EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52018AE0170

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali” (COM(2017) 660 final — 2017/0294 (COD))

EESC 2018/00170

ĠU C 262, 25.7.2018, p. 64–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

25.7.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 262/64


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-“Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2009/73/KE dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-gass naturali”

(COM(2017) 660 final — 2017/0294 (COD))

(2018/C 262/11)

Relatur:

Baiba MILTOVIČA

Konsultazzjonijiet

Parlament Ewropew, 29.11.2017

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 22.11.2017

Bażi legali

Artikolu 194 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

 

 

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għat-Trasport, l-Enerġija, l-Infrastruttura u s-Soċjetà tal-Informazzjoni

Adottata fis-sezzjoni

5.4.2018

Adottata fil-plenarja

19.4.2018

Sessjoni Plenarja Nru

534

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

149/1/3

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Is-soċjetà ċivili kollha kemm hi tiffjorixxi biss taħt l-istat tad-dritt konsistenti. Għalhekk, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, għalkemm jinnota xi punti ta’ differenza mal-Kummissjoni u jiddispjaċih dwar l-iżvista oriġinali li ħolqot il-lakuna legali, li din id-Direttiva għandha l-għan li timla, jappoġġja l-intenzjoni tal-emendi proposti għad-Direttiva dwar il-Gass 2009, li hija antiċipata li ser twassal għal titjib fl-integrazzjoni tas-suq u fis-sigurtà tal-provvista.

1.2.

Dawn l-emendi proposti għad-Direttiva dwar il-Gass (1) irriżultaw f’dibattitu estensiv u f’nuqqas ta’ qbil fil-livell tal-Istati Membri. Il-Kumitat jemmen li huma involuti kwistjonijiet importanti ta’ prinċipju u solidarjetà li jridu jiġu indirizzati mingħajr ambigwità.

1.3.

Is-sensittivitajiet politiċi u ekonomiċi jridu jiġu rikonoxxuti b’mod sħiħ – li bħalissa mhuwiex il-każ – iżda bl-istess mod l-UE se jkollha tiddeċiedi jekk il-mira ta’ suq tal-enerġija koerenti, sostenibbli u ekwu għall-Istati Membri kollha tistax tintlaħaq fil-klima politika attwali. Il-kwistjoni fuq terminu qasir hija sfida għal xi Stati Membri biex iwarrbu dak li jqisu fl-interess nazzjonali tagħhom stess favur l-appoġġ għal prinċipji regolatorji ċari u konsistenti applikati, fil-kuntest tal-provvista tal-enerġija u tas-sigurtà, għas-suq uniku. Fuq terminu twil, l-isfida hija differenti u hemm riskju ta’ llokkjar f’infrastruttura għalja ta’ fjuwils fossili, li tista’ tnaqqas il-kapaċità tal-UE biex tissodisfa l-obbligi tagħha stess fil-qasam tal-klima, billi tiffaċilita d-dipendenza li dejjem qed tiżdied.

1.4.

Il-Kumitat jinnota li l-eliminazzjoni tad-dipendenza esterna hija programm fit-tul li jirrikjedi żvilupp ulterjuri tal-interkonnettività tal-provvista tal-gass bejn l-Istati Membri, it-titjib tal-kapaċità tal-ħżin u ż-żieda fil-kapaċità għal għażliet ta’ provvista alternattivi għall-gass naturali likwifikat (LNG), u r-rikonoxximent tar-rwol akbar għall-enerġija rinnovabbli.

1.5.

Il-Kumitat jikkunsidra li qasam wieħed ta’ inċertezza regolatorja (fir-rigward ta’ programmi ta’ kostruzzjoni futuri minħabba nuqqas ta’ ċarezza dwar il-proċess ta’ deroga propost) jista’ jkun ta’ riskju għas-sigurtà tal-investiment u jimblokka l-kompetizzjoni tas-suq ħieles fost l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex jattiraw l-investiment. Dan jeħtieġ li jiġi evalwat flimkien ma’ titjib sinifikanti fis-suq tal-gass permezz ta’ proċessi regolatorji li ġew stabbiliti f’dawn l-aħħar għoxrin sena.

1.6.

