EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62011CJ0121

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tad-19 taʼ April 2012.
Pro-Braine ASBL et vs Commune de Braine-le-Château, fil-preżenza ta’: Veolia es treatment SA.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Conseil d'État.
Direttiva 1999/31/KE — Rimi ta’ skart f’landfill — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Deċiżjoni dwar it-tkomplija tal-operat ta’ landfill awtorizzata, fl-assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Kunċett ta’ ‘kunsens għal żvilupp’.
Kawża C-121/11.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2012:225

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

19 ta’ April 2012 ( *1 )

“Direttiva 1999/31/KE — Rimi ta’ skart f’landfill — Direttiva 85/337/KEE — Evalwazzjoni tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent — Deċiżjoni dwar it-tkomplija tal-operat ta’ landfill awtorizzata, fl-assenza ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent — Kunċett ta’ ‘kunsens għal żvilupp’”

Fil-Kawża C-121/11,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Conseil d’État (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Frar 2011, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-8 ta’ Marzu 2011, fil-proċedura

Pro-Braine ASBL et

vs

Commune de Braine-le-Château,

fil-preżenza ta’:

Veolia es treatment SA,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn K. Lenaerts, President tal-Awla, E. Juhász (Relatur), G. Arestis, T. von Danwitz u D. Šváby, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Kokott,

Reġistratur: A. Impellizzeri, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-15 ta’ Diċembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Pro-Braine ASBL et, minn J. Sambon, avukat,

għal Veolia es treatment SA, minn B. Deltour, avukat,

għall-Gvern Belġjan, minn T. Materne u C. Pochet, bħala aġenti,

għall-Gvern Awstrijak, minn A. Posch u G. Holley, bħala aġenti,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn P. Oliver, A. Marghelis u M. Verheij, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 4, p. 228) kif ukoll tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248), kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 1, p. 248, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 85/337”).

2

Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Pro-Braine ASBL et (iktar ’il quddiem “l-assoċjazzjoni Pro-Braine”) u l-kunsill komunali ta’ Braine-le-Château dwar it-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni li tawtorizza t-tkomplija tal-operat taċ-ċentru tal-irdim tekniku tal-iskart fuq is-sit imsejjaħ “Cour-au-Bois Nord” sat-tmiem tal-awtorizzazzjoni eżistenti, jiġifieri sas-27 ta’ Diċembru 2009, li tirrevoka l-kundizzjonijiet tal-operat preċedenti u li timponi kundizzjonijiet ġodda tal-operat.

Il-kuntest ġuridiku

Il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni

3

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:

“1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għall-istima ta’ l-effetti ambjentali ta’ dawk il-proġetti pubbliċi u privati li aktarx ikollhom effetti sinifikanti fuq l-ambjent.

2.   Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:

‘proġett’ tfisser:

l-eżekuzzjoni ta’ xogħlijiet ta’ kostruzzjoni jew ta’ istallazjonijiet jew skemi oħra,

interventi oħra fil-madwar u pajsaġġ naturali inklużi dawk li jimplikaw l-estrazzjoni ta’ riżorsi naturali;

[…]

‘kunsens għal żvilupp’ tfisser:

id-deċiżjoni ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.

[…]”

4

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337:

“Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:

a)

eżami każ b’każ,

jew

b)

l-għetiebi jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru

jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.

L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b)”.

5

L-Anness II tad-Direttiva 85/337 jelenka l-proġetti indikati fl-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. Il-punt 11 ta’ dan l-anness, intitolat “Proġetti oħra” jirreferi b’mod partikolari għal “Stallazzjonijiet għar-rimi ta’ l-iskart (proġetti mhux inklużi fl-Anness I)”.

6

Fost il-proġetti msemmija f’dan l-anness, jidher ukoll, kif jirriżulta mill-punt 13 tal-istess anness “[k]ull bidla jew estenzjoni tal-proġetti mniżżla fl-Anness I jew l-Anness II, diġà awtorizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista’ ikollhom effetti avversi sinifikanti fuq l-ambjent (bidla jew estensjoni mhux inklużi fl-Anness I)”.

