EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32018D1993

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1993 tal-11 ta' Diċembru 2018 dwar l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi

ST/13422/2018/INIT

ĠU L 320, 17.12.2018, p. 28–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2018/1993/oj

17.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 320/28


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2018/1993

tal-11 ta' Diċembru 2018

dwar l-Arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE tal-24 ta' Ġunju 2014 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni mill-Unjoni tal-klawżola ta' solidarjetà (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3), tagħha,

Billi:

(1)

Din id-Deċiżjoni tirrigwarda l-adattament tal-arranġamenti integrati tal-UE għal rispons politiku f'sitwazzjonijiet ta' kriżi (“IPCR”), approvat mill-Kunsill fil-25 ta' Ġunju 2013 u msemmija fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2014/415/UE. Jenħtieġ li l-IPCR jippermetti koordinazzjoni u rispons f'waqthom fil-livell politiku tal-Unjoni għal kriżijiet, kemm jekk dawn joriġinaw ġewwa l-Unjoni u kemm jekk le, li għandhom impatt jew sinifikat politiku mifrux.

(2)

L-IPCR jenħtieġ li jappoġġa l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-klawżola ta' solidarjetà. Kif rikonoxxut mid-Deċiżjoni 2014/415/UE, l-IPCR jista' jintuża qabel invokazzjoni tal-klawżola ta' solidarjetà u wara l-eliminazzjoni gradwali tar-rispons. Għaldaqstant, l-IPCR jenħtieġ li jkun mfassal b'tali mod li jkunu rilevanti kemm fil-kuntest tal-invokazzjoni kif ukoll indipendentement mill-invokazzjoni tal-klawżola ta' solidarjetà.

(3)

Arranġamenti ta' rispons fil-livell tal-Unjoni jenħtieġ li jtejbu l-effettività permezz ta' koordinazzjoni msaħħa, filwaqt li jibnu fuq strumenti eżistenti u jirrispettaw is-setgħat tal-istituzzjonijiet kif ukoll il-kompetenzi u r-responsabiltajiet tal-Istati Membri.

(4)

Il-Kunsill, bħala l-istituzzjoni b'funzjonijiet ta' tfassil ta' politika u ta' koordinazzjoni skont l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), jenħtieġ li jkun inkarigat bl-IPCR, peress li dan tal-aħħar jikkonċernail-koordinazzjoni u r-rispons fil-livell politiku tal-Unjoni. Skont l-Artikolu 222(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea(TFUE), il-Kunsill huwa l-istituzzjoni fejn iseħħ il-koordinazzjoni għall-implimentazzjoni tal-klawżola ta' solidarjetà mill-Unjoni u mill-Istati Membri skont l-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni 2014/415/UE.

(5)

Il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri għall-Unjoni Ewropea (Coreper), stabbilit mill-Artikolu 240 TFUE, huwa responsabbli skont it-TUE u t-TFUE, kif ukoll ir-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill, għat-tħejjija tal-ħidma tal-laqgħat kollha tal-Kunsill u għall-iżgurar tal-konsistenza tal-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni.

Ir-responsabbiltà tal-Coreper fl-oqsma tal-politiki tal-Unjoni kollha u l-kombinazzjoni tar-rapidità u l-livell għoli ta' impenn politiku tagħha jpoġġu lill-Coreper fiċ-ċentru tal-attivitajiet tal-IPCR imwettqa fi ħdan il-Kunsill. Fid-dawl tar-responsabbiltà politika ġenerali tal-Presidenza waqt kull mandat, jenħtieġ li l-Presidenza tmexxi l-proċess tal-IPCR fil-livell tal-Coreper.

(6)

Il-Kumitat Permanenti għall-kooperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna, stabbilit bl-Artikolu 71 TFUE, jiżgura li l-kooperazzjoni operattiva dwar is-sigurtà interna tkun promossa u msaħħa fl-Unjoni. Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 240, huwa jiffaċilita l-koordinazzjoni tal-azzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri.