Fehmiet preċedenti espressi mill-Kumitat f’diversi opinjonijiet dwar il-politika tal-enerġija u l-klima fis-snin reċenti (2), enfasizzaw li dawn il-kwistjonijiet sensittivi relatati mal-provvista tal-enerġija jistgħu jiġu solvuti biss permezz ta’ governanza ċara u effettiva kif ukoll grad sinifikanti ta’ pragmatiżmu u rieda tajba politika. Din il-proposta tal-Kummissjoni hija konformi ma’ dawk l-opinjonijiet u għandha titmexxa ’l quddiem malajr.

1.7.

Il-Kumitat jinnota, madankollu, li jista’ jkun hemm għadd ta’ sfidi legali għall-emendi u li żgur se jkun hemm nuqqas ta’ qbil politiku sinifikanti kif ukoll tħassib kummerċjali minn xi partijiet interessati tal-industrija. Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ valutazzjoni tal-impatt f’dawn iċ-ċirkustanzi huwa ta’ dispjaċir.

1.8.

Il-Kumitat jappoġġja l-emendi proposti għad-Direttiva dwar il-Gass li għandhom l-għan li jiżguraw li, fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-UE, il-prinċipji fundamentali tal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-enerġija, bħall-aċċess għall-partijiet terzi, ir-regolazzjoni tat-tariffi, is-separazzjoni tas-sjieda u t-trasparenza jiġu applikati għall-interkonnetturi tal-gass tal-UE ma’ pajjiżi terzi. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jemmen li l-emendi meħtieġa għad-Direttiva dwar il-Gass għandhom jiġu adottati mingħajr aktar dewmien u ma għandhom iħallu l-ebda inċertezza legali rigward l-applikabbiltà sħiħa tad-dritt tal-Unjoni għall-interkonnetturi eżistenti u ppjanati.

1.9.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li kwalunkwe possibilità ta’ eżenzjoni mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva għandha tkun limitata u ristretta b’mod strett f’perjodu ta’ żmien (pereżempju massimu ta’ għaxar snin), mogħtija biss f’każijiet eċċezzjonali wara valutazzjoni komprensiva mill-Kummissjoni biex tiżgura li kwalunkwe eżenzjoni ma tikkontradixxix l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija u tolqot b’mod negattiv il-kompetizzjoni u l-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass jew is-sikurezza tal-provvista tal-gass fl-Unjoni.

2.   Introduzzjoni

2.1.

Għall-UE, il-gass jibqa’ wieħed mis-sorsi ewlenin tal-enerġija primarja u l-funzjonament effiċjenti tas-suq intern għall-gass għandu rwol importanti kemm fl-ekonomija kif ukoll fis-sigurtà tal-enerġija ta’ ħafna Stati Membri tal-UE. Huwa minnu wkoll li d-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija ta’ kull tip kienet qiegħda tiżdied b’mod kostanti matul dawn l-aħħar 25 sena, minn 44 % fl-1990 għal 53 % fl-2015. Hemm il-ħtieġa għall-importazzjoni ta’ kważi 70 % tal-gass naturali li jintuża fl-UE, li 90 % minnu jasal permezz ta’ pipeline minn pajjiżi terzi. L-akbar fornitur huwa r-Russja, li b’kollox jirrappreżenta madwar 40 %, għalkemm f’xi pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant, dan il-proporzjon huwa konsiderevolment ogħla.

2.2.

Ladarba huwa rikonoxxut li din id-dipendenza tista’ wkoll toħloq vulnerabilità, wieħed mill-aspetti ewlenin tad-Direttiva dwar il-Gass kien li tittejjeb l-interkonnettività tal-provvista tal-gass bejn l-Istati Membri, sabiex tittejjeb il-kapaċità ta’ ħżin u sabiex tiżdied il-kapaċità għal għażliet ta’ provvista alternattiva bħal-LNG. L-objettiv kontinwu għall-Unjoni tal-Enerġija huwa li tiżdied ir-reżiljenza interna filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-eliminazzjoni tad-dipendenza esterna hija programm fit-tul.

2.3.

