EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32024R0900

Regolament (UE) 2024/900 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2024 dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku

PE/90/2023/REV/1

ĠU L, 2024/900, 20.3.2024, ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/900/oj (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/900/oj

European flag

Il-Ġurnal Uffiċjali
ta'l-Unjoni Ewropea

MT

Serje L


2024/900

20.3.2024

REGOLAMENT (UE) 2024/900 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-13 ta’ Marzu 2024

dwar it-trasparenza u l-immirar tar-reklamar politiku

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 16 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Il-provvista u d-domanda għal reklamar politiku qed jikbru u qed isiru dejjem aktar transfruntieri fin-natura tagħhom. Għadd kbir, diversifikat u dejjem jiżdied ta’ servizzi huma assoċjati ma’ din l-attività, bħal konsulenzi politiċi, aġenziji tar-reklamar, pjattaformi “ad-tech”, ditti tar-relazzjonijiet pubbliċi, influencers u diversi operaturi tal-analitika tad-data u tas-senserija. Ir-reklamar politiku jista’ jieħu ħafna forom, inkluż kontenut imħallas, riżultati ta’ tiftix sponsorjati, messaġġi mmirati mħallsa, promozzjoni fil-klassifikazzjonijiet, promozzjoni ta’ xi ħaġa jew xi ħadd integrat f’kontenut bħall-inklużjoni ta’ prodott kummerċjali, influencers u approvazzjonijiet oħra. Attivitajiet relatati jistgħu jinvolvu pereżempju d-disseminazzjoni tar-reklamar politiku fuq talba ta’ sponsor jew il-pubblikazzjoni ta’ kontenut bi ħlas jew forom oħra ta’ remunerazzjoni, inklużi benefiċċji in natura.

(2)

Ir-reklamar politiku jista’ jiġi disseminat jew jiġi ppubblikat permezz ta’ diversi mezzi u media bejn il-fruntieri kemm online kif ukoll offline. Dan it-tip ta’ reklamar qed jiżdied b’mod rapidu u jista’ jiġi disseminat jew ippubblikat permezz ta’ media tradizzjonali offline bħall-gazzetti, it-televiżjoni u r-radju, iżda wkoll dejjem aktar permezz ta’ pjattaformi online, siti web, applikazzjonijiet mobbli, logħob tal-kompjuter u interfaċċi diġitali oħra. Dawn tal-aħħar mhux biss aktarx li partikolarment jiġu offruti b’mod transfruntier, iżda wkoll iqajmu sfidi regolatorji u ta’ infurzar ġodda u diffiċli. L-użu tar-reklamar politiku online qed jiżdied ħafna, u ċerti forom lineari offline ta’ reklamar politiku, bħar-radju u t-televiżjoni, huma offruti wkoll online bħala servizzi fuq talba. Il-kampanji tar-reklamar politiku għandhom it-tendenza li jiġu organizzati biex jagħmlu użu minn firxa ta’ media u forom.

(3)

Minħabba li normalment jiġi pprovdut bi ħlas, li jista’ jinkludi benefiċċji in natura, ir-reklamar, inkluż ir-reklamar politiku, jikkostitwixxi attività ta’ servizz skont l-Artikolu 57 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Fid-Dikjarazzjoni Nru 22, dwar il-persuni b’diżabilità, annessa mat-Trattat ta’ Amsterdam, il-Konferenza tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri qablet li, fit-tfassil tal-miżuri skont l-Artikolu 114 tat-TFUE, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jridu jqisu l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità.

(4)

Il-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza hija għan pubbliku leġittimu, f’konformità mal-valuri kondiviżi mill-Unjoni u mill-Istati Membri tagħha skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Mhux dejjem ikun faċli li ċ-ċittadini jirrikonoxxu r-reklami politiċi u jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi tagħhom b’mod infurmat. Iż-żieda fis-sofistikazzjoni tad-diżinformazzjoni, id-diversifikazzjoni tal-atturi, l-evoluzzjoni rapida ta’ teknoloġiji ġodda u t-tixrid intensifikat ta’ manipulazzjoni tal-informazzjoni u interferenza fil-proċessi elettorali u regolatorji demokratiċi tagħna huma sfidi importanti għall-Unjoni u l-Istati Membri. Ir-reklamar politiku jista’ jkun vettur ta’ diżinformazzjoni, b’mod partikolari fejn ir-reklamar ma jiżvelax in-natura politika tiegħu, ikun ġej minn sponsors barra mill-Unjoni jew ikun soġġett għal tekniki tal-immirar jew tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami. Hemm bżonn ta’ livell għoli ta’ trasparenza, fost l-oħrajn, biex jiġu appoġġati dibattitu politiku u kampanji politiċi miftuħa u ġusti, u elezzjonijiet jew referenda ħielsa u ġusti, u biex jiġu miġġielda l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza, kif ukoll l-interferenza illegali, inkluż minn pajjiżi terzi. It-trasparenza tar-reklamar politiku tikkontribwixxi biex tippermetti lill-votanti u lill-individwi b’mod ġenerali jifhmu aħjar meta jkunu qed jiġu ppreżentati reklam politiku, f’isem min ikun qed isir ir-reklamar, kif ukoll kif u għalfejn ikunu fil-mira ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar, sabiex il-votanti jkunu f’pożizzjoni aħjar biex jagħmlu għażliet infurmati. Il-litteriżmu medjatiku jenħtieġ li jiġi appoġġat biex jgħin lill-individwi jagħmlu l-aħjar użu mit-trasparenza tar-reklamar politiku.

(5)

Dan ir-Regolament għandu l-għan li jiżgura li l-forniment ta’ reklamar politiku jkun b’rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali.

(6)

Fil-kuntest tar-reklamar politiku, isir użu frekwenti mit-tekniki tal-immirar u mit-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami bbażati fuq l-ipproċessar ta’ data personali, inkluż data personali osservata u inferita, bħal data li tiżvela opinjonijiet politiċi u kategoriji speċjali oħra ta’ data. It-tekniki tal-immirar jenħtieġ li jinftiehmu bħala tekniki li jintużaw jew biex jiġi indirizzat reklam politiku biss għal persuna speċifika jew għal grupp ta’ persuni, jew biex jeskluduhom, normalment b’kontenut imfassal apposta, abbażi tal-ipproċessar tad-data personali. It-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami jenħtieġ li jinftiehmu bħala firxa wiesgħa ta’ tekniki ta’ ottimizzazzjoni li jiddependu mill-ipproċessar awtomatizzat ta’ data personali sabiex jiżdiedu ċ-ċirkolazzjoni, il-firxa jew il-viżibbiltà ta’ reklam politiku. Tali tekniki jistgħu jintużaw mill-pubblikaturi ta’ reklamar politiku u, b’mod partikolari, minn pjattaformi online kbar ħafna skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), biex iwasslu reklami politiċi lil udjenza fil-mira abbażi ta’ data personali u tal-kontenut tar-reklami. It-twassil ta’ reklami bl-użu ta’ tekniki bħal dawn jinvolvi l-użu ta’ algoritmi li bħalissa huma opaki għall-individwi u li l-effett tagħhom jista’ jkun differenti minn dak li l-isponsors, jew il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar li jaġixxu f’isem l-isponsors kellhom l-intenzjoni li joħolqu. Minħabba l-potenzjal għall-użu ħażin tad-data personali permezz tal-immirar, inkluż permezz ta’ mikroimmirar u tekniki avvanzati oħra, tekniki bħal dawn jistgħu jippreżentaw theddid partikolari għall-interessi pubbliċi leġittimi, bħall-ġustizzja, l-opportunitajiet indaqs u t-trasparenza fil-proċess elettorali u d-drittijiet fundamentali għal-libertà tal-espressjoni, għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data personali u għall-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, u d-dritt li wieħed jiġi infurmat b’mod oġġettiv, trasparenti u pluralistiku.

(7)

Ir-reklamar politiku bħalissa huwa rregolat b’mod eteroġenu fl-Istati Membri, li f’ħafna każijiet għandu t-tendenza li jiffoka fuq forom tradizzjonali tal-media. Jeżistu restrizzjonijiet speċifiċi inkluż fuq il-forniment transfruntier ta’ servizzi ta’ reklamar politiku, li jaffettwaw it-twettiq ta’ kampanji politiċi transfruntiera u pan-Ewropej. Xi Stati Membri jipprojbixxu lill-fornituri ta’ servizzi tal-Unjoni stabbiliti fi Stati Membri oħra milli jipprovdu servizzi ta’ natura politika jew b’għan politiku matul il-perjodi elettorali. Fl-istess ħin, x’aktarx li jeżistu nuqqasijiet u lakuni fil-liġi nazzjonali ta’ xi Stati Membri, li jirriżultaw f’reklamar politiku li xi drabi jiġi disseminat mingħajr ma jitqiesu r-regoli nazzjonali rilevanti u b’hekk jirriskjaw li jimminaw l-objettiv tar-regolamentazzjoni tat-trasparenza għar-reklamar politiku.

(8)

Biex tiġi pprovduta trasparenza mtejba tar-reklamar politiku, inkluż biex jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini, xi Stati Membri diġà esploraw, jew qed jikkunsidraw, miżuri addizzjonali biex jindirizzaw it-trasparenza tar-reklamar politiku u biex jappoġġaw dibattitu politiku ġust u elezzjonijiet jew referenda ħielsa u ġusti. Dawk il-miżuri nazzjonali huma kkunsidrati b’mod partikolari għar-reklamar politiku ppubblikat u disseminat online u jistgħu jinkludu restrizzjonijiet ulterjuri. Dawk il-miżuri jvarjaw minn miżuri mhux vinkolanti għal dawk vinkolanti u jinvolvu elementi differenti ta’ trasparenza.

(9)

Dik is-sitwazzjoni twassal għall-frammentazzjoni tas-suq intern, tnaqqas iċ-ċertezza legali għall-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku li jkunu qed iħejju, iqiegħdu, jippromwovu, jippubblikaw, iwasslu jew jiddessiminaw reklami politiċi, toħloq ostakli għall-moviment liberu ta’ servizzi relatati, toħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni fis-suq intern, inkluż bejn il-fornituri ta’ servizzi offline u dawk online, u tirrikjedi sforzi kumplessi ta’ konformità u spejjeż addizzjonali għall-fornituri ta’ servizzi rilevanti.

(10)

F’dak il-kuntest, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku x’aktarx li jiġu skoraġġuti milli jipprovdu s-servizzi ta’ reklamar politiku tagħhom f’sitwazzjonijiet transfruntieri. Dak huwa partikolarment minnu għall-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, li spiss ma jkollhomx ir-riżorsi biex jassorbu jew jgħaddu l-ispejjeż għoljin ta’ konformità marbuta mat-tħejjija, mat-tqegħid, mal-promozzjoni, mal-pubblikazzjoni, mat-twassil jew mad-disseminazzjoni tar-reklamar politiku f’aktar minn Stat Membru wieħed. Dak jillimita d-disponibbiltà tas-servizzi u jħalli impatt negattiv fuq il-possibbiltà li l-fornituri ta’ servizzi jinnovaw u joffru kampanji permezz ta’ tipi differenti ta’ media u kampanji multinazzjonali fi ħdan is-suq intern.

(11)

Għalhekk, meta jiġu pprovduti servizzi ta’ reklamar politiku, jenħtieġ li jiġi żgurat livell konsistenti u għoli ta’ trasparenza tar-reklamar politiku madwar l-Unjoni, filwaqt li jenħtieġ li jiġu evitati d-diverġenzi li jfixklu ċ-ċirkolazzjoni libera tas-servizzi relatati fis-suq intern, billi jiġu stabbiliti regoli armonizzati għall-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar politiku, inkluż dwar l-obbligi ta’ trasparenza u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta relatati, għall-isponsors u l-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku li jiggarantixxu l-protezzjoni uniformi tad-drittijiet tal-persuni u s-superviżjoni fis-suq intern kollu abbażi tal-Artikolu 114 tat-TFUE.

(12)

L-Istati Membri jenħtieġ li ma jżommux jew ma jintroduċux, fil-liġijiet nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet dwar it-trasparenza tar-reklamar politiku li jkun differenti minn dawk stipulati f’dan ir-Regolament, b’mod partikolari dispożizzjonijiet iktar jew inqas strinġenti biex jiżguraw livell differenti ta’ trasparenza fir-reklamar politiku. L-armonizzazzjoni sħiħa tal-obbligi ta’ trasparenza u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta relatati marbuta ma’ reklam politiku żżid iċ-ċertezza legali u tnaqqas il-frammentazzjoni tal-obbligi li l-fornituri ta’ servizzi jkollhom jissodisfaw fil-kuntest tar-reklamar politiku.

(13)

L-armonizzazzjoni sħiħa tal-obbligi ta’ trasparenza u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta relatati jenħtieġ li tkun mingħajr preġudizzju għal-libertà tal-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku li jipprovdu aktar informazzjoni dwar ir-reklamar politiku fuq bażi volontarja, bħala parti mil-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni protetta skont l-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”).

(14)

Dan ir-Regolament huwa limitat għall-armonizzazzjoni tar-regoli dwar l-obbligi ta’ trasparenza u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta relatati għall-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar politiku u dwar l-użu ta’ tekniki tal-immirar u dwar tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami, kif ukoll regoli għas-superviżjoni u l-infurzar tiegħu. Jenħtieġ li la jaffettwa l-kontenut tar-reklami politiċi u lanqas ir-regoli tal-Unjoni jew tal-Istati Membri li jirregolaw aspetti relatati mar-reklamar politiku għajr dawk koperti minn dan ir-Regolament. Konsegwentement, dan ir-Regolament ma jbiddilx ir-regoli li jirregolaw it-twettiq u l-finanzjament ta’ kampanji politiċi, inkluż projbizzjonijiet jew limitazzjonijiet ġenerali fuq ir-reklamar politiku matul perjodi speċifikati, l-hekk imsejħa perjodi ta’ silenzju, donazzjonijiet minn donaturi individwali ta’ kampanji jew projbizzjonijiet rigward l-użu ta’ reklamar kummerċjali għall-finijiet ta’ kampanja elettorali. Barra minn hekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax, b’mod partikolari, id-drittijiet fundamentali għal-libertà ta’ opinjoni u l-libertà tal-kelma.

(15)

Il-ħtiġijiet speċifiċi tal-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju jenħtieġ li jitqiesu fl-applikazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità. Il-kunċett ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju jenħtieġ li jinftiehem bħala impriżi li jikkwalifikaw skont l-Artikolu 3(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(16)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi obbligi armonizzati ta’ trasparenza u obbligi armonizzati ta’ diliġenza dovuta relatati applikabbli għall-atturi ekonomiċi li jipprovdu reklamar politiku u servizzi relatati, jiġifieri, attivitajiet li normalment jiġu pprovduti b’remunerazzjoni, li jistgħu jinkludu benefiċċji in natura. Dawk is-servizzi jikkonsistu b’mod partikolari fit-tħejjija, fit-tqegħid, fil-promozzjoni, fil-pubblikazzjoni, fit-twassil u fid-disseminazzjoni tar-reklami politiċi. Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament li jipprevedu livell għoli ta’ trasparenza tas-servizzi ta’ reklamar politiku huma bbażati fuq l-Artikolu 114 tat-TFUE. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jindirizza wkoll l-użu ta’ tekniki tal-immirar u tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami fil-kuntest tal-promozzjoni, tal-pubblikazzjoni, tat-twassil jew tad-disseminazzjoni tar-reklamar politiku li jkunu bbażati fuq l-ipproċessar tad-data personali. Ir-regoli ta’ dan ir-Regolament li jindirizzaw l-użu tat-tekniki tal-immirar u tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami huma bbażati fuq l-Artikolu 16 tat-TFUE. Ir-reklamar politiku mmirat lejn individwi fi Stat Membru jenħtieġ li jinkludi reklamar imħejji, imqiegħed, promoss ippubblikat, imwassal jew disseminat kompletament minn fornituri ta’ servizzi stabbiliti barra mill-Unjoni iżda disseminat lil individwi fl-Unjoni. Sabiex jiġi ddeterminat jekk reklam politiku jkunx dirett lejn individwi fi Stat Membru, jenħtieġ li jitqiesu l-fatturi li jikkollegawh ma’ dak l-Istat Membru, inklużi l-lingwa, il-kuntest, l-objettiv tar-reklam u l-mezzi ta’ tixrid tiegħu.

(17)

Fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet tal-mezz tal-pubblikazzjoni jew tad-disseminazzjoni tar-reklam politiku, b’mod partikolari biex jiġu adattati l-modalitajiet tiegħu għat-televiżjoni, għar-radju u għall-gazzetti skont il-każ, f’konformità mal-liġi tal-Unjoni.

(18)

Jenħtieġ li jitfakkar li l-forniment transfruntier ta’ servizzi ta’ reklamar fis-suq intern huwa soġġett għall-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Dak il-prinċipju jinvolvi, fost l-oħrajn, li l-aċċess minn riċevitur għal servizz offrut lill-pubbliku ma jkunx limitat biss minħabba n-nazzjonalità jew il-post tar-residenza jew tal-istabbiliment tar-riċevitur. Għalhekk, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku ma jitħallewx jiddiskriminaw kontra sponsors residenti jew legalment stabbiliti fl-Unjoni abbażi tal-post tar-residenza jew tal-istabbiliment tagħhom, ħlief meta d-differenza fit-trattament tkun ġustifikata u proporzjonata f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. L-aċċess nondiskriminatorju għas-servizzi ta’ reklamar politiku transfruntier huwa essenzjali biex ir-riċevituri ta’ dawk is-servizzi jgawdu mill-benefiċċji kollha tas-suq intern f’dak is-settur. L-aċċess nondiskriminatorju għas-servizzi ta’ reklamar politiku transfruntier huwa partikolarment importanti għall-partiti politiċi Ewropej, minħabba r-rwol tagħhom fil-kontribut għat-tiswir tal-għarfien politiku Ewropew u fl-espressjoni tar-rieda taċ-ċittadini tal-Unjoni kif stabbilit fl-Artikolu 10(4) tat-TUE u l-Artikolu 12(2) tal-Karta u l-istatus legali Ewropew tagħhom skont ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

Restrizzjonijiet mhux ġustifikati mill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku fuq il-libertà tal-partiti politiċi Ewropej li jirċievu servizzi ta’ reklamar politiku transfruntier jenħtieġ li ma jkunux permessi peress li jostakolaw it-twettiq ta’ kampanji politiċi effettivi madwar l-Unjoni, u b’hekk iwaqqfuhom milli jissodisfaw ir-rwol assenjat lilhom mit-Trattati. Konsegwentement, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li ma jiċħdux, ma jfixklux jew jagħmlu inqas attraenti s-servizzi tagħhom lil partit politiku Ewropew abbażi biss tal-post tal-istabbiliment tiegħu, inkluża r-reġistrazzjoni, mingħajr ma tiġi prekluża l-possibbiltà ta’ differenzi fit-trattament abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi ġustifikati. Japplikaw kunsiderazzjonijiet simili fir-rigward ta’ gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew li huma ffurmati f’konformità mar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew u li jwettqu dmirijiethom bħala parti mill-attivitajiet tal-Unjoni. Il-klawżola dwar in-nondiskriminazzjoni stabbilita f’dan ir-Regolament ma tiddeterminax, u ma taffettwa bl-ebda mod, l-istatus legali tal-partiti politiċi Ewropej jew tal-gruppi politiċi fil-Parlament Ewropew peress li tillimita ruħha li tindirizza l-pożizzjoni tagħhom bħala sponsors.

(19)

L-interferenza fl-elezzjonijiet minn ċerti entitajiet ta’ pajjiżi terzi jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li jistgħu jisponsorjaw ir-reklamar politiku fl-Unjoni, hija magħrufa li hija theddida serja għad-demokrazija, li hija valur komuni tal-Unjoni u l-fatt li tiġi żgurata huwa ta’ importanza fundamentali għall-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Konsegwentement, xi Stati Membri diġà daħħlu fis-seħħ, jew qed jikkunsidraw, diversi restrizzjonijiet fuq entitajiet ta’ pajjiżi terzi jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi milli jipprovdu finanzjament fil-kuntest tal-elezzjonijiet. Dik is-sitwazzjoni regolatorja eteroġenja, li x’aktarx tmur għall-agħar minħabba l-klima internazzjonali ta’ tensjoni prevalenti, toħloq ostakli għall-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku biex joperaw fis-swieq ta’ Stati Membri differenti. Għalhekk, jenħtieġ li dik is-sitwazzjoni regolatorja eteroġenja tiġi approssimata għal standard minimu komuni. Jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jkunu meħtieġa, fit-tliet xhur ta’ qabel elezzjoni jew referendum organizzat fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali fi Stat Membru, li jipprovdu biss servizzi ta’ reklamar politiku liċ-ċittadini tal-Unjoni, liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu b’mod permanenti fl-Unjoni u li jkollhom dritt tal-vot f’dik l-elezzjoni jew f’dak ir-referendum jew lil persuni ġuridiċi stabbiliti fl-Unjoni li mhumiex ikkontrollati minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi. Ir-riskju ta’ interferenza fl-elezzjonijiet jew fir-referenda fi Stati Membri differenti u l-valutazzjonijiet tal-Istati Membri ta’ dak ir-riskju jvarjaw, u huwa għalhekk li regoli nazzjonali aktar stretti li jipprevedu b’mod partikolari perjodi ta’ żmien itwal għar-restrizzjoni tal-isponsorizzazzjoni minn entitajiet ta’ pajjiżi terzi jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi jistgħu jkunu xierqa fi Stati Membri differenti. L-istandard minimu ta’ tliet xhur għalhekk jenħtieġ li ma jipprekludix lill-Istati Membri milli jipprevedu regoli nazzjonali aktar stretti f’konformità mal-liġi tal-Unjoni. Meta elezzjoni jew referendum jitħabbru inqas minn tliet xhur qabel id-data ta’ dik l-elezzjoni jew dak ir-referendum, jenħtieġ li dan ma jinftiehemx li jwassal għal obbligi fil-perjodu ta’ qabel ma jkunu tħabbru l-elezzjonijiet jew ir-referenda.