(7)

Il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà (KPS), stabbilit mill-Artikolu 38 TUE, jissorvelja s-sitwazzjoni internazzjonali fl-oqsma koperti mill-politika estera u ta' sigurtà komuni (PESK) u jikkontribwixxi għad-definizzjoni ta' politiki billi jagħti opinjonijiet lill-Kunsill, mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Coreper. F'każ ta' kriżi bi żviluppi fl-oqsma koperti mill-PESK, tkun meħtieġa koordinazzjoni mill-qrib bejn il-Presidenti tal-Coreper u l-KPS.

(8)

Il-Kummissjoni bħala l-istituzzjoni li tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u li tieħu inizjattivi xierqa għal dak il-għan kif ukoll li tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati u tal-miżuri adottati mill-istituzzjonijiet skont l-Artikolu 17 TUE, għandha rwol ewlieni meta tipparteċipa fl-IPCR.

(9)

Ir-Rappreżentat Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (RGħ) u s-Servizz Ewropew ta' Azzjoni Esterna (SEAE) għandhom strutturi b'intelligence jew b'kompetenza esperta militari għad-dispożizzjoni tagħhom, kif ukoll in-netwerk tad-Delegazzjonijiet li jistgħu jikkontribwixxu fir-rispons għall-kriżijiet b'dimensjoni esterna. Skont il-kriżi, strutturi oħra u Aġenziji tal-Unjoni fil-qasam tal-PESK jew tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni jenħtieġ li jipprovdu, kif xieraq, kontributi f'konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-liġi tal-Unjoni.

(10)

Kull kriżi jista' jkollha karatteristiċi differenti li jirrikjedu trattament xieraq fi ħdan il-Kunsill. L-IPCR huwa mfassal biex ikun flessibbli u skalabbli, filwaqt li jippermetti li l-involviment tal-livell politiku u l-appoġġ meħtieġ jiġi adattat għall-ħtiġijiet tal-kriżi. Il-flessibilità tinkiseb permezz taż-żewġ modalitajiet ta' attivazzjoni, jiġifieri l-kondiviżjoni ta' informazzjoni jew attivazzjoni sħiħa, u l-possibiltajiet li jkunu involuti l-atturi rilevanti. L-iskalabilità tirreferi għal-livell tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi.

(11)

Il-Kummissjoni u r-RGħ kkontribwixxew b'mod attiv għat-tfassil u l-ħolqien tal-IPCR fl-2013. Mindu ġie stabbilit l-IPCR, il-Kummissjoni u r-RGħ iddeċidew b'mod konsistenti li jappoġġaw l-IPCR u baqgħu impenjati li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tagħhom. Il-kontribut tal-Kummissjoni u r-RGħ għall-IPCR jenħtieġ li jkun inkorporat ukoll f'din id-Deċiżjoni, b'kont sħiħ meħud tal-kompetenzi tal-Kummissjoni u r-RGħ.

(12)

L-IPCR intuża b'mod estensiv biex jiġi appoġġat l-iskambju ta' informazzjoni dwar kriżijiet kumplessi (paġni ta' monitoraġġ dwar is-Sirja/l-Iraq, il-Jemen, l-Ebola, l-Ukrajna, in-Nepal, eċċ.), dwar komunikazzjoni fi żmien ta' kriżi (l-aħjar prattiki u strateġiji ta' komunikazzjoni), dwar l-għajnuna umanitarja, u dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu. Huma ġew attivati għall-ewwel darba f'Ottubru 2015 għall-kriżi tar-refuġjati u l-migrazzjoni. Mindu ġew attivati, huma kienu strumentali fil-monitoraġġ u l-appoġġ tar-rispons għall-kriżi, filwaqt li rrapportaw lill- Coreper, il-Kunsill u l-Kunsill Ewropew. L-IPCR intużaw ukoll biex jiġi eżerċitat ir-rispons tal-Unjoni għal kriżijiet kbar ikkawżati minn attakki ċibernetiċi, diżastri naturali, jew theddid ibridu.

(13)

Il-Proċeduri Operattivi Standard tal-IPCR (IPCR SOPs) li diġà jeżistu skont arranġamenti attwali tal-IPCR u li huma dettaljati f'dokument separat, jenħtieġ li jkunu żviluppati u aġġornati ulterjorment kif meħtieġ sabiex ikunu identifikati b'mod ċar il-proċeduri, kif ukoll l-azzjonijiet mistennija minn kull attur fil-proċess tal-IPCR.