7

L-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/31 intitolat “Kundizzjonijiet tal-permess”, jipprovdi:

“L-Istati Membri jridu jieħdu miżuri sabiex:

a)

l-awtorità kompetenti ma toħroġġ permess għall-terraferma [landfill] sakemm tkun sodisfatta li:

i)

mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3(4) u (5), il-proġett tat-terraferma jaqbel mal-ħtiġijiet kollha rilevanti ta’ din id-Direttiva, inklużi l-Annessi;

ii)

l-amministrazzjoni tas-sit tat-terraferma tkun f’idejn persuna naturali li hija teknikament kompetenti li s-sit; taħriġ u żvilupp professjonali u tekniku għal ħaddiema u l-impjegati tat-terraferma ikunu provduti;

iii)

it-terraferma trid tiġi operata b’manjiera tali li miżuri neċessarji huma meħuda biex jiġu prevenuti inċidenti u jillimitaw il-konsegwenzi tagħhom;

iv)

dispożizzjonijiet adegwati, bil-mod ta’ sigurtà finanzjarja jew oħra ekwivalenti, fuq il-bażi ta’ modalitajiet li jiġu deċiżi mill-Istati Membri, saru jew ser isiru mill-applikant qabel il-bidu ta’ operazzjonijiet tar-rifjut biex jiżgura li l-obligi (inklużi d-dispożizzjonijiet tal-kura ta’ wara) li jiġu skond il-permess maħruġ bid-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva huma rispettati u li l-proċeduri ta’ l-għeluq meħtieġa skond l-Artikolu 13 ikunu segwiti. Is-sigurtà jew l-ekwivalenti tagħha trid tinżamm kemm jista’ jkun meħtieġ mill-operazzjoni ta’ manutenzjoni u kura ta’ wara tas-sit bi qbil ma’ l-Artikolu 13(d). L-Istati Membri jistgħu jiddikjaraw, fl-għażla tagħhom, li dan il-punt ma japplikax għat-terraferma għal skart inermi [inerti];

(b)

il-proġett tat-terraferma huwa skond il-pjan jew pjanijiet ta’ amministrazzjoni ta’ l-iskart rilevanti imsemmija fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 75/442/KEE;

(ċ)

qabel il-bidu ta’ operazzjonijiet tar-rifjut, l-awtorità kompetenti trid tispezzjona is-sit sabiex tiżgura li taqbel mal-kundizzjonijiet rilevanti tal-permess. Dan ma jnaqqas bl-ebda mod ir-responsabbiltà tal[-]operatur skond il-kundizzjonijiet tal-permess”.

8

Skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31, intitolat “Siti eżistenti ta’ terraferma [landfill]”:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri sabiex terraferma [landfills] li ġew mogħtija permess, jew li huma diġa qed jitħaddmu fil-ħin ta’ trasposizzjoni ta’ din id-Direttiva, ma jistgħux ikomplu jaħdmu sakemm il-passi indikati hawn taħt jiġu mtemma malajr kemm jista’ jkun u fi żmien tmien snin minn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1) l-aktar tard:

a)

f’perijodu ta’ sena minn wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1), l-operatur ta’ terraferma irid jipprepara u jippreżenta lill-awtoritajiet kompetenti, għall-approvazzjoni tagħhom, pjan ta’ kondizzjonament [pjan ta’ żvilupp] għas-sit inklużi l-partikolari elenkati fl-Artikolu 8 u kull miżura korrettiva li l-operatur jikkonsidera li tkun meħtieġa sabiex ikun konformi mal-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1;

b)

skond il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ kondizzjonament, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu deċiżjoni definit[tiv]a fuq jekk l-operazzjonijiet ikomplux fuq il-bażi tal-imsemmi pjan ta’ kundizzjonament u ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jagħlqu malajr kemm jista’ jkun possibbli, bi qbil ma’ l-Artikolu 7(g) u 13, siti li ma ġewx mogħtija, bi qbil ma’ l-Artikolu 8, permess biex ikomplu joperaw;

