EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0079

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (ir-Raba' Awla) tal-1 ta' Diċembru 2011.
Systeme Helmholz GmbH vs Hauptzollamt Nürnberg.
Talba għal deċiżjoni preliminari: Bundesfinanzhof - il-Ġermanja.
Direttiva 2003/96/KE - Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku - Artikolu 14(1)(b) - Eżenzjoni għall-prodotti ta’ enerġija użati bħala karburant jew kombustibbli għan-navigazzjoni tal-ajru - Użu ta’ ajruplan għal finijiet li ma humiex kummerċjali - Portata.
Kawża C-79/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:797

Kawża C-79/10

Systeme Helmholz GmbH

vs

Hauptzollamt Nürnberg

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesfinanzhof)

“Direttiva 2003/96/KE — Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku — Artikolu 14(1)(b) — Eżenzjoni għall-prodotti ta’ enerġija użati bħala karburant jew kombustibbli għan-navigazzjoni tal-ajru — Użu ta’ ajruplan għal finijiet li ma humiex kummerċjali — Portata”

Sommarju tas-sentenza

1.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku — Eżenzjoni tal-prodotti ta’ enerġija pprovduti sabiex jintużaw bħala karburant jew kombustibbli għan-navigazzjoni tal-ajru għajr l-avjazzjoni privata tat-turiżmu — Portata

(Direttiva tal-Kunsill 2003/96, Artikolu 14(1)(b))

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-liġijiet — Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku — Eżenzjoni tal-karburanti użati fil-qasam tal-manifattura, tal-iżvilupp, tat-testijiet u tal-manutenzjoni ta’ ajruplani — Portata

(Direttiva tal-Kunsill 2003/96, Artikolu 15(1)(j))

1.        L-Artikolu 14(1)(1)(b) tad-Direttiva 2003/96, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-karburant użat għan-navigazzjoni bl-ajru stabbilita b’din id-dispożizzjoni ma tistax tkun ta’ benefiċċju għal impriża, li, sabiex tiżviluppa n-negozju tagħha, tuża ajruplan ta’ proprjetà tagħha sabiex tiżgura l-vjaġġi tal-uffiċjali tagħha għand klijenti jew sabiex iżuru fieri kummerċjali, sa fejn dawn il-vjaġġi ma jservux funzjoni diretta għall-provvista ta’ servizzi bl-ajru bi ħlas magħmula minn din l-impriża.

(ara l-punt 33 u d-dispożittiv 1)

2.        L-Artikolu 15(1)(j) tad-Direttiva 2003/96, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-karburanti użati sabiex jitwettqu titjiriet lejn u lura minn sit għal manutenzjoni tal-ajruplani ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni

(ara l-punt 39 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

1 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Direttiva 2003/96/KE – Tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku – Artikolu 14(1)(b) – Eżenzjoni għall-prodotti ta’ enerġija użati bħala karburant jew kombustibbli għan-navigazzjoni tal-ajru – Użu ta’ ajruplan għal finijiet li ma humiex kummerċjali – Portata”

Fil-Kawża C‑79/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Bundesfinanzhof (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tal-1 ta’ Diċembru 2009, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-11 ta’ Frar 2010, fil-proċedura

Systeme Helmholz GmbH

vs

Hauptzollamt Nürnberg,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn J.-C. Bonichot, President tal-Awla, A. Prechal (Relatur), L. Bay Larsen, C. Toader u E. Jarašiūnas, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: E. Sharpston,

Reġistratur: K. Sztranc-Sławiczek, Amministratur,

wara l-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-5 ta’ Mejju 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Systeme Helmholz GmbH, minn G. Real, Wirtschaftsprüfer/Steuerberater,

–        għall-Hauptzollamt Nürnberg, minn S. Junker, Regierungsdirektor, u D. Jakobs, Prozessbevollmächtigter,

–        għall-Gvern Franċiż, minn G. de Bergues, B. Cabonat u B. Beaupere-Manokha, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ċiprijott, minn E. Symeonidou, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls, bħala aġent,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstemgħet l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikoli 11(3), 14(1)(b) u 15(1)(j) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405)

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Systeme Helmholz GmbH (iktar ’il quddiem “Systeme Helmholz”) u l-Hauptzollamt Nürnberg (awtorità doganali ta’ Nuremberg, iktar ’il quddiem il-“Hauptzollamt”) dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tirrimborsa lil Systeme Helmholz it-taxxa fuq iż-żjut minerali imposta fuq il-karburant iddestinat għal ajruplan ta’ din il-kumpannija, għar-raġuni li din tal-aħħar ma hijiex kumpannija tal-ajru.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessa 23 tad-Direttiva 2003/96 hija redatta kif ġej:

