huwa standard dinji għal ikel li huwa sikur, abbundanti, nutrittiv u ta’ kwalità għolja. Dan huwa r-riżultat ta’ snin twal ta’ tfassil ta’ politiki tal-UE favur il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-pjanti, u tal-isforzi tal-bdiewa, tas-sajjieda u tal-produtturi tal-akkwakultura. Issa l-ikel Ewropew għandu jsir ukoll l-istandard dinji għas-sostenibbiltà. Din l-istrateġija għandha l-għan li tippremja lil dawk il-bdiewa, is-sajjieda u operaturi oħra fil-katina tal-ikel li diġà għaddew mit-tranżizzjoni lejn prattiki sostenibbli, li jippermettu t-tranżizzjoni għall-oħrajn u li joħolqu opportunitajiet oħra għan-negozji tagħhom. L-agrikoltura tal-UE hija l-unika sistema ewlenija fid-dinja li naqqset l-emissjonijiet tal-gassijiet serra (b’20 % mill-1990 4 ). Madankollu, anki fi ħdan l-UE, din ma kinitx linja la dritta u lanqas omoġena fl-Istati Membri kollha. Barra minn hekk, il-manifattura, l-ipproċessar, il-bejgħ bl-imnut, l-imballaġġ u t-trasport tal-ikel jagħtu kontribut kbir għat-tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma u għall-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u għandhom impatt kbir fuq il-bijodiversità. Essenzjalment, anki jekk it-tranżizzjoni tal-UE lejn sistemi tal-ikel sostenibbli bdiet f’ħafna oqsma, is-sistemi tal-ikel jibqgħu wieħed mill-muturi ewlenin tat-tibdil fil-klima u tad-degradazzjoni ambjentali. Hemm ħtieġa urġenti li titnaqqas id-dipendenza fuq il-pestiċidi u l-antimikrobiċi, titnaqqas il-fertilizzazzjoni eċċessiva, tiżdied il-biedja organika, jittejjeb il-benessri tal-annimali, u jitreġġa’ lura t-telfien tal-bijodiversità. 

Il-Liġi dwar il-Klima 5 tistabbilixxi l-objettiv għal Unjoni newtrali għall-klima fl-2050. Sa Settembru 2020, il-Kummissjoni se tippreżenta pjan tal-miri għall-klima għall-2030, sabiex iżżid il-mira għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għal 50 % jew 55 % meta mqabbla mal-livelli tal-1990. L-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” tistabbilixxi approċċ ġdid biex jiġi żgurat li l-agrikoltura, is-sajd u l-akkwakultura u l-katina tal-valur tal-ikel jikkontribwixxu b’mod xieraq għal dan il-proċess.

It-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli hija wkoll opportunità ekonomika enormi. L-aspettattivi taċ-ċittadini qed jevolvu u qed jixprunaw bidla sinifikanti fis-suq tal-ikel. Din hija opportunità għall-bdiewa, għas-sajjieda u għall-produtturi tal-akkwakultura kif ukoll għall-proċessuri tal-ikel u għas-servizzi tal-ikel. Din it-tranżizzjoni se tippermetti li jadottaw is-sostenibbiltà bħala l-marka ta’ kwalità tagħhom u jiggarantixxu l-futur tal-katina tal-ikel tal-UE qabel ma jagħmlu hekk il-kompetituri tagħhom barra mill-UE. It-tranżizzjoni lejn is-sostenibbiltà tippreżenta opportunità ta’ “min jagħmel l-ewwel pass” għall-atturi kollha fil-katina tal-ikel tal-UE.

Huwa ċar li t-tranżizzjoni mhux se sseħħ mingħajr bidla fid-dieti tan-nies. Madankollu, fl-UE, 33 miljun persuna 6 ma jistgħux jaffordjaw ikla ta’ kwalità kull jumejn u l-assistenza għall-ikel hija essenzjali għal parti mill-popolazzjoni f’ħafna Stati Membri. Hemm ir-riskju li l-isfida tal-insigurtà tal-ikel u tal-affordabbiltà tal-ikel tikber matul tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u għalhekk huwa essenzjali li jinbidlu x-xejriet tal-konsum u li titrażżan il-ħela tal-ikel. Filwaqt li madwar 20 % tal-ikel prodott jinħela 7 , l-obeżitàqed tiżdied ukoll. Aktar minn nofs il-popolazzjoni adulta għandha piż żejjed 8 , u dan jikkontribwixxi għal prevalenza għolja ta’ mard b’rabta mal-ikel (inkluż diversi tipi ta’ kanċer)  u kostijiet tal-kura tas-saħħa relatati. B’mod globali, id-dieti Ewropej mhumiex konformi mar-rakkomandazzjonijiet djetetiċi nazzjonali, u l-“ambjent tal-ikel” 9 ma jiżgurax li l-għażla tajba għas-saħħa dejjem tkun l-aktar waħda faċli. Kieku d-dieti Ewropej kienu konformi mar-rakkomandazzjonijiet djetetiċi, l-impronta ambjentali tas-sistemi tal-ikel kienet titnaqqas b’mod sinifikanti.

Huwa ċar ukoll li ma nistgħux nagħmlu bidla sakemm ma ninvolvux il-bqija tad-dinja. L-UE hija l-akbar importatur u esportatur ta’ prodotti agroalimentari u l-akbar suq tal-frott tal-baħar (inkluż l-algi) fid-dinja. Il-produzzjoni tal-prodotti bażiċi jista’ jkollha impatti ambjentali u soċjali negattivi fil-pajjiżi fejn dawn jiġu prodotti. Għalhekk, l-isforzi biex ir-rekwiżiti ta’ sostenibbiltà fis-sistema tal-ikel tal-UE jsiru aktar stretti għandhom jiġu akkumpanjati minn politiki li jgħinu jgħollu l-istandards fid-dinja, sabiex jiġu evitati l-esternalizzazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prattiki mhux sostenibbli.

Sistema tal-ikel sostenibbli se tkun essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u ambjentali tal-Patt Ekoloġiku, filwaqt li jitjieb l-introjtu tal-produtturi primarji u tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE. Din l-Istrateġija tappoġġa t-tranżizzjoni billi tiffoka fuq opportunitajiet ġodda kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għall-operaturi tal-ikel.

2.Nibnu l-Katina tal-Ikel li hija tajba għall-Konsumaturi, għall-Produtturi, għall-Klima u għall-Ambjent

L-għanijiet tal-UE huma li tnaqqas l-impronta ambjentali u klimatika tas-sistema tal-ikel tal-UE u li tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħha, tiżgura s-sigurtà tal-ikel fid-dawl tat-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità u tmexxi tranżizzjoni dinjija lejn sostenibbiltà kompetittiva mill-għalqa sal-platt u tisfrutta l-opportunitajiet il-ġodda. Dan ifisser:

Øli tiżgura li l-katina tal-ikel li tkopri l-produzzjoni, it-trasport, id-distribuzzjoni, il-kummerċjalizzazzjoni u l-konsum tal-ikel ikollha impatt ambjentali newtrali jew pożittiv, filwaqt li tippreserva u tirrestawra r-riżorsi tal-art, tal-ilma ħelu u tal-baħar li minnhom tiddependi s-sistema tal-ikel; tgħin biex jiġi mmitigat it-tibdil fil-klima u tadatta għall-impatti tiegħu; tipproteġi l-art, il-ħamrija, l-ilma, l-arja, is-saħħa u l-benessri tal-pjanti u tal-annimali; u treġġa’ lura t-telfien tal-bijodiversità;

Øtiżgura s-sigurtà tal-ikel, in-nutrizzjoni u s-saħħa pubblika - tiżgura li kulħadd ikollu aċċess għal ikel suffiċjenti, nutrittiv u sostenibbli li jsostni standards għoljin ta’ sikurezza u kwalità, ta’ saħħa tal-pjanti u ta’ saħħa u benessri tal-annimali, filwaqt li tissodisfa l-ħtiġijiet djetetiċi u l-preferenzi tal-ikel; u

Øtippreserva l-affordabbiltà tal-ikel, filwaqt li tiġġenera redditi ekonomiċi aktar ġusti fil-katina tal-provvista, sabiex fl-aħħar mill-aħħar l-aktar ikel sostenibbli jsir ukoll l-aktar wieħed affordabbli, trawwem il-kompetittività tas-settur tal-provvista tal-UE, tippromwovi l-kummerċ ġust, toħloq opportunitajiet ġodda ta’ negozju, filwaqt li tiżgura l-integrità tas-suq uniku u s-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali.

Is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel hija kwistjoni dinjija u s-sistemi se jkollhom jadattaw biex jiffaċċjaw sfidi diversi. L-UE tista’ taqdi rwol ewlieni fl-istabbiliment ta’ standards dinjija b’din l-istrateġija. Tistabbilixxi miri ewlenin fl-oqsma ta’ prijorità għall-UE kollha kemm hi. Barra minn inizjattivi ġodda ta’ politika, l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali, l-użu tal-pestiċidi u l-protezzjoni tal-ambjent, huwa essenzjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta. L-approċċ se jqis punti ta’ tluq differenti u d-differenzi fil-potenzjal ta’ titjib fl-Istati Membri. Se jirrikonoxxi wkoll li tranżizzjoni lejn sostenibbiltà tas-sistema tal-ikel se tbiddel in-nisġa ekonomika ta’ bosta reġjuni tal-UE u x-xejriet tagħhom ta’ interazzjonijiet. L-assistenza teknika u finanzjarja mill-istrumenti eżistenti tal-UE, bħal pereżempju l-fondi ta’ koeżjoni u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) se tappoġġa t-tranżizzjoni. L-inizjattivi leġiżlattivi l-ġodda se jiġu mirfuda mill-għodda tal-Kummissjoni għar-regolamentazzjoni aħjar. Abbażi tal-konsultazzjonijiet pubbliċi, tal-identifikazzjoni tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi, u tal-analiżi ta’ kif l-impriżi żgħar u medji (SMEs) huma affettwati, u abbażi ta’ hijiex imrawma jew ostakolata l-innovazzjoni, il-valutazzjonijiet tal-impatt se jikkontribwixxu biex isiru għażliet effiċjenti ta’ politika b’kostijiet minimi, f’konformità mal-objettivi tal-Patt Ekoloġiku. Sabiex taċċellera u tiffaċilita t-tranżizzjoni u tiżgura li l-oġġetti tal-ikel kollha li jitqiegħdu fis-suq tal-UE jsiru aktar u aktar sostenibbli, il-Kummissjoni se tagħmel proposta leġiżlattiva li jinħoloq qafas għal sistema tal-ikel sostenibbli qabel tmiem l-2023. Dan se jippromwovi l-koerenza tal-politika fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, jintegra s-sostenibbiltà fil-politiki kollha relatati mal-ikel u jsaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel. Wara konsultazzjoni mifruxa u valutazzjoni tal-impatt, il-Kummissjoni se taħdem fuq definizzjonijiet komuni u prinċipji u rekwiżiti ġenerali għas-sistemi tal-ikel sostenibbli u għall-oġġetti tal-ikel. Il-qafas se jindirizza wkoll ir-responsabbiltajiet tal-atturi kollha fis-sistema tal-ikel. Flimkien maċ-ċertifikazzjoni u t-tikkettar dwar il-prestazzjoni tas-sostenibbiltà tal-prodotti tal-ikel u b’inċentivi mmirati, il-qafas se jippermetti lill-operaturi jibbenefikaw minn prattiki sostenibbli u gradwalment jgħolli l-istandards ta’ sostenibbiltà sabiex isiru n-norma għall-prodotti tal-ikel kollha li jitqiegħdu fis-suq tal-UE.

