EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52011PC0299

DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE fir-rigward ta' kriterji speċifiċi għall-ħżin ta' merkurju metalliku meqjus bħala skart Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE fir-rigward ta' kriterji speċifiċi għall-ħżin ta' merkurju metalliku meqjus bħala skart

/* KUMM/2011/0299 finali - NLE 2011/0132 */

52011PC0299

/* KUMM/2011/0299 finali - NLE 2011/0132 */ DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE fir-rigward ta' kriterji speċifiċi għall-ħżin ta' merkurju metalliku meqjus bħala skart Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE fir-rigward ta' kriterji speċifiċi għall-ħżin ta' merkurju metalliku meqjus bħala skart


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1. KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1102/2008[1] jistipula li l-merkurju metalliku minn erba’ sorsi ewlenin għandu jitqies bħala skart u għandu jintrema b’mod li huwa sikur għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent. Skont l-Artikolu 3, il-merkurju metalliku (likwidu) jista’ jinħażen, permezz ta’ deroga mill-Artikolu 5(3)a tad-Direttiva 1999/31/KE[2], b’mod temporanju jew permanenti f’minjieri tal-melħ adattati jew f’formazzjonijiet ta’ blat iebes taħt l-art, jew b’mod temporanju f’faċilitajiet apposta li jinsabu 'l fuq mill-art. L-Artikolu 4 (3) jistipula li r-rekwiżiti għal tali faċilitajiet ta’ ħżin u l-kriterji ta’ aċċettazzjoni għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ komitoloġija msemmija fl-Artikolu 16 tad-Direttiva 1999/31/KE, u għandhom jieħdu l-forma ta’ emendi tal-Annessi I, II u III ta’ dik id-Direttiva.

L-obbligu tal-ħżin (kif ukoll il-projbizzjoni tal-esportazzjoni skont l-Artikolu 1 tar-Regolament) daħal fis-seħħ fil-15 ta’ Marzu 2011.

Sabiex tiġi ppreparata proposta xierqa għall-kriterji ta’ ħżin, il-Kummissjoni (DĠ Ambjent) talbet li jsir studju dwar “Ir-rekwiżiti għal faċilitajiet u kriterji ta’ aċċettazzjoni għar-rimi ta’ merkurju metalliku”, li twettaq minn BiPRO GmbH. Ir-rapport finali sar disponibbli f'April 2010[3].

2. RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI

Abbażi tas-sejbiet ta’ dan l-istudju, iżda wkoll ta' sorsi oħra, il-Kummissjoni żviluppat l-ewwel abbozz preliminari ta’ kriterji, fil-forma ta’ dokument ta’ ħidma, u ppreżentatu lill-esperti tal-Istati Membri f’Ġunju 2010, biex jagħmlu l-kummenti tagħhom qabel it-3 ta’ Settembru 2010.

Matul din il-konsultazzjoni deher evidenti li, għal dak li kellu x'jaqsam ma' ħżin permanenti, sabiex jiġu ddeterminati rekwiżiti sodi u li huma bbażati fuq għarfien tajjeb għal ħżin permanenti, hemm bżonn ta’ valutazzjonijiet addizzjonali dwar l-imġiba fit-tul tal-merkurju metalliku li jinħażen taħt l-art.

Il-Kummissjoni madankollu kompliet tħejji, b’kooperazzjoni mill-qrib ma’ esperti minn Stati Membri, il-kriterji għall-ħżin temporanju tal-merkurju metalliku. Il-kwistjoni ta’ kriterji għall-ħżin permanenti sejra terġa' tiġi indirizzata hekk kif il-bażi ta’ għarfien tkun tjiebet, filwaqt li jitqies ukoll it-tagħrif mill-Istati Membri li jistgħu jiżviluppaw kapaċitajiet u li bħalissa qed iwettqu valutazzjonijiet nazzjonali dwar is-sikurezza ambjentali.

Abbażi tal-kummenti li waslu mill-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni, ġie diskuss dokument ta’ ħidma rivedut waqt laqgħa informali li saret fis-6 ta’ Ottubru 2010 ma’ esperti dwar l-iskart u l-merkurju.