(ċ)

fuq il-bażi tal-pjan ta’ kondizzjonament tas-sit approvat, l-awtorità kompetenti għandha tawtorizza x-xogħol neċessarju u tistipula perijodu tranżitorju għat-temma tal-pjan. Terraferma eżistenti trid taqbel mall-ħtiġijiet ta’ din id-Direttiva bl-eċċezzjoni tal-ħtiġijiet fl-Anness I, punt 1 fi żmien tmien snin wara d-data stipulata fl-Artikolu 18(1);

[…]”

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

9

L-Artikolu 180(4) et seq tad-Digriet tal-11 ta’ Marzu 1999, rigward l-awtorizzazzjonijiet ambjentali (Moniteur belge tat-8 ta’ Ġunju 1999), kif emendat bid-Digriet tad-19 ta’ Settembru 2002 (Moniteur belge tas-27 ta’ Settembru 2002, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal-11 ta’ Marzu 1999”), jistabbilixxi:

“[…] l-awtorizzazzjonijiet għall-operat ta’ ċentru ta’ rdim tekniku tal-iskart mogħtija qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet għandhom jibqgħu validi għal matul iż-żmien stabbilit, sakemm jiġu osservati l-kundizzjonijiet segwenti.

Sa żmien tliet xhur mid-data li fiha jidħol fis-seħħ dan id-digriet, l-amministratur ta’ ċentru ta’ rdim tekniku tal-iskart awtorizzat qabel id-dħul fis-seħħ ta’ dan id-digriet għandu jippreżenta pjan ta’ żvilupp għall-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti u jinkludi b’mod partikolari l-informazzjoni segwenti:

1.

Id-deskrizzjoni ta’ konformità taċ-ċentru ta’ rdim tekniku tal-iskart u tal-annessi tiegħu fir-rigward tar-regolamentazzjoni applikabbli u, jekk hu l-każ, deskrizzjoni tal-miżuri korrettivi li għandhom jiġu adottati;

2.

Informazzjoni dwar il-ħiliet professjonali, tekniċi u finanzjarji tiegħu sabiex ikompli jamministra ċ-ċentru ta’ irdim tekniku tal-iskart u li jassumi l-obbligi tal-kura ta’ wara.

Fuq il-bażi tal-pjan ta’ żvilupp tas-sit kif ippreżentat mill-amministratur, l-awtorità kompetenti:

1.

għandha tiddeċiedi dwar l-andament tal-amministrazzjoni taċ-ċentru ta’ rdim tekniku tal-iskart, billi timmodifika jew tintegra, skont il-każ, il-kundizzjonijiet tal-operat;

2.

tistabbilixxi l-obbligi tal-post amministrazzjoni, skont l-Artikolu 59bis;

3.

tiddetermina l-miżuri neċessarji fid-dawl tal-għeluq fl-iqsar żmien possibbli taċ-ċentru ta’ rdim tekniku tal-iskart li ma jkunx kiseb l-awtorizzazzjoni għat-tkomplija tal-operat tiegħu.

[…]”

Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

10

L-operat taċ-ċentru ta’ rdim tekniku tal-iskart ta’ Cour-au-Bois Nord, li jinsab fit-territorju tal-komun ta’ Braine-le-Château, ġie awtorizzat bid-Digriet Irjali tas-7 ta’ Marzu 1979, kif emendat bid-Digriet Irjali tas-27 ta’ Diċembru 1979, għal perijodu ta’ tletin sena bl-iskop li jinġabar l-iskart industrijali mhux tossiku.

11

Din l-awtorizzazzjoni tal-operat kienet ġiet emendata wkoll fid-29 ta’ Settembru 1988, sabiex dan iċ-ċentru jkun jista’ jilqa’ fih tipi oħrajn ta’ skart, bħall-iskart domestiku u skart inerti bil-konsegwenza li dan iċ-ċentru ġie kklassifikat bħala landfill tal-klassi 2 u 3. L-awtorizzazzjoni għall-operat ta’ dan tal-aħħar, kif emendata, ġiet ittrasferita lill-amministraturi suċċessivi.