“Obbligi internazzjonali eżistenti u ż-żamma ta’ posizzjoni kompettitiva ta’ kumpaniji tal-Komunità tagħti lok biex jinżammu l-eżenzjonijiet ta’ prodotti ta’ enerġija forniti għall-navigazzjoni bl-ajru u bil-baħar, minbarra dawk għal skopijiet privati jew ta’ divertiment, waqt li għandu jkun possibli għall-Stati Membri li jillimitaw dawn l-eżenzjonijiet.”

4        L-Artikolu 11(3) ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“Fejn isir użu mħallat, it-tassazzjoni għandha tapplika skond kull tip ta’ użu proporzjonalment, għalkemm fejn kemm l-użu għal kummerċ u dak li mhuwiex ikun bla valur, dan jista’ jiġi trattat bħala nil”.

5        L-Artikolu 14(1)(b) tal-imsemmija direttiva jipprovdi:

“Barra d-disposizzjonijiet ġenerali kif imniżżla f’Direttiva 92/12/KEE fuq użijiet eżenti ta’ prodotti taxxabli, u mingħajr preġudizzju għall-disposizzjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri għandhom jeżentaw dan li ġej mit-tassazzjoni b’kondizzjonijiet li huma għandhom jagħmlu biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta’ dawn l-eżenzjonijiet u biex jimpedixxu l-evażjoni, ħrib mit-taxxa jew abbuż:

[...]

b)      prodotti ta’ enerġija forniti biex jintużaw bħala karburant għall-iskop ta’ navigazzjoni bl-ajru barra minn safar b’mod privat u għall-divertiment.

Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva ‘safar privat u għall-divertiment’ għandu jfisser l-użu ta’ ajruplan minn sidu jew il-persuna naturali jew ġuridika li jgawdi mill-użu tiegħu permezz ta’ kiri jew mezzi oħra, għall-skopijiet oħra mhux kummerċjali u b’mod partikolari dak li ma għandux jaqsam ma ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti jew fornitura ta’ servizzi bil-ħlas jew għall-iskopijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi.

Stati Membri jistgħu jillimitaw l-iskop ta’ din l-eżenzjoni għall-provvisti ta’ karburant tal-jet (Kodiċi NM 27101921)”.

6        Skont l-Artikolu 15(1)(j) tad-Direttiva 2003/96:

“Mingħajr preġudizzju għall-provissjonijiet oħra tal-Komunità, Stati Membri jistgħu japlikaw taħt kontroll fiskali l-eżenzjonijiet jew tnaqqis kollu jew parti minnu fil-livell ta’ tassazzjoni għal:

[...]

j)      karburanti tal-karozzi użati fil-qasam tal-manifattura, żvilupp, ittestjar u manteniment ta’ ajruplani u bastimenti [...]”.

 Id-dritt nazzjonali

7        Id-dispożizzjonijiet rilevanti huma dawk tal-Att dwar it-Taxxa fuq iż-Żjut Minerali (Mineralölsteuergesetz), tal-21 ta’ Diċembru 1992 (BGBl. 1992 I, p. 2150), fil-verżjoni tiegħu applikabbli fl-2004, is-sena tal-kawża (iktar ’il quddiem il-“MinöStG”), u tar-regolament li jimplementa t-taxxa fuq iż-żjut minerali (Mineralölsteuer-Durchführungsverordnung), tal-15 ta’ Settembru 1993 (BGBl. 1993 I, p. 1602) fil-verżjoni tiegħu applikabbli fl-2004.

8        L-Artikolu 4 tal-MinöStG kien jistabilixxi b’mod partikolari:

“Eżenzjonijiet, Tifsiriet

(1)      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12, iż-żjut minerali jistgħu jiġu eżentati mit-taxxa

[...]

3.      inkwantu karburant għan-navigazzjoni bl-ajru

a) mill-kumpanniji tal-ajru għat-trasport kummerċjali ta’ persuni u ta’ beni jew il-provvista ta’ servizzi bi ħlas,

b) mill-ajruplani tal-amministrazzjoni u l-Bundeswehr għal ħtiġijiet uffiċjali kif ukoll għal servizzi ta’ emerġenza bl-ajru għas-salvataġġ.