(14)

Jenħtieġ li l-Proċeduri Operattivi Standard ta' għarfien u analiżi integrati tas-sitwazzjoni (“ISAA”)żviluppati, f'konformità mal-IPCR SOPs, mill-Kummissjoni u s-SEAE fi ħdan ir-rwoli u r-responsabiltajiet rispettivi tagħhom jiddettaljaw b'mod partikolari l-funzjonament tal-produzzjoni tal-ISAA u l-modalitajiet għall-integrazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. Fil-produzzjoni ta' ISAA, ser ikun kruċjali li jiġu sfruttati b'mod sħiħ is-sinerġiji potenzjali bejn partijiet interessati u l-mezzi, l-istrutturi u l-kapaċitajiet eżistenti fil-livell tal-Unjoni, filwaqt li jkunu evitati d-duplikazzjoni ta' strutturi eżistenti u l-ħolqien ta' strutturi permanenti ġodda.

(15)

Ġie stabbilit netwerk informali tal-IPCR ta' komunikaturi f'każ ta' kriżi (“CCN”) magħmul minn esperti tal-komunikazzjoni mill-Istati Membri u l-korpi rilevanti tal-Unjoni biex jikkontribwixxi għall-istat tat-tħejjija b'mod partikolari permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki u l-lezzjonijiet identifikati.

(16)

Skont il-punt (a) tal-Artikolu 346(1) TFUE, l-ebda Stat Membru ma għandu jkun obbligat li jagħti informazzjoni li jikkunsidra li l-kxif tagħha jmur kontra l-interessi essenzjali tas-sigurtà tiegħu. Kwalunkwe informazzjoni klassifikata jenħtieġ li tkun trattata f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (2),

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u Kamp ta' Applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi l-arranġamenti Integrati tal-UE għal Rispons Politiku f'Sitwazzjonijiet ta' Kriżi (“IPCR”). L-IPCR jippermetti koordinazzjoni u rispons f'waqthom fil-livell politiku tal-Unjoni għal kriżijiet, irrispettivament minn jekk dawn joriġinawx ġewwa jew barra l-Unjoni, li għandhom impatt jew sinifikat politiku mifrux.

2.   L-IPCR għandu jipprovdi lill-Kunsill bl-għodod u l-flessibbiltà neċessarji biex jiddeċiedi dwar it-trattament tar-rispons tal-Unjoni, inkluż permezz ta' konsultazzjonijiet rapidi u proposti possibbli għal azzjoni. Il-kontroll politiku u d-direzzjoni strateġika għall-istadji kollha tal-proċess tal-IPCR għandhom ikunu taħt it-tmexxija tal-Presidenza tal-Kunsill, b'kont sħiħ meħud tal-kompetenzi tal-Kummissjoni u tar-RGħ.

3.   L-IPCR għandu jkun sett uniku ta' arranġamenti għal rispons għall-kriżijiet fil-livell politiku tal-Unjoni b'mod koerenti, effiċjenti u f'waqtu. L-IPCR għandu jintuża mill-Kunsill biex iwettaq koordinazzjoni fil-livell politiku għall-invokazzjoni tal-klawżola ta' solidarjetà kif stabbilita fl-Artikolu 1(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/415/UE skont l-Artikolu 222(3) TFUE.

4.   Dawn l-arranġamenti ma għandhomx jissostitwixxu jew jiddupplikaw mekkaniżmi jew arranġamenti eżistenti tal-Unjoni.

Artikolu 2

Arkitettura tal-IPCR

1.   L-IPCR għandu jkollu żewġ modalitajiet ta' attivazzjoni, li għandhom ikunu deċiżi mill-Presidenza skont is-serjetà tal-kriżi u l-ħtiġijiet tar-rispons:

(a)

modalità ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni, li għandha sservi biex tkun stabbilita stampa ċara tas-sitwazzjoni u biex titwitta t-triq għal attivazzjoni sħiħa possibbli;

(b)

modalità ta' attivazzjoni sħiħa, li timplika t-tħejjija ta' miżuri ta' rispons.