(20)

Sabiex jiġu miġġielda l-manipulazzjoni tal-informazzjoni u l-interferenza fir-reklamar politiku, il-“pjattaformi online” kif definiti fir-Regolament (UE) 2022/2065 huma mħeġġa, inkluż permezz tal-Kodiċi ta’ Prattika dwar id-Diżinformazzjoni, jistabbilixxu u jimplimentaw politiki mfassla apposta u miżuri rilevanti oħra, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni tagħhom f’inizjattivi usa’ ta’ demonetizzazzjoni tad-diżinformazzjoni biex jipprevjenu t-tqegħid ta’ reklamar politiku li fih diżinformazzjoni.

(21)

Ma hemm l-ebda definizzjoni eżistenti ta’ reklamar politiku jew ta’ reklam politiku fil-livell tal-Unjoni. Hija meħtieġa definizzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġi stabbilit il-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi ta’ trasparenza u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta relatati u tar-regoli dwar l-użu ta’ tekniki ta’ mmirar u tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami. Dik id-definizzjoni jenħtieġ li tkopri l-ħafna forom li jista’ jieħu r-reklamar politiku u kwalunkwe mezz u mod ta’ pubblikazzjoni jew disseminazzjoni fl-Unjoni, irrispettivament minn jekk is-sors ikunx jinsab fl-Unjoni jew f’pajjiż terz.

(22)

Id-definizzjoni tar-reklamar politiku jenħtieġ li tinkludi reklamar imħejji, imqiegħed, promoss, ippubblikat, imwassal jew disseminat direttament jew indirettament minn attur politiku jew imħejji, imqiegħed, promoss, ippubblikat, imwassal jew disseminat bi kwalunkwe mod direttament jew indirettament f’ismu. Ir-reklamar politiku normalment ikun direttament jew indirettament taħt il-kontroll ta’ sponsor, li jista’ jkun attur politiku, u li b’mod partikolari jkun jista’ jiddetermina n-natura politika, il-kontenut jew il-pubblikazzjoni tar-reklamar politiku li jkun qed jitħejja, jitqiegħed, jiġi promoss, jiġi ppubblikat, jitwassal jew jiġi disseminat. Xi kultant entità oħra tista’ fl-aħħar istanza teżerċita kontroll fuq sponsor. L-istabbiliment ta’ jekk entità hijiex fl-aħħar istanza tikkontrolla sponsor għandu jkun ibbażat fuq drittijiet, kuntratti jew kwalunkwe mezz ieħor li, jew separatament jew flimkien, u b’kont meħud tal-kunsiderazzjonijiet tal-fatti jew tal-liġi involuti, jikkonferixxu l-possibbiltà li tiġi eżerċitata influwenza deċiżiva fuq entità, b’mod partikolari permezz tas-sjieda, id-dritt li jintużaw l-assi kollha jew parti minnhom ta’ entità, jew drittijiet jew kuntratti li jikkonferixxu influwenza deċiżiva fuq il-kompożizzjoni, il-votazzjoni jew id-deċiżjonijiet tal-organi ta’ entità. Sabiex jiġi ddeterminat li messaġġ huwa ta’ natura purament privata jew purament kummerċjali, jenħtieġ li jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, bħall-kontenut tiegħu, l-isponsor tal-messaġġ, il-lingwa użata biex jintbagħat il-messaġġ, il-kuntest li fih jintbagħat il-messaġġ, inkluż il-perjodu ta’ disseminazzjoni, l-objettiv tal-messaġġ u l-mezzi li bihom il-messaġġ jitħejja, jitqiegħed, jiġi promoss, ippubblikat, imwassal jew disseminat u l-udjenza fil-mira. Messaġġi li jikkonċernaw l-istatus tal-familja jew l-attivitajiet kummerċjali ta’ attur politiku aktarx li jkunu purament privati jew purament kummerċjali.

(23)

Il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni, it-twassil jew id-disseminazzjoni minn atturi oħra ta’ messaġġ li jista’ u li jkun imfassal biex jinfluwenza r-riżultat ta’ elezzjoni jew ta’ referendum, imġiba tal-vot jew proċess leġiżlattiv jew regolatorju fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali, lokali jenħtieġ li jikkostitwixxu wkoll reklamar politiku. Proċess leġiżlattiv jew regolatorju jenħtieġ li jinkludi t-teħid ta’ deċiżjonijiet li jkollhom effetti vinkolanti ta’ applikazzjoni ġenerali fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali jew lokali. Jenħtieġ li tkun teżisti rabta ċara u sostanzjali bejn il-messaġġ u l-potenzjal tiegħu li jinfluwenza r-riżultat ta’ elezzjoni jew referendum, l-imġiba tal-vot jew proċess leġiżlattiv jew regolatorju. Sabiex tiġi determinata l-eżistenza ta’ tali rabta, jenħtieġ li jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha fil-mument li fih il-messaġġ ikun ġie promoss, ippubblikat, imwassal jew disseminat, bħall-identità tal-isponsor tal-messaġġ, il-forma u l-kontenut tal-messaġġ, il-lingwa mitkellma jew miktuba użata biex jintbagħat il-messaġġ, il-kuntest li fih jintbagħat il-messaġġ, inkluż il-perjodu ta’ disseminazzjoni bħal ma hu perjodu elettorali, l-objettiv tal-messaġġ u l-mezzi li bihom il-messaġġ ikun ġie promoss, ippubblikat, imwassal jew disseminat u l-udjenza mmirata. Il-lingwa jenħtieġ li tinftiehem li tinkludi kull lingwa użata fl-Unjoni, inklużi d-djaletti reġjonali u l-lingwa tas-sinjali, bl-użu ta’ kwalunkwe mezz ta’ komunikazzjoni jew kodifikazzjoni, bħall-braille u mezzi oħra. Id-disinn jenħtieġ li jkun evidenti f’dawk il-fatturi, u jenħtieġ li rabta ma tkunx derivata esklużivament b’mod retroattiv mill-impatt ta’ messaġġ.

(24)

Ir-reklamar politiku jinkludi s-sitwazzjoni fejn it-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni, it-twassil jew id-disseminazzjoni ta’ messaġġ li jista’ jinfluwenza u li jkun imfassal biex jinfluwenza r-riżultat ta’ elezzjoni jew referendum, l-imġiba tal-vot jew proċess leġiżlattiv jew regolatorju titwettaq minn entità li taġixxi f’isimha stess (attivitajiet interni). L-attivitajiet interni, li jenħtieġ li jitqiesu bħala rilevanti biss għall-Kapitolu III ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jinftiehmu bħala attivitajiet imwettqa fi ħdan entità li jinkludu jew jikkontribwixxu b’mod sostanzjali għat-tħejjija, għat-tqegħid, għall-promozzjoni, għall-pubblikazzjoni, għat-twassil jew għad-disseminazzjoni, bi kwalunkwe mezz, ta’ messaġġ li jista’ jinfluwenza u li jkun imfassal biex jinfluwenza r-riżultat ta’ elezzjoni jew referendum, l-imġiba tal-vot jew proċess leġiżlattiv jew regolatorju.

(25)

Ir-reklamar kummerċjali u l-prattiki ta’ kummerċjalizzazzjoni jistgħu jaffettwaw b’mod leġittimu l-perċezzjonijiet tal-konsumaturi dwar il-prodotti u s-servizzi jew l-imġiba tax-xiri tagħhom, inkluż permezz ta’ differenzjazzjoni tad-ditti bbażata fuq azzjonijiet tal-kumpaniji fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, li jwasslu għal impatt soċjali, jew kwalunkwe tip ieħor ta’ involviment xprunat mill-iskop. Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika għar-reklamar kummerċjali li jista’ jinfluwenza u li huwa mfassal biex jinfluwenza r-riżultat ta’ elezzjoni jew referendum, l-imġiba tal-vot jew proċess leġiżlattiv jew regolatorju.

(26)

Il-Kummissjoni jenħtieġ li tfassal gwida komuni għall-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament u, b’mod partikolari, biex tappoġġa lill-isponsors, jew lill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar li jaġixxu f’isem l-isponsors, meta jiddikjaraw u jidentifikaw ir-reklami politiċi, u biex tappoġġa lill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku biex jiffaċilitaw u jamministraw b’mod xieraq tali dikjarazzjonijiet.

(27)

Fl-interess ta’ komunikazzjoni effettiva mal-pubbliku ġenerali, il-komunikazzjoni pubblika minn, għal jew f’isem kwalunkwe awtorità pubblika ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni, fosthom membri tal-Gvern, bħal pereżempju, stqarrijiet għall-istampa jew konferenzi li jħabbru inizjattivi leġiżlattivi jew regolatorji u li jispjegaw l-għażla tal-politika li fuqha huma bbażati inizjattivi bħal dawn, jenħtieġ li ma tikkostitwixxix reklamar politiku, dment li ma jkunux jistgħu jinfluwenzaw jew li ma jkunux imfassla biex jinfluwenzaw ir-riżultat ta’ elezzjoni jew referendum, l-imġiba tal-vot jew proċess leġiżlattiv jew regolatorju. B’mod simili, l-informazzjoni prattika minn sorsi uffiċjali tal-Istati Membri jew tal-Unjoni li huma strettament limitati għall-organizzazzjoni u l-modalitajiet għall-parteċipazzjoni f’elezzjonijiet jew f’referenda, inklużi t-tħabbir tal-kandidaturi jew il-mistoqsija suġġetta għal referendum, jenħtieġ ukoll li ma tikkostitwixxix reklamar politiku.

(28)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma japplikax f’każijiet fejn spazju pubbliku speċifiku għall-preżentazzjoni tal-kandidati jkun espliċitament previst mil-liġi u allokat mingħajr ħlas, pereżempju billi jiġi allokat spazju għal tali preżentazzjoni fil-muniċipalitajiet u żoni pubbliċi oħra jew ħin partikolari tax-xandir fuq it-televiżjoni, fejn dan isir b’mod ġust u nondiskriminatorju, u abbażi ta’ kriterji trasparenti u oġġettivi.

(29)

Il-media tikkontribwixxi għall-funzjonament tajjeb tal-proċessi demokratiċi u taqdi rwol essenzjali fil-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, b’mod partikolari fil-perjodu immedjatament qabel elezzjoni. Tipprovdi spazju għal dibattitu pubbliku u tikkontribwixxi għat-tiswir tal-opinjoni pubblika. Għalhekk, jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jaffettwax il-libertà editorjali tal-media. L-opinjonijiet politiċi espressi bi kwalunkwe mezz taħt responsabbiltà editorjali jenħtieġ li ma jkunux koperti, sakemm ma jkunux ipprovduti ħlas speċifiku jew remunerazzjoni oħra minn partijiet terzi għat-tħejjija, għat-tqegħid, għall-promozzjoni, għall-pubblikazzjoni, għat-twassil jew għad-disseminazzjoni tagħhom jew b’rabta magħhom. Madankollu, meta tali opinjonijiet politiċi jiġu sussegwentement promossi, ippubblikati jew disseminati minn fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku, jistgħu jitqiesu bħala reklamar politiku.

(30)

L-opinjonijiet politiċi espressi f’kapaċità personali jikkostitwixxu manifestazzjoni partikolari tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. Mhuwiex reklamar politiku, u huwa neċessarju li din id-distinzjoni ssir b’mod ċar. Biex isir dan, l-opinjonijiet politiċi espressi f’kapaċità personali jenħtieġ li ma jkunux koperti minn dan ir-Regolament. L-identifikazzjoni ta’ opinjonijiet politiċi espressi f’kapaċità personali normalment jenħtieġ li tirriżulta minn awtodeterminazzjoni individwali, iżda jistgħu jitqiesu elementi kuntestwali. Fatturi rilevanti jistgħu jinkludu jekk l-opinjoni tinħariġx f’isem entità oħra, jekk il-messaġġ għandux l-intenzjoni ta’ awtopromozzjoni ta’ kandidatura jew kampanja f’elezzjoni, f’referendum jew fi proċess leġiżlattiv jew regolatorju, jekk hijiex espressa minn individwu li huwa ġeneralment attiv fil-kampanja jew fit-teħid ta’ azzjoni għal bidla dwar kwistjonijiet politiċi jew soċjali, u jekk il-messaġġ huwiex disseminat lil numru indefinit ta’ persuni. Opinjoni politika jenħtieġ li ma titqiesx bħala espressa f’kapaċità personali jekk tkun prevista remunerazzjoni speċifika minn partijiet terzi, inklużi benefiċċji in natura, jew b’rabta mal-espressjoni ta’ dik l-opinjoni.

(31)

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, elezzjonijiet jenħtieġ li tinftiehem bħala l-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, l-elezzjonijiet jew ir-referenda kollha organizzati fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali fl-Istati Membri, u l-elezzjonijiet biex tiġi stabbilita tmexxija tal-partiti politiċi. Dan jenħtieġ li ma jinkludix forom oħra ta’ elezzjonijiet bħal poloz tal-vot organizzati b’mod professjonali jew privatament.

(32)

Huwa meħtieġ li r-reklam politiku jiġi ddefinit bħala eżempju ta’ reklamar politiku. Ir-reklamar jinkludi l-mezzi li bihom jiġi kkomunikat il-messaġġ tar-reklam, inkluż b’mod stampat, permezz tal-media tax-xandir, fuq paġni web, magni tat-tiftix u streaming tal-media, jew permezz ta’ servizz ta’ pjattaformi online.

(33)

Id-definizzjoni ta’ atturi politiċi jenħtieġ li tirreferi għal kunċetti ddefiniti skont il-liġi tal-Unjoni, kif ukoll skont il-liġi nazzjonali f’konformità mal-istrumenti legali internazzjonali bħal dawk tal-Kunsill tal-Ewropa. Id-definizzjoni ta’ atturi politiċi jenħtieġ li tinkludi l-entitajiet affiljati u sussidjarji ta’ partit politiku stabbiliti, b’personalità ġuridika jew mingħajrha, sabiex jappoġġawh jew isegwu l-objettivi tiegħu, pereżempju billi jinvolvu ruħhom ma’ grupp speċifiku ta’ votanti jew għal skop elettorali speċifiku.

(34)

Id-definizzjoni ta’ atturi politiċi jenħtieġ li tinkludi kandidati għal kwalunkwe kariga elettiva jew detenturi ta’ kwalunkwe kariga elettiva, u membri ta’ Gvern ta’ Stat Membru fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali jew ta’ istituzzjonijiet tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Bank Ċentrali Ewropew u l-Qorti tal-Awdituri.

(35)

Id-definizzjoni ta’ reklamar politiku jenħtieġ li tirreferi għat-tħejjija, għat-tqegħid, għall-promozzjoni, għall-pubblikazzjoni, għat-twassil jew għad-disseminazzjoni ta’ sensiela ta’ reklami politiċi relatati matul kuntratt għar-reklamar politiku, abbażi ta’ tħejjija, sponsorizzazzjoni jew finanzjament komuni.

(36)

Id-definizzjoni ta’ reklamar politiku jenħtieġ li ma taffettwax i d-definizzjonijiet nazzjonali ta’ partit politiku, għanijiet politiċi, jew kampanji politiċi, jew tbiddel jew tinterferixxi mar-regoli tal-kampanja politika fil-livell nazzjonali.

(37)

Id-definizzjoni ta’ attur politiku jenħtieġ li ma taffettwax ir-regoli nazzjonali dwar min jista’ jwettaq kampanja politika u jenħtieġ li ma tobbligax lill-Istati Membri jadottaw dawn ir-regoli.

(38)

Sabiex tiġi koperta l-firxa wiesgħa ta’ fornituri ta’ servizzi rilevanti marbuta ma’ servizzi ta’ reklamar politiku, jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jiġu mifhuma bħala li jinkludu fornituri involuti fit-tħejjija, fit-tqegħid, fil-promozzjoni, fil-pubblikazzjoni, fit-twassil jew fid-disseminazzjoni tar-reklami politiċi. Pereżempju, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jistgħu jaġixxu f’isem l-isponsors billi jibdew servizzi ta’ reklamar politiku f’isimhom.

(39)

Id-definizzjoni ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li ma tinkludix fornituri li jipprovdu servizzi purament anċillari fir-rigward ta’ servizzi ta’ reklamar politiku. Servizzi anċillari huma servizzi li jiġu pprovduti minbarra r-reklamar politiku u li jikkomplementawh, iżda li ma għandhom l-ebda influwenza diretta fuq il-kontenut jew il-preżentazzjoni tiegħu u l-ebda kontroll dirett fuq it-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni, it-twassil jew id-disseminazzjoni tiegħu. Dawn is-servizzi jistgħu jinkludu t-trasport, il-finanzjament u l-investiment, ix-xiri, il-bejgħ, il-catering, il-kummerċjalizzazzjoni, is-servizzi tal-kompjuter, it-tindif, il-manutenzjoni, is-servizzi postali, is-servizzi tal-istampar, id-disinn grafiku, tal-ħoss jew fotografiku.

(40)

Sponsor jenħtieġ li jiġi mifhum bħala l-persuna jew l-entità li f’isimha jitħejja, jitqiegħed, jiġi promoss, ippubblikat, imwassal jew disseminat reklam politiku, pereżempju kandidat individwali f’elezzjoni jew partit politiku, u li normalment tkun il-persuna jew l-entità li tipprovdi remunerazzjoni bi skambju għal servizzi ta’ reklamar politiku.

(41)

Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jinftiehmu bħala fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku, normalment fl-aħħar tal-katina ta’ fornituri ta’ servizzi, li jippromwovu, jippubblikaw, iwasslu jew jiddisseminaw ir-reklamar politiku permezz tax-xandir, jagħmluh disponibbli permezz ta’ interfaċċa jew inkella jagħmluh disponibbli għall-pubbliku.

(42)

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandhom responsabbiltajiet li jappoġġaw il-kisba tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament. Ċerti fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jxandru, jagħmlu disponibbli permezz ta’ interfaċċa jew inkella jġibu fid-dominju pubbliku reklamar politiku, u bis-saħħa ta’ dan ir-rwol ikunu f’pożizzjoni li jiżguraw li dan isir f’konformità ma’ dan ir-Regolament u li jipprovdi standard għoli ta’ trasparenza. Għaldaqstant, dawk il-fornituri ta’ servizzi jenħtieġ li jkollhom responsabbiltajiet speċifiċi bħala pubblikaturi ta’ reklamar politiku, u huwa meħtieġ li jiġu identifikati bħala tali.

(43)

Sponsor jenħtieġ li jiddikjara b’mod onest jekk ir-reklamar ikkonċernat jikkostitwixxix reklamar politiku kif definit f’dan ir-Regolament u, fl-aħħar tliet xhur qabel elezzjoni jew referendum organizzat fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali fi Stat Membru, jekk jistax jaġixxi bħala sponsor skont dan ir-Regolament. L-isponsor jenħtieġ li jkun responsabbli mill-akkuratezza ta’ dikjarazzjonijiet bħal dawn. Barra minn hekk, ladarba reklamar ikun ġie identifikat bħala politiku, id-disseminazzjoni ulterjuri tiegħu xorta jenħtieġ li tikkonforma mar-rekwiżiti ta’ trasparenza u r-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta relatati.

(44)

Fid-dawl tal-importanza li tiġi ggarantita b’mod partikolari l-effettività tar-regoli dwar it-trasparenza u r-rekwiżiti ta’ diliġenza dovuta relatati, l-arranġamenti kuntrattwali konklużi għall-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jiżguraw li l-informazzjoni meħtieġa biex il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jkunu jistgħu jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament tiġi trażmessa in bona fide u b’mod sħiħ u akkurat, u mingħajr dewmien żejjed. F’każ ta’ dikjarazzjoni jew informazzjoni li ma tkunx kompluta, jew tkun skaduta jew żbaljata, dan ir-Regolament jenħtieġ li jipprevedi l-ikkompletar, l-aġġornament jew il-korrezzjoni ta’ tali dikjarazzjoni jew informazzjoni. Jenħtieġ li dan ma jikkostitwixxix obbligu ġenerali għall-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku biex jimmonitorja l-verità tad-dikjarazzjonijiet dwar in-natura politika tar-reklami jew biex jinvolvi ruħu f’eżerċizzji ta’ tiftix tal-fatti eċċessivi jew għaljin. Sabiex jimplimentaw b’mod effiċjenti r-rekwiżit li jikkomplementaw, jaġġornaw jew jikkoreġu tali dikjarazzjoni jew informazzjoni, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jadattaw l-interfaċċi online tagħhom biex jiffaċilitaw il-konformità ma’ tali obbligi.

(45)

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar jenħtieġ li jikkunsidraw dikjarazzjoni jew informazzjoni bħala manifestament żbaljata jekk dan ikun evidenti mill-kontenut tar-reklam, mill-identità tal-isponsor, jew mill-kuntest li fih jiġi pprovdut is-servizz rilevanti, mingħajr verifiki ulterjuri jew eżerċizzji ta’ tiftix tal-fatti.

(46)

Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku li huma wkoll pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2022/2065 jenħtieġ li jidentifikaw, janalizzaw u jivvalutaw b’mod diliġenti kwalunkwe riskju sistemiku li joħolqu s-servizzi ta’ reklamar politiku tagħhom fil-kuntest tal-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom skont l-Artikolu 34 ta’ dak ir-Regolament u jistabbilixxu miżuri ta’ mitigazzjoni raġonevoli, proporzjonati u effettivi f’konformità mal-Artikolu 35 ta’ dak ir-Regolament biex jindirizzaw dawk ir-riskji.