Għal din il-liġi preżenti, il-karburanti għan-navigazzjoni bl-ajru huma l-fjuwils tal-avjazzjoni tas-subintestatura 240 0026 fejn l-indiċi ta’ ottan għar-riċerka ma jeċċediex il-valur 100, il-karbureattur tat-tip fjuwil tas-subintestatura 2710 0051 u l-karbureattur (tip pitrolju) tas-subintestatura 2710 0051 tan-nomenklatura maqgħuda meta dawn jiġu użati għall-ajruplani.

[...]”

9        L-Artikolu 12 tal-MinöStG kien redatt b’dan il-mod:

“Awtorizzazzjoni

Il-persuna li

1.      tuża jew tbigħ (tqassam) lil persuna oħra għal finijiet li huma suġġetta għal benefiċċju tat-taxxa jew

2.      inkwantu utent jew distributriċi li għandha l-għan li tintroduċi

a)      f’territorju li ma huwiex it-territorju suġġett għat-taxxa fuq il-konsum tal-Komunità Ewropea (Stati terzi) jew

b)      fi Stat Membru ieħor tal-Komunità Ewropea għal finijiet kummerċjali jew fil-kuntest ta’ bejgħ b’korrispondenza

żejt minerali li, abbażi tal-Artikolu 3(1) sa (3), (5) u (7) tal-Artikolu 4 jew tal-Artikolu 32(1) u (2), jibbenefika minn tnaqqis fit-taxxa, għandha tikseb l-awtorizzazzjoni.

[...]”

10      L-Artikolu 50(1) tar-Regolament li jimplementa t-taxxa fuq iż-żjut minerali, fil-verżjoni tiegħu li japplika fl-2004, kien jipprovdi:

“Rimbors tat-taxxa għal karburanti għan-navigazzjoni bl-ajru

(1) Fuq talba, it-taxxa fuq il-karburanti għan-navigazzjoni bl-ajru għandha tiġi rrimborsata abbażi tal-Artikolu 4(1)(3) tal-Liġi dwar l-impriżi u l-korpi tat-trasport bl-ajru li jkunu xtrawh suġġett għat-taxxa fit-territorju fiskali u jkunu użawh għal titjiriet li huma eżenti mit-taxxa [...]”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      Systeme Helmholz topera impriża li tiżviluppa u tqassam komponenti elettroniċi u programmi tas-software. Hija hi l-proprjetarja ta’ ajruplan li d-direttur eżekuttiv tagħha juża kemm għal finijiet privati kemm għal titjiriet sabiex iżur kumpanniji oħra u fieri kummerċjali kif ukoll għal titjiriet ta’ manutenzjoni u ta’ taħriġ. Hija ma għandhiex liċenzja sabiex topera fis-sens tal-liġi dwar in-navigazzjoni tal-ajru Ġermaniża (Luftverkehrsgesetz), li hija obbligatorja għall-impriżi tat-trasport bl-ajru fil-Ġermanja.

12      Systeme Helmholz kienet iżżomm djarju ta’ kull xahar li fih kienet tniżżel id-data li fiha ntuża l-ajruplan, il-vjaġġ, it-tul u l-għan tal-vjaġġ. Hija talbet, fis-16 ta’ Diċembru 2005, ir-rimbors tat-taxxa fuq iż-żjut minerali għal kwantità annwali ta’ litri 2 358 ta’ fjuwil tal-avjazzjoni, li tikkorrispondi għall-ammont ta’ EUR 1 700.12, abbażi tat-titjiriet għal finijiet professjonali mwettqa fl-2004 fil-Ġermanja, li fosthom hemm ukoll titjiriet lejn u lura minn sit għal manutenzjoni tal-ajruplani kif ukoll titjiriet ta’ taħriġ.

13      B’deċiżjoni tad-9 ta’ Frar 2006, il-Hauptzollamt ċaħdet din it-talba ta’ rimbors għaliex Systeme Helmholz ma kinitx kumpannija tal-ajru.

