EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1354

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1354/2011 tal- 20 ta’ Diċembru 2011 li jiftaħ il-kwoti tariffarji tal-Unjoni għan-nagħaġ, għall-mogħoż, għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż

ĠU L 338, 21.12.2011, p. 36–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020; Imħassar b' 32020R1987 Ara Art. 4

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1354/oj

21.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 338/36


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1354/2011

tal-20 ta’ Diċembru 2011

li jiftaħ il-kwoti tariffarji tal-Unjoni għan-nagħaġ, għall-mogħoż, għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 tat-22 ta’ Ottubru 2007 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 144(1) u 148 flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu,

Billi:

(1)

Il-kwoti tariffarji tal-Unjoni għan-nagħaġ, għall-mogħoż, għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż għandhom jinfetħu mill-2012. Id-dazji u l-kwantitajiet għandhom ikunu ffissati skont il-ftehimiet internazzjonali rispettivi li jkunu fis-seħħ fis-sena 2012. B’riżultat tan-negozjati li wasslu għal Ftehim fil-forma ta’ Skambju ta’ Ittri bejn l-Unjoni Ewropea u n-New Zealand skont l-Artikolu XXIV:6 u l-Artikolu XXVIII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT) 1994 rigward il-modifika tal-konċessjonijiet fl-iskedi tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija matul l-adeżjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea (2), l-Unjoni ħadet l-obbligu li żżid il-volum annwali tan-New Zealand b’400 tunnellata u li tinkorpora fl-iskeda tagħha kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni erga omnes tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż bil-piż tal-karkassa ta’ 200 tunnellata.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 312/2003 tat-18 ta’ Frar 2003 li jimplimenta d-dispożizzjonijiet tat-tariffi tal-Komunità stabbiliti fil-Ftehim li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika taċ-Ċilì, min-naħa l-oħra (3) stipula kwota tariffarja bilaterali addizzjonali ta’ 2 000 tunnellata u żieda ta’ 10 % kull sena tal-kwantità oriġinali li għandha tinfetaħ għall-kodiċi tal-prodott 0204 mill-1 ta’ Frar 2003. Għaldaqstant, għandhom jiżdiedu 200 tunnellata oħra kull sena mal-kwota tariffarja tal-GATT/WTO għaċ-Ċilì u ż-żewġ kwoti għandhom ikomplu jitħaddmu bl-istess mod.

(3)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1245/2010 tal-21 ta’ Diċembru 2010 li jiftaħ il-kwoti tariffarji tal-Unjoni għas-sena 2011, għan-nagħaġ, għall-mogħoż, għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż (4) fetaħ il-kwoti tariffarji tal-Unjoni għas-sena 2011 skont il-ftehimiet internazzjonali rispettivi fis-seħħ matul is-sena 2011. Dawk il-kwoti tariffarji għandhom jinżammu u jinfetħu kull sena filwaqt li jitqiesu d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet msemmija hawn fuq man-New Zealand u maċ-Ċilì. Ir-Regolament (UE) Nru 1245/2010 jiskadi wkoll fi tmiem is-sena 2011 u għalhekk għandu jiġi mħassar. Dan ir-Regolament għandu jkun applikabbli għal aktar minn sena waħda u għandu jaqdi l-oġġettiv tas-simplifikazzjoni billi jevita l-adozzjoni ta’ regolment fuq bażi annwali.

(4)

L-importazzjonijiet skont dan ir-Regolament għandhom ikunu amministrati fuq il-bażi ta’ sena kalendarja.

(5)

Jeħtieġ li jiġi ffissat ekwivalenti ta’ piż ta’ karkassi sabiex jiġi żgurat li jkun hemm tħaddim xieraq tal-kwoti tariffarji tal-Unjoni.

(6)

Il-kwoti tariffarji għal prodotti tal-laħam tan-nagħaġ u tal-mogħoż, għandhom, permezz ta’ deroga mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1439/95 tas-26 ta’ Ġunju 1995 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3013/89 dwar l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ prodotti fis-settur tal-laħam tan-nagħaġ u tal-laħam tal-mogħoż (5), jitħaddmu f’konformità mal-Artikolu 144(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1234/2007. Dan għandu jsir skont l-Artikoli 308a, 308b, u 308c(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 tat-2 ta’ Lulju 1993 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (6).