Fl-10 ta’ Diċembru 2010, il-karta ġiet ippreżentata għal dibattitu (mingħajr votazzjoni), flimkien mal-kummenti u l-emendi addizzjonali, lill-Kumitat għall-adattament għall-progress xjentifiku u tekniku stabbilit skont id-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma [f'miżbliet]. Meta jitqiesu r-riżerva ta’ skrutinju ta’ Stat Membru wieħed u r-rimarki mingħand tnejn oħra li se jiġu kkunsidrati f’verżjoni emendata, id-dokument kien aċċettabbli għal dawk kollha preżenti.

Il-Kummissjoni ttrasferixxiet il-kontenut ta’ dan id-dokument ta’ ħidma bl-emendi msemmija hawn fuq f’dokument leġiżlattiv, abbozz ta’ Direttiva tal-Kummissjoni li jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE fir-rigward ta’ kriterji speċifiċi għall-ħżin tal-merkurju metalliku meqjus bħala skart. Dan l-abbozz ta’ Direttiva ġie ppreżentat lill-Kumitat (imsemmi mill-ġdid) għall-“Adattament għall-progress xjentifiku u tekniku u l-implimentazzjoni tad-Direttivi dwar l-iskart stabbiliti skont l-Artikolu 39 tad-Direttiva 2008/98/KE” fil-11 ta’ Frar 2011, għal votazzjoni bi proċedura bil-miktub. L-abbozz kien jinkludi referenza għal tabelli ta’ korrelazzjoni li għandhom jiġu mfassla mill-Istati Membri. Minħabba li l-att bażiku (id-Direttiva dwar il-Miżbliet) ma fihx referenza bħal din, ma kienx meqjus bħala li hu xieraq li jiġi inkluż fl-att li jemenda. Għalhekk, verżjoni riveduta tal-abbozz kienet is-suġġett ta’ tnedija mill-ġdid tal-proċedura bil-miktub fis-7 ta’ Marzu 2011.

Sal-aħħar tal-perjodu ta’ 30 jum għall-votazzjoni (il-5 ta’ April 2011), ma nkisbet l-ebda maġġoranza kwalifikata (241 vot favur, 75 vot kontra, 29 astensjoni).

Skont l-Artikolu 5a, il-paragrafu 4 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/468/KE li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat tal-implimentazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni, għandha għalhekk tiġi ppreżentata proposta lill-Kunsill dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.

3. ELEMENTI LEGALI TAL-PROPOSTA

Skont il-proposta, ma’ kull wieħed mill-Annessi I, II u III tad-Direttiva dwar il-Miżbliet sejra tiġi miżjuda taqsima li tikkonċerna r-rekwiżiti speċifiċi għall-ħżin tal-merkurju metalliku. L-istruttura tad-Direttiva u tal-annessi tagħha se tibqa’ kif inhi.

2011/0132 (NLE)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE fir-rigward ta' kriterji speċifiċi għall-ħżin ta' merkurju metalliku meqjus bħala skart

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 191 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara t-trażmissjoni tal-abbozz tal-att leġiżlattiv lill-Parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

1. Ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 jistipula li, b’deroga mill-Artikolu 5(3)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma[4], merkurju metalliku meqjus bħala skart jista’, jekk miżmum kif xieraq, jinħażen b’mod temporanju għal aktar minn sena jew jinħażen b’mod permanenti f’ċerti tipi ta’ miżbliet.

2. Il-ħżin ta’ merkurju metalliku meqjus bħala skart diġà huwa rregolat mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-iskart.

3. Il-ħżin ta’ merkurju metalliku meqjus bħala skart għal perjodu massimu ta’ sena huwa soġġett għar-rekwiżiti tal-permessi skont l-Artikolu 23 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi[5].

4. Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 1999/31/KE kif ukoll id-dispożizzjonijiet tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2003/33/KE tad-19 ta’ Diċembru 2002 li tistabbilixxi kriterji u proċeduri għall-aċċettazzjoni ta’ skart f’terraferma skont l-Artikolu 16 ta’ u l-Anness II għad-Direttiva 1999/31/KE[6] japplikaw għal faċilitajiet għall-ħżin ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1102/2008.