14      Peress illi bid-deċiżjoni tat-12 ta’ April 2006 il-Hauptzollamt iddikjarat bħala infondat l-ilment imressaq minn Systeme Helmholz kontra dan ir-rifjut ta’ rimbors, din tal-aħħar ippreżentat rikors quddiem il-Finanzgericht München. Din il-qorti ddeċidiet li, fir-rigward tat-titjiriet imwettqa għal finijiet professjonali – salv it-titjiriet ta’ manutenzjoni u ta’ taħriġ –, Systeme Helmholz setgħet tingħata rimbors tat-taxxa fuq iż-żjut minerali abbażi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2003/96. Skont il-Finanzgericht München, restrizzjoni fuq l-eżenzjoni għall-kumpanniji tal-ajru ma tistax tiġi dedotta minn din id-dispożizzjoni. L-użu ta’ ajruplan fil-kuntest tat-trasport f’isem l-impriża, sabiex tiżviluppa n-negozju tagħha, isegwi għan kummerċjali, b’mod li l-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt Komunitarju għall-benefiċċju ta’ eżenzjoni huma ssodisfatti.

15      Min-naħa l-oħra, il-Finanzgericht München ddeċidiet li t-titjiriet marbuta mal-manutenzjoni u mal-verifika tal-kapaċitajiet tat-tagħmir kif ukoll mat-taħriġ ma setgħux jibbenefikaw mit-tnaqqis fit-taxxa stabbilit bid-Direttiva 2003/96. Fil-fatt, skont din il-qorti, l-Artikolu 15(1)(j) ta’ din id-direttiva jistabbilixxi biss il-possibbiltà ta’ rimbors tal-karburanti użati għall-manutenzjoni tat-tagħmir. Barra minn hekk, it-titjiriet ta’ manutenzjoni u ta’ taħriġ ma humiex titjiriet għal finijiet kummerċjali għaliex dawn jitwettqu kemm għal raġunijiet privati kif ukoll professjonali u ma jippreżentawx rabta diretta mal-attivitajiet tal-impriża. Din lanqas ma tista’ tkun kwistjoni ta’ tqassim proporzjonali, għaliex l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2003/96 ma jistabbilixxix din il-possibbiltà.

16      Kemm Systeme Helmholz kif ukoll Hauptzollamt ippreżentaw appell ta’ “Reviżjoni” kontra din id-deċiżjoni quddiem il-Bundesfinanzhof, tal-ewwel għaliex din id-deċiżjoni rrifjutatilha l-eżenzjoni għat-titjiriet ta’ manutenzjoni u ta’ taħriġ, filwaqt tat-tieni sa fejn din l-istess deċiżjoni teżenta lil Systeme Helmholz mit-taxxa fuq il-karburant użat fil-kuntest ta’ titjiriet imwettqa mill-imsemmija kumpannija f’isimha.

17      F’dawn il-kundizzjonijiet, il-Bundesfinanzhof iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      L-ewwel sentenza tal-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE [...] għandha tiġi interpretata fis-sens li l-esklużjoni ta’ safar b’mod privat mill-benefiċċju ta’ eżenzjoni mit-taxxa jfisser li l-eżenzjoni għall-prodotti ta’ enerġija pprovduti biex jintużaw bħala karburant għan-navigazzjoni bl-ajru tista’ tingħata biss lil kumpanniji tal-ajru jew fis-sens li din l-eżenzjoni testendi għall-karburant kollu użat fin-navagazzjoni bl-ajru sakemm l-ajruplan jintuża għal skopijiet kummerċjali?

2)      L-Artikolu 15(1)(j) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni tapplika wkoll għall-karburant li ajruplan jeħtieġ sabiex jagħmel titjira lejn u lura minn post għal manutenzjoni tal-ajruplani jew fis-sens li l-possibbiltà ta’ eżenzjoni tapplika biss għall-kumpanniji li l-għan tagħhom huwa l-manifattura, l-iżvilupp, l-ittestjar u ż-żamma ta’ inġenji tal-ajru?

3)      L-Artikolu 11(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE [...] għandu jiġi interpretat fis-sens li f’każ ta’ użu ta’ ajruplan kemm għal titjiriet privati kif ukoll kummerċjali sabiex jitwettqu titjiriet għall-manutenzjoni jew għat-taħriġ, hemm lok, taħt l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE [...], li tingħata eżenzjoni fi proporzjon mal-użu kummerċjali fuq il-karburant użat għal dan l-ajruplan?

4)      Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għat-tielet domanda: għandu jiġi dedott min-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE [...] fil-kuntest tal-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE [...] li, fil-każ ta’ użu mħallat ta’ ajruplan għal skopijiet privati u kummerċjali ma hemmx lok li tingħata eżenzjoni għat-titjiriet għall-manutenzjoni jew għat-taħriġ?