Id-Direttiva dwar il-Gass stabbiliet regoli komuni għat-trażmissjoni, id-distribuzzjoni, il-provvista u l-ħżin tal-gass naturali bejn l-Istati Membri tal-UE, iżda ma tapplikax għall-pipelines li jgħaqqdu lill-Istati Membri ma’ pajjiżi terzi. Billi tipproponi għadd ta’ emendi, din id-Direttiva tfittex li testendi l-prinċipji tad-Direttiva dwar il-Gass għall-pipelines eżistenti u dawk futuri, sal-fruntieri tal-UE. Uħud minn dawk il-pipelines, pereżempju dawk li deħlin mit-territorju tal-Komunità tal-Enerġija, diġà huma soġġetti għad-Direttiva dwar il-Gass, iżda hemm pipelines tal-gass eżistenti li se jintlaqtu minn din il-proposta li jidħlu fl-UE min-Norveġja, mill-Alġerija, mil-Libja, mit-Tuneżija, mill-Marokk u mir-Russja, u l-proposta jista’ jkollha impatt ukoll fuq il-pipelines li jgħaqqdu lir-Renju Unit mal-Istati Membri tal-UE – wara l-Brexit.

2.4.

Huwa ċar li l-liġi tal-UE tapplika biss f’ġurisdizzjonijiet tal-UE u mhux f’pajjiżi terzi iżda dawn l-emendi ser jiżguraw li tapplika għal kwalunkwe arranġamenti kuntrattwali u legali bejn Stat Membru u pajjiż terz fil-punt ta’ dħul ta’ pipeline fil-ġurisdizzjoni tal-UE. Madankollu, l-Istati Membri individwali li jidħlu għal ftehimiet bħal dawn mal-fornituri minn pajjiżi terzi jkunu jistgħu jagħtu derogi minn ħafna mill-prinċipji ewlenin tad-Direttiva dwar il-Gass għall-pipelines eżistenti. Il-pipelines il-ġodda, ippjanati jew li jkunu qed jinbnew fil-punt li din id-Direttiva tidħol fis-seħħ, se jkunu soġġetti għal għar-rekwiżiti kollha tas-suq intern tal-gass naturali. Jekk l-awtoritajiet nazzjonali u l-Kummissjoni jsibu li talba għal eżenzjoni tkun ġustifikata, jista’ mandankollu jingħata qafas regolatorju speċifiku għall-proġett. Fil-fatt, dan jagħti lill-Kummissjoni Ewropea rwol sinifikanti jekk mhux determinanti rigward it-termini regolatorji u ta’ aċċess għas-suq ta’ kwalunkwe ftehim dwar pipeline ġdid. Dawn is-setgħat jistgħu jitqiesu bħala mekkaniżmu ta’ konformità essenzjali fit-tiswir tas-suq tal-provvista tal-enerġija inġenerali u fiż-żamma tal-bilanċ bejn l-affordabilità, is-sigurtà u s-sostenibilità. Il-Kumitat jirrikonoxxi li dan l-approċċ huwa konsistenti mal-qafas ta’ governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-objettivi ġenerali tiegħu.

3.   Il-kontenut essenzjali tal-proposta tal-Kummissjoni

3.1.

L-estensjoni tal-prinċipji tad-Direttiva dwar il-Gass hija meqjusa importanti minħabba li l-proċess tal-ħolqien ta’ suq intern tal-gass naturali għall-ħtiġijiet tal-UE jeħtieġ li jiffaċċja r-realtà li s-sistemi ta’ trażmissjoni tal-gass huma simili għal monopolju naturali. L-investiment enormi meħtieġ biex jiġu stabbiliti dawn l-impriżi ta’ infrastruttura massiva joħloq ostaklu eċċezzjonalment għoli għad-dħul ta’ operaturi oħrajn fis-suq. Għaldaqstant hemm ħtieġa għal miżuri li jiżguraw l-obbligu tal-aċċess ta’ partijiet terzi, is-separazzjoni tal-attivitajiet ta’ produzzjoni u ta’ provvista tal-gass mill-attivitajiet ta’ trażmissjoni tal-gass permezz tas-separazzjoni tal-operaturi tas-sistema ta’ trażmissjoni, u l-obbligu fuq l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali biex jistabbilixxu jew japprovaw tariffi nondiskriminatorji u li jirriflettu l-ispejjeż għall-użu tas-sistemi ta’ trażmissjoni.

3.2.