(47)

Ir-regoli dwar it-trasparenza u r-rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta relatati stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li japplikaw biss għas-servizzi ta’ reklamar politiku, jiġifieri reklamar politiku li normalment jiġi pprovdut bi ħlas, li jista’ jinkludi benefiċċju in natura. Dawk ir-regoli jenħtieġ li ma japplikawx għall-kontenut imtella’ minn utent ta’ servizz intermedjarju online, bħal pjattaforma online, u disseminata mis-servizz intermedjarju online mingħajr korrispettiv għat-tqegħid, il-pubblikazzjoni, it-twassil jew id-disseminazzjoni tal-messaġġ speċifiku, sakemm l-utent ma jkunx tħallas minn parti terza għar-reklam politiku.

(48)

Ir-regoli dwar it-trasparenza u r-rekwiżiti dwar id-diliġenza dovuta relatati jenħtieġ ukoll li ma japplikawx għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni permezz ta’ servizzi ta’ komunikazzjoni elettronika bħal servizzi ta’ messaġġi elettroniċi jew telefonati, dment li ma jkun involut l-ebda servizz ta’ reklamar politiku.

(49)

Il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, kif protetta mill-Artikolu 11 tal-Karta, tkopri d-dritt tal-individwu li jkollu opinjonijiet politiċi, jirċievi u jagħti informazzjoni politika u jaqsam ideat politiċi. Kull limitazzjoni għal dik il-libertà trid tikkonforma mal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Dik il-libertà tista’ tkun soġġetta għal modulazzjonijiet u restrizzjonijiet fejn dawn ikunu meħtieġa u ġġustifikati mill-kisba ta’ interess pubbliku leġittimu u jikkonformaw mal-prinċipji ġenerali tal-liġi tal-Unjoni, bħall-proporzjonalità u ċ-ċertezza legali. Dan huwa l-każ, inter alia, fejn l-ideat politiċi jiġu kkomunikati permezz ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku. Il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni hija waħda mill-pedamenti ta’ dibattitu demokratiku vivaċi.

(50)

Jenħtieġ li dan ir-Regolament ma jkollux l-effett li jirrikjedi lill-Istati Membri jieħdu miżuri bi ksur tal-prinċipji fundamentali relatati mal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, b’mod partikolari l-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’media oħrajn kif jirriżultaw mit-tradizzjonijiet kostituzzjonali jew regoli li jirregolaw id-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-istampa jew ta’ media oħrajn, u l-garanziji proċedurali għalihom, meta dawn ir-regoli jkunu jikkonċernaw id-determinazzjoni jew il-limitazzjoni tar-responsabbiltà.

(51)

Fir-rigward tal-intermedjarji online, ir-Regolament (UE) 2022/2065 japplika għal reklami politiċi ppubblikati jew disseminati mill-intermedjarji online permezz ta’ regoli orizzontali applikabbli għat-tipi kollha ta’ reklamar online, inklużi r-reklami kummerċjali u politiċi. Abbażi tad-definizzjoni tar-reklamar politiku f’dan ir-Regolament, huwa xieraq li tiġi pprovduta granularità addizzjonali tar-rekwiżiti ta’ trasparenza stabbiliti għall-pubblikaturi tar-reklamar li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2022/2065, b’mod partikolari pjattaformi online kbar ħafna. Dan jikkonċerna b’mod partikolari informazzjoni relatata mal-finanzjament ta’ reklami politiċi. Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) 2022/2065.

(52)

It-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni, it-twassil u d-disseminazzjoni ta’ reklami politiċi jistgħu jinvolvu katina kumplessa ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku. Dan huwa l-każ, b’mod partikolari, fejn l-għażla tal-kontenut tar-reklamar, l-għażla tal-kriterji tal-immirar u tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami, il-provvista tad-data użata għall-immirar u t-twassil ta’ reklam, id-dispożizzjonijiet tat-tekniki tal-immirar u tat-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami, u t-twassil ta’ reklam u d-disseminazzjoni tiegħu jistgħu jiġu kkontrollati minn fornituri ta’ servizzi differenti.

Barra minn hekk, l-isponsors jistgħu jkunu involuti fi stadji differenti tat-tħejjija, tat-tqegħid, tal-promozzjoni, tal-pubblikazzjoni, tat-twassil u tad-disseminazzjoni tar-reklamar politiku. Bl-istess mod, għall-fini tat-tekniki tal-immirar u t-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami, kontrollur jista’ jiddetermina l-finijiet u l-mezzi tal-ipproċessar flimkien ma’ kontrolluri oħra jew l-operazzjoni ta’ pproċessar tista’ titwettaq f’isem il-kontrollur minn entità oħra. Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-kontroll konġunt jista’ jiġi stabbilit ukoll meta entità waħda biss ikollha aċċess għad-data personali kkonċernata. Minħabba l-kontribuzzjonijiet differenti tagħhom, jiġifieri d-definizzjoni tal-parametri tal-immirar, id-deżinjazzjoni tal-kategoriji tad-data u l-ipproċessar meta jintwerew ir-reklami, il-fornituri ta’ servizzi u l-isponsors regolarment jiddeċiedu b’mod konġunt dwar il-mezzi u l-finijiet tal-ipproċessar tad-data personali għar-reklamar politiku, u għalhekk jistgħu jitqiesu bħala kontrolluri konġunti skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) u l-Artikolu 28 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8). Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi prevista allokazzjoni ċara tar-responsabbiltajiet tad-diversi entitajiet skont dan ir-Regolament.

(53)

Meta kostruzzjoni artifiċjali kummerċjali jew kuntrattwali tirriskja li tevita l-effettività tal-obbligi ta’ trasparenza stabbiliti f’dan ir-Regolament, dawn l-obbligi jenħtieġ li japplikaw għall-entità jew għall-entitajiet li, fis-sustanza, jipprovdu s-servizz ta’ reklamar.

(54)

Filwaqt li jipprevedu rekwiżiti speċifiċi, jenħtieġ li l-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament ma jinftehmux bħala li jimponu obbligu ta’ monitoraġġ ġenerali fuq il-fornituri ta’ servizzi intermedjarji għall-kontenut politiku kondiviż minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, jew li jimponu obbligu ġenerali fuq il-fornituri ta’ servizzi intermedjarji biex jieħdu miżuri proattivi fir-rigward ta’ kontenut illegali li dawk il-fornituri jittrażmettu jew jaħżnu.

(55)

Biex jappoġġaw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dawk dwar l-użu ta’ tekniki tal-immirar u tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami fil-kuntest tar-reklamar politiku online, il-fornituri ta’ servizzi intermedjarji huma mħeġġa jiffaċilitaw l-identifikazzjoni tar-reklamar politiku mtella’ jew disseminat direttament mill-utenti permezz tas-servizz intermedjarju online tagħhom. Pereżempju, il-fornituri ta’ servizzi intermedjarji jistgħu jqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti mekkaniżmi effiċjenti biex jindikaw li reklam huwa politiku.

(56)

It-trasparenza tar-reklamar politiku jenħtieġ li tippermetti lill-individwi jifhmu li jinsabu quddiem reklam politiku. Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li, flimkien ma’ kull reklam politiku, jiżguraw il-pubblikazzjoni ta’ dikjarazzjoni ċara li tgħid li dak huwa reklam politiku u ta’ informazzjoni oħra, bħall-identità tal-isponsor tiegħu, il-kampanja politika li jagħmel parti minnha u jekk kienx soġġett għal tekniki tal-immirar u tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami. Fejn xieraq, l-isem tal-isponsor jista’ jinkludi logo politiku. Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jiżguraw li r-reklami politiċi jkunu ttikkettati b’mod korrett u jenħtieġ li jagħmlu użu minn tikkettar li jkun effettiv u li jinkludi l-informazzjoni speċifikata, inkluża indikazzjoni ċara ta’ fejn għandu jiġi rkuprat l-avviż ta’ trasparenza. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-format u l-mudell tat-tikketti u tiżgura li dawn jiġu adattati għall-mezz użat, filwaqt li tqis l-aħħar żviluppi teknoloġiċi u tas-suq, ir-riċerka xjentifika rilevanti u l-aħjar prattiki.

(57)

Sabiex tiġi appoġġata r-responsabbiltà fil-proċess politiku, l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta f’avviż ta’ trasparenza jenħtieġ li tinkludi wkoll l-identità tal-isponsor u, fejn applikabbli, tal-entità li fl-aħħar istanza tikkontrolla l-isponsor. Il-post tal-istabbiliment tal-isponsor u jekk l-isponsor huwiex persuna fiżika jew ġuridika jenħtieġ li jiġu indikati b’mod ċar. Id-data personali dwar individwi involuti fir-reklamar politiku, li ma jkunux relatati mal-isponsor jew ma’ atturi politiċi involuti oħra jenħtieġ li ma tiġix ipprovduta fl-avviż ta’ trasparenza. L-avviż ta’ trasparenza jenħtieġ li jkun fih ukoll informazzjoni dwar il-perjodu ta’ disseminazzjoni, kwalunkwe elezzjoni relatata, l-ammont minfuq u l-valur ta’ benefiċċji oħra riċevuti fi skambju parzjali jew sħiħ għar-reklam speċifiku, kif ukoll, għall-kampanja kollha ta’ reklamar politiku, is-sors tal-fondi użati u informazzjoni oħra biex tiġi żgurata l-ġustizzja tad-disseminazzjoni tar-reklam politiku. Informazzjoni dwar is-sors tal-fondi użati tikkonċerna pereżempju l-oriġini pubblika jew privata tagħhom, u jekk joriġinawx minn ġewwa jew minn barra l-Unjoni. L-informazzjoni dwar l-elezzjonijiet jew ir-referenda relatati jenħtieġ li, meta jkun possibbli, tinkludi link għal informazzjoni minn sorsi uffiċjali rigward l-organizzazzjoni u l-modalitajiet għall-parteċipazzjoni jew għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni f’dawk l-elezzjonijiet jew referenda. Meta reklam politiku jiġi ppubblikat mill-ġdid wara li jkun ġie sospiż jew imwaqqaf minħabba ksur ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-avviżi ta’ trasparenza jiddikjaraw dan sabiex jiġi żgurat li l-individwi jsiru jaf b’dan il-fatt b’mod xieraq. L-avviż ta’ trasparenza jenħtieġ li jkun disponibbli immedjatament meta r-reklam jiġi ppubblikat jew disseminat, u l-informazzjoni li jkun fih jenħtieġ li tinżamm aġġornata. Barra minn hekk, l-avviż ta’ trasparenza jenħtieġ li jinkludi wkoll informazzjoni dwar kif għandhom jiġu nnotifikati r-reklami politiċi f’konformità mal-mekkaniżmi stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dak ir-rekwiżit jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar in-notifika stabbiliti fir-Regolament (UE) 2022/2065.

(58)

Sabiex tiġi żgurata trasparenza akbar tar-reklamar politiku, huwa meħtieġ li fl-avviż ta’ trasparenza rilevanti tinġabar u tiġi ppreżentata informazzjoni dwar il-portata tar-reklamar politiku, u l-involviment tal-individwi miegħu. Il-portata tal-messaġġ hija relatata ma’ data li tippermetti l-kwantifikazzjoni tad-distribuzzjoni ġeografika u l-għadd ta’ individwi li jkunu raw, irċevew jew b’xi mod ieħor interaġixxew mar-reklamar politiku, inkluż l-għadd ta’ viżwalizzazzjonijiet, impressjonijiet u klikks. L-involviment fil-messaġġ huwa relatat ma’ data li tippermetti l-kwantifikazzjoni tal-interazzjonijiet tal-individwi mar-reklamar politiku online, imkejla b’diversi mezzi, inkluż il-perjodu ta’ interazzjoni mar-reklam politiku. L-istandards rilevanti għat-tħejjija ta’ avviżi ta’ tikkettar u trasparenza tar-reklami politiċi jenħtieġ li jindirizzaw il-kwantifikazzjoni tal-portata u l-involviment.

(59)

Il-preżentazzjoni tal-informazzjoni fl-avviż ta’ trasparenza tista’ tvarja skont il-mezzi użati. Sabiex l-informazzjoni fl-avviż ta’ trasparenza f’reklam offline tiġi rkuprata faċilment, jistgħu pereżempju jintużaw link dedikata għal paġna web, kodiċi ta’ rispons rapidu (jew “kodiċi QR”) jew miżuri tekniċi ekwivalenti li jkunu faċli għall-utent. Ir-rekwiżit li l-informazzjoni dwar l-avviż ta’ trasparenza għandha tkun, inter alia, viżibbli b’mod ċar jenħtieġ li jinvolvi li din l-informazzjoni tkun tidher b’mod prominenti fir-reklamar jew miegħu. Ir-rekwiżit li l-informazzjoni ppubblikata fl-avviż ta’ trasparenza trid tkun faċilment aċċessibbli, li tista’ tinqara mill-magni fejn ikun teknikament possibbli, u faċli għall-utent jenħtieġ li jkun jindirizza l-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità billi jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, inkluż, meta teknikament fattibbli, billi l-informazzjoni ssir disponibbli permezz ta’ aktar minn kanal sensorjali wieħed. Sabiex ikunu jistgħu jitqiesu l-aħħar żviluppi teknoloġiċi u tas-suq, ir-riċerka xjentifika rilevanti u l-aħjar prattiki u biex jiġi żgurat li l-avviżi ta’ trasparenza jiġu adattati għall-mezz użat, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format tagħhom u jipprovdu speċifikazzjonijiet tekniċi.

(60)

Huwa meħtieġ li, meta r-reklamar politiku jsir disponibbli b’mod elettroniku, inkluż permezz ta’ mezz online, l-avviż ta’ trasparenza li jakkumpanjah jenħtieġ li jkun disponibbli wkoll b’mod elettroniku u f’format li jinqara mill-magni. Ir-reklamar politiku li jsir disponibbli biss permezz ta’ mezz offline, bħal fuljetti stampati jew gazzetti stampati, jista’ jkun akkumpanjat minn avviżi ta’ trasparenza li jsiru disponibbli wkoll biss permezz ta’ mezz offline, inkluż fl-istess fuljett stampat jew gazzetta. Madankollu, meta r-reklamar politiku jsir disponibbli permezz ta’ mezz offline u l-avviż ta’ trasparenza jsir disponibbli b’mod elettroniku, l-avviż ta’ trasparenza jenħtieġ li jkun ukoll f’format li jinqara mill-magni.

(61)

L-informazzjoni jenħtieġ li titqies li tista’ tinqara mill-magni jekk tiġi pprovduta f’format li l-applikazzjonijiet tas-software jistgħu jipproċessaw awtomatikament, mingħajr intervent uman, b’mod partikolari għall-fini tal-identifikazzjoni, ir-rikonoxximent u l-estrazzjoni ta’ data speċifika minnha.

(62)

L-avviżi ta’ trasparenza jenħtieġ li jitfasslu biex iqajmu kuxjenza fost l-utenti u jgħinu fl-identifikazzjoni ċara tar-reklam politiku bħala tali. Jenħtieġ li jitfasslu biex jibqgħu fis-seħħ jew jibqgħu aċċessibbli f’każ li reklam politiku jiġi disseminat aktar, pereżempju billi jitqiegħed fuq pjattaforma oħra jew jintbagħat bejn individwu u ieħor. L-informazzjoni inkluża fl-avviż ta’ trasparenza jenħtieġ li tiġi ppubblikata meta tibda l-pubblikazzjoni tar-reklami politiċi u tibqa’ sa ma tintemm il-pubblikazzjoni tagħhom. Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jżommu l-avviżi ta’ trasparenza tagħhom u jagħmluhom disponibbli fuq talba flimkien ma’ kwalunkwe modifika għal perjodu ta’ seba’ snin wara l-aħħar pubblikazzjoni.

(63)

Peress li l-pubblikaturi ta’ reklami politiċi jagħmlu r-reklami politiċi disponibbli għall-pubbliku, jenħtieġ li jippubblikaw jew jiddessiminaw l-informazzjoni inkluża fl-avviż ta’ trasparenza lill-pubbliku flimkien mal-pubblikazzjoni jew mad-disseminazzjoni tar-reklam politiku. Meta l-pubblikatur ta’ reklamar politiku jsir jaf bi kwalunkwe mezz li reklam politiku ma jkunx jissodisfa r-rekwiżiti ta’ trasparenza skont dan ir-Regolament, pereżempju wara notifika individwali, jenħtieġ li huwa jagħmel l-almu tiegħu biex l-informazzjoni meħtieġa skont dan ir-Regolament jikkompletaha jew jikkoreġiha. Meta l-informazzjoni ma tkunx tista’ tiġi kkompletata jew ikkorreġuta mingħajr dewmien żejjed, jenħtieġ li l-pubblikaturi ta’ reklamar politiku ma jagħmlux disponibbli r-reklam politiku li ma jissodisfax ir-rekwiżiti ta’ trasparenza skont dan ir-Regolament, jew jenħtieġ li ma jkomplux il-pubblikazzjoni jew id-disseminazzjoni lill-pubbliku ta’ dan ir-reklam. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, jenħtieġ li l-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jinfurmaw lill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku kkonċernati, u fejn rilevanti lill-isponsor, bil-passi raġonevoli meħuda biex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti skont dan ir-Regolament. Il-pubblikatur jenħtieġ li jinforma lill-isponsor, jew lill-fornitur ta’ servizz li jaġixxi f’isem l-isponsor, dwar kwalunkwe deċiżjoni meħuda f’dan ir-rigward.

(64)

Sabiex tiġi żgurata l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni dwar ir-reklamar politiku online meħtieġa skont dan ir-Regolament, u l-aċċess effettiv għaliha mill-individwi interessati kollha, huwa meħtieġ li l-Kummissjoni jenħtieġ li tistabbilixxi u tiżgura, direttament jew billi tafda din ir-responsabbiltà lil awtorità ta’ ġestjoni, il-ġestjoni ta’ repożitorju pubbliku għar-reklami politiċi online kollha, ir-repożitorju Ewropew għar-reklami politiċi online. Kwalunkwe delega lil awtorità ta’ ġestjoni jenħtieġ li tkun soġġetta għall-adattamenti regolatorji meħtieġa. Biex jappoġġa l-aċċess għall-informazzjoni minn individwi, inkluż biex jiffaċilita l-ħidma tal-atturi interessati, bħar-riċerkaturi fir-rwol speċifiku tagħhom, u biex jappoġġa elezzjonijiet jew referenda ħielsa u ġusti u kampanji elettorali ġusti, inkluż billi jiskrutinizza l-isponsors ta’ reklam politiku u janalizza x-xenarju tar-reklam politiku, dak ir-repożitorju jenħtieġ li jinkludi funzjonalità li tippermetti l-aċċess għar-reklamar politiku online, flimkien mal-informazzjoni meħtieġa skont dan ir-Regolament, għal perjodu definit permezz ta’ portal uniku. Biex jappoġġa l-pubblikaturi ta’ reklamar politiku li mhumiex pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2022/2065, jenħtieġ li dak ir-repożitorju jinkludi servizz ta’ hosting li jiżgura d-disponibbiltà tar-reklamar politiku online u l-informazzjoni ppubblikata miegħu mingħajr ħlas. Dawk il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jagħmlu disponibbli l-informazzjoni meħtieġa f’perjodu speċifikat.Il-pubblikaturi u l-isponsors ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jibqgħu responsabbli fir-rigward tar-reklami politiċi u informazzjoni oħra magħmula disponibbli permezz tar-repożitorju Ewropew għar-reklami politiċi online, inkluż għall-kompletezza u l-akkuratezza tagħhom u biex jiżguraw li jibqgħu aġġornati.

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament effettiv tar-repożitorju Ewropew għar-reklami politiċi online, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni biex tadotta atti ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi arranġamenti dettaljati għall-operat ta’ dak ir-repożitorju. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jkunu relatati, fost l-oħrajn, ma’ struttura komuni tad-data u interfaċċa ta’ programmazzjoni tal-applikazzjonijiet sabiex jippermettu t-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa kif ukoll l-irkupru ta’ din l-informazzjoni mir-repożitorju, ma’ metadata sabiex tiiġ ffaċilitata l-indiċizzazzjoni tar-reklami politiċi minn magni tat-tiftix online u mal-inklużjoni tagħhom fir-repożitorju u soluzzjonijiet ta’ awtentikazzjoni standardizzati biex l-informazzjoni dwar it-trasparenza tkun tista’ tintrabat mar-reklami politiċi kif ukoll biex jiġu awtentikati l-verżjonijiet tal-informazzjoni.

(65)

Meta jikkonformaw mal-obbligi tagħhom fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jqisu b’mod xieraq id-drittijiet fundamentali, u drittijiet u interessi leġittimi oħra. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jqisu, b’mod partikolari u kif xieraq, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, inkluż il-libertà tal-media u l-pluraliżmu.

(66)

Barra minn hekk, il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku li huma pjattaformi online kbar ħafna jew magni tat-tiftix online kbar ħafna skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2022/2065 jenħtieġ li jiżguraw li għal kull reklam politiku, l-informazzjoni li tinsab fl-avviż ta’ trasparenza ssir disponibbli fir-repożitorji tar-reklami msemmija fl-Artikolu 39 ta’ dak ir-Regolament, u aċċessibbli permezz tar-repożitorju Ewropew għar-reklami politiċi online. Tali informazzjoni jenħtieġ li ssir disponibbli mill-mument tal-pubblikazzjoni u tinżamm aġġornata u pprovduta skont standard tal-industrija miftiehem għall-aċċessibbiltà, l-istruttura tad-data u l-aċċess permezz ta’ interfaċċa komuni għall-ipprogrammar tal-applikazzjonijiet disponibbli għall-pubbliku.