2.1.Niżguraw il-produzzjoni sostenibbli tal-ikel 

L-atturi kollha tal-katina tal-ikel iridu jagħtu sehemhom biex tinkiseb is-sostenibbiltà tal-katina tal-ikel. Il-bdiewa, is-sajjieda u l-produtturi tal-akkwakultura jeħtieġ li jittrasformaw il-metodi ta’ produzzjoni tagħhom aktar malajr, u jagħmlu l-aħjar użu mis-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, teknoloġiċi, diġitali u bbażati fuq l-ispazju biex jagħtu riżultati klimatiċi u ambjentali aħjar, iżidu r-reżiljenza għall-klima u jnaqqsu u jottimizzaw l-użu tal-inputs (eż. il-pestiċidi, il-fertilizzanti). Dawn is-soluzzjonijiet jirrikjedu investiment uman u finanzjarju, iżda jwiegħdu redditi ogħla billi joħolqu valur miżjud u billi jnaqqsu l-kostijiet.

Eżempju ta’ mudell ġdid ta’ negozju ekoloġiku huwa s-sekwestru tal-karbonju mill-bdiewa u mill-forestiera. Il-prattiki tal-biedja li jneħħu s-CO2 mill-atmosfera jikkontribwixxu għall-objettiv tan-newtralità klimatika u għandhom jiġu ppremjati, jew permezz tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) jew permezz ta’ inizjattivi pubbliċi jew privati oħra (is-suq tal-karbonju 10 ). Inizjattiva ġdida tal-UE dwar is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola fi ħdan il-Patt dwar il-Klima se tippromwovi dan il-mudell ġdid ta’ negozju, li jipprovdi sors ġdid ta’ introjtu lill-bdiewa u jgħin lil setturi oħra biex jiddekarbonizzaw il-katina tal-ikel. Kif imħabbar fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari (CEAP) 11 , il-Kummissjoni se tiżviluppa qafas regolatorju għaċ-ċertifikazzjoni tat-tneħħija tal-karbonju bbażat fuq kontabbiltà tal-karbonju robusta u trasparenti biex tiġi mmonitorjata u vverifikata l-awtentiċità tat-tneħħija tal-karbonju.

L-ekonomija ċirkolari b’bażi bijoloġika għadha potenzjal fil-biċċa l-kbira tiegħu mhux sfruttat għall-bdiewa u l-kooperattivi tagħhom. Pereżempju, il-bijoraffineriji avvanzati li jipproduċu bijofertilizzanti, għalf tal-proteini, bijoenerġija u bijokimiki joffru opportunitajiet għat-tranżizzjoni lejn ekonomija Ewropea newtrali għall-klima u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda fil-produzzjoni primarja. Il-bdiewa għandhom jaħtfu l-opportunitajiet biex inaqqsu l-emissjonijiet tal-metan mill-bhejjem billi jiżviluppaw il-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli u billi jinvestu f’diġesturi anaerobiċi għall-produzzjoni tal-bijogass mill-iskart u r-residwi agrikoli, bħal pereżempju d-demel. L-azjendi agrikoli għandhom ukoll il-potenzjal li jipproduċu l-bijogass minn sorsi oħra ta’ skart u residwi, bħal pereżempju mill-industrija tal-ikel u tax-xorb, mid-drenaġġ, mill-ilma mormi u mill-iskart muniċipali. L-irziezet u l-matmuri ta’ spiss huma perfetti biex jitqiegħdu l-pannelli solari fuqhom u t-tali investimenti għandhom jingħataw prijorità fil-Pjanijiet Strateġiċi futuri tal-PAK 12 . Il-Kummissjoni se tieħu azzjoni sabiex taċċellera l-adozzjoni fis-suq ta’ dawn is-soluzzjonijiet u ta’ soluzzjonijiet oħra ta’ effiċjenza enerġetika fis-setturi tal-agrikoltura u tal-ikel dment li dawn l-investimenti jitwettqu b’mod sostenibbli u mingħajr ma jiġu kompromessi s-sigurtà tal-ikel jew il-bijodiversità, fi ħdan l-inizjattivi u l-programmi dwar l-enerġija nadifa.

L-użu ta’ pestiċidi kimiċi fl-agrikoltura jikkontribwixxi għat-tniġġis tal-ħamrija, tal-ilma u tal-arja, għat-telfien tal-bijodiversità u jista’ jagħmel ħsara lill-pjanti, lill-insetti, lill-għasafar, lill-mammiferi u lill-amfibji. Il-Kummissjoni diġà stabbiliet Indikatur tar-Riskju Armonizzat biex tikkwantifika l-progress fit-tnaqqis tar-riskji marbuta mal-pestiċidi. Dan juri tnaqqis ta’ 20 % fir-riskju mill-użu tal-pestiċidi f’dawn l-aħħar ħames snin. Il-Kummissjoni se tieħu azzjoni addizzjonali biex sal-2030 tnaqqas l-użu u r-riskju globali tal-pestiċidi kimiċi b’50 % u l-użu ta’ pestiċidi aktar perikolużi 13 b’50 %. Sabiex twitti t-triq għal alternattivi u tħares l-introjti tal-bdiewa, il-Kummissjoni se tieħu għadd ta’ passi. Se tirrevedi d-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi, issaħħaħ id-dispożizzjonijiet dwar il-ġestjoni integrata tal-pesti (IPM) u tippromwovi aktar użu ta’ modi alternattivi sikuri biex jiġi protett il-ħsad mill-pesti u mill-mard. L-IPM se tħeġġeġ l-użu ta’ tekniki alternattivi ta’ kontroll, bħal pereżempju n-newba tal-uċuħ tar-raba’ u t-tnaqqija mekkanika, u se tkun waħda mill-għodod ewlenin fit-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi kimiċi u d-dipendenza fuqhom b’mod ġenerali, u l-użu ta’ pestiċidi aktar perikolużi b’mod partikolari. Il-prattiki agrikoli li jnaqqsu l-użu tal-pestiċidi permezz tal-PAK se jkunu ta’ importanza kbira u l-Pjanijiet Strateġiċi għandhom jirriflettu din it-tranżizzjoni u jippromwovu l-aċċess għall-pariri. Il-Kummissjoni se tiffaċilita wkoll it-tqegħid fis-suq ta’ pestiċidi li fihom sustanzi attivi bijoloġiċi u se ssaħħaħ il-valutazzjoni tar-riskju ambjentali tal-pestiċidi. Se taġixxi biex tnaqqas it-tul tal-proċess ta’ awtorizzazzjoni tal-pestiċidi mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll bidliet fir-Regolament tal-2009 dwar l-istatistika dwar il-pestiċidi 14 biex jingħelbu l-lakuni fid-data u biex tippromwovi t-tfassil ta’ politika bbażat fuq l-evidenza.

L-eċċess ta’ nutrijenti (speċjalment in-nitroġenu u l-fosforu) fl-ambjent, li jirriżulta mill-użu eċċessiv u mill-fatt li mhux in-nutrijenti kollha li jintużaw fl-agrikoltura jiġu effettivament assorbiti mill-pjanti, huwa sors ewlieni ieħor ta’ tniġġis tal-arja, tal-ħamrija u tal-ilma u ta’ impatti klimatiċi 15 . Dan naqqas il-bijodiversità fix-xmajjar, fil-lagi, fl-artijiet mistagħdra u fl-ibħra 16 . Il-Kummissjoni se taġixxi biex tnaqqas it-telf tan-nutrijenti b’mill-inqas 50 %, filwaqt li tiżgura li ma jkunx hemm deterjorament fil-fertilità tal-ħamrija. Dan se jnaqqas l-użu tal-fertilizzanti b’mill-inqas 20 % sal-2030. Dan se jinkiseb billi tiġi implimentata u infurzata b’mod sħiħ il-leġiżlazzjoni ambjentali u klimatika rilevanti, billi l-UE, flimkien mal-Istati Membri, tidentifika t-tnaqqis tat-tagħbija tan-nutrijenti meħtieġ biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, billi tapplika fertilizzazzjoni bbilanċjata u ġestjoni tan-nutrijenti sostenibbli, u billi tiġġestixxi aħjar in-nitroġenu u l-fosforu matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom. Il-Kummissjoni se tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, pjan ta’ azzjoni integrat għall-ġestjoni tan-nutrijenti sabiex tindirizza t-tniġġis min-nutrijenti fis-sors u żżid is-sostenibbiltà tas-settur tal-bhejjem. Il-Kummissjoni se taħdem ukoll mal-Istati Membri biex testendi l-applikazzjoni ta’ tekniki preċiżi ta’ fertilizzazzjoni u ta’ prattiki agrikoli sostenibbli, b’mod partikolari fiż-żoni hotspot ta’ trobbija intensiva tal-bhejjem u ta’ riċiklaġġ ta’ skart organiku f’fertilizzanti rinnovabbli. Dan se jsir permezz ta’ miżuri li l-Istati Membri se jinkludu fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom bħal pereżempju l-Għodda għas-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli għall-ġestjoni tan-nutrijenti 17 , l-investiment, is-servizzi ta’ konsulenza u permezz tat-teknoloġiji spazjali tal-UE (Copernicus, Galileo).

L-agrikoltura hija responsabbli għal 10,3 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-UE u kważi 70 % minn dawk ġejjin mis-settur tal-annimali 18 . Dawn jikkonsistu minn emissjonijiet tal-gassijiet serra mingħajr CO2 (metan u ossidu nitruż). Barra minn hekk, 68 % mill-art agrikola totali tintuża għall-produzzjoni tal-annimali 19 . Sabiex tgħin biex jitnaqqas l-impatt ambjentali u klimatiku tal-produzzjoni tal-annimali, biex tiġi evitata r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju permezz tal-importazzjonijiet u biex tappoġġa t-tranżizzjoni li għaddejja lejn biedja aktar sostenibbli tal-bhejjem, il-Kummissjoni se tiffaċilita t-tqegħid fis-suq ta’ addittivi tal-għalf sostenibbli u innovattivi. Se teżamina r-regoli tal-UE biex tnaqqas id-dipendenza fuq il-materjali kritiċi tal-għalf (eż. is-sojja mkabbra fuq art deforestata) billi trawwem it-tkabbir fl-UE ta’ proteini tal-pjanti kif ukoll ta’ materjali alternattivi tal-għalf bħal pereżempju l-insetti, l-istokkijiet ta’ għalf marittimu (eż. l-algi) u l-prodotti sekondarji mill-bijoekonomija (eż. l-iskart tal-ħut) 20 . Barra minn hekk, il-Kummissjoni qed twettaq rieżami tal-programm tal-UE ta’ promozzjoni għall-prodotti agrikoli, bil-ħsieb li ssaħħaħ il-kontribut tagħha għall-produzzjoni u l-konsum sostenibbli, u f’konformità mad-dieti li qed jevolvu. B’rabta mal-laħam, ir-rieżami għandu jiffoka fuq kif l-UE tista’ tuża l-programm ta’ promozzjoni tagħha biex tappoġġa l-aktar metodi sostenibbli u effiċjenti fil-karbonju ta’ produzzjoni tal-bhejjem. Se tivvaluta wkoll b’mod strett kull proposta dwar l-għajnuna akkoppjata fil-Pjanijiet Strateġiċi mill-perspettiva tal-ħtieġa għal sostenibbiltà ġenerali.

Ir-reżistenza għall-antimikrobiċi (AMR) marbuta mal-użu eċċessiv u mhux xieraq tal-antimikrobiċi fil-kura tas-saħħa tal-annimali u tal-bniedem twassal għal madwar 33 000 mewta umana fl-UE/ŻEE kull sena 21 , u kostijiet konsiderevoli għall-kura tas-saħħa. Għalhekk il-Kummissjoni se tieħu l-azzjoni biex sal-2030 tnaqqas il-bejgħ globali tal-UE tal-antimikrobiċi għall-annimali tar-razzett u fl-akkwakultura b’50 %. Ir-Regolamenti l-ġodda dwar il-prodotti mediċinali veterinarji u l-għalf medikat jipprevedu firxa wiesgħa ta’ miżuri biex jintlaħaq dan l-objettiv u biex jippromwovu s-saħħa.