Il-proposta tistabbilixxi għadd ta’ emendi għad-Direttiva dwar il-Gass li jaqgħu taħt erba’ intestaturi wesgħin:

speċifikazzjoni ta’ kamp ta’ applikazzjoni usa’: id-definizzjoni ta’ “interkonnettur” hija estiża għall-pipelines minn/lejn pajjiżi terzi;

regoli tas-separazzjoni: jiġu ffaċilitati mudelli ta’ separazzjoni alternattivi;

rekwiżiti ta’ konsultazzjoni: l-awtoritajiet regolatorji tal-UE jridu jikkonsultaw mal-awtoritajiet rilevanti tal-pajjiżi terzi dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Gass sal-fruntieri tal-UE;

deroga: Stat Membru jista’ jagħti deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ xi wħud mill-Artikoli tad-Direttiva dwar il-Gass għall-pipelines tal-gass eżistenti lejn u minn pajjiżi terzi.

4.   Kummenti ġenerali

4.1.

Huwa importanti li jkun innotat li għalkemm l-objettiv ewlieni tal-proposta huwa li tittejjeb l-effettività fuq żmien medju u fit-tul tas-suq intern tal-enerġija, jista’ jkun argumentat li, fil-prattika, dawn l-emendi jistgħu jintroduċu grad ta’ inċertezza regolatorja fuq żmien qasir. Dan minħabba li l-Istati Membri jistgħu jagħżlu li jfittxu firxa ta’ derogi minn xi rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Gass għall-pipelines eżistenti. Madankollu, għandu jkun innotat li din l-inċertezza eventwalment tissolva bl-applikazzjoni sħiħa u konsistenti tar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar il-Gass, inklużi l-prinċipji fundamentali ta’ din id-direttiva, jiġifieri separazzjoni, aċċess għal partijiet terzi u tariffi bbażati fuq l-ispejjeż kollha tal-kostruzzjoni u tal-operat.

4.2.

Qed jiġu żviluppati wkoll għadd ta’ proġetti ta’ pipelines ġodda – il-proġett ta’ Nord Stream 2, b’mod partikolari, qajjem oppożizzjoni sinifikanti fost xi Stati Membri tal-UE. Dan l-element ġdid ta’ inċertezza regolatorja jista’ jkollu impatt fuq il-programmi ta’ kostruzzjoni u joħloq dewmien. Huwa argumentat ukoll li l-emendi jistgħu jimblukkaw il-kompetizzjoni tas-suq ħieles fost l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali biex jattiraw l-investiment barrani. Madankollu, fl-iżvilupp tas-suq uniku kien hemm ħafna każijiet fejn jiġi rinunzjat il-kontroll nazzjonali fl-interess taċ-ċittadini tal-UE b’mod ġenerali, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-benefiċċji estensivi jirriżultaw mis-solidarjetà tal-azzjoni.

4.3.

Pipelines ta’ pressjoni għolja u li jkopru distanzi twal huma kumplessi u elementi għaljin ta’ infrastruttura fejn l-ispejjeż iridu jiġu rkuprati fuq bosta snin. Għalkemm jista’ jkun hemm xi potenzjal għall-użu ta’ dawn l-assi għat-twassil innovattiv ta’ gass b’livell baxx ta’ karbonju (bijo/idroġenu) hemm riskju sostanzjali ta’ llokkjar f’infrastruttura ta’ fjuwils fossili għalja, li tista’ tnaqqas il-kapaċità tal-UE biex tissodisfa l-obbligi tagħha stess fil-qasam tal-klima, billi tiffaċilita d-dipendenza li dejjem qed tiżdied.

4.4.

Huwa possibbli li ċerti Stati Membri jistgħu jqisu li l-emendi qed jillimitaw is-sovranità tagħhom sa ċertu punt. Dan għaliex Stat Membru mhux se jkun jista’ jiddevja mid-dritt tal-Unjoni permezz ta’ ftehim intergovernattiv innegozjat bilateralment fil-qasam kopert mid-Direttiva dwar il-Gass, qasam li qabel ma kienx irregolat mill-UE. Il-Kumitat jaqbel li huwa loġiku u xieraq li timtela din il-lakuna legali.

4.5.

Il-Kumitat huwa mħasseb dwar il-fatt li l-Kummissjoni ħasset li ma kinitx meħtieġa valutazzjoni tal-impatt rigward il-punti stabbiliti hawn fuq. Huwa evidenti li f’dan il-qasam ta’ sensittività politika fejn huma involuti fatturi ekonomiċi, jeħtieġ li jitressqu provi li jsostnu l-argumenti magħmula għall-emendi proposti. Jista’ jiġi osservat li parti minn dawn il-provi tinsab fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal jew analiżi fil-fond imwettqa mill-Kummissjoni bħall-Valutazzjoni tal-Impatt tad-Direttiva dwar il-Gass.