5. Dan jimplika, b’mod partikolari, li l-faċilitajiet għall-ħżin ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena jeħtieġu permess skont l-Artikoli 7, 8 u 9 tad-Direttiva 1999/31/KE u li faċilitajiet bħal dawn huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ kontroll u monitoraġġ stabbiliti fl-Artikolu 12 ta’ dik id-Direttiva, kif ukoll, fil-każ ta’ ħżin taħt l-art, għar-rekwiżiti ta' valutazzjoni tas-sikurezza skont l-Appendiċi A tad-Deċiżjoni 2003/33/KE.

6. Barra minn hekk, faċilitajiet bħal dawn huma soġġetti għad-dispożizzjonijiet ġenerali dwar iż-żamma ta’ reġistri kif stipulat fid-Direttiva 2008/98/KE.

7. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 96/82/KE tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-kontroll ta’ perikoli ta’ aċċidenti kbar fl-użu ta’ sustanzi perikolużi[7] japplikaw għal faċilitajiet għall-ħżin temporanju 'l fuq mill-art skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1102/2008.

8. Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jindirizzawx għal kollox il-karatteristiċi speċifiċi tal-merkurju metalliku, u għalhekk hemm bżonn ta’ rekwiżiti addizzjonali.

9. Dawk ir-rekwiżiti addizzjonali għandhom iqisu attivitajiet ta’ riċerka dwar għażliet sikuri ta' rimi, inkluża s-solidifikazzjoni ta’ merkurju metalliku. Inkiseb ċertu progress fl-iżvilupp ta’ għażliet ta’ solidifikazzjoni li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, iżda għadu kmieni wisq biex jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-vijabilità fuq skala kbira ta’ għażliet ta’ dan it-tip.

10. Huma meħtieġa valutazzjonijiet addizzjonali tal-imġiba fit-tul tal-merkurju metalliku maħżun taħt l-art għad-determinazzjoni ta’ rekwiżiti għall-ħżin permanenti li jkunu sodi u bbażati fuq l-għarfien. Ir-rekwiżiti stipulati f’din id-Direttiva għandhom għalhekk ikunu limitati għal ħżin temporanju u jitqiesu bħala xierqa u li jirrappreżentaw l-aqwa tekniki disponibbli għall-ħżin sikur ta’ merkurju metalliku għal perjodu ta’ żmien ta’ mhux aktar minn ħames snin.

11. Għalhekk, id-Direttiva 1999/31/KE għandha tiġi emendata skont dan.

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

L-Annessi I, II u III tad-Direttiva 1999/31/KE huma emendati kif stabbilit fl-Anness għal din id-Direttiva

Artikolu 2

1. L-Istati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard mill-15 ta’ Marzu 2012. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn għandhom jinkludu referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw kif għandhom isiru tali referenzi.

2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.

Artikolu 3

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea .

Artikolu 4

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Kunsill

Il-President

ANNESS

L-Annessi I, II u III għad-Direttiva 1999/31/KE huma emendati kif ġej:

(1) It-taqsima li ġejja tiżdied mal-Anness I:

'8. Ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku

Għall-finijiet ta’ ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

- Il-merkurju metalliku għandu jinħażen separatament minn skart ieħor;

- Il-kontenituri għandhom jinħażnu f’baċiri għall-ġbir miksija b'mod xieraq sabiex ma jkollhomx xquq u fetħiet, u li jkunu impermeabbli għall-merkurju metalliku b’volum xieraq li jkun jista' jżomm il-kwantità ta’ merkurju maħżuna;

- Is-sit tal-ħżin għandu jiġi pprovdut b’barrieri naturali jew mibnija apposta li jkunu xierqa biex l-ambjent jiġi mħares minn emissjonijiet tal-merkurju u b’volum xieraq li jkun jista' jżomm il-kwantità totali ta’ merkurju maħżuna;

- L-art tas-siti tal-ħżin għandha tkun miksija b’materjal li jissiġilla li huwa reżistenti għall-merkurju. Għandha tiġi pprovduta żerżieqa b’fossa għall-ġbir;

- Is-sit tal-ħżin għandu jkun mgħammar b’sistema ta’ protezzjoni kontra n-nirien;

- Il-ħżin għandu jkun imqassam b’tali mod li jiġi żgurat li l-kontenituri kollha jistgħu jiġu rkuprati faċilment.'