Iktar ma jkun tajjeb il-benesseri tal-annimali iktar jitjiebu s-saħħa tal-annimali u l-kwalità tal-ikel, titnaqqas il-ħtieġa tal medikazzjoni u jista’ jgħin biex tiġi ppreservata l-bijodiversità. Jidher ċar ukoll li ċ-ċittadini dan iriduh. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar il-benessri tal-annimali, inkluż dwar it-trasport tal-annimali u l-qtil tal-annimali, biex tallinjaha mal-evidenza xjentifika l-aktar reċenti, twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, tiffaċilita l-infurzar tagħha u fl-aħħar mill-aħħar tiżgura livell ogħla ta’ benesseri tal-annimali. Il-Pjanijiet Strateġiċi u l-Linji Gwida Strateġiċi l-ġodda tal-UE dwar l-Akkwakultura se jappoġġaw dan il-proċess. Il-Kummissjoni se tikkunsidra wkoll opzjonijiet għat-tikkettar tal-benessri tal-annimali sabiex tittrażmetti aħjar il-valur permezz tal-katina tal-ikel.

It-tibdil fil-klima jġib miegħu theddidiet ġodda għas-saħħa tal-pjanti. L-isfida tas-sostenibbiltà titlob miżuri biex il-pjanti jiġu protetti aħjar mill-pesti u mill-mard emerġenti, u għall-innovazzjoni. Il-Kummissjoni se tadotta regoli li jsaħħu l-viġilanza fuq l-importazzjonijiet tal-pjanti u s-sorveljanza fit-territorju tal-Unjoni. Tekniki innovattivi ġodda, inkluż il-bijoteknoloġija u l-iżvilupp ta’ prodotti b’bażi bijoloġika, jistgħu jaqdu rwol fiż-żieda tas-sostenibbiltà, dment li jkunu sikuri għall-konsumaturi u għall-ambjent filwaqt li jġibu benefiċċji għas-soċjetà kollha kemm hi. Jistgħu wkoll jaċċelleraw il-proċess ta’ tnaqqis tad-dipendenza fuq il-pestiċidi. Bħala rispons għat-talba tal-Istati Membri, il-Kummissjoni qed twettaq studju li se jeżamina l-potenzjal ta’ tekniki ġenomiċi ġodda biex titjieb is-sostenibbiltà tul il-katina tal-provvista tal-ikel. Is-sistemi tal-ikel sostenibbli jiddependu wkoll mis-sigurtà u d-diversità taż-żrieragħ. Il-bdiewa jeħtieġ li jkollhom aċċess għal firxa ta’ żrieragħ ta’ kwalità għall-varjetajiet ta’ pjanti adattati għall-pressjonijiet tat-tibdil fil-klima. Il-Kummissjoni se tieħu miżuri biex tiffaċilita r-reġistrazzjoni tal-varjetajiet taż-żrieragħ, inkluż għall-biedja organika, u biex tiżgura aċċess aktar faċli għas-suq għall-varjetajiet tradizzjonali u adattati lokalment.

Is-suq tal-ikel organiku huwa mistenni li jkompli jikber u l-biedja organika jeħtieġ li tkompli tiġi promossa. Għandha impatt pożittiv fuq il-bijodiversità, toħloq l-impjiegi u tattira lill-bdiewa żgħażagħ. Il-konsumaturi jirrikonoxxu l-valur tagħha. Il-qafas legali jappoġġa l-bidla għal dan it-tip ta’ biedja, iżda jeħtieġ li titkompla l-ħidma, u jeħtieġ li jsiru bidliet simili fl-oċeani u fl-ilmijiet interni. Minbarra l-miżuri tal-PAK, bħal pereżempju l-ekoskemi, l-investimenti u s-servizzi ta’ konsulenza, u l-miżuri tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS), il-Kummissjoni se tressaq Pjan ta’ Azzjoni dwar il-biedja organika. Dan se jgħin lill-Istati Membri jistimolaw kemm il-provvista tal-prodotti organiċi, kif ukoll id-domanda għalihom. Se jiżgura l-fiduċja tal-konsumatur u jagħti spinta lid-domanda permezz ta’ kampanji ta’ promozzjoni u akkwist pubbliku ekoloġiku. Dan l-approċċ se jgħin biex jintlaħaq l-objettiv li sal-2030 mill-inqas 25 % tal-art agrikola tal-UE tkun qed tuża biedja organika u jkun hemm żieda sinifikanti fl-akkwakultura organika.

Huwa ċar li t-tranżizzjoni trid tiġi appoġġata minn PAK li tiffoka fuq il-Patt Ekoloġiku. Il-PAK il-ġdida 22 , li pproponiet il-Kummissjoni f’Ġunju 2018, għandha l-għan li tgħin lill-bdiewa jtejbu l-prestazzjoni ambjentali u klimatika tagħhom permezz ta’ mudell aktar orjentat lejn ir-riżultati, permezz ta’ użu aħjar tad-data u tal-analiżi, ta’ standards ambjentali obbligatorji mtejba, ta’ miżuri volontarji ġodda u ta’ aktar enfasi fuq l-investimenti f’teknoloġiji u prattiki ekoloġiċi u diġitali. Għandha wkoll l-għan li tiggarantixxi introjtu deċenti li jippermettilhom jipprovdu għall-familji tagħhom u jirreżistu kull tip ta’ kriżi 23 . Ir-rekwiżit li titjieb l-effiċjenza u l-effettività tal-pagamenti diretti billi jiġi ffissat limitu fuq l-appoġġ għall-introjtu u billi dan tal-aħħar jiġi mmirat aħjar lejn dawk il-bdiewa li għandhom bżonnu u li jipparteċipaw fl-ambizzjoni ekoloġika, aktar milli lejn dawk l-entitajiet u l-kumpaniji li sempliċement huma sjieda ta’ art agrikola, jibqa’ element essenzjali tal-PAK futura 24 . Fil-Pjanijiet Strateġiċi trid tiġi vvalutata bir-reqqa il-kapaċità tal-Istati Membri li jiżguraw dawn l-affarijiet u tiġi mmonitorjata matul l-implimentazzjoni. L-analiżi l-aktar reċenti tal-Kummissjoni 25 tikkonkludi li r-riforma tabilħaqq għandha l-potenzjal li tmexxi l-Patt Ekoloġiku ’l quddiem, iżda li d-dispożizzjonijiet ewlenin tal-proposti jridu jinżammu fil-proċess ta’ negozjar, u għandhom jiġu żviluppati ċertu titjib u ċerti inizjattivi prattiċi.

L-“ekoskemi” il-ġodda se joffru fluss kbir ta’ finanzjament biex isaħħu l-prattiki sostenibbli, bħal pereżempju l-agrikoltura ta’ preċiżjoni, l-agroekoloġija (inkluż il-biedja organika), is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola u l-agroforestrija. L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jkollhom jiżguraw li dawn ikollhom ir-riżorsi xierqa u jkunu implimentati fil-Pjanijiet Strateġiċi. Il-Kummissjoni se tappoġġa l-introduzzjoni ta’ baġit minimu ta’ delimitazzjoni għall-ekoskemi.

Il-Kummissjoni se tagħmel ukoll rakkomandazzjonijiet lil kull Stat Membru dwar id-disa’ objettivi speċifiċi tal-PAK, qabel ma jippreżentaw formalment l-abbozzi tal-Pjanijiet Strateġiċi. Il-Kummissjoni se tagħti attenzjoni partikolari biex tindirizza l-miri tal-Patt Ekoloġiku, u dawk li jirriżultaw minn din l-Istrateġija u mill-Istrateġija dwar il-Bijodiversità għall-2030. Se titlob lill-Istati Membri biex jistabbilixxu valuri nazzjonali espliċiti għal dawk il-miri, filwaqt li jqisu s-sitwazzjoni speċifika tagħhom u r-rakkomandazzjonijiet imsemmija hawn fuq. Abbażi ta’ dawn il-valuri, l-Istati Membri se jidentifikaw il-miżuri meħtieġa fil-Pjanijiet Strateġiċi tagħhom.

B’mod parallel mat-tibdil fl-agrikoltura, il-bidla għall-produzzjoni sostenibbli tal-ħut u tal-frott tal-baħar (inkluż l-algi) jeħtieġ li tiġi aċċellerata wkoll. Id-data ekonomika turi li, fejn is-sajd sar sostenibbli, l-introjtu żdied b’mod parallel 26 . Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi biex l-istokkijiet tal-ħut jinġiebu f’livelli sostenibbli permezz tal-PKS fejn għad fadal lakuni fl-implimentazzjoni (eż. billi tnaqqas ir-rimi ħali), biex issaħħaħ il-ġestjoni tas-sajd fil-Mediterran b’kooperazzjoni mal-istati kostali kollha u tivvaluta mill-ġdid, sal-2022, kif il-PKS tindirizza r-riskji kkawżati mit-tibdil fil-klima. Ir-reviżjoni proposta tas-sistema tal-UE ta’ kontroll tas-sajd 27 se tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-frodi permezz ta’ sistema ta’ traċċabbiltà msaħħa. L- użu obbligatorju taċ-ċertifikati tal-qabda diġitalizzatise jsaħħaħ il-miżuri biex jiġi evitat li jidħlu prodotti illegali tal-ħut fis-suq tal-UE.

Il-ħut u l-frott tal-baħar (inkluż l-algi) imrobbija jiġġeneraw impronta tal-karbonju aktar baxxa mill-produzzjoni tal-annimali fuq l-art. Minbarra l-appoġġ sinifikanti mill-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd li jmiss għat-trobbija sostenibbli tal-frott tal-baħar (inkluż l-algi), il-Kummissjoni tipprevedi li tadotta linji gwida tal-UE għall-pjanijiet ta’ żvilupp tal-Istati Membri dwar l-akkwakultura sostenibbli u li tippromwovi t-tip ta’ nefqa t-tajba skont il-Fond. Se tistabbilixxi wkoll appoġġ immirat tajjeb għall-industrija tal-algi, minħabba li jeħtieġ li l-algi jsiru sors importanti ta’ proteini alternattivi għal sistema tal-ikel sostenibbli u sigurtà dinjija tal-ikel.

Fl-aħħar nett, biex tappoġġa lill-produtturi primarji fit-tranżizzjoni, il-Kummissjoni tipprevedi li tiċċara r-regoli tal-kompetizzjoni għall-inizjattivi kollettivi li jippromwovu s-sostenibbiltà fil-ktajjen tal-provvista. Se tgħin ukoll lill-bdiewa u lis-sajjieda jsaħħu l-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista u jieħdu sehem ġust tal-valur miżjud tal-produzzjoni sostenibbli billi tħeġġeġ il-possibbiltajiet għall-kooperazzjoni fi ħdan l-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq għall-prodotti agrikoli 28 u għall-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura 29 . Il-Kummissjoni se timmonitorja l-implimentazzjoni tal-Istati Membri tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Inġusti 30 . Se taħdem ukoll mal-koleġiżlaturi biex ittejjeb ir-regoli agrikoli li jsaħħu l-pożizzjoni tal-bdiewa (eż. il-produtturi tal-prodotti b’indikazzjonijiet ġeografiċi), il-kooperattivi tagħhom u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fil-katina tal-provvista tal-ikel.