2.   L-IPCR għandu jikkonsisti f'numru ta' elementi ta' appoġġ li huma essenzjali sabiex jiġi żgurat teħid ta' deċiżjonijiet infurmat fil-Kunsill u koordinazzjoni politika effettiva fil-livell tal-Unjoni. Dawn l-elementi ta' appoġġ għandhom ikunu dawn li ġejjin:

(a)

diskussjonijiet madwar mejda informali msejjħa mill-Presidenza bl-appoġġ u l-parir tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (“SĠK”), kif imsemmi fl-Artikolu 7;

(b)

kapaċità ta' għarfien u ta' analiżi integrati tas-sitwazzjoni (“ISAA”) żviluppati mis-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE fir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, kif imsemmi fl-Artikolu 8;

(c)

pjattaforma web tal-Kunsill, apposta u protetta li tiffaċilita skambju f'waqtu ta' informazzjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 9; u

(d)

punt ta' kuntatt ċentrali 24/7 fil-livell tal-Unjoni bl-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u partijiet interessati oħra, li għandu jkun previst miċ-Ċentru ta' Koordinazzjoni għal Rispons ta' Emerġenza tal-Kummissjoni Ewropea, kif imsemmi fl-Artikolu 10;

3.   Sabiex jissaħħaħ it-teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell politiku tal-Unjoni, l-elementi ta' appoġġ imsemmija fil-punti (a), (b) u (c) tal-paragrafu 2 għandu jkollhom il-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

ikunu mfassla għall-ħtiġijiet tal-livell politiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet, skont il-gwida tal-Presidenza b'segwitu għall-attivazzjoni tal-IPCR u f'konsultazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE;

(b)

ikopru s-setturi ewlenin kollha affettwati mill-kriżi;

(c)

ikunu integrati, waqt li jiġbru flimkien id-dimensjonijiet differenti ta' kriżi b'mod koerenti;

(d)

ikollhom il-livell xieraq ta' dettall meħtieġ; u

(e)

isiru f'ħin debitu, filwaqt li jkun hemm ħin biżżejjed qabel id-diskussjonijiet formali.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“kriżi” tfisser sitwazzjoni b'impatt jew sinifikat politiku tant mifrux, li tirrikjedi koordinazzjoni ta' politika u rispons fil-livell politiku tal-Unjoni f'waqthom;

(b)

“rispons” tfisser kwalunkwe azzjoni meħuda fil-każ ta' kriżi li tindirizza l-konsegwenzi ħżiena tagħha.

Artikolu 4

Attivazzjoni

1.   F'każ ta' kriżi, id-deċiżjoni li jkun attivat l-IPCR għandha tittieħed mill-Presidenza. Kwalunkwe Stat Membru jista' jistieden lill-Presidenza li tagħmel dan.

2.   Fejn tiġi invokata l-klawżola ta' solidarjetà, il-Presidenza għandha tattiva minnufih l-IPCR fil-modalità sħiħa, f'konformità mal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2014/415/UE, sakemm ma tkunx qed tintuża diġà.

3.   Fejn il-klawżola ta' solidarjetà ma tiġix invokata, qabel ma tiddeċiedi li tattiva l-IPCR, il-Presidenza għandha tikkonsulta lill-Istati Membri kif xieraq, kif ukoll lill-Kummissjoni u lir-RGħ.

4.   Il-Presidenza għandha tingħata pariri u tkun appoġġata mis-SĠK. Il-Presidenza tista' tfittex ukoll għarfien espert mis-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE, fi ħdan ir-rwoli u r-responsabiltajiet rispettivi tagħhom, kif ukoll l-Aġenziji rilevanti tal-Unjoni, l-Istati Membri u partijiet interessati jew organizzazzjonijiet rilevanti.

5.   Id-deċiżjoni li l-IPCR jiġi attivat fil-modalità ta' kondiviżjoni tal-informazzjoni tista' tittieħed ukoll bil-qbil tas-SĠK, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE, f'konsultazzjoni mal-Presidenza.

6.   Skont l-evoluzzjoni tal-kriżi u l-ħtiġijiet politiċi, il-Presidenza tista' tiddeċiedi fi kwalunkwe punt li żżid jew tnaqqas l-intensità tal-operazzjoni billi tgħaddi minn modalità ta' attivazzjoni għall-oħra. Sakemm l-invokazzjoni tal-klawżola ta' solidarjetà tibqa' attiva, l-IPCR għandu jinżamm fil-modalità sħiħa.