12

Fit-30 ta’ Ottubru 2002, l-Uffiċċju tal-iskart tal-Wallonja stieden lil Biffa Waste Services SA (iktar ’il quddiem “Biffa Waste Services”), li dak iż-żmien kienet tamministra ċ-ċentru ta’ Cour-au-Bois Nord, sabiex tippreżenta pjan ta’ żvilupp għal dan is-sit, skont l-Artikolu 180 tad-Digriet tal-11 ta’ Marzu 1999.

13

Matul l-2006, il-grupp Veolia es treatment SA akkwista lil Biffa Waste Services.

14

Fuq il-bażi tal-pjan ta’ żvilupp ippreżentat minn Biffa Waste Services, il-kunsill komunali ta’ Braine-le-Château, b’deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2008, awtorizza t-tkomplija tal-operat ta’ dan iċ-ċentru ta’ rdim tekniku tal-iskart sas-27 ta’ Diċembru 2009, irrevoka l-kundizzjonijiet tal-operat eżistenti u bidilhom b’kundizzjonijiet tal-operat ġodda.

15

Fit-18 ta’ Lulju 2008, l-assoċjazzjoni Pro-Braine ippreżentat rikors għal annullament quddiem il-Conseil d’État kontra d-deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2008.

16

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali takkuża, essenzjalment, lill-kunsill komunali ta’ Braine-le-Château li adotta din id-deċiżjoni mingħajr ma l-ewwel issuġġetta l-applikazzjoni sabiex jiġi mħaddem dan iċ-ċentru kklassifikat għas-sistema ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent u, b’mod partikolari, mingħajr ma talab li ssir evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, u li lanqas ma osserva l-formalitajiet sostanzjali u proċedurali li jakkumpanjawha.

17

Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2008 hija irregolari minħabba li d-deċiżjoni li tawtorizza t-tkomplija tal-operat, adottata skont l-Artikolu 180 tad-Digriet tal-11 ta’ Marzu 1999, tikkostitwixxi “kunsens għal żvilupp” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 u li ċ-ċentri ta’ rdim tekniku tal-iskart tal-klassi 2 jikkostitwixxu impjant imsemmi fil-punt 11(b) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337 suġġett għal evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, skont l-Artikolu 2 tad-Digriet tal-Gvern tal-Wallonja tal-4 ta’ Lulju 2002 li jistabbilixxi lista ta’ proġetti li huma suġġetti għal evalwazzjoni tal-impatt ambjentali u tal-impjanti u attivitajiet ikklassifikati.

18

Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, il-Conseil d’État iddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Id-deċiżjoni finali dwar it-tkomplija ta’ tħaddim ta’ landfill li għalih inħareġ permess jew li diġà jitħaddem fuq il-bażi tal-Artikolu 14(b), tad-Direttiva [1999/31], tikkostitwixxi awtorizzazzjoni [kunsens għal żvilupp] fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva [85/337]?”

Fuq id-domanda preliminari

19

Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk id-deċiżjoni definittiva li tawtorizza t-tkomplija tal-operat ta’ landfill eżistenti, adottata skont l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31 dwar il-pjan ta’ żvilupp kif propost mill-amministratur, tikkostitwix “kunsens għal żvilupp” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337.

20

Mill-formulazzjoni tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31, intitolat “Siti eżistenti ta’ terraferma [landfill]”, jirriżulta li, għal dawk il-landfills awtorizzati jew li diġà kienu joperaw fil-mument li fih saret it-traspożizzjoni ta’ din id-direttiva, l-Istati Membri għandhom jadottaw miżuri sabiex dawn il-landfills ikunu jistgħu jibqgħu joperaw biss jekk l-amministraturi tagħhom ikunu konformi mal-ħtiġijiet ta’ din id-direttiva.

21

Għal dan il-għan, l-amministraturi ta’ dawn il-landfills għandhom jippreparaw u jippreżentaw lill-awtorità kompetenti, għall-approvazzjoni tagħhom, pjan ta’ żvilupp tas-sit ta’ kull fejn hemm landfill, li għandu jinkludi l-ħtiġijiet imsemmija fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 1999/31 kif ukoll il-miżuri korrettivi li jqisu neċessarji sabiex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ din id-direttiva, ħlief għall-ħtiġijiet li jinsabu fil-punt 1 tal-Anness I ta’ din tal-aħħar.