4.6.

Hemm il-ħtieġa wkoll għal iktar ċarezza min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward ta’ kif ser jibbenefika s-suq intern. Għad fadal lakuni fl-implimentazzjoni tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija f’bosta Stati Membri iżda mhuwiex ċar kif dawn l-emendi se jaffettwaw l-implimentazzjoni.

4.7.

Madankollu, huwa ċar ukoll li l-proposta hija intiża biex toħloq il-possibbiltà ta’ intervent sinifikanti, fejn meħtieġ u bi qbil fuq livell ta’ politika tal-UE, li jista’ jillimita l-ħolqien ta’ aktar dipendenza fuq il-gass Russu u b’hekk titħeġġeġ id-diversità tal-provvista. Il-Kumitat jemmen li dan huwa għan li għandu jtejjeb l-aħjar interessi tal-UE.

5.   Kummenti speċifiċi

5.1.

Din il-proposta għandha tinftiehem bħala parti mill-programm biex jittejbu l-koerenza, is-solidarjetà, is-sigurtà, il-kompetittività u r-regolarità tas-suq fil-politika tal-enerġija tal-UE – kif irrappreżentat mill-Unjoni tal-Enerġija. F’dan il-kuntest hemm objettiv ta’ terminu medju ta’ tnaqqis tad-dipendenza fuq fornitur dominanti tal-gass permezz ta’ żieda fl-użu tas-sorsi ta’ gass indiġeni taż-ŻEE u tat-terminali tal-LNG, tat-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija u ta’ rwol ikbar għall-enerġija rinnovabbli. Fuq terminu qasir, hemm kamp ta’ applikazzjoni modest għas-sostituzzjoni tal-gass naturali f’ċerti oqsma ta’ ġenerazzjoni tal-elettriku bħal ċerti impjanti ta’ koġenerazzjoni. Dan huwa sinifikanti l-iktar għall-iskemi ta’ tisħin distrettwali. Impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass u li jiġi kkontrollati malajr u impjanti ta’ koġenerazzjoni huma wżati wkoll biex jipproteġu kontra l-fluttwazzjonijiet naturali fl-enerġija rinnovabbli, u b’hekk jingħata kontribut importanti lis-sigurtà tal-provvista fis-settur tal-elettriku u tiġi żgurata wkoll is-sigurtà tal-provvista fis-settur tat-tisħin. Ftit li xejn hemm kamp ta’ applikazzjoni għas-sostituzzjoni tal-gass naturali fis-settur residenzjali u kummerċjali peress li mhuwiex realistiku għas-settur li jmantni tagħmir/infrastruttura alternattiva.

5.2.

Għandu jkun innotat ukoll li l-gvernijiet tal-Istati Membri ripetutament iħabbru li l-“interkonnettività” (l-integrazzjoni mal-ġirien, l-istabbiliment ta’ suq tal-gass naturali komuni, l-iżvilupp ta’ infrastruttura reġjonali tal-gass naturali bħall-Konnettur Baltiku, eċċ.) se tiżgura prekundizzjonijiet għall-kompetizzjoni ġusta fost il-fornituri tal-gass, kwalità aħjar ta’ servizz u għażla usa’ għall-konsumaturi kollha tal-gass naturali. Fis-swieq fejn il-konsum tal-gass naturali qed jonqos sena wara sena, ftit hemm fornituri interessati jipprovdu servizz lill-konsumaturi domestiċi.

5.3.