7.   Il-Presidenza għandha tinnotifika lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill bid-deċiżjoni li jiġi attivat l-IPCR. Is-SĠK għandu jinforma lill-Kummissjoni u lir-RGħ kif ukoll lill-Kabinett tal-President tal-Kunsill Ewropew mingħajr dewmien.

Artikolu 5

Diżattivazzjoni

Id-deċiżjoni li l-IPCR jiġi diżattivat ser tittieħed mill-Presidenza, wara li tkun ikkonsultat lill-Istati Membri affettwati, kif xieraq, kif ukoll wara li tkun ikkonsultat lill-Kummissjoni u r-RGħ. L-IPCR ma għandhomx jiġu diżattivati sakemm l-invokazzjoni tal-klawżola ta' solidarjetà tibqa' attiva.

Artikolu 6

Livell Coreper

1.   Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tal-politiki u l-azzjonijiet tal-Unjoni, il-Coreper għandu jkun il-livell predefinit li fih titwettaq is-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-arranġamenti tal-IPCR. Il-Presidenza għandha tinforma lill-Coreper dwar l-aspetti prinċipali tal-kriżi u dwar il-proċedura maħsuba mingħajr dewmien.

2.   Il-Presidenza għandha tiddeċiedi, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-kriżi u l-ħtiġijiet politiċi relatati tar-rispons, li tieħu l-kwistjonijiet li għandhom jiġu diskussi fil-korpi preparatorji adattati tal-Kunsill, f'konformità mar-Regoli ta' Proċedura tal-Kunsill. Skont il-każ, il-Presidenza semestrali għandha tikkoordina mar-rappreżentanti tar-RGħ li jippresjedu l-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill, kif ukoll mal-President tal-Kumitat Militari fejn adatt, li għandhom ir-responsabbiltà li jsejħu l-laqgħat ta' dawk il-korpi.

Artikolu 7

Diskussjonijiet madwar mejda

1.   Id-diskussjonijiet madwar mejda għandhom l-għan li jidentifikaw u jesploraw is-sitwazzjoni ta' kriżi sabiex it-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi ikun infurmat kif xieraq.

2.   Id-diskussjonijiet madwar mejda għandhom jiġu msejjħa fuq l-inizjattiva tal-Presidenza, bl-appoġġ u l-parir tas-SĠK.

3.   Il-Presidenza għandha tiddeċiedi dwar il-kompożizzjoni tad-diskussjonijiet madwar mejda. Is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jiġu mistiedna jattendu u jagħtu input dwar l-oqsma ta' kompetenza rispettivi tagħhom. Il-Kabinett tal-President tal-Kunsill Ewropew għandu wkoll ikun mistieden biex jattendi. L-Istati Membri affettwati u partijiet interessati rilevanti oħra u esperti dwar ċerti suġġetti, inkluż rappreżentanti minn pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, u l-Koordinatur tal-Unjoni għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, għandhom ikunu mistiedna kif xieraq.

4.   Fil-modalità ta' kondiviżjoni ta' informazzjoni, fejn il-Presidenza ssejjaħ diskussjoni madwar mejda, id-diskussjoni madwar mejda għandha sservi prinċipalment biex tissorvelja s-sitwazzjoni, tevalwa l-ħtiġijiet ta' informazzjoni u tivvaluta jekk tkunx meħtieġa attivazzjoni sħiħa. F'każ ta' attivazzjoni sħiħa, il-parteċipanti għad-diskussjoni madwar mejda għandhom, taħt it-tmexxija tal-Presidenza, iħejju, jiżviluppaw u jaġġornaw l-abbozz ta' proposti għal azzjoni, fejn meħtieġ, li jridu jiġu ppreżentati lill-Kunsill għal diskussjoni u deċiżjoni kif neċessarju.

Artikolu 8

Għarfien u Analiżi integrati tas-Sitwazzjoni

1.   Il-kapaċità ta' appoġġ tal-ISAA għandha tiġġenera rapporti li jikkontribwixxu għall-informazzjoni tad-diskussjoni madwar medja, f'laqgħat tal-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu, u tal-Kunsill Ewropew.