22

Skont l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31, wara l-preżentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ żvilupp, l-awtorità kompetenti għandha tieħu deċiżjoni definittiva dwar it-tkomplija tal-operat abbażi ta’ dan il-pjan u ta’ din id-direttiva.

23

Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-operat tal-landfill fuq is-sit ta’ Cour-au-Bois Nord kien awtorizzat, b’Digriet Irjali tas-7 ta’ Marzu 1979, emendat bid-Digriet Irjali tas-27 ta’ Diċembru 1979, għal perijodu ta’ tletin sena jiġifieri sas-27 ta’ Diċembru 2009. Mill-proċess jirriżulta wkoll li, fid-data tal-kawża prinċipali, din il-landfill kienet ġiet operata b’mod kontinwu mill-mument li fih ingħatat l-awtorizzazzjoni inizjali u li l-awtorizzazzjoni għall-operat kienet għadha ma skadietx.

24

Fit-23 ta’ Mejju 2003, il-kumpannija li tamministra din il-landfill, Biffa Waste Services, ippreżentat pjan ta’ żvilupp quddiem il-kunsill komunali ta’ Braine-le-Château, skont l-Artikolu 180 tad-Digriet tal-11 ta’ Marzu 1999, li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Artikolu 14 tad-Direttiva 1999/31.

25

Skont dan il-pjan ta’ żvilupp, il-kunsill komunali ta’ Braine-le-Château awtorizza, b’deċiżjoni tal-14 ta’ Mejju 2008, it-tkomplija tal-operat tal-landfill ta’ Cour-au-Bois Nord sat-tmiem tal-awtorizzazzjoni eżistenti, jiġifieri sas-27 ta’ Diċembru 2009, irrevoka l-kundizzjonijiet tal-operat eżistenti u bidilhom b’kundizzjonijiet ġodda.

26

Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk din id-deċiżjoni tikkostitwixxix “kunsens għal żvilupp” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337.

27

F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-kunċett ta’ “kunsens għal żvilupp” huwa ddefinit, fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337, bħala “id-deċiżjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett”. Għalhekk, jista’ jkun hemm “kunsens għal żvilupp” fis-sens ta’ din id-direttiva biss meta jkun meħtieġ li jitwettaq “proġett”.

28

Id-definizzjoni tal-kunċett “proġett” li tinsab fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 ma tippreċiżax jekk il-modifiki jew l-estensjonijiet ta’ proġetti eżistenti jistgħux huma wkoll jiġu kkunsidrati bħala “proġetti”.

29

Madankollu, għall-finijiet tad-Direttiva 85/337, huma kkunsidrati bħala “proġetti” l-installazzjonijiet u s-siti elenkati fl-Anness II ta’ din tal-aħħar, li għalih jirreferi l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva. Il-punt 11 ta’ dan l-Anness II, intitolat “Proġetti oħra” isemmi b’mod partikolari “Stallazzjonijiet għar-rimi ta’ l-iskart (proġetti mhux inklużi fl-Anness I)”, kategorija din li tinkludi l-landfills. Il-punt 13 ta’ dan l-istess anness jinkludi fost il-proġetti koperti “[k]ull bidla jew estenzjoni tal-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness I jew l-Anness II, diġa awtorizzati, imwettqa jew fil-proċess tat-twettiq, li jista’ jkollhom effetti avversi sinifikanti fuq l-ambjent […]”.

30

Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-bidla jew l-estensjoni ta’ landfill, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jistgħu jikkostitwixxu “proġett” fis-sens tad-Direttiva 85/337 sa fejn jista’ jkollhom effetti sinjifikattivi fuq l-ambjent.

31

Kif ġie stabbilit mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kelma “proġett” tikkonċerna xogħlijiet jew interventi li jinvolvu modifiki fl-aspett fiżiku tas-sit (sentenza tas-17 ta’ Marzu 2011, Brussels Hoofdstedelijk Gewest et, C-275/09, Ġabra p. I-1753, punti 20, 24 kif ukoll 38)

32

Għalhekk, is-sempliċi tiġdid ta’ awtorizazzjoni eżistenti li titħaddem landfill ma jistax, fl-assenza ta’ xogħlijiet jew ta’ interventi li jbiddlu r-realtà fiżika tas-sit, jikkwalifika bħala “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337.