2.2.Niżguraw is-sigurtà tal-ikel

Sistema tal-ikel sostenibbli jeħtieġ li tiżgura provvista suffiċjenti u varjata ta’ ikel sikur, nutrittiv, affordabbli u sostenibbli f’kull ħin, u mhux inqas fi żminijiet ta’ kriżi. L-avvenimenti li jaffettwaw is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel mhux bilfors jirriżultaw mill-katina tal-provvista tal-ikel stess iżda jistgħu jiġu skattati minn kriżijiet politiċi, ekonomiċi, ambjentali jew tas-saħħa. Filwaqt li l-pandemija tal-COVID-19 attwali ma għandha l-ebda konnessjoni mas-sikurezza tal-ikel fl-UE, it-tali kriżi tista’ tqiegħed kemm is-sigurtà tal-ikel kif ukoll l-għajxien f’riskju. It-tibdil fil-klima u t-telfien tal-bijodiversità huma theddidiet imminenti u dewwiema għas-sigurtà tal-ikel u għall-għajxien. Fil-kuntest ta’ din l-istrateġija, il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib is-sigurtà tal-ikel, kif ukoll il-kompetittività tal-bdiewa u tal-operaturi tal-ikel.

Minħabba l-kumplessità u l-għadd ta’ atturi involuti fil-katina tal-valur tal-ikel, il-kriżijiet jaffettwawha b’modi differenti. Filwaqt li b’mod ġenerali kien hemm biżżejjed provvista tal-ikel, din il-pandemija ppreżentat ħafna sfidi, bħal pereżempju tfixkil loġistiku tal-ktajjen tal-provvista, nuqqas ta’ ħaddiema, telf ta’ ċerti swieq u bidla fix-xejriet tal-konsumaturi, b’impatt konsegwenti fuq il-funzjonament tas-sistemi tal-ikel. Din is-sitwazzjoni hija bla preċedent u l-katina tal-ikel qed tiffaċċja theddidiet dejjem aktar numerużi kull sena bin-nixfiet, l-għargħar, in-nirien fil-foresti, it-telfien tal-bijodiversità u pesti ġodda rikorrenti. Iż-żieda fis-sostenibbiltà tal-produtturi tal-ikel fl-aħħar mill-aħħar se żżid ir-reżiljenza tagħhom. Din l-Istrateġija għandha l-għan li tipprovdi qafas ġdid għal dan, ikkomplementata b’miżuri stabbiliti fl-Istrateġija dwar il-Bijodiversità.

Il-pandemija tal-COVID-19 għamlitna wkoll konxji tal-importanza tal-persunal kritiku, bħal pereżempju l-ħaddiema tal-ikel agrikolu. Huwa għalhekk li se jkun partikolarment importanti li jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi li għandhom impatt fuq il-katina tal-ikel, u li jiġi żgurat li l-prinċipji ewlenin tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiġu rispettati, speċjalment b’rabta mal-ħaddiema prekarji, staġonali u mhux iddikjarati. Il-kunsiderazzjonijiet tal-protezzjoni soċjali u tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tad-dar tal-ħaddiema, kif ukoll il-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza, se jkollhom rwol ewlieni fil-bini ta’ sistemi tal-ikel sostenibbli, ġusti u b’saħħithom.

Il-Kummissjoni se tintensifika l-koordinazzjoni tagħha ta’ rispons Ewropew komuni għall-kriżijiet li jaffettwaw is-sistemi tal-ikel sabiex tiżgura s-sigurtà u s-sikurezza tal-ikel, tinforza s-saħħa pubblika u ttaffi l-impatt soċjoekonomiku tagħhom fl-UE. Abbażi tat-tagħlimiet meħuda, il-Kummissjoni se tivvaluta r-reżiljenza tas-sistema tal-ikel u tiżviluppa pjan ta’ kontinġenza li jiżgura l-provvista tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel u li jrid jiddaħħal fis-seħħ fi żminijiet ta’ kriżi. Ir-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu se tiġġedded biex f’każ ta’ kriżi fis-swieq agrikoli ikun jista’ jintuża l-potenzjal sħiħ tagħha minn qabel. Minbarra l-valutazzjoni tar-riskju u l-miżuri ta’ ġestjoni li jridu jiġu attivati matul il-kriżi, il-pjan se jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ rispons għall-kriżijiet ikkoordinat mill-Kummissjoni u li jinvolvi lill-Istati Membri. Se jinvolvi diversi setturi (kwistjonijiet relatati mal-agrikoltura, mas-sajd, mas-sikurezza tal-ikel, mal-forza tax-xogħol, mas-saħħa u mat-trasport) skont in-natura tal-kriżi.

2.3.Nistimolaw prattiki sostenibbli tal-ipproċessar tal-ikel, tal-bejgħ bl-ingrossa, tal-bejgħ bl-imnut, tal-ospitalità u tas-servizzi tal-ikel

Il-proċessuri tal-ikel, l-operaturi tas-servizzi tal-ikel u l-bejjiegħa bl-imnut isawru s-suq u jinfluwenzaw l-għażliet djetetiċi tal-konsumaturi permezz tat-tipi u tal-kompożizzjoni nutrittiva tal-ikel li jipproduċu, l-għażla tal-fornituri, il-metodi ta’ produzzjoni u l-imballaġ, it-trasport, il-merchandising u l-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni tagħhom. Bħala l-akbar importatur u esportatur dinji tal-ikel, l-industrija tal-ikel u x-xorb tal-UE taffettwa wkoll l-impronta ambjentali u soċjali tal-kummerċ dinji. It-tisħiħ tas-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel tagħna jista’ jgħin biex tkompli tinbena r-reputazzjoni tan-negozji u tal-prodotti, jinħoloq il-valur tal-azzjonisti, jitjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol, jiġu attirati l-impjegati u l-investituri u jingħata vantaġġ kompetittiv, żidiet fil-produttività u kostijiet imnaqqsa lill-kumpaniji 31 .

L-industrija tal-ikel u s-settur tal-bejgħ bl-imnut għandhom juru t-triq billi jżidu d-disponibbiltà u l-affordabbiltà ta’ opzjonijiet ta’ ikel tajbin għas-saħħa u sostenibbli sabiex titnaqqas l-impronta ambjentali dinjija tas-sistema tal-ikel. Biex tippromwovi dan, il-Kummissjoni se tiżviluppa Kodiċi ta’ kondotta tal-UE għal prattika responsabbli tan-negozju u tal-kummerċjalizzazzjoni flimkien ma’ qafas ta’ monitoraġġ. Il-Kodiċi se jiġi żviluppat mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.

Il-Kummissjoni se titlob lill-kumpaniji u lill-organizzazzjonijiet tal-ikel jimpenjaw ruħhom biex jieħdu azzjonijiet konkreti dwar is-saħħa u s-sostenibbiltà, u jiffokaw b’mod partikolari fuq: ir-riformulazzjoni tal-prodotti tal-ikel f’konformità mal-linji gwida għal dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli; it-tnaqqis tal-impronta ambjentali u tal-konsum tal-enerġija tagħhom billi jsiru aktar effiċjenti fl-użu tal-enerġija; l-adattament tal-istrateġiji ta’ kummerċjalizzazzjoni u ta’ reklamar filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli; l-iżgurar li l-kampanji tal-prezzijiet tal-ikel ma jimminawx il-perċezzjoni taċ-ċittadini tal-valur tal-ikel; u t-tnaqqis tal-imballaġġ f’konformità mas-CEAP il-ġdid. Pereżempju, il-kampanji ta’ kummerċjalizzazzjoni li jirreklamaw il-laħam bi prezzijiet baxxi ħafna jridu jiġu evitati. Il-Kummissjoni se timmonitorja dawn l-impenji u tikkunsidra li tieħu miżuri leġiżlattivi jekk il-progress ma jkunx suffiċjenti. Il-Kummissjoni qed tħejji wkoll inizjattiva biex ittejjeb il-qafas ta’ governanza korporattiva, inkluż rekwiżit biex l-industrija tal-ikel tintegra s-sostenibbiltà fl-istrateġiji korporattivi. Il-Kummissjoni se tfittex ukoll opportunitajiet biex tiffaċilita l-bidla għal dieti li huma aktar tajbin għas-saħħa u biex tistimola r-riformulazzjoni tal-prodotti, inkluż billi tistabbilixxi profili nutrittivi sabiex tirrestrinġi l-promozzjoni (permezz ta’ indikazzjonijiet dwar is-saħħa u n-nutrizzjoni) ta’ oġġetti tal-ikel b’kontenut għoli ta’ xaħam, zokkor u melħ.

Il-Kummissjoni se tieħu azzjoni biex iżżid u tippromwovi metodi ta’ produzzjoni sostenibbli u soċjalment responsabbli u mudelli ta’ negozju ċirkolari fl-ipproċessar tal-ikel u fil-bejgħ bl-imnut, inkluż speċifikament għall-SMEs, f’sinerġija mal-objettivi u l-inizjattivi mressqa taħt is-CEAP il-ġdid. L-iskjerament ta’ Bijoekonomija tal-UE ċirkolari u sostenibbli jipprovdi opportunitajiet ta’ negozju, pereżempju marbuta mal-użu tal-iskart tal-ikel.

L-imballaġġ tal-ikel għandu rwol ewlieni fis-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel. Il-Kummissjoni se tirrevedi l-leġiżlazzjoni dwar il-materjali li jiġu f’kuntatt mal-ikel biex ittejjeb is-sikurezza tal-ikel u s-saħħa pubblika (b’mod partikolari billi tnaqqas l-użu ta’ sustanzi kimiċi perikolużi), tappoġġa l-użu ta’ soluzzjonijiet ta’ imballaġġ innovattivi u sostenibbli bl-użu ta’ materjali ekoloġiċi, riutilizzabbli u riċiklabbli, u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel. Barra minn hekk, taħt l-inizjattiva dwar il-prodotti sostenibbli mħabbra fis-CEAP, se taħdem fuq inizjattiva leġiżlattiva dwar ir-riutilizzazzjoni fis-servizzi tal-ikel biex jiġu sostitwiti l-imballaġġi tal-ikel u l-pożati li jintużaw darba biss bi prodotti riutilizzabbli.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni se tirrevedi l-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni biex tipprevedi l-użu u l-provvista ta’ prodotti sostenibbli tal-agrikoltura, tas-sajd u tal-akkwakultura u biex issaħħaħ ir-rwol tal-kriterji ta’ sostenibbiltà filwaqt li tqis l-impatt possibbli ta’ dawn l-istandards fuq it-telf u l-ħela tal-ikel. B’mod parallel, se ssaħħaħ il-qafas leġiżlattiv dwar l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ) u, fejn xieraq, tinkludi kriterji speċifiċi ta’ sostenibbiltà.

Barra minn hekk, bil-ħsieb li tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel reġjonali u lokali u sabiex toħloq ktajjen tal-provvista iqsar, il-Kummissjoni se tappoġġa t-tnaqqis tad-dipendenza fuq it-trasportazzjoni fuq distanzi twal (fl-2017 ġew ittrasportati fit-toroq madwar 1,3 biljun tunnellata ta’ prodotti primarji agrikoli, tal-forestrija u tas-sajd 32 ).

2.4.Nippromwovu l-konsum sostenibbli tal-ikel u niffaċilitaw il-bidla għal dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli

Il-xejriet attwali tal-konsum tal-ikel mhumiex sostenibbli kemm mil-lat tas-saħħa kif ukoll mil-lat tal-ambjent. Filwaqt li fl-UE, il-konsum medju ta’ enerġija, laħam aħmar 33 , zokkor, melħ u xaħmijiet għadu jaqbeż ir-rakkomandazzjonijiet, il-konsum ta’ ċereali bil-ħbub sħaħ, frott u ħaxix, legumi u ġewż huwa insuffiċjenti 34 .