(67)

Meta l-fornitur ta’ servizz ta’ reklamar politiku li jospita jew jaħżen b’xi mod ieħor u jipprovdi l-kontenut ta’ reklam politiku jkun separat mill-fornitur ta’ servizz ta’ reklamar politiku li jikkontrolla s-sit web jew interfaċċa oħra li eventwalment tippreżenta r-reklam politiku, dawk il-fornituri jenħtieġ li jitqiesu flimkien bħala pubblikaturi ta’ reklamar politiku, bir-responsabbiltà fir-rigward tas-servizz speċifiku li jipprovdu, biex jiġi żgurat li t-tikkettar jiġi pprovdut u li l-avviż ta’ trasparenza u l-informazzjoni rilevanti jkunu disponibbli. L-arranġamenti kuntrattwali tagħhom jenħtieġ li jippermettu konformità ma’ dan ir-Regolament.

(68)

L-informazzjoni dwar l-ammonti u l-valur ta’ benefiċċji oħra riċevuti fi skambju parzjali jew sħiħ għal servizzi ta’ reklamar politiku tista’ tikkontribwixxi b’mod utli għad-dibattitu politiku. Huwa meħtieġ li jiġi żgurat li tkun tista’ tinkiseb ħarsa ġenerali xierqa lejn l-attività tar-reklamar politiku mir-rapporti annwali mħejjija mill-pubblikaturi ta’ reklamar politiku rilevanti. Sabiex jappoġġa s-sorveljanza u l-akkontabbiltà, tali rapportar jenħtieġ li jinkludi informazzjoni dwar l-infiq fuq l-immirar u t-twassil tar-reklamar politiku fil-perjodu rilevanti, aggregat għall-kampanja, u li jinkludi informazzjoni rilevanti trażmessa lill-pubblikaturi ta’ reklamar politiku minn entitajiet oħra. Sabiex jiġu evitati piżijiet sproporzjonati, dawn l-obbligi ta’ rapportar tat-trasparenza jenħtieġ li ma japplikawx għal impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju li jikkwalifikaw skont l-Artikolu 3(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE.

(69)

Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku li jipprovdu servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmi li jippermettu lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jirrapportawlhom li reklam politiku partikolari li jkunu ppubblikaw ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u ta’ sorveljanza, il-ġurnalisti u entitajiet interessati oħrajn għandhom rwol kruċjali x’jaqdu f’dak ir-rigward. Il-mekkaniżmi għar-rapportar ta’ reklamar bħal dan jenħtieġ li jkunu faċli biex jiġu aċċessati u biex jintużaw, u jenħtieġ li jiġu adattati għall-forma tar-reklamar distribwit mill-pubblikatur ta’ reklamar politiku. Kemm jista’ jkun, dawk il-mekkaniżmi jenħtieġ li jkunu aċċessibbli mir-reklam innifsu, pereżempju fuq is-sit web tal-pubblikatur ta’ reklamar politiku. Fejn meħtieġ, il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jistabbilixxu miżuri tekniċi biex jiżguraw standards minimi ta’ sigurtà tat-teknoloġija tal-informazzjoni, inkluż miżuri għall-prevenzjoni ta’ notifiki awtomatizzati. Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jkunu jistgħu jiddependu minn mekkaniżmi eżistenti, fejn xieraq. Pereżempju, meta l-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jkunu fornituri tas-servizzi ta’ hosting online skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2022/2065, fir-rigward tar-reklami politiċi ospitati fuq talba tar-riċevituri tas-servizzi tagħhom, jenħtieġ li l-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jkunu jistgħu jiddependu mill-mekkaniżmi ta’ avviż u azzjoni skont dak ir-Regolament għan-notifiki li jikkonċernaw in-nuqqas ta’ konformità ta’ reklami bħal dawn ma’ dan ir-Regolament. Meta dawk il-mekkaniżmi ma jkunux disponibbli, l-individwi jenħtieġ li jkunu jistgħu jirrapportaw tali reklam politiku direttament lill-awtoritajiet kompetenti.

(70)

Fl-interess ta’ implimentazzjoni konsistenti ta’ mekkaniżmi li jippermettu n-notifika ta’ reklamar politiku potenzjalment mhux konformi, il-Kummissjoni jenħtieġ li tħejji linji gwida, b’mod partikolari biex tappoġġa t-tħejjija ta’ speċifikazzjonijiet tekniċi xierqa għall-mekkaniżmi, adattati għall-media awdjoviżiva u stampata kif ukoll għar-reklamar online u offline.

(71)

Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jeżaminaw u jindirizzaw in-notifiki riċevuti skont dan ir-Regolament b’mod diliġenti, mhux arbitrarju u objettiv, kif speċifikat hawnhekk. Il-pubblikatur ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jikkonferma l-wasla tan-notifika u jinforma, kif xieraq, lill-persuna fiżika jew ġuridika li tkun għamlet in-notifika tas-segwitu li tkun ingħatat u jipprovdi informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ rimedju, inkluż, fejn applikabbli, dawk skont id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), fir-rigward tar-reklamar li għalih tirrelata n-notifika. Sabiex jiġi żgurat li l-isponsors u l-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku affettwati jsiru jafu bl-impatt tan-notifiki, jenħtieġ li l-pubblikatur ta’ reklamar politiku jinforma wkoll lill-isponsors jew lill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku kkonċernati dwar kwalunkwe miżura rilevanti li jieħdu wara n-notifiki. Biex jiġi żgurat l-operat effettiv ta’ dawk il-mekkaniżmi fl-aħħar xahar qabel elezzjoni jew referendum, li huwa partikolarment sensittiv, il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku li ma jikkwalifikawx bħala impriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju skont l-Artikolu 3(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE jenħtieġ li jipproċessaw in-notifiki li jirċievu rigward reklam marbut ma’ dik l-elezzjoni jew dak ir-referendum fi żmien 48 siegħa, sakemm in-notifika tkun tista’ tiġi pproċessata kompletament abbażi tal-informazzjoni inkluża fin-notifika.

(72)

Kwalunkwe azzjoni li jieħu pubblikatur ta’ reklamar politiku jenħtieġ li tkun strettament immirata, fis-sens li jenħtieġ li l-ewwel u qabel kollox isservi biex tikkoreġi jew tikkompleta l-informazzjoni meħtieġa u biss bħala l-aħħar alternattiva, biex tneħħi l-elementi speċifiċi ta’ informazzjoni li ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament. Meta jagħmel dan, il-pubblikatur ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jqis kif xieraq il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, u drittijiet fundamentali oħra.

(73)

Sabiex ċerta entitajiet speċifiċi jkunu jistgħu jaqdu r-rwol tagħhom fid-demokraziji, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli dwar it-trażmissjoni ta’ informazzjoni ppubblikata mar-reklam politiku jew li tinsab fl-avviż ta’ trasparenza lil atturi interessati, bħar-riċerkaturi skrutinizzati, il-ġurnalisti, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-osservaturi elettorali rikonoxxuti, sabiex jappoġġaw il-prestazzjoni tar-rwoli rispettivi tagħhom fil-proċess demokratiku. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li ma jkunux meħtieġa jwieġbu għal talbiet li ma jkunux ċari, li jkunu eċċessivi jew jikkonċernaw informazzjoni li ma jkollhomx. Barra minn hekk, il-fornitur ta’ servizz ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jitħalla jitlob tariffa raġonevoli f’każ ta’ spejjeż sinifikanti, filwaqt li jitqiesu l-ispejjeż amministrattivi għall-għoti tal-informazzjoni.

(74)

Id-data personali miġbura direttament mingħand l-individwi, jew indirettament bħad-data osservata jew inferita, meta l-individwi jiġu raggruppati skont l-interessi assunti tagħhom jew derivati permezz tal-attività online tagħhom, it-tfassil ta’ profili tal-imġiba u tekniki oħra ta’ analiżi, qed tintuża dejjem aktar biex il-messaġġi politiċi jiġu mmirati lejn gruppi jew votanti individwali jew individwi, u biex jiġi amplifikat l-impatt tagħhom. Abbażi tal-ipproċessar tad-data personali, b’mod partikolari kategoriji speċjali ta’ data personali skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725, gruppi differenti ta’ votanti jew individwi jistgħu jiġu segmentati u l-karatteristiċi jew il-vulnerabbiltajiet tagħhom jiġu sfruttati, pereżempju billi r-reklami jiġu disseminati f’mumenti speċifiċi u f’postijiet speċifiċi, imfassla biex jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjonijiet fejn ikunu sensittivi għal ċertu tip ta’ informazzjoni jew messaġġ. Dan l-ipproċessar ta’ data personali għandu effetti speċifiċi u detrimentali fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tal-individwi, bħal li jkunu ttrattati b’mod ġust u ekwu, li ma jkunux immanipulati, li jirċievu informazzjoni oġġettiva, li jiffurmaw l-opinjoni tagħhom, li jieħdu deċiżjonijiet politiċi u li jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom. Barra minn hekk, għandu impatt negattiv fuq il-proċess demokratiku peress li jwassal għal frammentazzjoni tad-dibattitu pubbliku dwar kwistjonijiet importanti tas-soċjetà, sensibilizzazzjoni selettiva u, fl-aħħar mill-aħħar, il-manipulazzjoni tal-elettorat. Iżid ukoll ir-riskju tat-tixrid tal-manipulazzjoni tal-informazzjoni u tal-interferenza barranija. Ir-reklamar politiku qarrieqi jew bil-moħbi huwa riskju għaliex jinfluwenza l-mekkaniżmi ewlenin li jippermettu l-funzjonament tas-soċjetà demokratika tagħna. Jenħtieġ li jiġu previsti restrizzjonijiet u kundizzjonijiet addizzjonali mqabbla ma’ dawk stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725. Ir-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament dwar l-użu ta’ tekniki tal-immirar u tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tar-reklamar politiku jenħtieġ li jkunu bbażati fuq l-Artikolu 16 tat-TFUE.

(75)

F’konformità mal-liġi tal-Unjoni, il-kontrolluri, kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt 7, tar-Regolament (UE) 2016/679, jenħtieġ li jiżguraw li t-teħid ta’ deċiżjonijiet individwali ma jiġix affettwat minn dark patterns (elementi qarrieqa) li materjalment jimminaw jew ifixklu, jew apposta jew fil-fatt, it-teħid ta’ deċiżjonijiet awtonomu u infurmat tal-individwi, inkluż permezz tal-użu ta’ kaxxi mmarkati minn qabel u tekniki preġudikati u mhux trasparenti oħra li jwasslu lill-individwi għal deċiżjonijiet partikolari, jew iħeġġuhom jieħdu tali deċiżjonijiet, li altrimenti mhux neċessarjament kienu jieħdu. L-użu sistematiku ta’ dark patterns, ftehimiet ta’ kunsens mhux ċari, informazzjoni qarrieqa, u żmien insuffiċjenti biex jinqraw it-termini u l-kundizzjonijiet huma prattiki komuni li jagħmluha diffiċli għall-individwi biex ikollhom informazzjoni ċara u kontroll fil-kuntest tal-industrija tar-reklamar online. Ir-regoli li jipprevjenu d-dark patterns jenħtieġ li ma jinftehmux bħala li jipprevjenu lill-kontrolluri milli jinteraġixxu direttament mal-individwi. Madankollu, jenħtieġ li l-kontrolluri jżommu lura milli ripetutament jitolbu lil individwu jagħmel għażla fejn din l-għażla tkun diġà saret, milli jagħmlu l-irtirar tal-kunsens ferm aktar ikkumplikat milli biex jingħata, milli jagħmlu ċerti għażliet aktar diffiċli jew jieħdu ħafna aktar ħin minn oħrajn jew milli jużaw settings awtomatiċi li jkunu diffiċli ħafna biex jinbidlu, u li jippreġudikaw b’mod mhux raġonevoli t-teħid ta’ deċiżjonijiet tal-individwi b’mod li jgħawweġ u jfixkel l-awtonomija, it-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-għażla tagħhom. Il-mekkaniżmu biex jinkisbu deċiżjonijiet minn individwi jenħtieġ li jkun ċar u faċli biex jintuża, u l-prominenza relattiva tal-alternattivi jenħtieġ li ma tfittix li tinfluwenza d-deċiżjoni tal-individwu. L-informazzjoni pprovduta lill-individwi f’dan ir-rigward jenħtieġ li tkun konċiża u abbozzata b’lingwaġġ sempliċi u li jinftiehem u tkun disponibbli faċilment, b’mod prominenti u dirett.

(76)

Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku li jkunu fornituri jew utenti ta’ tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami jenħtieġ li jiġu mħeġġa jipprovdu soluzzjonijiet li jimminimizzaw il-possibbiltà ta’ diskriminazzjoni fit-twassil ta’ reklam politiku bbażat fuq l-ipproċessar ta’ data personali.

(77)

It-tekniki tal-immirar u t-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami li jinvolvu t-tfassil ta’ profili bl-użu ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali msemmija fir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 jenħtieġ li jkunu pprojbiti fil-kuntest tar-reklamar politiku online. Jenħtieġ li ma jkunx possibbli li wieħed jibbaża fuq l-eċċezzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 9(2) tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 10(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 għall-użu ta’ dawk it-tekniki fil-kuntest tar-reklamar politiku online. L-użu ta’ tekniki tal-immirar u tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali, għajr kategoriji speċjali ta’ data personali, fil-kuntest tar-reklamar politiku online jenħtieġ li jkun permess biss meta jkun ibbażat fuq data personali miġbura mis-suġġetti tad-data u bil-kunsens espliċitu tagħhom, ipprovduta separatament għall-finijiet tar-reklamar politiku. Filwaqt li jirrikonoxxu r-rwol tal-partiti politiċi, tal-fondazzjonijiet, tal-assoċjazzjonijiet jew ta’ kwalunkwe korp ieħor mingħajr skop ta’ qligħ fid-demokrazija tagħna, tali restrizzjonijiet jenħtieġ li ma jaffettwawx il-kapaċità tagħhom li jikkomunikaw mal-membri u mal-ex membri tagħhom u li jxerrdu informazzjoni, bħal bullettini, marbuta mal-attivitajiet politiċi tagħhom, meta jkunu bbażati biss fuq data dwar l-abbonamenti u abbażi ta’ data personali pprovduta minnhom. Ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali u l-kunsens espliċitu jenħtieġ li jinftiehem bħala kunsens skont it-tifsira ta’ dawk ir-Regolamenti. It-tekniki tal-immirar u t-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami, meta jintużaw skont il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament, jistgħu jkunu utli fid-disseminazzjoni tar-reklamar u l-informazzjoni politiċi u fl-ilħuq u fl-infurmar taċ-ċittadini.

(78)

Jenħtieġ li l-kontrolluri tad-data ma jużawx data personali miksuba minn partijiet terzi għall-finijiet tal-immirar jew tat-twassil tal-messaġġ tar-reklamar politiku. Biex jgħinu fil-prevenzjoni tal-mikroimmirar manipulattiv, huwa essenzjali li l-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jieħdu miżuri speċifiċi biex jiżguraw li d-data personali li tinġabar u tiġi pproċessata għall-finijiet tal-immirar u tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami politiċi tkun limitata għal dak li huwa meħtieġ fir-rigward ta’ dak l-għan, pereżempju billi tiġi ristretta d-disponibbiltà tal-għażliet għall-immirar u għat-twassil tal-messaġġ tar-reklami politiċi offruti lir-riċevituri tas-servizzi għal dawk li jirrikjedu biss il-kombinazzjoni ta’ mhux aktar minn ħames kategoriji.

(79)

Ir-rekwiżit li l-immirar jew it-twassil tal-messaġġ tar-reklami ta’ reklamar politiku ma għandux ikun ibbażat fuq it-tfassil ta’ profili bl-użu ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali jinkludi t-tfassil ta’ profili bl-użu ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali evalwata minn data personali li huma stess mhumiex kategoriji speċjali ta’ data personali. Dan jista’ jkun il-każ, pereżempju, jekk kontrollur tad-data juża data personali, minflok kategoriji speċjali ta’ data personali, biex jikkategorizza lis-suġġetti tad-data bħala li għandhom ċertu twemmin reliġjuż, filosofiku jew politiku, u irrispettivament minn jekk dik il-kategorizzazzjoni tkunx vera. Jenħtieġ li ma jkunx importanti kif tiġi ttikkettata l-kategorija fil-każ li l-ipproċessar ta’ data personali jiżvela kategorija speċjali ta’ data personali. Meta l-utent ta’ network soċjali online jżur paġna partikolari jew juża app jew funzjoni jew servizz online oħra li magħhom tkun relatata waħda jew aktar mill-kategoriji msemmija fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u, skont il-każ, jipprovdi data personali meta jirreġistra, jagħmel ordni online jew jinteraġixxi b’xi mod ieħor man-network soċjali, l-ipproċessar ta’ data personali mill-operatur ta’ dak in-network soċjali online jenħtieġ li jitqies bħala “ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali” skont it-tifsira ta’ dak l-Artikolu, li fil-prinċipju huwa pprojbit, meta dak l-ipproċessar tad-data jippermetti li tiġi żvelata informazzjoni li taqa’ f’waħda minn dawk il-kategoriji, irrispettivament minn jekk dik l-informazzjoni tikkonċernax utent ta’ dak in-network soċjali jew kwalunkwe persuna fiżika oħra. Dan huwa l-każ irrispettivament minn jekk is-suġġett tad-data ikunx ġie mgħarraf bl-intenzjoni li juża tali data għall-finijiet tal-immirar jew tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami politiċi fiż-żmien meta tkun inġabret.

(80)

Il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali jingħata u jiġi rtirat f’konformità mar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725. Tali kunsens jenħtieġ li jingħata permezz ta’ azzjoni affermattiva ċara jew dikjarazzjoni li tistabbilixxi indikazzjoni mogħtija liberament, speċifika, infurmata u mhux ambigwa tal-qbil tas-suġġett tad-data mal-ipproċessar ta’ data personali għall-fini ta’ reklamar politiku. Barra minn hekk, għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, il-kunsens jenħtieġ li jkun espliċitu u jingħata separatament għal skopijiet ta’ reklamar politiku. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, inkluż b’mod partikolari fejn il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali biex jiġu mmirati jew jitwasslu reklami politiċi jinkiseb matul il-forniment ta’ servizz online, jenħtieġ li l-kunsens jinkiseb mill-kontrolluri billi tiġi ppreżentata soluzzjoni faċli għall-utent lis-suġġett tad-data biex jipprovdu, jimmodifikaw jew jirtiraw il-kunsens b’mod espliċitu, ċar u sempliċi. Il-kontrolluri jenħtieġ li ma jfasslux, ma jorganizzawx u ma joperawx interfaċċi b’mod li jqarraq, jimmanipula jew b’xi mod ieħor ifixkel materjalment jew ifixkel il-kapaċità tas-suġġett tad-data li jagħti l-kunsens tiegħu liberament għal dak l-għan speċifiku. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, ir-rekwiżit li jinkiseb kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali ma jistax jiġi evitat billi jiġi stabbilit li d-data personali inkwistjoni saret aċċessibbli għall-pubbliku ġenerali mis-suġġett tad-data. Li jiġi rtirat il-kunsens għall-ipproċessar ta’ data personali, biex jiġi mmirat jew jitwettaq reklamar politiku, jenħtieġ li jkun faċli daqs kemm jingħata. Ir-rifjut tal-għoti tal-kunsens jew l-irtirar tal-kunsens jenħtieġ li ma jkunx aktar diffiċli jew jieħu aktar ħin għas-suġġett tad-data mill-għoti tal-kunsens. Is-sinjali elettroniċi li jindikaw ix-xewqa tal-individwu li ma jirċevix reklamar politiku jenħtieġ li jiġu rispettati.

(81)

Fid-dawl tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2023 fil-kawża C-252/21 (10), Meta Platforms u Oħrajn (Conditions générales d’utilisation d’un réseau social), is-suġġetti tad-data jenħtieġ li jkunu liberi li jirrifjutaw, fil-kuntest tar-reklamar politiku, li jagħtu l-kunsens tagħhom għal operazzjonijiet partikolari tal-ipproċessar tad-data, mingħajr ma jkunu obbligati joqogħdu lura kompletament milli jirċievu aċċess għal servizz online. Kif iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja, dawk l-utenti jenħtieġ li jiġu offruti alternattiva ekwivalenti li ma tkunx akkumpanjata minn tali operazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data.

(82)

Iż-żgħażagħ żgħar ħafna jikkostitwixxu grupp partikolarment vulnerabbli li jista’ jiġi sfruttat permezz tal-użu ħażin ta’ tekniki tal-immirar u tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami. Filwaqt li għadhom mhumiex intitolati li jivvutaw, tali individwi jistgħu jiġu mmirati speċifikament sabiex jimmanipulaw id-dibattitu. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu pprojbiti t-tekniki tal-immirar jew it-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali ta’ suġġett li jkun magħruf b’ċertezza raġonevoli li jkun mill-inqas sena taħt l-età għall-eżerċizzju tal-vot stabbilita mir-regoli nazzjonali, fil-kuntest tar-reklamar politiku.