Fid-dibattitu li għaddej dwar il-provvisti ta’ gass naturali lejn l-UE, il-frażi “sigurtà tal-enerġija” qed tkun interpretata f’żewġ modi differenti. Minn naħa waħda, qed ikun argumentat li żieda sostanzjali ta’ pipelines li jwasslu l-gass lejn l-Ewropa ser isaħħu r-reżiljenza enerġetika għax ser jippermettu li fornimenti ta’ gass naturali addizzjonali jagħmlu tajjeb għal kwalunkwe qtugħ kawża tat-tnaqqis kontinwu fil-produzzjoni ta’ kull tip ta’ fjuwil fossili fl-Ewropa (faħam, żejt u gass). Din tista’ wkoll taqdi r-rwol li tagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet ikkawżati mill-intermittenza fil-provvista ta’ elettriku rinnovabbli u jista’ jkollha rwol importanti fit-tranżizzjoni tal-enerġija. Peress li l-gass naturali għandu l-iżgħar marka tal-karbonju fost il-fjuwils fossili, evidentement huwa għażla ta’ prijorità fejn l-enerġija rinnovabbli jew l-enerġija nukleari ma jkunux xierqa jew disponibbli.

5.4.

Min-naħa l-oħra, wieħed jista’ jargumenta li l-Ewropa tista’ ssir aktar vulnerabbli jekk it-tkabbir tal-kapaċità fil-gass naturali jħeġġeġ id-dipendenza fuq il-fornituri minn pajjiż (ir-Russja) li l-interessi tiegħu jistgħu jvarjaw b’mod sinifikanti minn dawk tal-UE u li jista’ juża din il-provvista ta’ gass bħala pedina ta’ politika ekonomika u barranija. L-interessi ekonomiċi u politiċi tal-Istati Membri jinsabu f’ċertu grad ta’ kunflitt fuq dan il-punt u huwa diffiċli biex wieħed jara kif dawn iż-żewġ interpretazzjonijiet jistgħu jkunu rikonċiljati fuq terminu qasir sa medju.

5.5.

Meta jitqies kollox, il-fehma tal-Kumitat, espressa f’għadd ta’ opinjonijiet f’dawn l-aħħar snin u b’mod partikolari f’dawk relatati mal-istabbiliment u l-funzjonament tal-Unjoni tal-Enerġija, kienet li l-objettivi miftiehma dwar il-klima u s-sigurtà tal-enerġija tal-UE jistgħu jinkisbu biss permezz ta’ mekkaniżmu ta’ governanza effettiv u miftiehem. Dan jinkludi l-mitigazzjoni tar-riskju ta’ dipendenza żejda fuq fornitur wieħed tal-enerġija.

5.6.

Din id-Direttiva tipprova tittratta qasam leġislattiv inċert u tiżgura li r-regoli u l-prinċipji tas-suq uniku jiġu applikati u li qasam mhux irregolat jidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-UE b’involviment akbar tal-Kummissjoni Ewropea biex jiġu esplorati interessi komuni.

5.7.

L-emendi għad-Direttiva dwar il-Gass għandhom l-għan li jiżguraw li, fi ħdan il-ġurisdizzjoni tal-UE, il-prinċipji fundamentali tal-leġislazzjoni tal-UE dwar l-enerġija, bħall-aċċess għall-partijiet terzi, ir-regolazzjoni tat-tariffi, is-separazzjoni tas-sjieda u t-trasparenza jiġu applikati għall-interkonnetturi tal-gass tal-UE ma’ pajjiżi terzi. F’dan ir-rigward, il-Kumitat jemmen li l-emendi meħtieġa għad-Direttiva dwar il-Gass għandhom jiġu adottati mingħajr aktar dewmien u ma għandhom iħallu l-ebda inċertezza legali rigward l-applikabbiltà sħiħa tad-dritt tal-Unjoni għall-interkonnetturi eżistenti u ppjanati.

5.8.

Il-Kumitat huwa tal-fehma li kwalunkwe possibilità ta’ eżenzjoni mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ewlenin tad-Direttiva għandha tkun limitata u ristretta b’mod strett f’perjodu ta’ żmien (pereżempju massimu ta’ għaxar snin), mogħtija biss f’każijiet eċċezzjonali wara valutazzjoni komprensiva mill-Kummissjoni biex tiżgura li kwalunkwe eżenzjoni ma tikkontradixxix l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija u tolqot b’mod negattiv il-kompetizzjoni u l-funzjonament effettiv tas-suq intern tal-gass jew is-sikurezza tal-provvista tal-gass fl-Unjoni.

Brussell, id-19 ta’ April 2018.

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  ĠU L 211, 14.8.2009, p. 94.

(2)  ĠU C 487, 28.12.2016, p. 70; ĠU C 487, 28.12.2016, p. 81; ĠU C 246, 28.7.2017, p. 34.


Top