5)      Fil-każ li tingħata risposta fl-affermattiv għat-tielet domanda jew jekk tirriżulta konsegwenza legali simili minn dispożizzjonijiet oħra tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE [...], li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku: liema kriterji u liema perijodi ta’ referenza għandhom ikunu l-bażi sabiex sabiex tiġi ddeterminata l-proporzjon rispettiva ta’ użu, fis-sens tal-Artikolu 11(3) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE [...], fir-rigward ta’ titjiriet għall-manutenzjoni jew għat-taħriġ?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda

18      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-eżenzjoni mit-taxxa stabbilita fl-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2003/96 tapplikax għal impriża, bħal dik inkwistjon fil-kawża prinċipali, li l-għan finanzjarju tagħha ma jirrigwardax is-settur tan-navigazzjoni bl-ajru u li, sabiex tiżviluppa n-negozju tagħha, tuża ajruplan li huwa ta’ proprjetà tagħha sabiex tiżgura l-vjaġġi tal-uffiċjali tagħha għand klijenti jew sabiex iżuru fieri kummerċjali.

19      Sabiex din id-domanda tingħata risposta, għandu jiġi rrilevat li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw l-eżenzjonijiet stabbiliti bid-Direttiva 2003/96 għandhom jingħataw interpretazzjoni awtonoma, ibbażata fuq kliemhom u fuq l-għanijiet mfittxa mill-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-1 ta’ April 2004, Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, C‑389/02, Ġabra p. I‑3537, punt 19; tal-1 ta’ Marzu 2007, Jan De Nul, C‑391/05, Ġabra p. I‑1793, punt 22, u tal-11 ta’ Novembru 2011, Sea Fighter, C‑505/10, Ġabra p. I‑0000, punt 14).

20      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kliem tal-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2003/96, l-ewwel subparagrafu jistabbilixxi eżenzjoni mit-taxxa għal “prodotti ta’ enerġija forniti biex jintużaw bħala karburant għall-iskop ta’ navigazzjoni bl-ajru barra minn safar b’mod privat u għall-divertiment.” Sussegwentement, it-tieni subparagrafu jiddefinixxi l-kunċett ta’ “safar privat u għall-divertiment”, b’mod negattiv, bħala “l-użu ta’ ajruplan [...] għall-skopijiet oħra mhux kummerċjali u b’mod partikolari dak li ma għandux jaqsam ma ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti jew fornitura ta’ servizzi bil-ħlas jew għall-iskopijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi”.

21      Issa, mill-espressjoni “li ma għandux jaqsam ma ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti jew fornitura ta’ servizzi bil-ħlas” jirriżulta li n-navigazzjoni bl-ajru li tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni tirrigwarda l-utenti tal-karburant meta l-ajruplan jintuża direttament għall-provvista ta’ servizzi bl-ajru bi ħlas. Għalhekk, il-kunċett ta’ “navigazzjoni” jeżiġi li l-provvista ta’ servizzi bi ħlas tkun inerenti għall-vjaġġi bl-ajruplan (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sea Fighter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 18).

22      Barra minn hekk, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2003/96 hija kkoroborata mix-xogħol preparatorju. Fil-fatt, fil-proposta tagħha għad-direttiva, li wasslet sabiex id-Direttiva tal-Kunsill 92/81/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tas-sistemi tad-dazji fuq iż-żjut minerali (ĠU L 316, p. 12) tiġi adottata, il-Kummissjoni Ewropea kienet ippjanat, permezz tal-introduzzjoni ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-karburant użat għan-navigazzjoni bl-ajru, “li twessa’ għas-settur kollu tal-avjazzjoni kummerċjali l-eżenzjoni li attwalment tapplika għall-karburant użat għal titjiriet kummerċjali internazzjonali” [COM(90) 434 final] [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Skont il-Kummissjoni, “[dan kellu jippermetti] li t-trasport bl-ajru bejn kwalunkwe żewġ postijiet tal-Komunità jiġu kkunsidrati bl-istess mod, fatt li [kellu] jenfasizza n-nuqqas ta’ kompartamentalizzazzjoni tas-suq intern. Il-karburant użat għan-navigazzjoni bl-ajru fl-avjazzjoni privata [kellu] jiġi suġġett għat-taxxa, bħalma [diġà kien] ġeneralment il-każ” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Għalhekk, għall-finijiet tal-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-karburant użat għan-navigazzjoni bl-ajru, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn l-avjazzjoni kummerċjali u l-avjazzjoni privata.