(83)

Sabiex jiġu żgurati trasparenza u akkontabbiltà msaħħa, meta jagħmlu użu minn tekniki tal-immirar u minn tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami fil-kuntest tar-reklamar politiku online li jinvolvi l-ipproċessar tad-data personali, il-kontrolluri jenħtieġ li jimplimentaw rekwiżiti ta’ trasparenza addizzjonali. Tali rekwiżiti jenħtieġ li jinkludu, fost l-oħrajn, l-adozzjoni ta’ politika li tiddeskrivi l-użu ta’ dawn it-tekniki u parametri prinċipali, iż-żamma ta’ rekords tal-użu tagħhom, it-twettiq ta’ valutazzjoni tar-riskju annwali tal-użu ta’ dawk it-tekniki dwar id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u, flimkien ma’ indikazzjoni li reklam huwa reklam politiku, l-għoti ta’ informazzjoni addizzjonali meħtieġa biex jippermettu lill-individwu kkonċernat jifhem il-loġika involuta.

(84)

Ir-rekwiżiti ta’ trasparenza u ta’ obbligu ta’ rendikont jenħtieġ li japplikaw għall-kontrolluri kollha irrispettivament minn jekk il-kontrollur jaġixxix fil-kapaċità tiegħu stess, b’mod konġunt mal-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jew ikunx l-istess entità bħall-pubblikatur ta’ reklamar politiku. F’każijiet fejn il-kontrollur ikun differenti mill-pubblikatur ta’ reklamar politiku, il-kontrollur jenħtieġ li jittrażmetti lill-pubblikatur ta’ reklamar politiku l-politika interna u jiżgura li informazzjoni oħra meħtieġa għall-konformità ma’ dan ir-Regolament tiġi kkomunikata lill-pubblikatur ta’ reklamar politiku fil-ħin u b’mod akkurat.

(85)

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jittrażmettu lill-pubblikaturi ta’ reklamar politiku l-informazzjoni meħtieġa biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont dan ir-Regolament. It-trażmissjoni ta’ din l-informazzjoni tista’ tkun awtomatizzata u integrata fil-proċessi kummerċjali ordinarji abbażi ta’ standards.

(86)

Sabiex l-individwi jingħataw aktar is-setgħa li jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom tal-protezzjoni tad-data, il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jipprovdu informazzjoni addizzjonali u għodod effettivi lis-suġġetti tad-data kkonċernati biex jappoġġaw l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom skont il-qafas legali tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, inkluż id-dritt li jemendaw id-data personali tagħhom jew jirtiraw il-kunsens tagħhom meta jkunu fil-mira ta’ reklam politiku. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tkun faċilment aċċessibbli direttament mill-avviż ta’ trasparenza. L-għodod li huma disponibbli għall-individwi biex jappoġġaw l-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom jenħtieġ li jkunu effettivi għall-finijiet li jipprevjenu li individwu jkun fil-mira ta’ reklami politiċi, kif ukoll li jipprevjenu l-immirar abbażi ta’ kriterji speċifiċi u minn kontrollur speċifiku wieħed jew aktar.

(87)

L-informazzjoni li trid tiġi pprovduta f’konformità mar-rekwiżiti kollha applikabbli għall-użu ta’ tekniki tal-immirar u tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami skont dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi ppreżentata f’format li jkun faċilment aċċessibbli, viżibbli b’mod ċar, faċli għall-utent, inkluż permezz tal-użu ta’ lingwaġġ sempliċi, u aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità.

(88)

Huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni dwar l-immirar u t-twassil tal-messaġġ tar-reklami lejn entitajiet interessati oħra. Ir-reġim applikabbli jenħtieġ li jkun konsistenti mar-reġim għat-trażmissjoni ta’ informazzjoni relatata mar-rekwiżiti ta’ trasparenza.

(89)

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku stabbiliti f’pajjiż terz li joffru servizzi fl-Unjoni jenħtieġ li jaħtru rappreżentant legali awtorizzat fl-Unjoni li jkun reġistrat mal-awtorità kompetenti maħtura minn kull Stat Membru, sabiex jippermetti sorveljanza effettiva ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ dawk il-fornituri. Ir-rappreżentant legali jista’ jkun ir-rappreżentant maħtur abbażi tal-Artikolu 27 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew ir-rappreżentant legali maħtur abbażi tal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2022/2065. L-Istati Membri jenħtieġ li jżommu reġistru disponibbli għall-pubbliku tar-rappreżentanti legali kollha rreġistrati fit-territorju tagħhom skont dan ir-Regolament, u jenħtieġ li l-Kummissjoni tistabbilixxi u żżomm portal disponibbli għall-pubbliku konness mas-siti web fornuti mill-Istati Membri. Minħabba l-importanza ta’ dak ir-rekwiżit għall-infurzar effettiv ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku stabbiliti f’pajjiż terz, kif ukoll għaż-żamma ta’ kundizzjonijiet ekwi għall-fornituri kollha ta’ servizzi ta’ reklamar politiku fis-suq intern, fin-nuqqas ta’ rappreżentant legali deżinjat, jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu kwalunkwe miżura xierqa biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, inkluż billi jwaqqfu l-pubblikazzjoni jew id-disseminazzjoni tar-reklami politiċi rilevanti meta l-konformità ma tkunx tista’ tiġi żgurata mod ieħor.

(90)

Għall-finijiet tas-superviżjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet ta’ sorveljanza jiġu fdati bil-kompetenza li jimmonitorjaw u jinfurzaw ir-regoli rilevanti u jiġi żgurat li jkollhom l-mezzi meħtieġa biex iwettqu l-kompiti tagħhom fil-qafas ta’ dan ir-Regolament. Skont is-sistema legali ta’ kull Stat Membru u f’konformità mad-dritt eżistenti tal-Unjoni, inkluż ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2022/2065, jistgħu jinħatru awtoritajiet ġudizzjarji jew amministrattivi nazzjonali differenti għal dawn il-finijiet.

(91)

Fir-rigward tas-superviżjoni ta’ servizzi intermedjarji online skont dan ir-Regolament, l-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru awtoritajiet kompetenti għal dawn il-finijiet u jiżguraw li din is-superviżjoni tkun koerenti mal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2022/2065. Jenħtieġ li l-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali, maħtura skont dan ir-Regolament, f’kull Stat Membru, fi kwalunkwe każ, ikunu responsabbli biex jiżguraw il-koordinazzjoni fil-livell nazzjonali fir-rigward ta’ dawk il-kwistjonijiet u jinvolvu ruħhom, fejn meħtieġ, f’kooperazzjoni transfruntiera ma’ Koordinaturi oħra tas-Servizzi Diġitali skont il-mekkaniżmi stabbiliti f’dak ir-Regolament. Fl-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, dak il-mekkaniżmu jenħtieġ li jkun limitat għall-kooperazzjoni nazzjonali bejn il-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali u jenħtieġ li ma jinkludix l-eskalazzjoni għal-livell tal-Unjoni kif previst mir-Regolament (UE) 2022/2065. Sa fejn il-Kummissjoni jkollha kompetenza esklużiva li tissorvelja u tinforza l-konformità tal-pjattaformi online kbar ħafna u tal-magni tat-tiftix online kbar ħafna skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2022/2065 mal-obbligi stabbiliti f’dak ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta l-konformità ta’ dawk l-awturi mal-obbligi tagħhom li jikkonċernaw ir-repożitorju Ewropew għal reklami politiċi online.

(92)

Għas-sorveljanza ta’ dawn l-aspetti ta’ dan ir-Regolament li ma jaqgħux taħt il-kompetenza tal-awtoritajiet superviżorji skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725, jenħtieġ li l-Istati Membri jaħtru awtoritajiet kompetenti biex jissorveljaw u jinfurzaw regoli rilevanti. Biex jiġu appoġġati ż-żamma tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, l-istat tad-dritt, il-prinċipji demokratiċi u l-fiduċja pubblika fis-sorveljanza tar-reklamar politiku, huwa meħtieġ li dawn l-awtoritajiet ikunu imparzjali, strutturalment indipendenti minn intervent estern jew minn pressjoni politika u jkollhom is-setgħa xierqa biex jimmonitorjaw b’mod effettiv u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jiżguraw il-konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari mar-rekwiżiti ta’ tikkettar u ta’ trasparenza. Filwaqt li l-Istati Membri jistgħu jaħtru, b’mod partikolari, l-awtoritajiet jew il-korpi regolatorji nazzjonali skont l-Artikolu 30 tad-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), jistgħu wkoll jaħtru awtoritajiet oħra, bħal awtoritajiet elettorali jew ġudizzjarji.

(93)

Sabiex tappoġġa lill-awtoritajiet superviżorji bil-kompiti tagħhom, jenħtieġ li l-Kummissjoni titlob lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data joħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 dwar l-ipproċessar ta’ kategoriji speċjali ta’ data personali biex jiġu mmirati jew jitwasslu reklami politiċi, inkluż dwar il-kundizzjonijiet biex jinkiseb kunsens għall-finijiet tal-immirar jew tat-twassil ta’ reklami politiċi u għall-kooperazzjoni bejn tali awtoritajiet u awtoritajiet oħra responsabbli għall-applikazzjoni u l-infurzar tar-rekwiżiti stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(94)

L-awtoritajiet superviżorji indipendenti skont ir-Regolament (UE) 2016/679 jenħtieġ li jiġu appoġġati biex jagħmlu użu sħiħ mis-setgħat tagħhom skont dak ir-Regolament biex jissorveljaw il-protezzjoni tad-data personali pprovduta fil-qafas ta’ dan ir-Regolament, inkluż skont il-proċedura ta’ kooperazzjoni, il-mekkaniżmu ta’ konsistenza u, b’mod partikolari, il-proċedura ta’ urġenza. Il-perjodu ta’ qabel l-elezzjonijiet jew ir-referenda huwa partikolarment importanti fil-kampanji politiċi, fl-influwenzar taċ-ċittadini biex jiffurmaw opinjonijiet politiċi u jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot tagħhom. Huwa wkoll partikolarment sensittiv għall-ksur tar-regoli applikabbli, minħabba li sabiex tkun effettiva, azzjoni ta’ rimedju normalment jeħtieġ li tkun fis-seħħ qabel l-avveniment elettorali. Huwa għalhekk li l-ksur tar-regoli applikabbli għall-ipproċessar tad-data personali għall-immirar tar-reklamar politiku f’dak il-perjodu jistgħu jkollhom effetti negattivi partikolarment sinifikanti fuq id-drittijiet taċ-ċittadini, fosthom il-libertà tagħhom li jiffurmaw opinjonijiet mingħajr inferenza bla bżonn u l-libertà tal-informazzjoni. Fl-interess li tiġi żgurata azzjoni fil-pront biex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tal-individwi matul il-perjodu kritiku qabel ma ssir il-votazzjoni matul elezzjoni, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jenħtieġ li jiżguraw li jkunu jistgħu jaġixxu minnufih biex jinfurzaw id-drittijiet tas-suġġetti tad-data kkonċernati. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet tal-protezzjoni tad-data jenħtieġ li jagħmlu użu mill-firxa ta’ għodod previsti fir-Regolament (UE) 2016/679 biex jikkooperaw u jassistu lil xulxin, inkluż skont il-każ, il-proċedura ta’ urġenza stabbilita fl-Artikolu 66 ta’ dak ir-Regolament.

(95)

Filwaqt li l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhomx jitbiegħdu mid-deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet superviżorji responsabbli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2016/679, imsemmija fl-Artikolu 51 ta’ dak ir-Regolament, dawk l-awtoritajiet kompetenti jista’ jkollhom bżonn jivvalutaw jekk ir-reklamar politiku jikkonformax ma’ dak ir-Regolament għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Skont l-Artikolu 4(3) tat-TUE, dawk l-awtoritajiet kompetenti u dawk l-awtoritajiet superviżorji għandhom jikkooperaw b’mod sinċier ma’ xulxin u josservaw is-setgħat u l-kompetenzi rispettivi tagħhom, sabiex jiżguraw il-konsistenza tal-applikazzjoni taż-żewġ Regolamenti.

(96)

Fejn diġà jeżistu regoli skont il-liġi tal-Unjoni dwar il-provvista ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti u l-kooperazzjoni ma’ dawk l-awtoritajiet u bejniethom, bħall-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2022/2065 jew dawk stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679, dawk ir-regoli jenħtieġ li japplikaw mutatis mutandis għad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament.

(97)

Biex jiġu appoġġati l-applikazzjoni, is-superviżjoni u l-infurzar effettivi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, u mingħajr preġudizzju għar-Regolamenti (UE) 2016/679, (UE) 2018/1725 u (UE) 2022/2065, huwa meħtieġ li jiġi stabbilit liema awtorità kompetenti jenħtieġ li tkun responsabbli meta s-servizzi ta’ reklamar politiku jiġu pprovduti f’aktar minn Stat Membru wieħed, jew meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jwettaq l-attivitajiet ewlenin tiegħu barra mill-Istat Membru fejn ikun jinsab l-istabbiliment prinċipali jew ir-rappreżentant legali maħtur tiegħu. Meta fornitur ta’ servizzi jkun qed jipprovdi servizzi ta’ reklamar politiku f’aktar minn Stat Membru wieħed, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn jinsab l-istabbiliment prinċipali tal-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li normalment ikunu responsabbli għall-applikazzjoni, għas-superviżjoni u għall-infurzar effettivi tad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Fid-determinazzjoni ta’ fejn fornitur ta’ servizz ta’ reklamar politiku jkollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jqisu fejn dak il-fornitur ikollu l-uffiċċju prinċipali jew l-uffiċċju reġistrat tiegħu li fih jiġu eżerċitati l-funzjonijiet finanzjarji prinċipali u l-kontroll operazzjonali.

(98)

Fit-twettiq tas-setgħat superviżorji u ta’ infurzar tagħhom, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha jenħtieġ li jikkooperaw ma’ xulxin u jassistu lil xulxin kif meħtieġ. Jekk ksur suspettat ta’ dan ir-Regolament jinvolvi biss lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti fejn il-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku ma jkollux l-istabbiliment prinċipali tiegħu, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti rilevanti jenħtieġ li jinnotifikaw lill-awtorità kompetenti tal-istabbiliment prinċipali, li jenħtieġ li tivvaluta l-kwistjoni skont dan u, kif applikabbli, tieħu l-miżuri ta’ infurzar meħtieġa.

(99)

Biex tkompli tiffaċilita l-applikazzjoni u l-infurzar effettivi ta’ dan ir-Regolament f’każ tal-forniment ta’ servizzi transfruntiera, meta l-investigazzjoni ta’ ksur allegat ta’ dan ir-Regolament tikkonċerna l-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar politiku fi Stat Membru wieħed jew aktar li fih il-fornitur ma jkollux l-istabbiliment prinċipali tiegħu, jenħtieġ li jkun possibbli għall-awtorità kompetenti tal-istabbiliment prinċipali li tniedi u tmexxi investigazzjoni konġunta bil-parteċipazzjoni tal-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

(100)

L-awtoritajiet kompetenti għas-sorveljanza ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkooperaw ma’ xulxin kemm fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali billi jagħmlu l-aħjar użu mill-istrutturi eżistenti inklużi n-networks ta’ kooperazzjoni nazzjonali, in-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet kif imsemmi fir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta’ Settembru 2018 dwar in-networks ta’ kooperazzjoni għall-elezzjonijiet, it-trasparenza online, il-protezzjoni kontra l-inċidenti ċibernetiċi u l-ġlieda kontra l-kampanji ta’ diżinformazzjoni fil-kuntest tal-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew, il-Bord Ewropew għas-Servizzi Diġitali kif stabbilit fl-ambitu tar-Regolament (UE) 2022/2065 u l-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva stabbilit skont id-Direttiva 2010/13/UE, kif xieraq. Din il-kooperazzjoni jenħtieġ li tiffaċilita l-iskambju rapidu u sigur ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mal-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji u ta’ infurzar tagħhom skont dan ir-Regolament, inkluż billi tidentifika b’mod konġunt il-ksur, taqsam is-sejbiet u l-għarfien espert, u tikkoordina dwar l-applikazzjoni u l-infurzar tar-regoli rilevanti.

(101)

Bl-għan li tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva u strutturata fost l-awtoritajiet kompetenti kollha dwar l-aspetti kollha ta’ dan ir-Regolament, il-punti ta’ kuntatt nazzjonali maħtura mill-Istati Membri jenħtieġ li jiltaqgħu perjodikament fil-livell tal-Unjoni fin-network tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali. Sabiex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni u prattiki fil-livell tal-Unjoni, jenħtieġ li dak in-network jaħdem f’kooperazzjoni mill-qrib man-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva, u ma’ networks jew korpi rilevanti oħra.

(102)

Bil-għan li tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni effettiva tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament, huwa meħtieġ li l-awtoritajiet nazzjonali jingħataw is-setgħa li jitolbu lill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku l-informazzjoni rilevanti dwar it-trasparenza tar-reklam politiku. L-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa lill-awtoritajiet kompetenti tista’ tikkonċerna kampanja tar-reklamar, tkun aggregata skont is-snin jew tikkonċerna reklami speċifiċi. Sabiex jiġi żgurat li t-talbiet għal din l-informazzjoni jkunu jistgħu jiġu rrispettati b’mod effettiv u effiċjenti, u fl-istess ħin li l-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku ma jkunux soġġetti għal xi piż sproporzjonat, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti ċerti kundizzjonijiet għal dawk it-talbiet. Fl-interess tas-sorveljanza f’waqtha ta’ proċess elettorali b’mod partikolari, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jwieġbu malajr għat-talbiet mill-awtoritajiet kompetenti, u fi żmien perjodu speċifikat. Matul l-aħħar xahar qabel elezzjoni jew referendum, ksur ta’ dawk l-obbligi jenħtieġ li jitqies bħala li jaffettwa b’mod negattiv u gravi d-drittijiet tal-individwi, u għalhekk jenħtieġ li l-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jipprovdu l-informazzjoni mitluba fi żmien perjodu speċifikat iqsar. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku li jikkwalifikaw għall-kategoriji ta’ impriżi mikro u żgħar tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2013/34/UE jenħtieġ li jfornu l-informazzjoni mitluba mill-aktar fis u, meta possibbli, qabel id-data tal-elezzjoni jew tar-referendum. Fl-interess taċ-ċertezza legali u f’konformità mad-drittijiet tad-difiża, it-talbiet biex tiġi pprovduta informazzjoni minn awtorità kompetenti jenħtieġ li jkun fihom dikjarazzjoni adegwata tar-raġunijiet u l-informazzjoni dwar ir-rimedju disponibbli.

Tali dikjarazzjoni tar-raġunijiet tista’ ma tkunx meħtieġa meta l-iżvelar tar-raġunijiet għat-talba ta’ informazzjoni jipperikola b’mod ċar il-prevenzjoni, il-kxif, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew ta’ reati amministrattivi serji. Is-serjetà ta’ reat amministrattiv li jiġġustifika tali eċċezzjoni jenħtieġ li tiġi ddeterminata mhux biss billi jitqies l-ammont tal-multa jew il-penali li tista’ tiġi imposta skont dan ir-Regolament, iżda wkoll billi jitqiesu l-impatti negattivi li r-reat jista’ jkollu fuq elezzjoni jew referendum, proċess leġiżlattiv jew regolatorju. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jenħtieġ li jaħtru punti ta’ kuntatt għall-interazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti. Dawn il-punti ta’ kuntatt jistgħu jkunu elettroniċi. Mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-protezzjoni tal-persuni, kemm fiżiċi kif ukoll ġuridiċi, kontra interventi arbitrarji jew sproporzjonati mill-awtoritajiet pubbliċi fl-isfera tal-attivitajiet privati ta’ dawk il-persuni tikkostitwixxi prinċipju ġenerali tal-liġi tal-Unjoni. Dik il-protezzjoni tista’ tiġi invokata minn persuna bħala dritt iggarantit mil-liġi tal-Unjoni, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 47 tal-Karta, bil-għan li tikkontesta, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja, att li jikkawżalha preġudizzju bħalma hija ordni ta’ għoti ta’ informazzjoni jew sanzjoni imposta għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ din l-ordni.

(103)

L-Istati Membri jenħtieġ li jaħtru awtorità kompetenti bħala punt ta’ kuntatt nazzjonali fil-livell tal-Unjoni għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament. Il-punt ta’ kuntatt jenħtieġ, jekk ikun possibbli, li jkun membru tan-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet. Il-punt ta’ kuntatt nazzjonali jenħtieġ li jiffaċilita l-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kompetenti bejn l-Istati Membri fil-kompiti ta’ superviżjoni u infurzar tagħhom, b’mod partikolari billi jintermedja mal-punti ta’ kuntatt nazzjonali fi Stati Membri oħra u ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn fl-Istat Membru tiegħu.

(104)

L-awtoritajiet tal-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-ksur min-naħa tal-isponsors jew tal-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku tal-obbligi stabbiliti f’dan ir-Regolament jiġi sanzjonat b’multi jew b’penali finanzjarji jew, jekk ikun il-każ, b’miżuri oħra, fosthom pagamenti perjodiċi ta’ penali. Meta jagħmlu dan, jenħtieġ li jqisu n-natura, il-gravità, ir-rikorrenza u t-tul ta’ żmien tal-ksur fid-dawl tal-interess pubbliku inkwistjoni, il-portata u t-tip ta’ attivitajiet imwettqa, kif ukoll, fejn applikabbli, id-daqs u l-kapaċità ekonomika tal-kontraventur. Barra minn hekk, l-awtoritajiet tal-Istat Membru jenħtieġ li jqisu jekk l-isponsor jew il-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku kkonċernati jonqsux b’mod sistematiku jew rikorrenti milli jikkonformaw ma’ dawk l-obbligi, inkluż billi jdewmu l-provvista ta’ informazzjoni lill-entitajiet interessati, kif ukoll, fejn rilevanti, jekk il-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku huwiex attiv f’diversi Stati Membri. Is-sanzjonijiet jenħtieġ li jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi f’kull każ, b’kunsiderazzjoni xierqa għall-provvista ta’ salvagwardji proċedurali suffiċjenti u aċċessibbli, u b’mod partikolari għall-bżonn li jiġi żgurat li d-dibattitu politiku jibqa’ miftuħ u aċċessibbli. Ċerti obbligi jiżvolġu rwol kruċjali fl-ilħuq effettiv tal-objettivi ta’ dan ir-Regolament u l-ksur ta’ dawk l-obbligi jenħtieġ li jitqies bħala partikolarment gravi.