Huwa ta’ importanza kritika li titreġġa’ lura ż-żieda fir-rati ta’ piż żejjed u ta’ obeżità fl-UE kollha sal-2030. Il-bidla għal dieta aktar ibbażata fuq il-pjanti b’inqas laħam aħmar u laħam ipproċessat u b’aktar frott u ħaxix mhux biss tnaqqas ir-riskji ta’ mard potenzjalment fatali, iżda tnaqqas ukoll l-impatt ambjentali tas-sistema tal-ikel 35 . Huwa stmat li fl-UE fl-2017 aktar minn 950 000 mewta (waħda minn kull ħamsa) u aktar minn 16-il miljun sena ta’ ħajja b’saħħitha mitlufa kienu attribwibbli għal dieti ħżiena għas-saħħa, l-aktar il-mard kardjovaskulari u l-kanċers 36 . Il-pjan tal-UE biex jingħeleb il-kanċer jinkludi l-promozzjoni ta’ dieti tajbin għas-saħħa bħala parti mill-azzjonijiet għall-prevenzjoni tal-kanċer.

Il-provvista ta’ informazzjoni ċara li tagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi li jagħżlu dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli se tkun ta’ benefiċċju għas-saħħa u għall-kwalità tal-ħajja tagħhom u se tnaqqas il-kostijiet relatati mas-saħħa. Biex il-konsumaturi jingħataw is-setgħa li jagħmlu għażliet infurmati, tajbin għas-saħħa u sostenibbli, il-Kummissjoni se tipproponi tikkettar obbligatorju armonizzat dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett u se tikkunsidra li tipproponi l-estensjoni ta’ indikazzjonijiet obbligatorji dwar l-oriġini u l-provenjenza għal ċerti prodotti, filwaqt li tqis bis-sħiħ l-impatti fuq is-suq uniku. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll modi biex tarmonizza l-asserzjonijiet ambjentali volontarji u biex toħloq qafas ta’ tikkettar sostenibbli li jkopri, f’sinerġija ma’ inizjattivi rilevanti oħra, l-aspetti nutrittivi, klimatiċi, ambjentali u soċjali tal-prodotti tal-ikel. Il-Kummissjoni se teżamina wkoll modi ġodda biex tipprovdi l-informazzjoni lill-konsumaturi permezz ta’ mezzi oħra inkluż dawk diġitali, biex ittejjeb l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni tal-ikel, b’mod partikolari għall-persuni b’vista batuta.

Biex ittejjeb id-disponibbiltà u l-prezz tal-ikel sostenibbli u tippromwovi d-dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli fil-catering istituzzjonali, il-Kummissjoni se tiddetermina l-aħjar mod biex tistabbilixxi kriterji minimi obbligatorji għall-akkwist tal-ikel sostenibbli. Dan se jgħin biex il-bliet, ir-reġjuni u l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu sehemhom billi jiksbu ikel sostenibbli għall-iskejjel, għall-isptarijiet u għall-istituzzjonijiet pubbliċi u se jagħti spinta lis-sistemi ta’ biedja sostenibbli, bħal pereżempju l-biedja organika. Il-Kummissjoni se tmexxi bl-eżempju u ssaħħaħ l-istandards ta’ sostenibbiltà fil-kuntratt tal-catering għall-canteens tagħha. Se tirrieżamina wkoll l-iskema tal-UE għall-iskejjel biex issaħħaħ il-kontribut tagħha għall-konsum tal-ikel sostenibbli u b’mod partikolari biex issaħħaħ il-messaġġi edukattivi dwar l-importanza ta’ nutrizzjoni tajba għas-saħħa, produzzjoni sostenibbli tal-ikel u tnaqqis tal-ħela tal-ikel.

L-inċentivi tat-taxxa għandhom ukoll imexxu t-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel sostenibbli u jħeġġu lill-konsumaturi jagħżlu dieti sostenibbli u tajbin għas-saħħa. Il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rati tal-VAT (li bħalissa qed tiġi diskussa fil-Kunsill) tista’ tippermetti lill-Istati Membri jagħmlu użu aktar immirat tar-rati, pereżempju biex jappoġġaw il-frott u l-ħaxix organiku. Is-sistemi tat-taxxa tal-UE għandhom ukoll jimmiraw li jiżguraw li l-prezz ta’ oġġetti ta’ ikel differenti jirrifletti l-kostijiet reali f’termini ta’ użu ta’ riżorsi naturali limitati, tniġġis, emissjonijiet tal-gassijiet serra u esternalitajiet ambjentali oħra.

2.5.Innaqqsu t-telf u l-ħela tal-ikel

L-indirizzar tat-telf u l-ħela tal-ikel huwa essenzjali biex tinkiseb is-sostenibbiltà 37 . It-tnaqqis tal-ħela tal-ikel iġib miegħu ffrankar għall-konsumaturi u għall-operaturi, u l-irkupru u r-ridistribuzzjoni tal-ikel żejjed li kieku kien jinħela għandhom dimensjoni soċjali importanti. Għandhom ukoll rabta mal-politiki dwar l-irkupru tan-nutrijenti u tal-materja prima sekondarja, il-produzzjoni tal-għalf, is-sikurezza tal-ikel, il-bijodiversità, il-bijoekonomija, il-ġestjoni tal-iskart u l-enerġija rinnovabbli.

Il-Kummissjoni hija impenjata li sal-2030 tnaqqas bin-nofs il-ħela tal-ikel per capita fil-livelli tal-bejgħ bl-imnut u tal-konsumatur (Mira tal-SDG 12.3). Bl-użu tal-metodoloġija l-ġdida għall-kejl tal-ħela tal-ikel 38 u bl-użu tad-data li l-Istati Membri jridu jibagħtu fl-2022, se tistabbilixxi linja bażi u tipproponi miri legalment vinkolanti biex jitnaqqas il-ħela tal-ikel fl-UE kollha.

Il-Kummissjoni se tintegra l-prevenzjoni tat-telf u tal-ħela tal-ikel f’politiki oħra tal-UE. Il-fehim u l-użu ħażin tal-immarkar tad-data (id-dati “use by” (uża sa) u “best before” (l-aħjar jintuża qabel)) iwasslu għal ħela tal-ikel. Il-Kummissjoni se tirrevedi r-regoli tal-UE biex tqis ir-riċerka tal-konsumatur. Minbarra li tikkwantifika l-livelli tal-ħela tal-ikel, il-Kummissjoni se tinvestiga t-telf tal-ikel fl-istadju tal-produzzjoni, u teżamina modi kif tipprevenihom. Il-koordinazzjoni tal-azzjoni fil-livell tal-UE se ssaħħaħ l-azzjoni fil-livell nazzjonali, u r-rakkomandazzjonijiet tal-Pjattaforma tal-UE dwar it-Telf u l-Ħela tal-Ikel 39 se tgħin biex turi t-triq ’il quddiem għall-atturi kollha.

2.6.Niġġieldu l-frodi tal-ikel tul il-katina tal-provvista tal-ikel

Il-frodi tal-ikel tipperikola s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel. Tqarraq bil-konsumaturi u ma tħallihomx jagħmlu għażliet infurmati. Iddgħajjef is-sikurezza tal-ikel, il-prattiki kummerċjali ġusti, ir-reżiljenza tas-swieq tal-ikel u fl-aħħar mill-aħħar is-suq uniku. Politika ta’ tolleranza żero b’deterrenti effettivi hija kruċjali f’dan ir-rigward. Il-Kummissjoni se ssaħħaħ il-ġlieda tagħha kontra l-frodi tal-ikel biex tikseb kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-operaturi u biex issaħħaħ is-setgħat tal-awtoritajiet ta’ kontroll u infurzar. Se taħdem mal-Istati Membri, mal-Europol u ma’ korpi oħrajn biex tuża d-data tal-UE dwar it-traċċabbiltà u t-twissijiet biex ittejjeb il-koordinazzjoni dwar il-frodi tal-ikel. Se tipproponi wkoll miżuri dissważivi aktar stretti, kontrolli aħjar tal-importazzjoni u teżamina l-possibbiltà li jissaħħu l-koordinazzjoni u l-kapaċitajiet investigattivi tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF).

3.Niffaċilitaw it-tranżizzjoni

3.1.Riċerka, innovazzjoni, teknoloġija u investimenti

Ir-Riċerka u l-Innovazzjoni (R&I) huma xprunaturi ewlenin biex titħaffef it-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli, tajbin għas-saħħa u inklużivi mill-produzzjoni primarja għall-konsum. Ir-R&I jistgħu jgħinu jiżviluppaw u jittestjaw is-soluzzjonijiet, jegħlbu l-ostakoli u jikxfu opportunitajiet ġodda tas-suq 40 . Fl-Orizzont 2020, il-Kummissjoni qed tħejji sejħa għal proposti addizzjonali għall-prijoritajiet tal-Patt Ekoloġiku fl-2020 għal total ta’ madwar EUR 1 biljun. Fl-Orizzont Ewropa, tipproponi li tonfoq EUR 10 biljun fuq ir-R&I dwar l-ikel, fuq il-bijoekonomija, ir-riżorsi naturali, l-agrikoltura, is-sajd, l-akkwakultura u l-ambjent kif ukoll fuq l-użu tat-teknoloġiji diġitali u tas-soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura għall-ikel agrikolu. Qasam ewlieni tar-riċerka se jikkonċerna l-mikrobijoma, l-ikel mill-oċeani, is-sistemi tal-ikel urbani, kif ukoll iż-żieda tad-disponibbiltà u s-sors ta’ proteini alternattivi bħal pereżempju l-proteini mill-pjanti, mill-mikrobi, mill-baħar u mill-insetti u s-sostituti tal-laħam. Missjoni fil-qasam tas-saħħa tal-ħamrija u l-ikel se tgħin biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet għar-restawr tas-saħħa u tal-funzjonijiet tal-ħamrija. L-għarfien u l-innovazzjonijiet ġodda se jsaħħu wkoll l-approċċi agroekoloġiċi fil-produzzjoni primarja permezz ta’ sħubija ddedikata fil-laboratorji ħajjin tal-agroekoloġija. Dan se jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-użu tal-pestiċidi, tal-fertilizzanti u tal-antimikrobiċi. Sabiex jitħaffu l-innovazzjoni u t-trasferiment tal-għarfien, il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex issaħħaħ ir-rwol tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni “Produttività u Sostenibbiltà Agrikoli” (EIP-AGRI) fil-Pjanijiet Strateġiċi. Barra minn hekk, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jinvesti, permezz ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, fl-innovazzjoni u fil-kollaborazzjoni tul il-ktajjen tal-valur tal-ikel.

Sħubija ġdida taħt l-Orizzont Ewropa għal “sistemi tal-ikel sikuri u sostenibbli għan-nies, għall-pjaneta u għall-klima” se tistabbilixxi mekkaniżmu ta’ governanza tar-R&I li jinvolvi lill-Istati Membri u lill-atturi tas-sistemi tal-ikel mill-għalqa sal-platt, biex tagħti soluzzjonijiet innovattivi li jipprovdu kobenefiċċji għan-nutrizzjoni, għall-kwalità tal-ikel, għall-klima, għaċ-ċirkolarità u għall-komunitajiet.

Il-bdiewa kollha u ż-żoni rurali kollha jeħtieġ li jkunu konnessi ma’ internet veloċi u affidabbli. Dan huwa faċilitatur ewlieni għall-impjiegi, għan-negozju u għall-investiment fiż-żoni rurali, kif ukoll biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja f’oqsma bħal pereżempju l-kura tas-saħħa, id-divertiment u l-gvern elettroniku. L-aċċess għall-internet broadband veloċi se jippermetti l-użu ġeneralizzat tal-biedja bi preċiżjoni u l-użu tal-intelliġenza artifiċjali. Se jippermetti lill-UE tisfrutta bis-sħiħ it-tmexxija dinjija tagħha fit-teknoloġija satellitari. Fl-aħħar mill-aħħar dan se jirriżulta fi tnaqqis tal-kostijiet għall-bdiewa, itejjeb il-ġestjoni tal-ħamrija u l-kwalità tal-ilma, inaqqas l-użu tal-fertilizzanti, tal-pestiċidi, inaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, itejjeb il-bijodiversità u joħloq ambjent aktar tajjeb għas-saħħa tal-bdiewa u taċ-ċittadini. Il-Kummissjoni għandha l-għan li taċċellera l-introduzzjoni ta’ internet broadband veloċi fiż-żoni rurali biex tikseb l-objettiv ta’ aċċess ta’ 100 % sal-2025.