(2) It-taqsima li ġejja tiżdied mal-Anness II:

'6. Rekwiżiti speċifiċi għall-merkurju metalliku

Għall-finijiet ta’ ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

A. Kompożizzjoni tal-merkurju

Il-merkurju metalliku għandu jkun konformi mal-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

- kontenut ta’ merkurju ogħla minn 99,9% skont il-piż;

- mingħajr impuritajiet li jistgħu jikkawżaw korrużjoni ta’ karbonju jew ta’ azzar li ma jissaddadx (pereżempju soluzzjoni ta’ aċidu nitriku, soluzzjonijiet ta’ mlieħ tal-klorur).

B. Żamma

Il-kontenituri li jintużaw għall-ħżin tal-merkurju metalliku għandhom ikunu reżistenti għall-korrużjoni u għandhom ikunu reżistenti għad-daqqiet. Għalhekk, saldaturi għandhom jiġu evitati. B’mod partikolari, il-kontenituri għandhom ikunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet li ġejjin:

- materjal tal-kontenitur: azzar bil-karbonju (minimu ASTM A36) jew azzar li ma jissaddadx (AISI 304, 316L);

- il-kontenituri għandhom ikunu tat-tip li minnhom la joħorġu gassijiet u lanqas likwidi;

- in-naħa ta’ barra tal-kontenitur għandha tkun reżistenti għall-kundizzjonijiet tal-ħżin;

- it-tip tad-disinn tal-kontenitur għandu jgħaddi b’suċċess mit-test tal-waqa' (drop test) u mit-test li jikkonferma nuqqas ta' tnixxija (leakproofness test) kif deskritti fil-Kapitli 6.1.5.3 u 6.1.5.4 tar-Rakkomandazzjonijiet tan-NU dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi, il-Manwal tat-Testijiet u l-Kriterji (the UN Recommendations on the Transport of Dangerous Goods, Manual of Tests and Criteria).

Il-proporzjon massimu tal-mili tal-kontenitur għandu jkun ta’ 80% skont il-volum biex jiġi żgurat li jkun hemm spazju vojt biżżejjed biex la jkun hemm tnixxija u lanqas tgħawwiġ permanenti tal-kontenitur bħala riżultat tal-espansjoni tal-likwidu minħabba temperatura għolja.

C. Proċeduri ta’ aċċettazzjoni

Għandhom jiġu aċċettati biss kontenituri b’ċertifikat konformi mar-rekwiżiti stabbiliti f’din it-taqsima.

Il-proċeduri ta’ aċċettazzjoni għandhom ikunu konformi ma’ dan li ġej:

- jiġi aċċettat biss merkurju metalliku li jissodisfa l-kriterji minimi ta’ aċċettazzjoni stabbiliti hawn fuq;

- il-kontenituri għandhom jiġu spezzjonati viżwalment qabel ma jinħażnu. Kontenituri li jkollhom ħsara, li jnixxu jew li għandhom korrużjoni ma għandhomx jiġu aċċettati;

- il-kontenituri għandu jkollhom fuqhom timbru li jservi għal ħafna żmien (magħmul b’sistema ta’ ppanċjar) li juri n-numru ta’ identifikazzjoni tal-kontenitur, il-materjal tal-kostruzzjoni, il-piż tiegħu vojt, ir-referenza tal-manifattur u d-data tal-kostruzzjoni;

- il-kontenituri għandu jkollhom mwaħħla magħhom b’mod permanenti pjanċa li turi n-numru ta’ identifikazzjoni taċ-ċertifikat.