(105)

Jenħtieġ li għall-individwi u għall-entitajiet ikunilhom possibbli jressqu lmenti lill-awtoritajiet kompetenti biex jinnotifikawhom biċ-ċirkostanzi li jaf jikkostitwixxu ksur ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li jitfakkar li proċeduri amministrattivi oħrajn, previsti mil-liġi tal-Unjoni, jaf ukoll ikunu applikabbli f’dan il-kuntest. Pereżempju, is-suġġetti tad-data għandhom id-dritt li jressqu lmenti lill-awtoritajiet superviżorji maħtura skont ir-Regolament (UE) 2016/679 fil-każ ta’ ksur li jikkonċerna l-ipproċessar tad-data personali tagħhom. Barra minn dan, jenħtieġ li għall-individwi u għall-entitajiet ikun ukoll possibbli li jressqu ilment lill-Koordinaturi tas-Servizzi Diġitali deżinjati skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 fil-konfront tal-fornituri ta’ servizzi intermedjarji rigward allegat ksur ta’ dak ir-Regolament. Mingħajr preġudizzju għal dawk il-proċeduri jew għal kwalunkwe proċedura amministrattiva oħra jew rimedju ġudizzjarju ieħor disponibbli, l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jindirizzaw tali lmenti, anki billi jinfurmaw lill-ilmentatur bis-segwitu mogħti lill-ilment. Meta awtorità kompetenti tiġi nnotifikata bi lment li jaqa’ fil-kompetenza ta’ awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, jenħtieġ li tittrażmetti mill-aktar fis l-ilment lil dik l-awtorità kompetenti.

(106)

L-eżerċizzju mill-awtoritajiet superviżorji tas-setgħat tagħhom skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun suġġett għal salvagwardji proċedurali xierqa f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u mal-liġi tal-Istati Membri, inklużi rimedji ġudizzjarji u proċess dovut tal-liġi effettivi.

(107)

Sabiex tiġi appoġġjata l-konformità tagħhom ma’ dan ir-Regolament, il-fornituri ta’ servizzi u l-entitajiet interessati l-oħra jenħtieġ li jingħataw l-informazzjoni faċilment aċċessibbli u fil-ħin dwar id-dati tal-elezzjonijiet u tar-referenda. L-Istati Membri għaldaqstant jenħtieġ li jippubblikaw id-dati tal-elezzjonijiet u tar-referenda tagħhom, u, fejn applikabbli, id-dati tal-perjodi elettorali tagħhom. Dik l-informazzjoni jenħtieġ li tkun faċilment aċċessibbli u fil-ħin. Jenħtieġ li jagħtu wkoll dik l-informazzjoni lill-pubbliku permezz ta’ portal imqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, immedjatament wara li jħabbru dawk id-dati.

(108)

Sabiex tappoġġja l-implimentazzjoni effettiva ta’ dan ir-Regolament min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali, il-Kummissjoni hija mħeġġa tfassal linji gwida, kif neċessarju, dwar l-identifikazzjoni tar-reklamar politiku u dwar l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet.

(109)

Sabiex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, is-setgħa li jiġu adottati l-atti f’konformità mal-Artikolu 290 tat-TFUE jenħtieġ li tiġi ddelegata lill-Kummissjoni fir-rigward tal-informazzjoni li trid tiġi inkluża fl-avviż ta’ trasparenza u fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-użu tat-tekniki tal-immirar u tat-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 (12) dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(110)

Sabiex ikunu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, kif speċifikat hawn. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

(111)

Fi żmien sentejn minn kull elezzjoni għall-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni jenħtieġ li tippreżenta rapport pubbliku dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta’ dan ir-Regolament. Fit-tħejjija ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni jenħtieġ li tqis ukoll l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-kuntest ta’ elezzjonijiet u referenda oħra oħrajn li jseħħu fl-Unjoni.

(112)

Billi l-objettivi ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-kontribut għall-funzjonament xieraq tas-suq intern għar-reklamar politiku u għas-servizzi relatati u l-istabbiliment ta’ regoli dwar l-użu tat-tekniki tal-immirar u tat-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami fil-kuntest tal-pubblikazzjoni u tad-disseminazzjoni tar-reklamar politiku, ma jistgħux jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost jintlaħqu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-objettivi.

(113)

Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti mid-Direttivi 2000/31/KE (14), 2002/58/KE (15), 2005/29/KE (16), 2006/114/KE (17), 2006/123/KE (18), 2010/13/UE u 2011/83/UE (19) u mir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) kif ukoll mir-Regolament (UE) 2022/2065, inklużi r-regoli ta’ responsabbiltà għall-fornituri tas-servizzi intermedjarji stabbiliti fl-Artikoli 4, 5, 6 u 8 ta’ dak ir-Regolament. Dan ir-Regolament jenħtieġ li jikkomplementa l-acquis tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari r-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 u d-Direttiva 2002/58/KE.

(114)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta l-opinjoni tiegħu fl-20 ta’ Jannar 2022 (21).

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u objettivi

1.   Dan ir-Regolament jistabbilixxi:

(a)

regoli armonizzati, inklużi l-obbligi ta’ trasparenza u l-obbligi ta’ diliġenza dovuta relatati, għall-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar politiku u ta’ servizzi relatati u, fejn applikabbli, għall-isponsors dwar il-ġbir, iż-żamma, id-divulgazzjoni u l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni relatata mal-forniment ta’ tali servizzi fis-suq intern;

(b)

regoli armonizzati dwar l-użu ta’ tekniki tal-immirar u ta’ tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-forniment ta’ reklamar politiku online;

(c)

regoli dwar is-superviżjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament, inkluż rigward il-kooperazzjoni u l-koordinament bejn l-awtoritajiet kompetenti.

2.   L-opinjonijiet politiċi u l-kontenut editorjali l-ieħor, indipendentement mill-mezz użat biex jiġu espressi, li huma suġġetti għal responsabbiltà editorjali, ma għandhomx jitqiesu reklamar politiku, sakemm ma jsirx bi ħlas speċifiku jew b’remunerazzjoni oħra, jew b’rabta mat-tħejjija, mat-tqegħid, mal-promozzjoni, mal-pubblikazzjoni, mat-twassil jew mad-disseminazzjoni tagħhom min-naħa ta’ partijiet terzi.

3.   L-opinjonijiet politiċi espressi fil-kapaċità personali ma għandhomx jitqiesu reklamar politiku.

4.   L-objettivi ta’ dan ir-Regolament huma:

(a)

li jikkontribwixxi għall-funzjonament korrett tas-suq intern tar-reklamar politiku u tas-servizzi relatati;

(b)

li jipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u l-protezzjoni tad-data personali.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament japplika għar-reklamar politiku meta r-reklam politiku jkun disseminat fl-Unjoni, jiddaħħal fid-dominju pubbliku fi Stat Membru wieħed jew aktar jew ikun indirizzat liċ-ċittadini tal-Unjoni, indipendentement mill-post tal-istabbiliment tal-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jew mill-post tar-residenza tal-isponsor, u indipendentement mill-mezzi użati.

2.   Dan ir-Regolament la għandu jippreġudika l-kontenut tar-reklami politiċi u lanqas ir-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali li jirregolaw l-aspetti relatati mar-reklamar politiku differenti minn dawk kontemplati minn dan ir-Regolament, inklużi r-regoli dwar l-organizzazzjoni, il-finanzjament u t-tmexxija tal-kampanji politiċi, ir-regoli dwar il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet ġenerali imposti fuq ir-reklamar politiku matul perjodi speċifiċi u, fejn applikabbli, ir-regoli dwar il-perjodi elettorali.

3.   Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għar-regoli stabbiliti fl-atti li ġejjin:

(a)

id-Direttiva 2000/31/KE;

(b)

id-Direttiva 2002/58/KE;

(c)

id-Direttiva 2005/29/KE;

(d)

id-Direttiva 2006/114/KE;

(e)

id-Direttiva 2006/123/KE;

(f)

id-Direttiva 2010/13/UE;

(g)

id-Direttiva 2011/83/UE;

(h)

ir-Regolament (UE) 2019/1150;

(i)

ir-Regolament (UE) 2022/2065.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“servizz” tfisser kwalunkwe attività ekonomika ta’ impjieg awtonomu normalment mogħtija bi ħlas, kif imsemmi fl-Artikolu 57 tat-TFUE;

(2)

“reklamar politiku” tfisser it-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni, it-twassil jew id-disseminazzjoni, bi kwalunkwe mezz, ta’ messaġġ, normalment fornut bi ħlas jew permezz ta’ attivitajiet interni jew bħala parti minn kampanja ta’ reklamar politiku:

(a)

minn attur politiku, għalih jew f’ismu, sakemm ma jkunx ta’ natura purament privata jew purament kummerċjali; jew

(b)

li jista’ jinfluwenza jew ikun maħsub li jinfluwenza l-eżitu ta’ elezzjoni jew ta’ referendum, l-imġiba tal-vot jew proċess leġiżlattiv jew regolatorju, fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali jew lokali;

u li ma jinkludix:

(i)

messaġġi minn sorsi uffiċjali tal-Istati Membri jew tal-Unjoni strettament limitati għall-organizzazzjoni u għall-modalitajiet għall-parteċipazzjoni f’elezzjonijiet jew f’referenda, inklużi t-tħabbir tal-kandidaturi jew il-mistoqsija suġġetta għal referendum, jew għall-promozzjoni tal-parteċipazzjoni f’elezzjonijiet jew f’referenda;

(ii)

il-komunikazzjoni pubblika li timmira li tagħti informazzjoni uffiċjali lill-pubbliku minn awtorità pubblika ta’ Stat Membru jew tal-Unjoni, għaliha jew f’isimha, inklużi minn membri tal-gvern ta’ Stat Membru, għalihom jew f’isimhom, bil-kundizzjoni li ma tkunx tista’ tinfluwenza jew tkun maħsuba li tinfluwenza l-eżitu ta’ elezzjoni jew ta’ referendum, l-imġiba tal-vot jew proċess leġiżlattiv jew regolatorju; u

(iii)

il-preżentazzjoni ta’ kandidati fi spazji pubbliċi speċifiċi jew fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, espliċitament prevista mil-liġi u allokata mingħajr ħlas, filwaqt li jiġi żgurat trattament indaqs tal-kandidati;

(3)

“reklam politiku” tfisser eżempju ta’ reklamar politiku ppubblikat, imwassal jew disseminat bi kwalunkwe mezz;

(4)

“attur politiku” tfisser kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

(a)

“partit politiku” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 1, tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jew entità direttament jew indirettament relatata mal-isfera ta’ attività ta’ tali partit politiku;

(b)

“alleanza politika” kif definita fl-Artikolu 2, il-punt 2, tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014;

(c)

“partit politiku Ewropew” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 3, tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014;

(d)

kandidat għal kwalunkwe kariga elettiva fil-livell tal-Unjoni, nazzjonali, reġjonali u lokali jew detentur ta’ tali kariga, jew kwalunkwe pożizzjoni ta’ tmexxija fi ħdan partit politiku;

(e)

membru tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Qorti tal-Awdituri, jew ta’ gvern ta’ Stat Membru fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali;

(f)

organizzazzjoni ta’ kampanji politiċi b’personalità ġuridika jew mingħajrha, stabbilita esklużivament għall-finijiet li tinfluwenza r-riżultat ta’ elezzjoni jew f’referendum;

(g)

kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tirrappreżenta jew taġixxi f’isem kwalunkwe persuna jew organizzazzjoni msemmija fil-punti (a) sa (f), u li tippromwovi l-objettivi politiċi ta’ kwalunkwe wieħed minn dawk il-persuni jew dawk l-organizzazzjonijiet.

(5)

“servizz ta’ reklamar politiku” tfisser servizz li jikkonsisti minn reklamar politiku bl-eċċezzjoni ta’ “servizz intermedjarju” online kif definit fl-Artikolu 3, il-punt (g), tar-Regolament (UE) 2022/2065, fornut mingħajr korrispettiv għat-tħejjija, għat-tqegħid, għall-promozzjoni, għall-pubblikazzjoni, għat-twassil jew għad-disseminazzjoni għall-messaġġ speċifiku;

(6)

“fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku” tfisser persuna fiżika jew ġuridika involuta fil-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar politiku, bl-eċċezzjoni tas-servizzi purament anċillari;

(7)

“kampanja ta’ reklamar politiku” tfisser it-tħejjija, it-tqegħid, il-promozzjoni, il-pubblikazzjoni, it-twassil jew id-disseminazzjoni ta’ sensiela ta’ reklami politiċi relatati matul kuntratt għar-reklamar politiku, abbażi ta’ tħejjija, sponsorizzazzjoni jew finanzjament komuni;

(8)

“pjattaforma online kbira ħafna” tfisser pjattaforma online ddeżinjata bħala pjattaforma online kbira ħafna skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(9)

“magna tat-tiftix online kbira ħafna” tfisser magna tat-tiftix online ddeżinjata bħala magna tat-tiftix online kbira ħafna skont l-Artikolu 33(4) tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(10)

“sponsor” tfisser il-persuna fiżika jew ġuridika li fuq talba tagħha jew f’isimha jitħejja, jitqiegħed, jiġi promoss, jiġi ppubblikat, jitwassal jew jiġi disseminat reklamar politiku;

(11)

“tekniki tal-immirar ” tfisser tekniki li jintużaw biex jiġi indirizzat reklam politiku lil persuna speċifika jew lil grupp ta’ persuni speċifiku biss jew biex jeskluduhom, abbażi tal-ipproċessar tad-data personali;

(12)

“tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami” tfisser tekniki ta’ ottimizzazzjoni li jintużaw biex jiżdiedu t-tixrid, il-portata jew il-viżibbiltà ta’ reklam politiku abbażi tal-ipproċessar awtomatiku tad-data personali u li jistgħu jservu biex jitwassal il-messaġġ tar-reklam politiku lil persuna speċifika jew lil grupp ta’ persuni speċifiku biss;

(13)

“pubblikatur ta’ reklamar politiku” tfisser fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku li jippubblika, iwassal jew jiddissemina reklamar politiku bi kwalunkwe mezz;

(14)

“kontrollur” tfisser “kontrollur” kif definit fl-Artikolu 4, il-punt 7, tar-Regolament (UE) 2016/679 jew, fejn applikabbli, kif definit fl-Artikolu 3, il-punt 8, tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 4

Prinċipju tas-suq intern

1.   L-Istati Membri ma għandhomx iżommu jew jintroduċu, għal raġunijiet relatati mat-trasparenza tar-reklamar politiku, dispożizzjonijiet jew miżuri diverġenti minn dawk stabbiliti f’dan ir-Regolament.

2.   La għandu jkun ipprojbit u lanqas limitat, anki mil-lat ġeografiku, għal raġunijiet relatati mat-trasparenza l-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar politiku meta jiġu ssodisfati r-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 5

Forniment ta’ servizzi ta’ reklamar politiku fl-Unjoni

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku ma għandhomx jagħmlu l-forniment tas-servizzi tagħhom suġġetti għal restrizzjonijiet diskriminatorji esklużivament ibbażati fuq il-post tar-residenza jew tal-istabbiliment tal-isponsor.

Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku ma għandhomx jillimitaw il-forniment tas-servizzi tagħhom għal “partit politiku Ewropew” kif definit fl-Artikolu 2, il-punt 3, tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014, jew għal grupp politiku fil-Parlament Ewropew, esklużivament abbażi tal-post tal-istabbiliment tiegħu.

2.   Mingħajr preġudizzju għal regoli nazzjonali aktar stretti, fl-aħħar tliet xhur qabel elezzjoni jew referendum organizzati fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali, reġjonali jew lokali fi Stat Membru, is-servizzi ta’ reklamar politiku pertinenti għal dik l-elezzjoni jew għal dak ir-referendum għandhom jiġu fornuti biss lil sponsor, jew fornitur ta’ servizzi li jaġixxi f’isem sponsor, li jiddikjara li huwa:

(a)

ċittadin tal-Unjoni; jew

(b)

ċittadin ta’ pajjiż terz residenti b’mod permanenti fl-Unjoni u li għandu d-dritt tal-vot f’dik l-elezzjoni jew f’dak ir-referendum f’konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru tar-residenza; jew

(c)

persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni li ma tkunx tal-proprjetà, fl-aħħar istanza, ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz jew ikkontrollata minnu, bl-eċċezzjoni ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi msemmija fil-punt (b), jew minn persuna ġuridika stabbilita f’pajjiż terz.

KAPITOLU II

OBBLIGI TA’ TRASPARENZA U TA’ DILIĠENZA DOVUTA GĦAS-SERVIZZI TA’ REKLAMAR POLITIKU

Artikolu 6

Obbligi ta’ trasparenza u ta’ diliġenza dovuta għas-servizzi ta’ reklamar politiku

1.   Is-servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jiġu fornuti b’mod trasparenti f’konformità mal-obbligi stabbiliti f’ dan l-Artikolu, fl-Artikoli 7 sa 17 u u l-Artikolu 21.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jiżguraw li l-arranġamenti kuntrattwali konklużi għall-forniment ta’ servizz ta’ reklamar politiku jippermettu l-konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament, inklużi dawk relatati mal-allokazzjoni tar-responsabbiltà u dawk relatati mal-kompletezza u mal-akkuratezza tal-informazzjoni.

Artikolu 7

Identifikazzjoni tas-servizzi ta’ reklamar politiku

1.   Fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar għandu jitlob lill-isponsors, u lill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar li jaġixxu f’isem l-isponsors, jiddikjaraw jekk is-servizz ta’ reklamar li kienu talbu lill-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar iwettaq, jikkostitwix servizz ta’ reklamar politiku skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt 5, jew jekk jissodisfawx kwalunkwe wieħed mir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 5(2). L-isponsors, u l-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar li jaġixxu f’isem l-isponsors, għandhom jagħmlu tali dikjarazzjonijiet b’mod veritier u għandhom ikunu responsabbli mill-akkuratezza tagħhom.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jiżguraw li l-arranġamenti kuntrattwali konklużi għall-forniment ta’ servizz ta’ reklamar politiku jirrikjedu lill-isponsor, jew lill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar li jaġixxu f’isem l-isponsors, jipprovdu d-dikjarazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-informazzjoni rilevanti neċessarja biex ikunu konformi mal-Artikoli 9(1), 11(1) u 12(1). Dik l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa b’mod komplet u akkurat u mill-aktar fis.

3.   L-isponsors għandhom jipprovdu u jiżguraw l-akkuratezza tal-informazzjoni neċessarja għall-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku biex ikunu konformi mal-Artikolu 9(1), il-punti (a), (d), (e) u (f), mal-Artikolu 11(1), il-punti (a) sa (d), u mal-Artikolu 12(1), il-punti (a), (b), (c), (e), (h) u (k), qabel jew matul il-perjodu ta’ pubblikazzjoni, twassil jew disseminazzjoni tar-reklam politiku.

Meta sponsor, jew fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar li jaġixxi f’isem sponsor, isir jaf bil-fatt li l-informazzjoni li jkun ittrażmetta nbidlet, għandu jiżgura li tiġi trażmessa dik l-informazzjoni aġġornata lill-fornitur rilevanti ta’ servizzi ta’ reklamar politiku fil-ħin, b’mod komplet u akkurat.

Meta sponsor, jew fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar li jaġixxi f’isem sponsor, isir jaf bil-fatt li xi informazzjoni trażmessa lill-pubblikatur ta’ reklamar politiku jew ippubblikata minnu mhijiex kompleta jew akkurata, għandu jagħmel kuntatt, mill-aktar fis, mal-pubblikatur ta’ reklamar politiku kkonċernat u għandu jittrażmetti l-informazzjoni kompletata jew ikkoreġuta lil dak il-pubblikatur ta’ reklamar politiku.

4.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jirrikjedu lill-isponsors, jew lill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar li jaġixxu f’isem l-isponsors, li jippreżentaw dikjarazzjoni jew informazzjoni f’konformità ma’ dan l-Artikolu li tkun manifestament żbaljata jikkoreġu dik id-dikjarazzjoni jew dik l-informazzjoni. L-isponsors, jew il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar li jaġixxu f’isem l-isponsors, għandhom jagħmlu tali korrezzjonijiet, li għandhom ikunu kompleti u akkurati, mill-aktar fis.

5.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku li jużaw interfaċċa online għandhom jiżguraw li l-interfaċċa online tkun maħsuba u organizzata b’tali mod li jaġevola l-konformità min-naħa tal-isponsors, u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar li jaġixxu f’isem l-isponsors, mal-obbligi tagħhom kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 9(1).

Artikolu 8

Identifikazzjoni ta’ reklam politiku

1.   Sabiex jiġi ddeterminat jekk messaġġ jikkostitwix reklamar politiku skont it-tifsira tal-Artikolu 3, il-punt 2, il-punt (b), għandhom jitqiesu l-karatteristiċi kollha, fosthom:

(a)

il-kontenut tal-messaġġ;

(b)

l-isponsor tal-messaġġ;

(c)

il-lingwaġġ użat biex jintbagħat il-messaġġ;

(d)

il-kuntest li fih jintbagħat il-messaġġ, inkluż il-perjodu ta’ disseminazzjoni;

(e)

il-mezzi li bihom il-messaġġ jitħejja, jitqiegħed, jiġi promoss, jiġi ippubblikat, jitwassal jew jiġu disseminat;

(f)

il-pubbliku fil-mira;

(g)

l-objettiv tal-messaġġ.