Se jkunu meħtieġa investimenti biex jinkoraġġixxu l-innovazzjoni u joħolqu sistemi tal-ikel sostenibbli. Permezz tal-garanziji tal-baġit tal-UE, il-Fond InvestEU 41 se jrawwem l-investiment fis-settur tal-ikel agrikolu billi jnaqqas ir-riskji għall-investimenti mill-korporazzjonijiet Ewropej u jiffaċilita l-aċċess għall-finanzi għall-SMEs u għall-kumpaniji mid-cap 42 . Fl-2020, il-qafas tal-UE li jiffaċilita l-investimenti sostenibbli (it-tassonomija tal-UE 43 ) kif ukoll l-istrateġija mġedda dwar il-finanzi sostenibbli se jimmobilizzaw is-settur finanzjarju biex jinvesti b’mod aktar sostenibbli, inkluż fis-settur tal-agrikoltura u tal-produzzjoni tal-ikel. Il-PAK trid ukoll dejjem iżjed tiffaċilita l-appoġġ għall-investiment sabiex titjieb ir-reżiljenza u titħaffef it-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika tal-azjendi agrikoli.

3.2.Servizzi ta’ konsulenza, kondiviżjoni tad-data u tal-għarfien, u ħiliet

L-għarfien u l-konsulenza huma kruċjali biex l-atturi kollha fis-sistema tal-ikel ikunu jistgħu jsiru sostenibbli. Il-produtturi primarji għandhom ħtieġa partikolari għal servizzi ta’ konsulenza oġġettivi u mfassla apposta dwar l-għażliet ta’ ġestjoni sostenibbli. Għalhekk il-Kummissjoni se tippromwovi Sistemi effettivi tal-Għarfien u tal-Innovazzjoni Agrikoli(AKIS), li jinvolvu l-atturi kollha tal-katina tal-ikel. Fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom, l-Istati Membri se jkollhom iżidu l-appoġġ għall-AKIS u jsaħħu r-riżorsi biex jiżviluppaw u jżommu s-servizzi ta’ konsulenza xierqa li huma meħtieġa biex jintlaħqu l-objettivi u l-miri tal-Patt Ekoloġiku.

Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni biex tikkonverti n-Netwerk tad-Data tal-Kontabbiltà tal-Azjendi Agrikoli fin-Netwerk tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli bil-ħsieb li tiġbor ukoll id-data dwar il-miri tal-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt” u tal-Istrateġija tal-Bijodiversità u indikaturi oħra ta’ sostenibbiltà. 44 In-netwerk se jippermetti li ssir valutazzjoni komparattiva tal-prestazzjoni tal-azjendi agrikoli meta mqabbla mal-medji reġjonali, nazzjonali jew settorjali. Permezz ta’ servizzi ta’ konsulenza mfassla apposta, se jipprovdi feedback u gwida lill-bdiewa u jorbot l-esperjenza tagħhom mal-Isħubija Ewropea għall-Innovazzjoni u mal-proġetti ta’ riċerka. Dan se jtejjeb is-sostenibbiltà tal-bdiewa parteċipanti, u anki l-introjti tagħhom.

Bħala parti mill-istrateġija Ewropea tad-data, l-ispazju Ewropew komuni tad-data dwar l-agrikoltura se jsaħħaħ is-sostenibbiltà kompetittiva tal-agrikoltura tal-UE permezz tal-ipproċessar u l-analiżi tal-produzzjoni, tal-użu tal-art, tad-data ambjentali u data oħra, se jippermetti applikazzjoni preċiża u mfassla apposta tal-metodi tal-produzzjoni fil-livell tal-azjendi agrikoli, u l-monitoraġġ tal-prestazzjoni tas-settur, u barra minn hekk se jappoġġa l-inizjattiva tas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola. Il-programmi tal-UE Copernicus u Netwerk Ewropew ta’ Osservazzjoni u Data Marittima (EMODnet) se jnaqqsu r-riskji tal-investiment u jiffaċilitaw il-prattiki sostenibbli fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura.

Il-Kummissjoni se tiżgura soluzzjonijiet imfassla apposta biex tgħin lill-SMEs li jipproċessaw l-ikel u lill-operaturi żgħar tal-bejgħ bl-imnut u tas-servizzi tal-ikel biex jiżviluppaw ħiliet u mudelli ta’ negozju ġodda, filwaqt li jevitaw piżijiet amministrattivi u kostijiet addizzjonali. Se tipprovdi gwida lill-bejjiegħa bl-imnut, lill-proċessuri tal-ikel u lill-fornituri tas-servizzi tal-ikel dwar l-aħjar prattiki għas-sostenibbiltà. In-Netwerk Enterprise Europe se jipprovdi servizzi ta’ konsulenza dwar is-sostenibbiltà għall-SMEs u se jrawwem id-disseminazzjoni tal-aħjar prattiki. Il-Kummissjoni se taġġorna wkoll l-Aġenda għall-Ħiliet 45 tagħha biex tiżgura li l-katina tal-ikel ikollha aċċess għal ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati xierqa u suffiċjenti.

4.Nippromwovu t-tranżizzjoni dinjija

L-UE se tappoġġa t-tranżizzjoni dinjija lejn sistemi sostenibbli ta’ ikel agrikolu, f’konformità mal-objettivi ta’ din l-Istrateġija u mal-SDGs. Permezz tal-politiki esterni tagħha, inkluż il-politika dwar il-kooperazzjoni u l-kummerċ internazzjonali, l-UE se tkompli tiżviluppa l-Alleanzi Ekoloġiċi dwar sistemi tal-ikel sostenibbli mas-sħab kollha tagħha fil-fora bilaterali, reġjonali u multilaterali. Dan se jinkludi kooperazzjoni mal-Afrika, mas-sħab tal-viċinat u ma’ sħab oħra u se jqis l-isfidi distinti f’partijiet tad-dinja diversi. Sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni dinjija li tirnexxi, l-UE se tħeġġeġ u tippermetti l-iżvilupp ta’ miżuri reattivi komprensivi u integrati li jkunu ta’ benefiċċju għan-nies, għan-natura u għat-tkabbir ekonomiku.

Se jintużaw politiki xierqa tal-UE, inkluż il-politika dwar il-kummerċ, biex jappoġġaw u jkunu parti mit-tranżizzjoni ekoloġika tal-UE. L-UE se tiżgura li jkun hemm kapitolu ambizzjuż dwar is-sostenibbiltà fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali kollha tal-UE. Se tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u l-infurzar tad-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali, inkluż permezz tal-Uffiċjal Kap tal-UE tal-Infurzar għall-Kummerċ.

Il-politika tal-UE dwar il-kummerċ għandha tikkontribwixxi biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi u biex tikseb impenji ambizzjużi mingħandhom f’oqsma ewlenin bħal pereżempju l-benessri tal-annimali, l-użu tal-pestiċidi u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi. L-UE se tistinka biex tippromwovi l-istandards internazzjonali fil-korpi internazzjonali rilevanti u tħeġġeġ il-produzzjoni ta’ prodotti tal-ikel agrikoli li jikkonformaw ma’ standards għoljin ta’ sikurezza u sostenibbiltà, u se tappoġġa lill-bdiewa b’azjenda agrikola żgħira biex jikkonformaw ma’ dawn l-istandards u biex jaċċessaw is-swieq. L-UE se ssaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni biex ittejjeb in-nutrizzjoni u biex ittaffi l-insigurtà tal-ikel billi ssaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel u tnaqqas il-ħela tal-ikel.

L-UE se tiffoka l-kooperazzjoni internazzjonali tagħha fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni tal-ikel, b’referenza partikolari għall-adattament għat-tibdil fil-klima u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima; l-agroekoloġija; il-ġestjoni sostenibbli tal-pajsaġġ u l-governanza tal-art; il-konservazzjoni u l-użu sostenibbli tal-bijodiversità; il-ktajjen tal-valur inklużivi u ġusti; in-nutrizzjoni u d-dieti tajbin għas-saħħa; il-prevenzjoni tal-kriżijiet tal-ikel u r-rispons għalihom, b’mod partikolari f’kuntesti fraġli; ir-reżiljenza u t-tħejjija għar-riskji; il-ġestjoni integrata tal-pesti; l-istandards dwar is-saħħa u l-benessri tal-pjanti u tal-annimali, u dwar is-sikurezza tal-ikel, ir-reżistenza għall-antimikrobiċi kif ukoll is-sostenibbiltà tal-interventi umanitarji u ta’ żvilupp ikkoordinati tagħha. L-UE se tibbaża ruħha fuq l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa 46 , u tintegra l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli fil-politiki kollha tagħha. Dawn l-azzjonijiet se jnaqqsu l-pressjoni fuq il-bijodiversità fid-dinja kollha. Essenzjalment, protezzjoni aħjar tal-ekosistemi naturali, flimkien ma’ sforzi biex jitnaqqas il-kummerċ u l-konsum tal-annimali selvaġġi, se jgħinu biex jiġu evitati l-mard u l-pandemiji possibbli fil-futur u biex tinbena reżiljenza għalihom.

Sabiex jitnaqqas il-kontribut tal-UE għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti fid-dinja, fl-2021 il-Kummissjoni se tippreżenta proposta leġiżlattiva u miżuri oħra biex tevita jew timminimizza t-tqegħid fis-suq tal-UE ta’ prodotti assoċjati mad-deforestazzjoni jew mad-degradazzjoni tal-foresti.

L-UE se tapplika tolleranza żero fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) u se tiġġieled is-sajd żejjed, tippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ħut u tal-frott tal-baħar (inkluż l-algi) u ssaħħaħ il-governanza tal-oċeani, il-kooperazzjoni marittima u l-ġestjoni kostali 47 .

Il-Kummissjoni se tinkorpora l-prijoritajiet kollha msemmija hawn fuq fil-gwida għall-ipprogrammar tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fil-perjodu 2021-2027 b’kunsiderazzjoni dovuta għall-objettivi trasversali bħal pereżempju d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-paċi u s-sigurtà.

L-ikel importat irid ikompli jikkonforma mar-Regolamenti u mal-istandards rilevanti tal-UE. Il-Kummissjoni se tqis l-aspetti ambjentali hija u tivvaluta t-talbiet għat-tolleranzi għall-importazzjoni għas-sustanzi pestiċidi li ma għadhomx approvati fl-UE filwaqt li tħares l-istandards u l-obbligi tad-WTO. Biex tiġi indirizzata t-theddida dinjija tar-reżistenza għall-antimikrobiċi, il-prodotti ta’ oriġini mill-annimali importati fl-UE se jkollhom jikkonformaw ma’ rekwiżiti stretti dwar l-użu tal-antibijotiċi f’konformità mar-Regolament dwar il-prodotti mediċinali veterinarji li ġie miftiehem reċentement.