23      It-tieni nett, mill-għan tad-Direttiva 2003/96, li skontha l-Istati Membri għandhom jintaxxaw il-prodotti tal-enerġija, jirriżulta li din ma hijiex intiża li tistabbilixxi eżenzjonijiet ta’ natura ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Sea Fighter, iċċitata iktar ’il fuq, punt 21).

24      Barra minn hekk, mill-premessa 23 tad-Direttiva 2003/96 jirriżulta li l-Artikolu 14(1)(b) tagħha huwa bbażat fuq l-osservanza tal-obbligi internazzjonali u fuq il-ħarsien tal-pożizzjoni kompetittiva tal-impriżi Komunitarji.

25      Fir-rigward tal-obbligi internazzjonali, kif tosserva l-Kummissjoni, dan ir-riferiment jikkonċerna prinċipalment l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq prodotti tal-enerġija li huma ddestinati għall-avjazzjoni ċivili u li l-kumpanniji tal-ajru jibbenefikaw minnhom fuq il-bażi tal-Ftehim dwar l-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali, iffirmat f’Chicago fis-7 ta’ Diċembru 1994 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 15, p. 296) kif ukoll fuq il-bażi ta’ konvenzjonijiet bilaterali internazzjonali dwar servizzi bl-ajru konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u/jew l-Istati Membri tagħha ma’ Stati terzi u bejn l-Istati Membri bejniethom.

26      Fir-rigward tal-ħarsien tal-pożizzjoni kompetittiva tal-impriżi Komunitarji, kif josservaw il-Gvern Ċiprijot u l-Kummissjoni, il-kompetittività li talludi għaliha l-premessa 23 tad-Direttiva 2003/96 tikkonċerna prinċipalment dik tal-kumpanniji tal-ajru tal-Komunità meta mqabbla mal-kompetittività tal-kumpanniji tal-ajru ta’ Stati terzi. Fil-fatt, l-impożizzjoni ta’ taxxa fuq il-karburant użat għan-navigazzjoni bl-ajru għal titjiriet intra-Komunitarji jew internazzjonali operati mill-kumpanniji tal-ajru Ewropej inaqqas il-kompetittività ta’ dawn l-impriżi b’mod sinjifikattiv meta mqabbla mal-kumpanniji tal-ajru ta’ Stati terzi.

27      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li l-operazzjonijiet ta’ navigazzjoni bl-ajru mwettqa minn impriżi bħal Systeme Helmholz, li jikkonsistu fit-trasport tal-uffiċjali tagħha għand klijenti jew sabiex iżuru fieri kummerċjali permezz ta’ ajruplan ta’ proprjetà tagħhom, ma jistgħux jitqabblu mal-użu ta’ ajruplan għall-finijiet kummerċjali, fis-sens u skont l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2003/96, u għalhekk ma jidħlux taħt l-eżenzjoni mit-taxxa għall-karburant użat għan-navigazzjoni tal-ajru stabbilita minn din id-dispożizzjoni, sa fejn dawn jirrigwardaw operazzjonijiet ta’ navigazzjoni bl-ajru li ma jservux funzjoni diretta għall-provvista ta’ servizzi bl-ajru bi ħlas.

28      Din il-konklużjoni ma tistax titqiegħed inkwistjoni mill-fatt li hemm ċerta diverġenza bejn il-verżjonijiet lingwistiċi tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-direttiva dwar l-operazzjonijiet ta’ navigazzjoni bl-ajru li huma esklużi mill-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa stabbilita b’din id-dispożizzjoni. Filwaqt li bosta verżjonijiet lingwistiċi ta’ din id-dispożizzjoni jużaw kliem li jidhru li jirreferu biss għal attivitajiet ta’ pjaċir, bħalma huma l-verżjonijiet Ingliżi u Franċiżi li jirreferu għall-kunċett ta’ “aviation de tourisme privée” jew “private pleasure-flying” (safar privat u għall-divertiment), il-verżjoni Ġermaniża tal-imsemmija direttiva tuża, tal-inqas fit-test stess ta’ din id-dispożizzjoni, il-kunċett ta’ “safar privat mhux kummerċjali” (private nichtgewerbliche Luftfahrt”) li jidher li jirreferi għall-attivitajiet kollha li ma humiex kummerċjali.