2.   Il-Kummissjoni għandha tfassal gwida komuni maħsuba biex tikkontribwixxi għall-applikazzjoni korretta ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 9

Reġistri

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandhom iżommu, sal-punt neċessarju biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament, l-informazzjoni li jiġbru fl-ambitu tal-forniment tas-servizzi tagħhom, dwar dawn li ġejjin:

(a)

ir-reklam politiku jew il-kampanja tar-reklamar politiku li magħhom huma marbuta s-servizz jew is-servizzi;

(b)

is-servizz speċifiku jew is-servizzi speċifiċi li jkunu fornew b’rabta mar-reklamar politiku;

(c)

l-ammonti li ffatturaw għas-servizz jew għas-servizzi li fornew, u l-valur ta’ benefiċċji oħra riċevuti bi skambju parzjali jew sħiħ għas-servizz jew għas-servizzi fornuti;

(d)

l-informazzjoni dwar l-oriġini pubblika jew privata tal-ammonti u tal-benefiċċji l-oħra msemmija fil-punt (c), kif ukoll jekk joriġinawx minn ġewwa l-Unjoni jew minn barra;

(e)

l-identità u d-dettalji tal-kuntatt tal-isponsor tar-reklam politiku u, fejn applikabbli, tal-entità li fl-aħħar istanza tikkontrolla l-isponsor u, għall-persuni ġuridiċi, il-post tal-istabbiliment tagħhom; u

(f)

fejn applikabbli, indikazzjoni tal-elezzjoni, tar-referendum u tal-proċess leġiżlattiv jew regolatorju li magħhom huwa marbut ir-reklam politiku.

2.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex jiżguraw li l-informazzjoni miżmuma skont il-paragrafu 1 tkun kompleta u akkurata.

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun bil-miktub jew f’forma elettronika. Tali informazzjoni għandha tinżamm f’format li jinqara mill-magni għal perjodu ta’ seba’ snin mid-data tal-aħħar preparazzjoni, tqegħid, promozzjoni, pubblikazzjoni, twassil jew disseminazzjoni, skont il-każ.

4.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-mikroimpriżi li jikkwalifikaw għall-kategoriji tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/34/UE jekk il-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar ikun purament marġinali u anċillari għall-attivitajiet ewlenin tagħhom.

Artikolu 10

Trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-pubblikatur ta’ reklamar politiku

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jiżguraw li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 9(1) tiġi trażmessa fil-ħin u b’mod komplet u akkurat lill-pubblikaturi ta’ reklamar politiku biex ikunu jistgħu jonoraw l-obbligi imposti fuqhom minn dan ir-Regolament.

Kull fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandu jittrażmetti l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu matul il-forniment tas-servizzi rilevanti u f’konformità mal-aħjar prattiki u mal-istandards tas-settur u, jekk teknikament possibbli, bi proċess awtomatizzat standardizzat.

Meta l-pubblikatur ta’ reklamar politiku jkun l-uniku fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku, l-isponsor għandu jittrażmetti l-informazzjoni rilevanti lill-pubblikatur ta’ reklamar politiku.

2.   Meta fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jsir jaf bil-fatt li l-informazzjoni li kien ittrażmetta nbidlet, għandu jiżgura li dik l-informazzjoni aġġornata tiġi trażmessa lill-pubblikatur ta’ reklamar politiku rilevanti.

Artikolu 11

Rekwiżiti ta’ tikkettar u ta’ trasparenza għal kull reklam politiku

1.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom jiżguraw li kull reklam politiku jsir disponibbli flimkien mal-informazzjoni li ġejja b’mod ċar, viżibbli sew u mhux ambigwu:

(a)

dikjarazzjoni li tgħid li huwa reklam politiku;

(b)

l-identità tal-isponsor tar-reklam politiku u, fejn applikabbli, tal-entità li fl-aħħar istanza tikkontrolla l-isponsor;

(c)

fejn applikabbli, l-elezzjoni, ir-referendum u il-proċess leġiżlattiv jew regolatorju li magħhom huwa marbut ir-reklam politiku;

(d)

fejn applikabbli, dikjarazzjoni li tgħid li r-reklam politiku kien suġġett għal tekniki tal-immirar jew tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami;

(e)

avviż ta’ trasparenza li jkun fih l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1), jew indikazzjoni ċara ta’ fejn jista’ jiġi rkuprat faċilment u direttament.

2.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom jiżguraw il-kompletezza tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1. Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom jiżguraw l-akkuratezza tal-informazzjoni dwar fejn jista’ jiġi rkuprat l-avviż ta’ trasparenza msemmi fil-paragrafu 1, il-punt (e).

3.   L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun disponibbli fil-forma ta’ tikketti adattati għall-mezz użat.

Dawk it-tikketti għandhom ikunu viżibbli, għandhom jippermettu lill-individwi jidentifikaw faċilment reklam politiku bħala tali u għandhom jibqgħu fl-eventwalità li r-reklam politiku jiġi disseminat ulterjorment.

4.   Sal-10 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistabbilixxu l-format u l-mudell tat-tikketti msemmija fil-paragrafu 3. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiżguraw li t-tikketti jkunu adattati għall-mezz użat, anki għall-media awdjoviżiva u stampata kif ukoll għar-reklamar online u offline, filwaqt li jitqiesu l-karatteristiċi partikolari ta’ dawk il-mezz, kif ukoll l-aktar żviluppi teknoloġiċi u tas-suq reċenti, ir-riċerka xjentifika rilevanti u l-aħjar prattiki.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29(2).

5.   L-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet kompetenti, u l-Kummissjoni għandhom jinkoraġġixxu t-tfassil, fuq bażi volontarja, ta’ kodiċijiet ta’ kondotta maħsuba biex jikkontribwixxu għall-applikazzjoni korretta ta’ dan l-Artikolu, filwaqt li jqisu l-karatteristiċi speċifiċi tal-fornituri tas-servizzi rilevanti involuti u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju, li jikkwalifikaw għall-kategoriji tal-Artikolu 3(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE.

Artikolu 12

Avviżi ta’ trasparenza

1.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom jiżguraw li l-avviż ta’ trasparenza msemmi fl-Artikolu 11(1), il-punt (e), jinkludi din l-informazzjoni li ġejja:

(a)

l-identità tal-isponsor u, fejn applikabbli, tal-entità li fl-aħħar istanza tikkontrolla l-isponsor, inklużi isimhom u l-indirizz tal-posta elettronika tagħhom u, meta jkun disponibbli pubblikament, l-indirizz postali tagħhom, u, meta l-isponsor ma jkunx persuna fiżika, l-indirizz tal-post tal-istabbiliment tiegħu;

(b)

l-informazzjoni meħtieġa skont il-punt (a) dwar il-persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi ħlas bi skambju għar-reklam politiku jekk din il-persuna tkun differenti mill-isponsor jew mill-entità li fl-aħħar istanza tikkontrolla l-isponsor;

(c)

il-perjodu li matulu r-reklam politiku jkun maħsub li jiġi ppubblikat, imwassal jew disseminat;

(d)

l-ammonti aggregati u l-valur aggregat tal-benefiċċji l-oħra li jirċievu l-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku inkużi dawk li jirċievi l-pubblikatur, bi skambju parzjali jew totali għas-servizzi ta’ reklamar politiku u, meta rilevanti, għall-kampanja ta’ reklamar politiku;

(e)

l-informazzjoni dwar l-oriġini pubblika jew privata tal-ammonti u tal-benefiċċji l-oħra msemmija fil-punt (d), kif ukoll jekk joriġinawx minn ġewwa l-Unjoni jew minn barra;

(f)

il-metodoloġija użata għall-kalkolu tal-ammonti u l-valur imsemmija fil-punt (d);

(g)

fejn applikabbli, indikazzjoni tal-elezzjonijiet jew tar-referenda u tal-proċessi leġiżlattivi jew regolatorji li magħhom ikun marbut ir-reklam politiku;

(h)

meta r-reklam politiku jkun marbut ma’ elezzjonijiet jew referenda speċifiċi, links għall-informazzjoni uffiċjali dwar il-modalitajiet għall-parteċipazzjoni fl-elezzjoni kkonċernata jew fir-referendum ikkonċernat;

(i)

fejn applikabbli, links għar-repożitorju Ewropew għar-reklami politiċi online msemmi fl-Artikolu 13;

(j)

informazzjoni dwar il-mekkaniżmi msemmija fl-Artikolu 15(1);

(k)

fejn applikabbli, jekk pubblikazzjoni preċedenti tar-reklam politiku jew verżjoni preċedenti tiegħu ġietx sospiża jew interrotta minħabba ksur tar’ dan ir-Regolament;

(l)

fejn applikabbli, dikjarazzjoni li tgħid li r-reklam politiku kien suġġett għal tekniki tal-immirar jew tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami abbażi tal-użu tad-data personali, inkluża l-informazzjoni speċifikata fl-Artikolu 19(1), il-punti (c) u (e);

(m)

fejn applikabbli u teknikament fattibbli, il-portata tar-reklam politiku f’termini ta’ numru ta’ viżwalizzazzjonijiet u interazzjonijiet mar-reklam politiku.

2.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom jiżguraw il-kompletezza tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom jiżguraw l-akkuratezza tal-informazzjoni tal-paragrafu (1), il-punti (d), (f), (i), (j) u (m), qabel u matul il-perjodu ta’ pubblikazzjoni, twassil jew disseminazzjoni tar-reklam politiku.

Meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jsir jaf bil-fatt li xi informazzjoni trażmessa lill-pubblikatur ta’ reklamar politiku, jew ippubblikata minnu, ma tkunx kompleta jew akkurata, għandu jagħmel kuntatt, mill-aktar fis, mal-pubblikatur ta’ reklamar politiku kkonċernat u għandu jittrażmetti l-informazzjoni kompletata jew ikkoreġuta lil dak il-pubblikatur ta’ reklamar politiku.

Meta l-pubblikatur ta’ reklamar politiku jsir jaf, bi kwalunkwe mezz, bil-fatt li l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 11(1) u fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu mhijiex kompleta jew akkurata, għandu jagħmel mill-aħjar li jista’, inkluż billi jagħmel kuntatt, mill-aktar fis, mal-isponsor jew mal-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku kkonċernati, biex jikkompleta jew jikkoreġi l-informazzjoni.

Meta l-informazzjoni ma tkunx tista’ tiġi kkompletata jew ikkoreġuta mill-aktar fis, il-pubblikatur ta’ reklamar politiku ma għandux jagħmel disponibbli r-reklam politiku, jew għandu, mill-aktar fis, jinterrompi l-pubblikazzjoni, it-twassil jew id-disseminazzjoni tar-reklam politiku.

Il-pubblikatur ta’ reklamar politiku għandu jinforma mill-aktar fis lill-isponsors jew lill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku kkonċernati bi kwalunkwe deċiżjoni fl-ambitu tal-ħames subparagrafu ta’ dan il-paragrafu.

3.   L-avviżi ta’ trasparenza għandhom jiġu inklużi f’kull reklam politiku jew għandhom ikunu jistgħu jiġu rkuprati faċilment fi kwalunkwe mument matul il-perjodu ta’ pubblikazzjoni tar-reklam politiku.

L-avviżi ta’ trasparenza għandhom jinżammu aġġornati matul il-perjodu ta’ pubblikazzjoni kollu tar-reklam politiku, ippreżentati f’format li jkun faċilment aċċessibbli u, tal-anqas meta r-reklam politiku jsir disponibbli elettronikament, disponibbli f’format li jista’ jinqara mill-magni. Dawn għandhom jinkitbu bil-lingwa tar-reklam politiku. Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku li joffru servizzi fl-Unjoni għandhom jiżguraw li l-avviżi ta’ trasparenza jirrispettaw ir-rekwiżiti ta’ aċċessibbiltà applikabbli, fosthom, meta teknikament fattibbli, billi l-informazzjoni ssir disponibbli permezz ta’ aktar minn kanal sensorjali wieħed.

L-avviżi ta’ trasparenza għandhom ikunu viżibbli b’mod ċar u faċli għall-utent, anki permezz tal-użu ta’ lingwaġġ sempliċi.

4.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom iżommu l-avviżi ta’ trasparenza tagħhom flimkien ma’ kwalunkwe modifika tagħhom għal perjodu ta’ seba’ snin wara l-aħħar pubblikazzjoni tar-reklamar politiku ikkonċernat.

5.   Il-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-mikroimpriżi li jikkwalifikaw għall-kategoriji tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/34/UE, dment li l-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar ikun purament marġinali u anċillari għall-attivitajiet ewlenin tagħhom.

6.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 28 biex temenda dan ir-Regolament billi żżid punti fil-lista ta’ punti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u billi timmodifika l-paragrafu 1, il-punt (f), ta’ dan l-Artikolu, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, tal-prattiki tas-suq, tar-riċerka xjentifika rilevanti, tal-iżviluppi fis-superviżjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti u tal-gwida rilevanti maħruġa mill-korpi kompetenti, dment li tali emenda tkun neċessarja biex jinftiehmu l-kuntest usa’ tar-reklam politiku u l-għanijiet tiegħu.

7.   Sal-10 ta’ Lulju 2025, il-Kummissjoni għandha tadotta ati ta’ implimentazzjoni biex tistabbilixxi l-format tal-avviż ta’ trasparenza u tforni speċifikazzjonijiet tekniċi għalih bil-għan li tiżgura li jkun adattat għall-mezz użat, anki għall-media awdjoviżiva u stampata kif ukoll għar-reklamar online u offline, filwaqt li jitqiesu l-aktar żviluppi teknoloġiċi u tas-suq reċenti, ir-riċerka xjentifika rilevanti u l-aħjar prattiki u l-ħtiġijiet speċifiċi ta’ impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju li jikkwalifikaw għall-kategoriji tal-Artikolu 3(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE.

Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 29(2).

Artikolu 13

Repożitorju Ewropew għal reklami politiċi online

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi, direttament jew billi tiġi fdata din ir-responsabbiltà lil awtorità ta’ ġestjoni, il-ġestjoni tar-repożitorju Ewropew għar-reklami politiċi online (ir-“repożitorju Ewropew”), li huwa repożitorju pubbliku għar-reklami politiċi online kollha ppubblikati fl-Unjoni jew indirizzati liċ-ċittadini tal-Unjoni jew lir-residenti fl-Unjoni. Dak ir-repożitorju għandu jinkludi:

(a)

funzjoni li tippermetti l-aċċess pubbliku għar-reklami politiċi online, flimkien mal-informazzjoni fornuta mill-pubblikaturi ta’ reklamar politiku msemmija fl-Artikolu 12(1) fir-rigward ta’ kull reklam politiku online mill-mument tal-ewwel pubblikazzjoni tiegħu; l-informazzjoni għandha tkun disponibbli f’format li jinqara mill-magni, għandha tippermetti tfittxijiet b’diversi kriterji u għandha tkun aċċessibbli għall-pubbliku permezz ta’ portal uniku;

(b)

servizz ta’ hosting li jiżgura d-disponibbiltà ta’ reklamar politiku online u tal-informazzjoni ppubblikata miegħu msemmija fl-Artikolu 12(1), għall-perjodu kollu li matulu r-reklamar politiku jiġi ppreżentat u għal seba’ snin wara li r-reklam politiku jkun ġie ppreżentat l-aħħar; dak is-servizz ta’ hosting, u l-aċċess għall-informazzjoni ospitata, għandu jirrispetta eventwali rekwiżiti ġuridiċi, u jkun mingħajr preġudizzju għalihom, għat-tneħħija tar-reklam politiku u tal-informazzjoni ppubblikata miegħu; dak is-servizz ta’ hosting għandu jkun mingħajr ħlas għall-pubblikaturi ta’ reklamar politiku li jippreżentaw reklam politiku online lir-repożitorju Ewropew.

2.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku li jkunu pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna għandhom jiżguraw li kull reklam politiku, flimkien mal-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-Regolament, isir disponibbli f’repożitorju, kif imsemmi fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2022/2065. Barra minn hekk, dawk il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom jippermettu l-aċċess għal dik l-informazzjoni permezz tar-repożitorju Ewropew mill-mument tal-pubblikazzjoni u għall-perjodu kollu li matulu jippreżentaw ir-reklam politiku kif ukoll fis-seba’ snin wara l-aħħar preżentazzjoni tar-reklam politiku fuq l-interfaċċi online tagħhom.

3.   Jekk ineħħu jew jiddiżabilitaw l-aċċess għal reklam politiku speċifiku fuq il-bażi ta’ allegata illegalità jew ta’ inkompatibbiltà mal-patti u l-kundizzjonijiet tagħhom, il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom ikomplu jfornu l-aċċess għall-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-Regolament għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 9(3) ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rekwiżit huwa mingħajr preġudizzju għar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 9(2), il-punt (a)(i), fl-Artikolu 17(3), il-punti (a) sa (e), u fl-Artikolu 39(3) tar-Regolament (EU) 2022/2065.

4.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku differenti minn dawk imsemmijin fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu li jippubblikaw reklami politiċi permezz ta’ servizz online għandhom jagħmlu disponibbli fir-repożitorju Ewropew kull reklam politiku u l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 12(1) sa mhux aktar tard minn 72 siegħa mill-ewwel pubblikazzjoni tar-reklamar politiku.

5.   Il-Kummissjoni jew, skont il-każ, l-awtorità ta’ ġestjoni msemmija fil-paragrafu 1, la għandha bl-ebda mod tkun responsabbli mill-kompletezza u mill-akkuratezza tar-reklamar politiku u mill-informazzjoni ppubblikata magħha, u lanqas mill-konformità tagħha mal-liġi tal-Unjoni jew nazzjonal rilevanti u ma’ regoli vinkolanti applikabbli oħrajn.

6.   Sal-10 ta’ April 2026, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 29 biex tistabbilixxi arranġamenti dettaljati għall-forniment ta’ struttura komuni tad-data, ta’ metadata standardizzata biex tiffaċilita l-inklużjoni tar-reklami politiċi fir-repożitorju Ewropew u l-indiċizzazzjoni tar-reklamar politiku min-naħa tal-magni tat-tiftix online, l-awtentikazzjoni standardizzata u interfaċċa komuni ta’ programmazzjoni tal-applikazzjonijiet, bil-għan li jitħalla l-aċċess għall-aggregazzjoni tal-informazzjoni ppubblikata online skont dan ir-Regolament permezz ta’ portal uniku.

Hija u tadotta dawk l-atti ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tqis l-iżviluppi teknoloġiċi, xjentifiċi u tas-suq, u għandha timmira li tikseb dawn l-objettivi li ġejjin:

(a)

tippermetti l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 permezz tar-repożitorju Ewropew;

(b)

tippermetti aċċess faċli tal-pubbliku għall-avviżi ta’ trasparenza online permezz tal-użu ta’ interfaċċa komuni ta’ programmazzjoni tal-applikazzjonijiet li tippermetti l-aċċess għall-avviżi u li jsiru tfittxijiet fil-bażijiet tad-data rilevanti;

(c)

tappoġġa l-aċċess ta’ partijiet terzi u tal-pubbliku għall-avviżi ta’ trasparenza, anki billi tiġi permessa l-analiżi tal-avviżi ta’ trasparenza online u l-preżentazzjoni tagħhom permezz ta’ portal uniku u servizzi ta’ tiftix faċli għall-utent.

Artikolu 14

Rapportar perjodiku dwar is-servizzi ta’ reklamar politiku

1.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom jinkludu informazzjoni dwar l-ammonti jew il-valuri ta’ benefiċċji oħra riċevuti bi skambju parzjali jew sħiħ għas-servizzi fornuti, inkluż dwar l-użu ta’ tekniki tal-immirar u tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami, aggregati skont il-kampanji, mehmuża mar-rapport ta’ ġestjoni tagħhom skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tad-Direttiva 2013/34/UE.

Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jagħmlu l-informazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-awditjar jew mis-superviżjoni tal-atturi politiċi, jekk tali awtoritajiet huma stabbiliti skont id-dritt nazzjonali.

2.   Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-impriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju li jikkwalifikaw għall-kategoriji tal-Artikolu 3(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE.

Artikolu 15

Indikazzjoni ta’ reklami politiċi possibbilment mhux konformi

1.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom jistabbilixxu l-mekkaniżmi neċessarji li jippermettu lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi jinnotifikawhom jekk reklam politiku partikolari li jkunu ppubblikaw ma jikkonformax ma’ dan ir-Regolament.

2.   Il-mekkaniżmi msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom ikunu mingħajr ħlas, faċli għall-utent, u faċilment aċċessibbli, inkluż mill-avviż ta’ trasparenza. Jekk teknikament possibbli, dawk il-mekkaniżmi għandhom jippermettu li n-notifiki jsiru f’format elettroniku.

3.   Dawk il-mekkaniżmi għandhom jiffaċilitaw il-preżentazzjoni ta’ notifiki preċiżi u motivati lill-pubblikaturi ta’ reklamar politiku biex jippermettulhom jidentifikaw in-nonkonformità tar-reklami politiċi inkwistjoni ma’ dan ir-Regolament. Għal dak il-għan, il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jippermettu u jiffaċilitaw il-preżentazzjoni ta’ notifiki li jkun fihom l-elementi kollha li ġejjin:

(a)

spjegazzjoni motivata tar-raġunijiet għaliex il-persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta n-notifika tallega li r-reklam politiku inkwistjoni mhuwiex konformi ma’ dan ir-Regolament;

(b)

informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tar-reklam politiku;

(c)

l-isem u l-indirizz tal-posta elettronika tal-persuna fiżika jew ġuridika li tippreżenta n-notifika.