33

B’konsegwenza, jekk il-“pjan ta’ kondizzjonament [żvilupp]” li jkun is-suġġett ta’ “deċiżjoni definit[tiv]a” adottata skont l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31, ikun jikkonċerna l-bidla jew l-estensjoni tal-landfill, permezz ta’ xogħlijiet jew interventi li jibdlu l-aspett fiżiku tagħha, u jekk dan il-pjan jista’ jkollu effetti avversi sinjifikattivi fuq l-ambjent, din id-deċiżjoni tkun tista’ tiġi kkunsidrata bħala “kunsens għal żvilupp” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337.

34

Fir-rigward tal-kawża prinċipali, il-Qorti tal-Ġustizzja ma għandhiex biżżejjed provi sabiex tevalwa l-implikazzjonijiet tad-deċiżjoni tal-kunsill komunali ta’ Braine-le-Château tal-14 ta’ Mejju 2008 dwar il-landfill ta’ Cour-au-Bois Nord, evalwazzjoni din li fi kwalunkwe każ għandha ssir mill-qorti tar-rinviju.

35

Għaldaqstant, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni definittiva dwar il-pjan ta’ żvilupp, ippreżentat mill-operatur fil-kawża prinċipali skont l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/31, tawtorizzax bidla jew estensjoni tal-installazzjoni jew tas-sit inkwistjoni, permezz ta’ xogħlijiet jew interventi li jibdlu l-aspett fiżiku tagħhom, li jista’ jkollhom effetti avversi sinjifikattivi fuq l-ambjent u li, għalhekk, jistgħu jikkostitwixxu “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 u tal-ewwel inċiż tal-punt 13 tal-Anness II tagħha.

36

Fl-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ effetti avversi sinjifikattivi fuq l-ambjent, fil-kuntest ta’ din il-verifika, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li l-pjan ta’ żvilupp approvat minn din id-deċiżjoni definittiva għandu bħala għan, kif jirriżulta mill-premessa 26 tad-Direttiva 1999/31, l-adozzjoni tal-miżuri neċessarji sabiex il-landfill eżistenti tkun konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u li din id-deċiżjoni tkun għalhekk tifforma parti minn politika għall-protezzjoni tal-ambjent.

37

Għaldaqstant, ir-risposta għad-domanda magħmula għandha tkun li d-deċiżjoni definittiva dwar it-tkomplija tal-operat ta’ landfill eżistenti, meħuda skont l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva 1999/1 fuq il-bażi ta’ pjan ta’ żvilupp, tikkostitwixxi “kunsens għal żvilupp” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 biss meta din id-deċiżjoni tawtorizza bidla jew estensjoni tal-installazzjoni jew tas-sit, permezz ta’ xogħlijiet jew interventi li jibdlu l-aspett fiżiku tagħhom, li jista’ jkollhom effetti avversi sinjifikattivi fuq l-ambjent, fis-sens tal-punt 13 tal-Anness II tad-Direttiva 85/337, u li għalhekk jikkostitwixxu “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

Fuq l-ispejjeż

38

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-deċiżjoni definittiva dwar it-tkomplija tal-operat ta’ landfill eżistenti, meħuda skont l-Artikolu 14(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE, tas-26 ta’ April 1999, dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [landfill], fuq il-bażi ta’ pjan ta’ żvilupp, tikkostitwixxi “kunsens għal żvilupp” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 2003/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-26 ta’ Mejju 2003, biss meta din id-deċiżjoni tawtorizza bidla jew estensjoni tal-installazzjoni jew tas-sit, permezz ta’ xogħlijiet jew interventi li jibdlu l-aspett fiżiku tagħhom, li jista’ jkollhom effetti avversi sinjifikattivi fuq l-ambjent, fis-sens tal-punt 13 tal-Anness II tad-Direttiva 85/337, u li għalhekk jikkostitwixxu “proġett” fis-sens tal-Artikolu 1(2) ta’ din id-direttiva.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.

Top