29      Madankollu, dawn il-kunċetti diverġenti huma espliċitament iddefiniti fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2003/96, bħala “l-użu ta’ ajruplan [...], għall-skopijiet oħra mhux kummerċjali u b’mod partikolari dak li ma għandux jaqsam ma ġarr ta’ passiġġieri jew oġġetti jew fornitura ta’ servizzi bil-ħlas jew għall-iskopijiet ta’ awtoritajiet pubbliċi”. Issa, huwa fid-dawl ta’ din id-definizzjoni li għandha tiġi interpretata l-portata tal-eżenzjoni mit-taxxa stabbilita bl-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2003/96.

30      Fl-aħħar nett, il-konklużjoni li tinsab fil-punt 27 ta’ din is-sentenza ma tistax tiġi invaliditata mis-sentenzi ċċitati iktar ’il fuq Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft u Jan De Nul. Fil-fatt, f’dawn il-kawżi, il-karburant li għalih intalbet eżenzjoni mit-taxxa kien isostni l-vapuri li kienu jintużaw direttament għall-provissta ta’ servizzi bi ħlas. Barra minn hekk, fil-punt 28 tas-sentenza Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, iċċitata iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ Deutsche-See-Bestattungs-Genossenschaft eG li kienu jikkonsistu fl-organizazzjoni ta’ funerali f’ibħra internazzjonali li għalihom kienet tuża tliet vapuri, “[kien] paċifiku li [dawn l-operazzjonijiet] jikkostitwixxu provvista ta’ servizzi bi ħlas”. Barra minn hekk, fil-punt 40 tas-sentenza Jan De Nul, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-manuvri magħmula minn dreġer li jġorr u jbattal il-ħama waqt operazzjonijiet ta’ ġbid u tar-rimi tal-materjali, jiġifieri l-vjaġġi relatati mal-eżekuzzjoni ta’ l-attivitajiet ta’ tħammil, kienu jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “navigazzjoni” fis-sens tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8(1)(ċ) tad-Direttiva 92/81.

31      Huwa f’dan il-kuntest li għandu jinftiehem il-punt 23 tas-sentenza Deutsche See-Bestattungs-Genossenschaft, iċċitata iktar ’il fuq, li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li “kull attività ta’ navigazzjoni għal finijiet kummerċjali tidħol fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni”, kif ukoll il-punt 25 tal-imsemmija sentenza fejn il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-Direttiva 92/81 ma tagħmel l-ebda distinzjoni fir-rigward tal-għan tan-navigazzjoni previst u li d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li d-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva msemmija għandhom l-għan li jevitaw jistgħu jseħħu, tkun xi tkun it-tip ta’ navigazzjoni kummerċjali inkwistjoni. Għalhekk, l-għan tal-vjaġġ magħmul ma għandu l-ebda rilevanza għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-eżenzjoni mit-taxxa meta n-navigazzjoni tinkludi provvista ta’ servizzi bi ħlas (sentenza Sea Fighter iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

32      Min-naħa l-oħra, fil-kawża prinċipali, il-vjaġġi professjonali tal-uffiċjali ta’ Systeme Helmholz, permezz ta’ ajruplan ta’ proprjetà ta’ din il-kumpannija, kemm sabiex imorru għand il-klijenti jew għal fieri kummerċjali sabiex jiżviluppaw in-negozju tagħhom, kif ukoll għall-iżvilupp u għat-tqassim ta’ komponenti elettroniċi u programmi tas-software, ma jservux funzjoni diretta għall-provvista ta’ servizzi bl-ajru bi ħlas magħmula minn din l-impriża.

33      Għalhekk, ir-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun li l-Artikolu 14(1)(b) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-karburant użat għan-navigazzjoni bl-ajru stabbilita b’din id-dispożizzjoni ma tistax tkun ta’ benefiċċju għal impriża, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex tiżviluppa n-negozju tagħha, tuża ajruplan ta’ proprjetà tagħha sabiex tiżgura l-vjaġġi tal-uffiċjali tagħha għand klijenti jew sabiex iżuru fieri kummerċjali, sa fejn dawn il-vjaġġi ma jservux funzjoni diretta għall-provvista ta’ servizzi bl-ajru bi ħlas magħmula minn din l-impriża.

 Fuq it-tieni domanda

34      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-eżenzjoni mit-taxxa stabbilita bl-Artikolu 15(1)(j) tad-Direttiva 2003/96 tapplikax esklużivament għall-karburanti użati minn impriżi li l-għan tagħhom huwa l-manifattura, l-iżvilupp, l-ittestjar u l-manutenzjoni ta’ ajruplani jew jekk din l-eżenzjoni tirrigwardax ukoll il-karburanti meħtieġa minn ajruplan sabiex jopera t-titjiriet lejn u lura minn sit għal manutenzjoni tal-ajruplani.