2.   Ir-rapporti ta-ISAA għandhom ikunu mfassla għall-ħtiġijiet tal-livell politiku tal-Unjoni kif definit mill-Presidenza tal-Kunsill. Għal dak il-għan, il-Presidenza għandha toħroġ gwida politika u strateġika wara konsultazzjoni mas-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE, u taġġornaha kif meħtieġ.

3.   Il-kapaċità ta' appoġġ tal-ISAA għandha tippermetti:

(a)

il-ġbir u l-kondiviżjoni ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni kurrenti, l-analiżi mwettqa mill-Unjoni u l-Istati Membri, id-deċiżjonijiet u l-miżuri meħuda jew li jridu jittieħdu mill-partijiet interessati, il-ħtieġa għal koordinazzjoni politika fil-livell tal-Unjoni espressa mill-partijiet interessati;

(b)

l-ipproċessar tal-informazzjoni msemmija fil-punt (a) u l-produzzjoni ta' sintesi integrata tas-sitwazzjoni; u

(c)

il-produzzjoni ta' analiżi integrata, inkluż dwar l-evoluzzjoni possibbli u l-konsegwenzi tas-sitwazzjoni.

Għal dak il-għan, l-Istati Membri u l-aġenziji u l-korpi rilevanti tal-Unjoni għandhom jirsistu biex jappoġġaw din il-ħidma u jikkontribwixxu informazzjoni rilevanti f'waqtu.

4.   L-ISAA għandha tikkostitwixxi strument għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni li jipprovdi input għall-Istati Membri, u jappoġġa lill-Kummissjoni u lir-RGħ fl-attivitajiet tagħhom.

5.   L-ISAA għandha tkun żviluppata mis-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE fi ħdan ir-rwoli u r-responsabiltajiet rispettivi tagħhom u fil-mezzi u l-kapaċitajiet eżistenti tagħhom. L-ISAA għandha tkun ukoll ibbażata fuq informazzjoni rilevanti u analiżi pprovduti mill-Istati Membri (eż. minn ċentri nazzjonali għall-kriżijiet rilevanti), b'mod partikolari permezz tal-pjattaforma web tal-IPCR, u mill-Aġenziji tal-Unjoni.

6.   Hekk kif jiġi attivat l-IPCR u sad-diżattivazzjoni tiegħu, dan l-appoġġ għandu jkun disponibbli fuq bażi permanenti. Huwa għandu jkun ipprovdut f'waqtu lill-Presidenza u l-Kunsill matul is-sitwazzjoni tal-kriżi kollha, filwaqt li jippermetti ġestjoni proattiva tal-kriżi. Skont l-evoluzzjoni tal-kriżi, il-Presidenza tista' tiddeċiedi li titlob li jiżdied jew jitnaqqas l-appoġġ tal-ISAA. Għandu jibqa' jkun hemm monitoraġġ regolari mis-sorsi settorjali tal-Unjoni.

7.   Skont in-natura tal-kriżi, pajjiżi terzi u sħab internazzjonali bħal pajjiżi assoċjati ma' Schengen, jistgħu jkunu awtorizzati mill-Coreper li jkollhom aċċess għal rapporti tal-ISAA għal kriżi speċifika.

Artikolu 9

Pjattaforma Web

1.   Pjattaforma web apposta żviluppata u ġestita mis-SĠK għandha sservi bħala għodda ewlenija għall-IPCR bħala hub elettroniku bejn il-partijiet interessati rilevanti.

2.   L-aċċess għal din il-pjattaforma għandu jkun ristrett għal persuni maħtura mill-partijiet interessati rilevanti, jiġifieri s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (għall-Kunsill u l-Kunsill Ewropew), l-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE (għar-RGħ) u l-aġenziji rilevanti tal-Unjoni.

3.   Sabiex ikunu mħeġġa skambji dwar il-pjattaforma web, b'mod partikolari dawk ta' natura sensittiva, l-informazzjoni ma għandhiex tiġi żvelata lil partijiet li mhumiex partijiet interessati rilevanti stipulati fil-paragrafu 2, sakemm dan ma jiġix awtorizzat espliċitament mill-Coreper. Is-SĠK, flimkien mal-Presidenza, għandu jkun involut fir-rispons ta' talbiet għal informazzjoni miksuba minn tali partijiet.