(7)

Skont dan ir-Regolament il-kwoti tariffarji inizjalment iridu jitqiesu bħala mhux kritiċi fl-ambitu tat-tifsira tal-Artikolu 308c tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 meta jitħaddmu bis-sistema ta’ min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel. Għalhekk l-awtoritajiet doganali għandhom ikunu awtorizzati li jirrinunzjaw ir-rekwiżit għas-sigurtà għal oġġetti li inizjalment ikunu ġew importati skont dawk il-kwoti f’konformità mal-Artikoli 308c(1) u 248(4) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93.

(8)

Għandu jiġi ċċarat liema tip ta’ prova li tiċċertifika l-oriġini tal-prodotti għandha tiġi pprovduta mill-operaturi sabiex jibbenefikaw mill-kwoti tariffarji skont is-sistema ta’ min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel.

(9)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jiftaħ il-kwoti tariffarji annwali tal-Unjoni fuq l-importazzjoni għan-nagħaġ, għall-mogħoż, għal-laħam tan-nagħaġ u għal-laħam tal-mogħoż b’seħħ mill-1 ta’ Jannar 2012.

Artikolu 2

Id-dazji doganali applikabbli għall-prodotti skont il-kwoti tariffarji msemmija fl-Artikolu 1, il-Kodiċi tan-NM, il-pajjiżi tal-oriġini, il-volum annwali, u n-numri tas-serje huma stabbiliti fl-Anness.

Artikolu 3

1.   Il-kwantitajiet, espressi f’ekwivalenza għal piż ta’ karkassi, għall-importazzjoni ta’ prodotti skont il-kwoti msemmija fl-Artikolu 1, għandhom ikunu dawk stabbiliti fl-Anness.

2.   Għall-finijiet tal-kalkolu tal-kwantitajiet ta’ “ekwivalenti ta’ piż ta’ karkassi” imsemmi fil-paragrafu 1, il-piż nett ta’ prodotti tan-nagħaġ u tal-mogħoż għandu jkun immultiplikat bil-koeffiċjenti li ġejjin:

(a)

għal annimali ħajjin: 0,47;

(b)

għall-ħaruf bla għadam u għal-laħam tal-gidi bla għadam: 1,67;

(c)

għal-laħam tal-muntun, tan-nagħaġ u tal-mogħoż bla għadam, għajr dak tal-gidi u taħlitiet ta’ kwalunkwe minn dawn: 1,81;

(d)

għal prodotti tal-laħam bl-għadma: 1,00.

“Gidi” għandha tfisser ferħ ta’ mogħża li ma għandux aktar minn sena.

Artikolu 4

B’deroga mit-Titolu II (A) u (B) tar-Regolament (KE) Nru 1439/95, il-kwoti tariffarji stipulati fl-Anness għal dan ir-Regolament għandhom ikunu ġestiti fuq bażi ta’ min jiġi l-ewwel, jinqeda l-ewwel skont l-Artikoli 308a, 308b u 308c(1) tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93. M’hemmx bżonn ta’ liċenzji ta’ importazzjoni.

Artikolu 5

1.   Biex wieħed jibbenifika mill-kwoti tariffarji stipulati fl-Anness, għandha titressaq lill-awtoritajiet doganali tal-Unjoni prova valida tal-oriġini maħruġa mill-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiż terz ikkonċernat kif ukoll dikjarazzjoni doganali għar-rilaxx għaċ-ċirkolazzjoni ħielsa tal-oġġetti kkonċernati.

L-oriġini ta’ prodotti suġġetti għal kwoti tariffarji barra dawk li jirriżultaw minn ftehimiet dwar tariffa preferenzjali għandha tkun deteminata skont id-dispożizzjonijiet fis-seħħ fl-Unjoni.