35      L-Artikolu 15(1)(j) tad-Direttiva 2003/96 jistabbilixxi li l-Istati Membri jistgħu japplikaw taħt kontroll fiskali l-eżenzjonijiet jew t-tnaqqis kollu jew parzjali fil-livell ta’ tassazzjoni għall-karburanti użati fil-qasam tal-manifattura, żvilupp, ittestjar u manutenzjoni ta’ ajruplani u bastimenti.

36      L-ewwel nett, fir-rigward tal-kliem din id-dispożizzjoni, mill-formulazzjoni tagħha u, b’mod partikolari mit-termini “bei der” fil-verżjoni Ġermaniża, “field” fil-verżjoni Ingliża u “domaine” fil-verżjoni Franċiża tagħha, jirriżulta li l-benefiċċju tal-eżenzjoni mit-taxxa stabbilita bl-Artikolu 15(1)(j) tad-Direttiva 2003/96 huwa rriżervat għall-użu tal-karburant mill-impriżi li huma involuti preċiżament fl-attivitajiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni.

37      It-tieni nett, fir-rigward tal-istruttura ġenerali tad-Direttiva 2003/96, għalkemm l-eżenzjoni obbligatorja tal-Artikolu 14(1)(b) ta’ din id-direttiva hija intiża li tinkoraġġixxi fiskalment l-utenti tal-karburant għan-navigazzjoni bl-ajru għal finijiet kummerċjali, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 15(1)(j) tal-imsemmija direttiva jistabbilixxi eżenzjoni fakultattiva li hija intiża li tinkoraġġixxi b’mod speċifiku ċertu numru ta’ attivitajiet kummerċjali li fihom huma involuti l-kostrutturi ta’ ajruplani u s-siti ta’ manutenzjoni tal-ajruplani li jinkludu, b’mod partikolari, il-konsum ta’ karburanti fuq l-art u li l-ebda waħda minnhom ma taqa’ taħt is-settur ta’ attivitajiet abitwali tal-impriżi attivi fis-settur tan-navigazzjoni bl-ajru.

38      Minn dan jirriżulta li l-Artikolu 15(1)(j) tal-imsemmija direttiva ma jirrigwardax il-karburanti li ġew ikkunsmati minn ajruplan sabiex jopera titjiriet lejn u lura minn sit għal manutenzjoni tal-ajruplani.

39      Għalhekk, ir-risposta għat-tieni domanda preliminari għandha tkun li l-Artikolu 15(1)(j) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-karburanti użati sabiex jitwettqu titjiriet lejn u lura minn sit għal manutenzjoni tal-ajruplani ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

 Fuq it-tielet sal-ħames domanda

40      Permezz tat-tielet sal-ħames domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tfittex li ssir taf jekk, fil-każ ta’ użu varju ta’ ajruplan għal finijiet privati u professjonali, hemmx lok li tingħata eżenzjoni proporzjonali għall-karburant użat sabiex jitwettqu titjiriet ta’ manutenzjoni u ta’ taħriġ u, jekk iva, fuq liema kriterji u għal liema perijodi ta’ riferiment għandhom iservu ta’ bażi sabiex jiġi ddeterminat l-proporzjon rispettiv tal-użu.

41      Fid-dawl tar-risposta mogħtija għall-ewwel domanda, ma hemmx lok li dawn id-domandi preliminari jingħataw risposta.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 14(1)(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-karburant użat għan-navigazzjoni bl-ajru stabbilita b’din id-dispożizzjoni ma tistax tkun ta’ benefiċċju għal impriża, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, sabiex tiżviluppa n-negozju tagħha, tuża ajruplan ta’ proprjetà tagħha sabiex tiżgura l-vjaġġi tal-uffiċjali tagħha għand klijenti jew sabiex iżuru fieri kummerċjali, sa fejn dawn il-vjaġġi ma jservux funzjoni diretta għall-provvista ta’ servizzi bl-ajru bi ħlas magħmula minn din l-impriża.

2)      L-Artikolu 15(1)(j) tad-Direttiva 2003/96 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-karburanti użati sabiex jitwettqu titjiriet lejn u lura minn sit għal manutenzjoni tal-ajruplani ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.

Top