4.   Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, il-pjattaforma web ma għandha tissostitwixxi jew tkun sostitwita minn l-ebda għodod tal-web settorjali tal-Unjoni. L-informazzjoni klassifikata 'l fuq minn RESTREINT UE/EU RESTRICTED għandha tkun skambjata permezz tal-mezzi akkreditati rilevanti.

5.   Il-pjattaforma web għandha tkun disponibbli anke mingħajr attivazzjoni tal-IPCR, notevolment għal informazzjoni ta' sfond, eżerċizzji, tagħlimiet meħuda u taħriġ rilevanti kif ukoll punti ta' kuntatt tal-IPCR. Paġna ta' kriżi għandha tkun ġenerata għal kull attivazzjoni tal-IPCR.

6.   F'każ ta' kriżi mingħajr attivazzjoni tal-IPCR, is-SĠK – bi qbil mal-Presidenza – jista' joħloq “paġna ta' monitoraġġ” possibbilment fuq it-talba ta' Stat Membru kkonċernat, is-servizzi tal-Kummissjoni, jew is-SEAE. Din il-paġna għandha tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni u taġixxi ta' repożitorju għal rapporti u informazzjoni tas-sitwazzjoni disponibbli minnufih. Il-ħolqien ta' paġna ta' monitoraġġ ma għandhiex twassal għall-produzzjoni ta' rapporti tal-ISAA.

7.   Il-pjattaforma web tal-IPCR għandu jkollha wkoll fora jew “hubs” speċifiċi b'orjentazzjoni tematika li jridu jintużaw b'mod partikolari fi żminijiet mhux ta' kriżi għal finijiet ta' netwerking, skambju ta' informazzjoni, u kollaborazzjoni biex jikkontribwixxu għall-istat tat-tħejjija tal-ġestjoni tal-kriżijiet.

8.   Is-SĠK għandu jikkonsulta l-Presidenza u d-delegazzjonijiet tal-Kunsill meta jippjana bidliet strutturali għall-Pjattaforma.

Artikolu 10

Punt ta' Kuntatt Ċentrali 24/7

Hekk kif jiġi attivat l-IPCR, il-punti ta' kuntatt ċentrali 24/7 għandu, mingħajr preġudizzju għad-distribuzzjoni tar-responsabbiltajiet fi ħdan is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE u għan-netwerks eżistenti ta' informazzjoni.

Artikolu 11

Proċeduri Operattivi Standard

1.   Il-Presidenza, bl-appoġġ tas-SĠK, għandha tiżviluppa aktar u taġġorna kif meħtieġ Proċeduri Operattivi Standard diġà eżistenti tal-IPCR (“IPCR SOPs”) sabiex tidentifika b'mod ċar il-proċeduri, kif ukoll l-azzjonijiet mistennija ta' kull attur fil-proċess tal-IPCR. L-Istati Membri, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE għandhom ikunu mistiedna jikkontribwixxu. Kull verżjoni ġdida tal-IPCR SOPs għandha tkun ippreżentata lill-Coreper għall-approvazzjoni.

2.   Il-Kummissjoni Ewropea u s-SEAE, fi ħdan ir-rwoli u r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom, għandhom jiżviluppaw Proċeduri Operattivi Standard tal-ISAA f'konformità mal-IPCR SOPs li jiddettaljaw il-funzjonament tal-produzzjoni tal-ISAA u l-modalitajiet għall-integrazzjoni tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri.

Artikolu 12

Stat ta' tħejjija

1.   Biex tissaħħaħ aktar il-kapaċità ta' rispons rapidu fil-livell politiku tal-Unjoni fir-rigward ta' kriżijiet, għandhom jiġu żviluppati miżuri ta' tħejjija u qafas għal strateġija dwar komunikazzjoni. Dawn il-miżuri ser jiġu infurmati mill-oqsma ta' tħassib l-aktar rilevanti għal attivazzjoni potenzjali tal-IPCR, u għandhom ikunu msejsa fuq politika dwar l-istat tat-tħejjija tal-IPCR u programmi assoċjat li ser ifittxu li jtejbu l-komponenti kollha ta' kapaċità tal-IPCR.