D. Ċertifikat

Iċ-ċertifikat indikat fis-subtaqsima C għandu jinkludi l-elementi li ġejjin:

- l-isem u l-indirizz tal-produttur tal-iskart;

- l-isem u l-indirizz tal-persuna responsabbli għall-mili;

- il-post fejn seħħ il-mili, u d-data meta seħħ;

- il-kwantità tal-merkurju;

- il-purità tal-merkurju u, jekk rilevanti, deskrizzjoni tal-impuritajiet, inkluż ir-rapport analitiku;

- konferma li l-kontenituri ntużaw biss għat-trasport/il-ħżin tal-merkurju;

- in-numri ta’ identifikazzjoni tal-kontenituri;

- kwalunkwe kumment speċifiku.

Iċ-ċertifikati għandhom jinħarġu mill-produttur tal-iskart jew, fin-nuqqas ta’ dan, mill-persuna responsabbli għall-immaniġġjar tiegħu.'

(3) It-taqsima li ġejja tiżdied mal-Anness III:

'6. Rekwiżiti speċifiċi għall-merkurju metalliku

Għall-finijiet ta’ ħżin temporanju ta’ merkurju metalliku għal aktar minn sena, għandhom japplikaw ir-rekwiżiti li ġejjin:

A. Rekwiżiti ta’ monitoraġġ, spezzjoni u emerġenza

Fis-sit tal-ħżin għandha tiġi stallata sistema ta’ monitoraġġ kontinwu tal-fwar tal-merkurju b’sensittività ta’ mill-inqas 0,02mg ta’ merkurju/m³. Is-sensers għandhom jiġu ppożizzjonati fil-livell tal-art u fil-livell ta' tul ta' bniedem. Din għandha tinkludi sistema ta’ twissija akustika u viżwali. Darba fis-sena għandu jsir xogħol ta’ manutenzjoni fuq is-sistema.

Is-sit tal-ħżin u l-kontenituri għandhom jiġu spezzjonati viżwalment minn persuna awtorizzata, tal-inqas darba fix-xahar. Meta jiġu individwati tnixxijiet, l-operatur għandu minnufih jieħu kull azzjoni meħtieġa biex tiġi evitata kwalunkwe emissjoni ta’ merkurju fl-ambjent, u biex terġa’ tiġi stabbilita s-sikurezza tal-kundizzjonijiet tal-ħżin tal-merkurju. Kwalunkwe tnixxija għandha titqies li għandha effetti ambjentali negattivi sinifikanti kif imsemmi fl-Artikolu 12(b).

Fis-sit għandu jkun hemm disponibbli pjanijiet ta’ emerġenza u tagħmir protettiv adattat għall-immaniġġjar tal-merkurju metalliku.

B. Żamma tar-reġistri

Id-dokumenti kollha li fihom it-tagħrif imsemmi fit-Taqsima 6 tal-Anness II u fil-punt A ta’ din it-Taqsima, inkluż iċ-ċertifikat li jkun hemm mal-kontenitur, kif ukoll reġistri rigward it-tneħħija mill-ħżin u l-kunsinna tal-merkurju metalliku wara l-ħżin temporanju tiegħu, u d-destinazzjoni u t-trattament maħsub għalih għandhom jinżammu għal mill-inqas 3 snin wara t-tmiem tal-ħżin.’

[1] Ir-Regolament (KE) Nru 1102/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2008 dwar il-projbizzjoni tal-merkurju metalliku u ta’ ċerti komposti u taħlitiet tal-merkurju u l-ħżin sikur tal-merkurju metalliku (Test b’rilevanza għaż-ŻEE), ĠU L 304, 14.11.2008, p. 75.

[2] Id-Direttiva tal-Kunsill 1999/31/KE tas-26 ta’ April 1999 dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma, ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.

[3] L-istudju jista’ jiġi kkonsultat fuq is-sit http://ec.europa.eu/environment/chemicals/mercury/

[4] ĠU L 182, 16.7.1999, p. 1.

[5] ĠU L 312, 22.11.2008, p. 3.

[6] ĠU L 11, 16.1.2003, p. 27.

[7] ĠU L 10, 14.1.1997, p. 13.

Top