2.   Il-prova tal-oriġini msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun kif ġej:

(a)

fil-każ ta’ kwota tariffarja li hija parti minn ftehim dwar tariffa preferenzjali, din għandha tkun il-prova tal-oriġini kif stipulata f’dak il-ftehim;

(b)

fil-każ ta’ kwoti tariffarji oħrajn, għandha tkun prova stabbilita skont l-Artikolu 47 tar-Regolament (KEE) Nru 2454/93 u, flimkien mal-elementi stipulati f’dak l-Artikolu, id-dejta li ġejja:

il-kodiċi NM (tal-anqas l-ewwel erba’ ċifri),

in-numru jew in-numri tas-serje tal-kwota tariffarja ikkonċernata,

il-piż nett totali għal kull kategorija ta’ koeffiċjenti kif stipulat fl-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-Regolament;

(c)

fil-każ ta’ pajjiż li l-kwota tariffarja tiegħu hija skont il-punti (a) u (b) u huma magħqudin, għandha tkun il-prova msemmija fil-punt (a).

Fejn il-prova tal-oriġini msemmija fil-punt (b) hija ppreżentata bħala dokument ta’ appoġġ għal dikjarazzjoni waħda biss għar-rilaxx għal ċirkolazzjoni ħielsa, jista’ jkun fiha diversi numri tas-serje. Fil-każijiet l-oħra kollha, għandu jkun fiha biss numru wieħed tas-serje.

Artikolu 6

Ir-Regolament (KE) Nru 1245/2010 huwa mħassar.

Artikolu 7

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2012.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni, f'isem il-President,

Dacian CIOLOȘ

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 299, 16.11.2007, p. 1.

(2)  ĠU L 317, 30.11.2011, p. 2.

(3)  ĠU L 46, 20.2.2003, p. 1.

(4)  ĠU L 338, 22.12.2010, p. 37.

(5)  ĠU L 143, 27.6.1995, p. 7.

(6)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.


ANNESS

LAĦAM TAN-NAGĦAĠ U LAĦAM TAL-MOGĦOŻ (f’tunnellati (t) ta’ ekwivalenza għal piż ta’ karkassi) KWOTI TARIFFARJI TAL-UNJONI MILL-2012

Kodiċi NM

Dazju “Ad valorem

%

Dazju speċifiku

EUR/100 Kg

Numru tas-serje skont “min jiġi l-ewwel jinqeda l-ewwel”

Oriġini

Volum fis-sena f’tunnellati ta’ ekwivalenza għal piż ta’ karkassi

Annimali ħajjin

(Koeffiċjent =0,47)

Bla għadam ħaruf (1)

(Koeffiċjent =1,67)

Laħam tal-muntun/tan-nagħaġ bla għadam (2)

(Koeffiċjent =1,81)

Laħam bl-għadma u Karkassi

(Koeffiċjent =1,00)

0204

Żero

Żero

09.2101

09.2102

09.2011

L-Arġentina

23 000

09.2105

09.2106

09.2012

L-Awstralja

19 186

09.2109

09.2110

09.2013

In-New Zealand

228 254

09.2111

09.2112

09.2014

L-Urugwaj

5 800

09.2115

09.2116

09.1922

Iċ-Ċilì (3)

6 800

09.2121

09.2122

09.0781

In-Norveġja

300

09.2125

09.2126

09.0693

Il-Groenlandja

100

09.2129

09.2130

09.0690

Il-Gżejjer Faeroe

20

09.2131

09.2132

09.0227

It-Turkija

200

09.2171

09.2175

09.2015

Oħrajn (4)

200

09.2178

09.2179

09.2016

Erga omnes  (5)

200

0204 , 0210 99 21 , 0210 99 29 , 0210 99 60

Żero

Żero

09.2119

09.2120

09.0790

L-Islanda

1 850

0104 10 30

0104 10 80

0104 20 90

10  %

Żero

09.2181

09.2019

Erga omnes  (5)

92


(1)  U laħam tal-gidi.

(2)  U laħam tal-mogħoż barra dak tal-gidi.

(3)  Il-kwota tariffarja għaċ-Ċilì tiżdied b’200 t fis-sena.

(4)  “Oħrajn” għandha tirreferi għall-membri kollha tad-WTO minbarra l-Arġentina, l-Awstralja, in-New Zealand, l-Urugwaj, iċ-Ċilì, il-Groenlandja u l-Islanda.

(5)  “Erga omnes” għandha tirreferi għall-oriġinijiet kollha inklużi l-pajjiżi msemmija f’din it-tabella.


Top