2.   Il-politika dwar l-istat tat-tħejjija għandha tiġi ppreżentata lill-Kunsill għall-approvazzjoni. Il-programm tal-istat tat-tħejjija għandu jiġi ppreżentat lill-Coreper.

3.   Sabiex jissaħħu l-għarfien u l-istat ta' tħejjija tal-partijiet interessati rilevanti kollha, għandu jiġi organizzat taħriġ mfassal dwar proċeduri u għodod użati waqt kriżijiet li jeħtieġu koordinazzjoni fil-livell politiku tal-Unjoni.

4.   Il-politika dwar l-istat tat-tħejjija tal-IPCR għandha tipprevedi eżerċizzji transsettorjali u tiddefinixxi l-proċeduri u l-modalitajiet għall-ippjanar tal-eżerċizzji li jinvolvu l-IPCR. L-eżerċizzji tal-IPCR għandhom ikunu organizzati mill-Presidenza bl-appoġġ tas-SĠK u għandhom jinvolvu l-Istati Membri fuq bażi volontarja. Il-Kummissjoni u r-RGħ għandhom ikunu assoċjati mill-qrib ma' din il-ħidma u għandhom ikunu mistiedna jikkontribwixxu kif xieraq. Kwalunkwe eżerċizzju li jinvolvi l-IPCR għandu jirrispetta l-politika dwar l-istat tat-tħejjija tal-IPCR.

5.   Il-politika dwar l-istat tat-tħejjija tal-IPCR għandu jikkontribwixxi wkoll għat-tisħiħ tal-komunikazzjoni lill-pubbliku u l-koerenza tal-messaġġ fi żminijiet ta' kriżi. In-netwerk informali ta' komunikaturi f'każ ta' kriżi (“CCN”) jista' jappoġġa din il-ħidma.

6.   Ser jiġu identifikati tagħlimiet kemm minn eżerċizzji kif ukoll mill-attivazzjonijiet reali tal-arranġamenti tal-IPCR. Ser jiġi implimentat proċess strutturat ta' tagħlimiet meħuda.

Artikolu 13

Kunsill Ewropew

Skont il-kriżi, jistgħu jkunu meħtieġa konsultazzjonijiet jew deċiżjonijiet f'waqthom fil-livell tal-Kunsill Ewropew. Għal dan il-għan, il-Kabinett tal-President tal-Kunsill Ewropew għandu jkun mistieden jipparteċipa bis-sħiħ fl-IPCR mill-mument tal-attivazzjoni tiegħu u għal attivitajiet relatati mal-istat tat-tħejjija.

Artikolu 14

Informazzjoni u Komunikazzjoni

1.   Il-Presidenza għandha tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-attivazzjoni tal-IPCR mingħajr dewmien.

2.   Strateġija ta' komunikazzjoni koerenti, inkluż permezz ta' messaġġi komuni, għandha tkun parti mill-miżuri ta' rispons previsti f'każ ta' attivazzjoni tal-IPCR.

Artikolu 15

Rieżami

1.   L-arranġamenti skont din id-Deċiżjoni għandhom jiġu rieżaminati skont ħtiġijiet identifikati u fi kwalunkwe każ fi żmien 12-il xahar wara d-diżattivazzjoni tagħhom, sabiex ikun żgurat li t-tagħlimiet rilevanti jiġu identifikati u indirizzati. Dan ir-rieżami għandu jsir fil-Kunsill, abbażi tal-input ipprovdut mill-Istati Membri, l-Kummissjoni u r-RGħ.

2.   Fejn ikun xieraq, din id-Deċiżjoni tista' tiġi riveduta, b'mod partikolari biex ikunu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati mill-Kunsill fil-kuntest tar-rieżami, skont l-Artikolu 9(3) tad-Deċiżjoni 2014/415/UE.

Artikolu 16

Dħul fis-Seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-11 ta' Diċembru 2018.

Għall-Kunsill

Il-President

G. BLÜMEL


(1)  ĠU L 192, 1.7.2014, p. 53.

(2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta' Settembru 2013 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta' informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).


Top