Sistema tal-ikel tal-UE aktar sostenibbli tirrikjedi wkoll prattiki dejjem aktar sostenibbli mis-sħab kummerċjali tagħna. Sabiex tippromwovi pass gradwali lejn l-użu ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti aktar sikuri, l-UE se tikkunsidra, f’konformità mar-regoli tad-WTO u wara valutazzjoni tar-riskju, li tirrieżamina t-tolleranzi għall-importazzjoni tas-sustanzi li jissodisfaw il-“kriterji ta’ limitu” 48 u li jippreżentaw livell għoli ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem. L-UE se timpenja ruħha b’mod attiv mas-sħab kummerċjali, speċjalment mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, biex takkumpanja t-tranżizzjoni lejn użu aktar sostenibbli tal-pestiċidi biex tevita tfixkil fil-kummerċ u tippromwovi prodotti u metodi alternattivi għall-protezzjoni tal-pjanti.

L-UE se tippromwovi t-tranżizzjoni dinjija lejn sistemi tal-ikel sostenibbli fil-korpi li jistabbilixxu l-istandards internazzjonali, fil-fora multilaterali rilevanti u fl-avvenimenti internazzjonali, inkluż il-15-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Diversità Bijoloġika, is-Summit dwar in-Nutrizzjoni għat-Tkabbir u s-Summit tan-NU dwar is-Sistemi tal-Ikel fl-2021, li fihom kollha se titlob eżiti ta’ politika ambizzjużi.

Bħala parti mill-approċċ tagħha għall-informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi u flimkien mal-qafas leġiżlattiv dwar is-sistemi tal-ikel sostenibbli, l-UE se tippromwovi skemi (inkluż qafas tal-UE ta’ tikkettar tal-ikel sostenibbli) u tmexxi l-ħidma fuq l-istandards internazzjonali ta’ sostenibbiltà u l-metodi ta’ kalkolu tal-impronta ambjentali fil-fora multilaterali sabiex tiżgura aktar użu tal-istandards ta’ sostenibbiltà. Se tappoġġa wkoll l-infurzar tar-regoli dwar l-informazzjoni qarrieqa.

5.Konklużjonijiet

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa opportunità biex is-sistema tal-ikel tiġi rikonċiljata mal-ħtiġijiet tal-pjaneta u biex ikun hemm reazzjoni pożittiva għall-aspirazzjonijiet tal-Ewropej għal ikel tajjeb għas-saħħa, ekwu u ekoloġiku. L-għan ta’ din l-Istrateġija huwa li s-sistema tal-ikel tal-UE ssir standard dinji għas-sostenibbiltà. It-tranżizzjoni lejn sistemi tal-ikel sostenibbli tirrikjedi approċċ kollettiv li jinvolvi lill-awtoritajiet pubbliċi fil-livelli kollha ta’ governanza (inkluż il-bliet u l-komunitajiet rurali u kostali), l-atturi tas-settur privat tul il-katina tal-valur tal-ikel, l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-sħab soċjali, l-akkademja u ċ-ċittadini.

Il-Kummissjoni tistieden liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jinvolvu ruħhom f’dibattitu mifrux biex titfassal politika dwar l-ikel sostenibbli inkluż fl-assemblej nazzjonali, reġjonali u lokali. Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex japprovaw din l-istrateġija u jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħha. Il-Kummissjoni se tikkomunika maċ-ċittadini dwar din l-Istrateġija b’mod koordinat biex tħeġġiġhom jipparteċipaw fit-trasformazzjoni tas-sistemi tal-ikel tagħna.

Il-Kummissjoni se tiżgura li l-istrateġija tiġi implimentata b’koerenza mill-qrib mal-elementi l-oħra tal-Patt Ekoloġiku, b’mod partikolari l-Istrateġija dwar il-Bijodiversità għall-2030, is-CEAP il-ġdid u l-ambizzjoni ta’ Tniġġis Żero. Se timmonitorja t-tranżizzjoni lejn sistema tal-ikel sostenibbli sabiex din topera fi ħdan il-konfini dinjija, u se timmonitorja wkoll il-progress lejn il-miri u t-tnaqqis globali tal-impronta ambjentali u klimatika tas-sistema tal-ikel tal-UE. Se tiġbor id-data regolarment, inkluż fuq il-bażi tal-osservazzjoni tad-dinja għal valutazzjoni komprensiva tal-impatt kumulattiv tal-azzjonijiet kollha f’din l-Istrateġija fuq il-kompetittività, fuq l-ambjent u fuq is-saħħa. Se tirrieżamina din l-Istrateġija sa nofs l-2023 sabiex tivvaluta jekk l-azzjoni meħuda kinitx suffiċjenti biex tikseb l-objettivi jew jekk tkunx meħtieġa azzjoni addizzjonali.

(1)    Fil-livell dinji, huwa stmat li s-sistemi tal-ikel u tal-agrikoltura f’konformità mal-SDGs jipprovdu ikel nutrittiv u affordabbli għal popolazzjoni dinjija li qed tikber, jgħinu jirrestawraw l-ekosistemi essenzjali u jistgħu joħolqu valur ekonomiku ġdid ta’ aktar minn EUR 1,8 triljun sal-2030. Sors: Business & Sustainable Development Commission (2017), Better business, better world.
(2)    Pereżempju, bidwi medju fl-UE bħalissa jaqla’ madwar nofs dak li jaqla’ ħaddiem medju fl-ekonomija kollha kemm hi. Sors: Indikatur tal-kuntest C.26 tal-PAK dwar l-introjtu intraprenditorjali agrikolu ( https://agridata.ec.europa.eu/Qlik_Downloads/Jobs-Growth-sources.htm ).
(3)    L-Ewropej għandhom livell għoli ta’ għarfien dwar it-temi relatati mas-sikurezza tal-ikel. It-tħassib l-aktar irrappurtat jikkonċerna l-antibijotiċi, l-ormoni u l-isterojdi fil-laħam, il-pestiċidi, is-sustanzi niġġiesa ambjentali u l-addittivi tal-ikel. Sors: Ewrobarometru Speċjali (April 2019), Food safety in the EU.
(4)    Minn 543,25 miljun ġigatunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO2 fl-1990 sa 438,99 miljun ġigatunnellata fl-2017(Eurostat)
(5)    Proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-qafas biex tinkiseb in-newtralità klimatika u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1999 (“il-Liġi Ewropea dwar il-Klima”), COM(2020) 80 final, 2020/0036 (COD).
(6)    Eurostat, EU SILC (2018), https://appsso.eurostat.ec.europa.eu/nui/show.do?dataset=ilc_mdes03&lang=en .
(7)    EU FUSIONS (2016). Estimates of European food waste levels.
(8)    Eurostat, Obesity rate by body mass index, https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/view/sdg_02_10/default/table?lang=en  
(9)    L-“ambjent tal-ikel” huwa l-kuntest fiżiku, ekonomiku, politiku u soċjokulturali li fih il-konsumaturi jipparteċipaw fis-sistema tal-ikel biex jieħdu deċiżjonijiet dwar l-akkwist, it-tħejjija u l-konsum tal-ikel (Panel ta’ Livell Għoli ta’ Esperti dwar is-Sigurtà tal-Ikel u n-Nutrizzjoni (2017), Nutrition and food systems).
(10)    Regoli robusti dwar iċ-ċertifikazzjoni għat-tneħħija tal-karbonju fl-agrikoltura u fil-forestrija huma l-ewwel pass biex ikunu jistgħu jsiru l-pagamenti lill-bdiewa u lill-forestiera għas-sekwestru tal-karbonju li jipprovdu. L-Istati Membri jistgħu jużaw dawn ir-regoli biex ifasslu pagamenti tal-PAK ibbażati fuq il-karbonju ssekwestrat; barra minn hekk, il-kumpaniji privati jistgħu wkoll ikunu interessati li jixtru dawn iċ-ċertifikati biex jappoġġaw l-azzjoni klimatika, u b’hekk jipprovdu inċentiv addizzjonali (minbarra l-pagamenti tal-PAK) lill-bdiewa u lill-forestiera għas-sekwestru tal-karbonju.
(11)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar l-Ekonomija Ċirkolari Għal Ewropea aktar nadifa u kompetittiva, COM/2020/98 final.
(12)    Kull Stat Membru tal-UE se jwettaq analiżi estensiva tal-ħtiġijiet speċifiċi tiegħu u mbagħad ifassal Pjan Strateġiku tal-PAK li jistipula kif se jipproponi li jimmira l-finanzjament tal-PAK miż-żewġ “pilastri” biex jissodisfa dawn il-ħtiġijiet, f’konformità mal-objettivi ġenerali tal-UE, filwaqt li jistipula liema għodod se jintużaw, u jistabbilixxi l-miri speċifiċi tiegħu.
(13)    Dawn huma prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi attivi li jissodisfaw il-kriterji ta’ limitu kif stabbilit fil-punti 3.6.2. sa 3.6.5 u 3.8.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 jew li huma identifikati bħala kandidati għas-sostituzzjoni f’konformità mal-kriterji fil-punt 4 ta’ dak l-Anness.
(14)    Ir-Regolament (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar l-istatistika li tikkonċerna l-pestiċidi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE); ĠU L 324, 10.12.2009, p. 1
(15)    L-użu tan-nitroġenu fl-agrikoltura jwassal għall-emissjonijiet tal-ossidu nitruż fl-atmosfera. Fl-2017, l-emissjonijiet ta’ N2O mill-agrikoltura ammontaw għal 43 % tal-emissjonijiet agrikoli u 3,9 % tal-emissjonijiet antropoġeniċi totali fl-UE (EEA (2019), Annual European Union greenhouse gas inventory 1990-2017 u Rapport tal-inventarju 2019).
(16)    OECD (2019), Accelerating climate action: refocussing policies through a well-being lens.
(17)    Kif indikat fil-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li jridu jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-Politika Agrikola Komuni (il-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, COM(2018)392, 2018/0216(COD), b’rispett sħiħ għall-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà - l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni, COM(2017)134.
(18)    EEA (2019), Annual European Union greenhouse gas inventory 1990-2017 u Rapport tal-inventarju 2019. Dawn iċ-ċifri ma jinkludux l-emissjonijiet tas-CO2 mill-użu tal-art u mill-bidla fl-użu tal-art.
(19)    39,1 miljun ettaru ta’ ċereali u żrieragħ taż-żejt u 70,7 miljun ettaru ta’ bwar fuq 161 miljun ettaru ta’ art agrikola (fl-EU27, Eurostat, 2019)
(20)      Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni Bijoekonomija sostenibbli għall-Ewropa: Tisħiħ tal-konnessjoni bejn l-ekonomija, is-soċjetà u l-ambjent, COM/2018/673 final.
(21)    Cassini et al., (2019) “Attributable deaths and disability-adjusted life-years caused by infections with antibiotic-resistant bacteria in the EU and the European Economic Area in 2015: a population-level modelling analysis”, Lancet Infect Dis. Vol.19, ħarġa 1, pp. 55-56.
(22)       https://ec.europa.eu/commission/publications/natural-resources-and-environment_mt  
(23)    Fl-2017, is-sussidji tal-PAK, bl-eċċezzjoni tal-appoġġ għall-investiment, jirrappreżentaw 57 % tal-introjtu nett tal-irziezet fl-UE. https://agridata.ec.europa.eu/extensions/DashboardFarmEconomyFocus/ DashboardFarmEconomyFocus.html
(24)    Se titwettaq evalwazzjoni tal-PAK biex tistabbilixxi kemm qed jikkontribwixxi l-appoġġ għall-introjtu lejn ir-reżiljenza u s-sostenibbiltà tal-biedja.
(25)    Commission Staff Working Document Analysis of links between CAP Reform and Green Deal, SWD(2020) 93.
(26)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd u dwar konsultazzjoni b’rabta mal-opportunitajiet tas-sajd għall-2020, COM(2019) 274 final
(27)    Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1005/2008, u r-Regolament (UE) Nru 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontroll tas-sajd, COM/2018/368 final, 2018/0193(COD).
(28)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671) u r-Regolament (UE) 2017/2393 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), (UE) Nru 1306/2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1307/2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni, (UE) Nru 1308/2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u (UE) Nru 652/2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-ġestjoni tan-nefqa marbuta mal-katina alimentari, mas-saħħa tal-annimali u mat-trattament xieraq tal-annimali, u marbuta mas-saħħa tal-pjanti u mal-materjal riproduttiv tal-pjanti (ĠU L 350, 29.12.2017, p. 15).
(29)    Ir-Regolament (UE) Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1)
(30)    Id-Direttiva (UE) 2019/633 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar prattiki kummerċjali inġusti fir-relazzjonijiet bejn in-negozji fil-katina tal-provvista agrikola u alimentari (ĠU L 111, 25.4.2019, p. 59).
(31)    Pereżempju, studju dwar l-argument għall-vijabbiltà li jitnaqqsu t-telf u l-ħela tal-ikel, imwettaq f’isem il-koalizzjoni Champion 12.3, sab redditu fuq l-investiment ta’ 14:1 għall-kumpaniji li ħadu azzjoni biex inaqqsu t-telf u l-ħela tal-ikel. Hanson, C., u P. Mitchell. 2017. The Business Case for Reducing Food Loss and Waste. Washington, DC: Champions 12.3.
(32)    Agriculture, forestry and fisheries statistics, edizzjoni 2019, Statistical Books, Eurostat.
(33)    Il-laħam aħmar jinkludi l-laħam taċ-ċanga, tal-majjal, tal-ħaruf u tal-mogħoż u l-laħam kollu pproċessat.
(34)    Willett W. et al (2019), “Food in the Anthropocene: the EAT–Lancet Commission on healthy diets from sustainable food systems”, Lancet, Vol. 393, pp. 447–92.
(35)    FAO u WHO (2019), Sustainable healthy diets – guiding principles.
(36)    Ċentru tax-Xjenza tal-UE: https://ec.europa.eu/jrc/en/health-knowledge-gateway/societal-impacts/burden
(37)    Fil-livell tal-UE, il-ħela tal-ikel (l-istadji kollha taċ-ċiklu tal-ħajja) jirrappreżenta mill-inqas 227 miljun tunnellata ta’ CO2 eq. fis-sena, jiġifieri madwar 6 % tal-emissjonijiet totali tal-UE fl-2012 (EU FUSIONS (2016). Estimates of European food waste levels.
(38)    Id-Deċiżjoni Delegata tal-Kummissjoni (UE) 2019/1597 tat-3 ta’ Mejju 2019 li tissupplimenta d-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ta’ metodoloġija komuni u rekwiżiti minimi tal-kwalità għall-kejl uniformi tal-livelli tal-iskart tal-ikel (ĠU L 248, 27.9.2019, p. 77).
(39)       https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/fs_eu-actions_action_implementation_platform_key_recommendations.pdf  
(40)    Commission Staff working document – European Research and Innovation for Food and Nutrition Security, SWD 2016/319 u Commission FOOD 2030 High-level Conference background document (2016) – European Research & Innovation for Food & Nutrition Security.
(41)    Stabbilita bħala parti mill-programm InvestEU kif stipulat fil-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Programm InvestEU, COM(2018) 4439, 2018/0229 (COD).
(42)    Skont il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, “kumpaniji mid-cap” tfisser entitajiet b’għadd ta’ impjegati li jvarja minn 250 sa 3 000 u li mhumiex SMEs.
(43)    It-tassonomija tal-UE hija għodda ta’ implimentazzjoni li tista’ tippermetti lis-swieq tal-kapital jidentifikaw u jirrispondu għal opportunitajiet ta’ investiment li jikkontribwixxu għall-objettivi tal-politika ambjentali.
(44)    B’rispett sħiħ tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, inkluż l-Għodda għas-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli għan-Nutrijenti kif inkluż fil-proposta għall-PAK lil hinn mill-2020.
(45)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività”, COM/2016/0381 final
(46)    Eż. l-Inizjattiva Żvilupp tal-Innovazzjoni Intelliġenti permezz tar-Riċerka fl-Agrikoltura (Development Smart Innovation through Research in Agriculture, DESIRA).
(47)    Permezz tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd, tal-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u tal-kooperazzjoni tagħna ma’ pajjiżi terzi f’dak li għandu x’jaqsam mal-IUU u mal-ktajjen tal-valur sostenibbli fis-sajd u l-akkwakultura; il-kooperazzjoni hija partikolarment rilevanti ma’ pajjiżi li huma affettwati mit-tibdil fil-klima.
(48)    Dawn is-sustanzi jista’ jkollhom impatt fuq is-saħħa tal-bniedem u jinkludu sustanzi kklassifikati bħala: mutaġeni, karċinoġeni, tossiċi għar-riproduzzjoni jew li jkollhom karatteristiki li jfixklu s-sistema endokrinali kif stabbilit fil-punti 3.6.2. sa 3.6.5 u 3.8.2 tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.
Top

Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 381 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Strateġija "Mill-Għalqa sal-Platt"












għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent



























STRATEĠIJA “MILL-GĦALQA SAL-PLATT”

ABBOZZ TAL-PJAN TA’ AZZJONI

Il-miżuri ppreżentati f’dan il-pjan ta’ azzjoni hemm bżonn li jitmexxew kollha ’l quddiem f’konformità mal-prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, flimkien mal-evalwazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt skont kif xieraq

AZZJONIJIET

Skeda ta’ żmien indikattiva

Nru

-Proposta għal qafas leġiżlattiv għas-sistemi tal-ikel sostenibbli

2023

1.

-Jiġi żviluppat pjan ta’ kontinġenza biex jiġu żgurati l-provvista tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel 

Q4 2021

2.

Tiġi żgurata produzzjoni sostenibbli tal-ikel

-Jiġu adottati rakkomandazzjonijiet lil kull Stat Membru li jindirizzaw id-disa’ objettivi speċifiċi tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), qabel ma jiġu sottomessi formalment l-abbozzi tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK

Q4

2020

3.

-Proposta għal reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Użu Sostenibbli tal-Pestiċidi sabiex jitnaqqas b’mod sinifikanti l-użu u r-riskju u d-dipendenza fuq il-pestiċidi u tissaħħaħ il-Ġestjoni integrata tal-Pesti

Q1

2022

4.

-Reviżjoni tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni rilevanti skont il-qafas tal-Prodotti għall-Protezzjoni tal-Pjanti biex jiġi ffaċilitat it-tqegħid fis-suq tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jkun fihom sustanzi attivi bijoloġiċi

Q4

2021

5.

-Proposta għal reviżjoni tar-Regolament dwar l-istatistika tal-pestiċidi biex jingħelbu l-lakuni fid-data u jissaħħaħ it-tfassil tal-politika bbażat fuq l-evidenza

2023

6.

-Evalwazzjoni u reviżjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-benessri tal-annimali, inkluż dwar it-trasport tal-annimali u l-qtil tal-annimali

Q4

2023

7.

-Proposta għal reviżjoni tar-Regolament dwar l-addittivi tal-għalf sabiex jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trobbija tal-bhejjem 

Q4

2021

8.

-Proposta għal reviżjoni tar-Regolament tan-Netwerk tad-Data dwar il-Kontabbiltà tal-Azjendi Agrikoli biex din tinbidel f’Netwerk tad-Data dwar is-Sostenibbiltà tal-Azjendi Agrikoli bil-ħsieb li jsir kontribut għal użu mifrux ta’ prattiki ta’ biedja sostenibbli

Q2

2022

9.

-Kjarifika tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni fit-TFUE fir-rigward tas-sostenibbiltà fl-azzjonijiet kollettivi.

Q3

2022

10.

-Inizjattivi leġiżlattivi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-produtturi primarji biex jappoġġaw il-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-ikel u inizjattivi mhux leġiżlattivi biex itejbu t-trasparenza

2021-2022

11.

-Inizjattiva tal-UE dwar is-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola

Q3

2021

12.

Jiġu stimolati prattiċi sostenibbli tal-ipproċessar tal-ikel, tal-bejgħ bl-ingrossa, tal-bejgħ bl-imnut, tal-ospitalità u tas-servizzi tal-ikel

-Inizjattiva biex jitjieb il-qafas ta’ governanza korporattiva, li tinkludi rekwiżit biex l-industrija tal-ikel tintegra s-sostenibbiltà fl-istrateġiji korporattivi

Q1 2021

13.

-Jiġu żviluppati kodiċi u qafas tal-UE għall-monitoraġġ tal-imġiba responsabbli fin-negozju u fil-kummerċjalizzazzjoni fil-katina tal-provvista tal-ikel

Q2

2021

14.

-Jitnedew inizjattivi biex tiġi stimolata r-riformulazzjoni tal-ikel ipproċessat, inkluż l-iffissar ta’ livelli massimi għal ċerti nutrijenti 

Q4 2021

15.

-Jiġu stabbiliti profili nutrizzjonali biex tiġi ristretta l-promozzjoni ta’ ikel b’kontenut għoli ta’ melħ, zokkor u/jew xaħam

Q4 2022

16.

-Proposta għal reviżjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-Materjali li jiġu f’Kuntatt mal-Ikel sabiex titjieb is-sikurezza tal-ikel, tiġi żgurata s-saħħa taċ-ċittadini u titnaqqas l-impronta ambjentali tas-settur

Q4 2022

17.

-Proposta għal reviżjoni tal-istandards tal-kummerċjalizzazzjoni tal-UE għall-prodotti agrikoli, tas-sajd u tal-akkwakultura sabiex jiġu żgurati l-użu u l-provvista ta’ prodotti sostenibbli

2021-2022

18.

-Tissaħħaħ il-koordinazzjoni biex jiġu infurzati r-regoli tas-suq uniku u biex tiġi indirizzata l-Frodi Alimentari, inkluż permezz li jiġi kkunsidrat użu msaħħaħ tal-kapaċitajiet investigattivi tal-OLAF

2021-2022

19.

Jiġi promoss il-konsum sostenibbli tal-ikel, filwaqt li tiġi ffaċilitata l-bidla lejn dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli

-Proposta għal tikkettar armonizzat u obbligatorju dwar in-nutrizzjoni fuq il-parti ta’ quddiem tal-pakkett sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet ta’ ikel li huma tajbin għal saħħithom

Q4

2022

20.

-Proposta biex tiġi rikjesta l-indikazzjoni tal-oriġini għal ċerti prodotti

Q4

2022

21.

-Jiġu determinati l-aħjar modalitajiet għall-iffissar ta’ kriterji minimi obbligatorji għall-akkwist ta’ ikel sostenibbli biex jiġu promossi dieti tajbin għas-saħħa u sostenibbli, inklużi l-prodotti organiċi, fl-iskejjel u fl-istituzzjonijiet pubbliċi

Q3

2021

22.

-Proposta għal qafas ta’ tikkettar tal-ikel sostenibbli sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet sostenibbli dwar l-ikel

2024

23.

-Rieżami tal-programm ta’ promozzjoni tal-UE għall-prodotti agrikoli u tal-ikel bil-ħsieb li jissaħħaħ il-kontribut tiegħu għall-produzzjoni u għall-konsum sostenibbli

Q4

2020

24.

-Rieżami tal-qafas legali tal-iskema tal-iskejjel tal-UE bil-ħsieb li l-iskema tiffoka fuq l-ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli

2023

25.

Jitnaqqsu t-telf u l-ħela tal-ikel

-Proposta għal miri fil-livell tal-UE biex titnaqqas il-ħela tal-ikel  

2023

26.

-Proposta għal reviżjoni tar-regoli tal-UE dwar l-immarkar tad-data (id-dati “use by” (uża sa) u “best before” (l-aħjar jintuża qabel))

Q4

2022

27.

Top