4.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom jibagħtu, mill-aktar fis, konferma tar-riċevuta tan-notifika riċevuta skont il-paragrafu 1 lill-persuna fiżika jew ġuridika li ppreżentatha.

5.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku li huma pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna mill-aktar fis għandhom:

(a)

jeżaminaw u jindirizzaw in-notifiki riċevuti skont il-paragrafu 1 b’mod diliġenti, mhux arbitrarju u objettiv;

(b)

jinformaw lill-persuna fiżika jew ġuridika li għamlet in-notifika msemmija fil-paragrafu 1 bis-segwitu mogħti lilha.

6.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku li mhumiex pjattaformi online kbar ħafna u magni tat-tiftix online kbar ħafna mill-aktar fis għandhom:

(a)

jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex jeżaminaw u jindirizzaw in-notifiki riċevuti skont il-paragrafu 1 b’mod diliġenti, mhux arbitrarju u objettiv;

(b)

jinformaw, tal-anqas fuq talba, lill-persuna fiżika jew ġuridika li għamlet in-notifika msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu bis-segwitu mogħti lilha; il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku li jikkwalifikaw għall-kategoriji tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2013/34/UE għandhom jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex jiżguraw l-konformità ma’ dan il-punt.

7.   Fl-aħħar xahar qabel elezzjoni jew referendum, il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom jipproċessaw in-notifiki li jirċievu rigward reklam politiku marbut ma’ dik l-elezzjoni jew dak ir-referendum fi żmien 48 siegħa dment li n-notifika tkun tista’ tiġi pproċessata kompletament abbażi tal-informazzjoni inkluża fin-notifika. Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku li jikkwalifikaw għall-kategoriji ta’ impriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju tal-Artikolu 3(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE għandhom jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex jipproċessaw, mill-aktar fis, in-notifiki li jirċievu rigward reklamar politiku marbut ma’ elezzjoni jew referendum.

8.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom ifornu informazzjoni ċara u faċli għall-utent dwar il-possibbiltajiet ta’ rimedju fir-rigward tar-reklam politiku li miegħu hija relatata n-notifika u, fejn applikabbli, dwar l-użu ta’ mezzi awtomatizzati għall-ipproċessar tan-notifiki.

9.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku għandhom jinformaw mill-aktar fis lill-isponsors jew lill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku kkonċernati bil-miżuri meħuda b’segwitu għan-notifiki li jkunu saru skont dan l-Artikolu, li jolqtu d-disponibbiltà jew il-preżentazzjoni tar-reklam politiku kkonċernat.

10.   Il-pubblikaturi ta’ reklamar politiku jistgħu jirrispondu lin-notifiki multipli skont il-paragrafu 1 rigward l-istess reklam jew kampanja tar-reklamar b’mod kollettiv, inkluż bl-użu ta’ strumenti awtomatizzati jew permezz ta’ tħabbira fuq is-sit web tagħhom b’referenza għan-notifiki kkonċernati.

11.   Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lin-network tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali msemmijin fl-Artikolu 22(8), tista’ toħroġ linji gwida biex tassisti lill-pubblikaturi ta’ reklamar politiku fl-applikazzjoni ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 16

Trażmissjoni ta’ informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti

1.   Bil-għan li jivverifikaw il-konformità mal-Artikoli 9, 11, 12 u 14, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandu jkollhom is-setgħa li jitolbu li l-fornituri ta’ servizzi ta’ reklarmar politiku jittrażmettu l-informazzjoni neċessarja. L-informazzjoni trażmessa għandha tkun kompleta, akkurata u affidabbli, u għandha tkun fornuta f’format ċar, koerenti, konsolidat u li jinftiehem. Jekk teknikament possibbli, l-informazzjoni għandha tiġi trażmessa f’format standardizzat u li jinqara mill-magni.

2.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha l-elementi li ġejjin:

(a)

dikjarazzjoni tar-raġunijiet li tispjega l-objettiv li għalih tintalab l-informazzjoni, għajr jekk l-objettiv tat-talba jkun l-prevenzjoni, is-sejbien, l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ reati jew reati amministrattivi gravi u għajr jekk ir-raġunijiet tat-talba jirriskjaw li jikkompromettu dak l-objettiv;

(b)

informazzjoni dwar ir-rimedju disponibbli għall-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku rilevanti u għall-isponsor tas-servizz ta’ reklamar politiku.

3.   Malli jirċievu talba skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandhom, fi żmien jumejn tax-xogħol, jikkonfermaw li rċevew dik it-talba u jinformaw lill-awtorità kompetenti nazzjonali bil-passi meħuda biex jikkonformaw magħha. Il-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku rilevanti għandu jforni l-informazzjoni mitluba fi żmien tmint ijiem tax-xogħol. Madankollu, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku li jikkwalifikaw għall-kategoriji ta’ impriżi mikro, żgħar jew ta’ daqs medju tal-Artikolu 3(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE għandhom jagħmlu sforzi raġonevoli biex ifornu l-informazzjoni mitluba fi żmien 12-il jum tax-xogħol u sussegwentement, mill-aktar fis.

4.   B’deroga għall-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, fl-aħħar xahar qabel elezzjoni jew referendum, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba li tinsab fil-pussess tagħhom mill-aktar fis u mhux aktar tard minn 48 siegħa. Madankollu, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku li jikkwalifikaw għall-kategoriji ta’ impriżi mikro jew żgħar tal-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 2013/34/UE għandhom ifornu l-informazzjoni li tinsab fil-pussess tagħhom mill-aktar fis u, meta possibbli, qabel id-data tal-elezzjoni jew tar-referendum.

5.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jaħtru punt ta’ kuntatt għall-interazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku li jikkwalifikaw għall-kategoriji ta’ impriżi mikro jew żgħar tal-Artikolu 3(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE jistgħu jaħtru persuna fiżika esterna bħala punt ta’ kuntatt.

Artikolu 17

Trażmissjoni ta’ informazzjoni lil entitajiet interessati oħra

1.   Fuq talba tal-entitajiet interessati, il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandhom jittrażmettu fil-pront u mingħajr ħlas, u jekk teknikament possibbli f’format li jista’ jinqara mill-magni, lil dawk l-entitajiet l-informazzjoni li dawk il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku huma meħtieġa jkollhom skont l-Artikoli 9, 11 u 12.

2.   L-entitajiet interessati li jitolbu t-trażmissjoni tal-informazzjoni skont il-paragrafu 1 għandhom ikunu indipendenti minn interessi kummerċjali u għandhom jaqgħu taħt waħda jew aktar mill-kategoriji li ġejjin:

(a)

riċerkaturi verifikati f’konformità mal-Artikolu 40(8) tar-Regolament (UE) 2022/2065;

(b)

membri ta’ organizzazzjoni tas-soċjetà ċivili li l-objettivi statutorji tagħha huma li tipproteġi u tippromwovi l-interess pubbliku, awtorizzata skont id-dritt nazzjonali jew tal-Unjoni;

(c)

atturi politiċi;

(d)

osservaturi elettorali nazzjonali jew internazzjonali rikonoxxuti fi Stat Membru; jew

(e)

ġurnalisti.

3.   Wara talba minn entità interessata, il-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandu jagħmel mill-aħjar li jista’ biex iforni mill-aktar fis u fi żmien mhux aktar tard minn xahar l-informazzjoni mitluba jew ir-risposta motivata skont il-paragrafu 5.

4.   Meta jkun qed iħejji l-informazzjoni li għandha tiġi fornuta skont il-paragrafu 1, il-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jista’ jaggrega l-ammonti rilevanti jew ipoġġihom f’firxa, sal-punt meħtieġ sabiex jipproteġi l-interessi kummerċjali leġittimi tiegħu.

5.   Meta t-talbiet skont il-paragrafu 1 ikunu manifestament mhux ċari, eċċessivi jew jirrigwardaw informazzjoni li mhijiex fil-pussess tal-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku, dan tal-aħħar jista’ jirrifjuta li jforni l-informazzjoni mitluba. F’każijiet bħal dawn, il-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandu jibgħat risposta motivata lill-entità interessata li għamlet it-talba, flimkien mal-informazzjoni dwar il-possibbiltajiet ta’ rimedju, inklużi, fejn applikabbli, dawk previsti mid-Direttiva (UE) 2020/1828.

6.   Jekk l-ipproċessar tat-talbiet skont il-paragrafu 1 jinvolvi spejjeż sinifikanti, il-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jista’ jiddebita tariffa raġonevoli u proporzjonata, li fi kwalunkwe każ ma għandhiex taqbeż l-ispejjeż amministrattivi tal-għoti tal-informazzjoni mitluba.

7.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandhom iġorru l-piż li juru li talba hija manifestament mhux ċara, eċċessiva jew tirrigwarda informazzjoni li mhijiex fil-pussess tagħhom, jew li t-talbiet jinvolvu spejjeż sinifikanti għall-ipproċessar.

KAPITOLU III

IMMIRAR U TWASSIL TAL-MESSAĠĠ TAR-REKLAMAR POLITIKU ONLINE

Artikolu 18

Rekwiżiti speċifiċi relatati mat-tekniki tal-immirar u mat-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami fil-kuntest tar-reklamar politiku online

1.   It-tekniki tal-immirar jew it-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami li jinvolvu l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tar-reklamar politiku online għandhom ikunu permessi biss jekk jiġu sodisfatti l-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-kontrollur ġabar id-data personali mis-suġġett tad-data;

(b)

is-suġġett tad-data ta l-kunsens espliċitu fi ħdan it-tifsira tar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 għall-ipproċessar separat tad-data personali għal finijiet ta’ reklamar politiku; u

(c)

dawk it-tekniki ma jinvolvux “tfassil tal-profili” kif definit fl-Artikolu 4, il-punt 4, tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 3, il-punt 5, tar-Regolament (UE) 2018/1725 bl-użu tal-kategoriji partikolari speċjali ta’ data personali msemmijin fl-Artikolu 9(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 10(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Fil-kuntest tar-reklamar politiku, huma pprojbiti tekniki tal-immirar jew tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali ta’ suġġett tad-data li hu magħruf mill-kontrollur b’ċertezza raġonevoli, li hu tal-anqas sena taħt l-età għall-eżerċizzju tal-vot stabbilita mir-regoli nazzjonali. Il-konformità mal-obbligi stabbiliti f’dan il-paragrafu ma għandhiex timponi lill-kontrollur li jipproċessa data personali addizzjonali biex jivvaluta jekk is-suġġett tad-data għandux sena anqas mill-età għall-eżerċizzju tal-vot.

3.   Dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-komunikazzjonijiet ta’ partiti politiċi, fondazzjonijiet politiċi, assoċjazzjonijiet jew organizzazzjonijiet oħra mingħajr skop ta’ qligħ, għall-membri u għall-ex membri tagħhom jew għal komunikazzjonijiet, bħal bullettini ta’ informazzjoni, marbuta mal-attivitajiet politiċi tagħhom, sakemm dawk il-komunikazzjonijiet ikunu bbażati esklużivament fuq id-data dwar l-abbonamenti u jkunu għalhekk strettament limitati għall-membri, għall-ex membri jew għall-abbonati tagħhom, ikunu bbażati fuq id-data personali fornuta minnhom u ma jinvolvux ipproċessar tad-data personali maħsub biex jimmira lejn, jew inkella jagħżel ulterjorment, id-destinatarji u l-messaġġi li jirċievu.

4.   Għall-finijiet tal-implimentazzjoni tar-rekwiżiti tar-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725 relatati mal-kunsens espliċitu u mal-irtirar tal-kunsens espliċitu li jkun ingħata, il-kontrolluri għandhom jaċċertaw li:

(a)

lis-suġġett tad-data ma jintalabx il-kunsens jekk ikun diġà indika b’mezzi awtomatizzati li ma jagħtix il-kunsens għall-ipproċessar tad-data għal finijiet ta’ reklamar politiku, sakemm it-talba ma tkunx ġustifikata minn bidla sostanzjali taċ-ċirkostanzi;

(b)

lis-suġġett tad-data li ma jagħtix il-kunsens tiegħu tiġi offruta alternattiva ekwivalenti għall-użu tas-servizz online mingħajr ma jirċievi reklami politiċi.

Artikolu 19

Rekwiżiti ta’ trasparenza addizzjonali relatati mat-tekniki tal-immirar u mat-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami fil-kuntest tar-reklamar politiku online

1.   Meta jużaw tekniki tal-immirar jew tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami fil-kuntest tar-reklamar politiku online li jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali, il-kontrolluri għandhom, minbarra rekwiżiti oħrajn stabbiliti f’dan ir-Regolament u r-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolamenti (UE) 2016/679 u (UE) 2018/1725, jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:

(a)

jadottaw, jimplimentaw u jagħmlu disponibbli għall-pubbliku politika interna li tiddeskrivi b’mod ċar u b’lingwaġġ sempliċi kif tali tekniki jintużaw u jżommu tali politika għal perjodu ta’ seba’ snin mill-aħħar użu ta’ dawk it-tekniki;

(b)

iżommu reġistri dwar l-użu ta’ tali tekniki, il-mekkaniżmi rilevanti u l-parametri użati;

(c)

ifornu, flimkien mal-indikazzjoni li huwa reklam politiku, informazzjoni addizzjonali neċessarja biex l-individwu kkonċernat ikun jista’ jifhem il-loġika involuta u l-parametri prinċipali tat-tekniki użati, inkluż jekk biex jiġi indirizzat jew imwassal ir-reklam politiku ntużatx sistema ta’ intelliġenza artifiċjali u jekk intużawx tekniki analitiċi addizzjonali, inklużi l-elementi li ġejjin:

(i)

il-gruppi ta’ destinatarji speċifiċi fil-mira, inklużi l-parametri użati biex jiġu ddeterminati d-destinatarji tar-reklam;

(ii)

il-kategoriji ta’ data personali użata għat-tekniki tal-immirar u għat-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami;

(iii)

l-għanijiet, il-mekkaniżmi u l-loġika tal-immirar, inklużi l-parametri ta’ inklużjoni u esklużjoni, u r-raġunijiet tal-għażla ta’ dawk il-parametri;

(iv)

informazzjoni sinifikattiva dwar l-użu ta’ sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali fl-immirar u fit-twassil tal-messaġġ tar-reklamar politiku;

(v)

il-perjodu ta’ disseminazzjoni tar-reklam politiku u n-numru ta’ individwi li għalihom jiġi disseminat ir-reklam politiku;

(vi)

link għall-politika msemmija fil-punt (a), jew indikazzjoni ċara ta’ fejn tali politika tista’ tiġi rkuprata faċilment;

(d)

iħejju valutazzjoni interna annwali tar-riskji tal-użu tat-tekniki tal-immirar jew tat-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami fuq id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, u r-riżultati tagħha għandhom isiru disponibbli għall-pubbliku;

(e)

ifornu, flimkien mar-reklam politiku, sakemm ma tkunx inkluża fl-avviż ta’ trasparenza msemmi fl-Artikolu 12(1) ta’ dan ir-Regolament, referenza għall-mezzi effettivi li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-individwi biex jeżerċitaw drittijiethom skont ir-Regolamenti (UE) 2016/679 jew (UE) 2018/1725, skont il-każ, b’mod partikolari referenza għad-drittijiet tal-individwi biex jemendaw id-data personali jew jirtiraw il-kunsens skont il-każ, li għandha tinkludi link għal interfaċċa li tippermetti l-eżerċizzju ta’ tali drittijiet.

2.   Il-kontrollur li ma jkunx ukoll il-pubblikatur ta’ reklamar politiku għandu jiżgura li l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-punti (c) u (e), tiġi kkomunikata lill-pubblikatur ta’ reklamar politiku biex ikun jista’ jaqdi l-obbligi imposti minn dan ir-Regolament. L-informazzjoni għandha tiġi trażmessa fil-ħin u b’mod akkurat, f’konformità mal-aħjar prattiki u mal-istandards tas-settur, bi proċess awtomatizzat standard jekk dan ikun teknikament possibbli.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għandhom, jekk neċessarju, jittrażmettu lill-kontrolluri l-informazzjoni neċessarja biex jikkonformaw mal-paragrafi 1 u 2.

4.   L-informazzjoni li għandha tiġi fornuta f’konformità mal-paragrafu 1, il-punti (c) u (e), u l-paragrafi 2 u 3 għandha tiġi ppreżentata f’format li jkun faċilment aċċessibbli u, jekk ikun teknikament fattibbli, li jista’ jinqara mill-magni, ikun viżibbli b’mod ċar u faċli għall-utent, inkluż permezz tal-użu ta’ lingwaġġ sempliċi.

5.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 28 biex temenda dan ir-Regolament billi żżid punti fil-lista ta’ punti fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, tal-prattiki tas-suq, tar-riċerka xjentifika rilevanti, tal-iżviluppi fis-superviżjoni min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti u tal-gwida rilevanti maħruġa mill-korpi kompetenti.

Artikolu 20

Trażmissjoni ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-immirar jew it-twassil tal-messaġġ tar-reklami politiċi online lil entitajiet interessati oħra

Il-kontrolluri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jittrażmettu lill-entitajiet interessati msemmija fl-Artikolu 17(2), fuq talba tagħhom u mingħajr ħlas, l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 19.

CHAPTER IV

SUPERVIŻJONI U INFURZAR

Artikolu 21

Rappreżentant legali

1.   Fornitur ta’ servizzi li jforni servizzi ta’ reklamar politiku fl-Unjoni iżda li ma għandux stabbiliment fl-Unjoni għandu jaħtar, bil-miktub, persuna fiżika jew ġuridika bħala r-rappreżentant legali tiegħu f’wieħed mill-Istati Membri fejn dak il-fornitur joffri s-servizzi tiegħu.

Ir-rappreżentant legali maħtur għandu jirreġistra mal-awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 4 fl-Istat Membru li fih jirrisjedi jew huwa stabbilit. Għal dawn il-finijiet, il-fornituri ta’ servizzi għandhom jkkomunikaw lil dik l-awtorità kompetenti l-isem, l-indirizz postali, l-indirizz tal-posta elettronika u n-numru tat-telefon tar-rappreżentant legali. L-informazzjoni kkomunikata għandha tkun akkurata, f’format li jista’ jinqara mill-magni u aġġornata.

2.   Ir-rappreżentant legali għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-konformità mal-obbligi fil-qafas ta’ dan ir-Regolament u, mingħajr preġudizzju għar-responsabbiltà tal-fornitur ta’ servizzi u għall-proċedimenti ġudizzjarji li jistgħu jinbdew fil-konfront tiegħu, jista’ jinżamm responsabbli ta’ kwalunkwe nonkonformità mal-obbligi previsti f’dan ir-Regolament. Ir-rappreżentant legali għandu jkun id-destinatarju għall-komunikazzjonijiet kollha mal-fornitur ta’ servizzi rilevanti li huma previsti f’dan ir-Regolament. Kwalunkwe komunikazzjoni lil dak ir-rappreżentant legali għandha titqies bħala komunikazzjoni lill-fornitur ta’ servizz irrappreżentat.

3.   Il-fornituri ta’ servizzi għandhom jagħtu lir-rappreżentant legali tagħhom is-setgħat neċessarji u biżżejjed riżorsi biex jiggarantixxu kooperazzjoni effiċjenti u fil-ħin mal-awtoritajiet kompetenti u, meta rilevanti, mal-Kummissjoni, bil-għan li jiżguraw il-konformità mad-deċiżjonijiet tagħhom.

4.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtorità kompetenti nazzjonali waħda responsabbli biex iżommu reġistri online li jistgħu jinqraw mill-magni u għad-dispożizzjoni tal-pubbliku tar-rappreżentanti legali kollha rreġistrati fit-territorju tagħhom fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tiżgura li tali informazzjoni tkun faċilment aċċessibbli u li tkun kompleta u aġġornata perjodikament. L-Istati Membri għandhom ifornu l-links għas-siti web rilevanti lill-Kummissjoni.

5.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u żżomm portal disponibbli għall-pubbliku li jkun kollegat mas-siti web fornuti mill-Istati Membri skont il-paragrafu 4.

Artikolu 22

Awtoritajiet kompetenti u punti ta’ kuntatt

1.   L-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 jew il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data msemmi fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandhom ikunu kompetenti biex jimmonitorjaw l-applikazzjoni tal-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-Regolament fil-qasam ta’ kompetenza rispettiv tagħhom. L-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2016/679 u l-Artikolu 58 tar-Regolament (UE) 2018/1725 għandhom japplikaw mutatis mutandis. Il-Kapitolu VII tar-Regolament (UE) 2016/679 għandu japplika għall-attivitajiet koperti mill-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data msemmi fl-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2016/679, fuq l-inizjattiva proprja jew fuq talba tal-Kummissjoni, għandu jħejji l-linji gwida bl-iskop li jassisti lill-awtoritajiet superviżorji msemmijin fir-Regolament (UE) 2016/679 biex tiġi valutata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament.

3.   L-Istati Membri għandhom jaħtru awtoritajiet kompetenti biex jissorveljaw il-konformità tal-fornituri ta’ servizzi intermedjarji skont it-tifsira tar-Regolament (UE) 2022/2065 mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 17 u 21 ta’ dan ir-Regolament, fejn applikabbli. L-awtoritajiet kompetenti maħtura skont ir-Regolament (UE) 2022/2065 jistgħu jkunu wkoll waħda mill-awtoritajiet kompetenti maħtura biex jissorveljaw il-konformità tal-intermedjarji online mal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 17 u 21 ta’ dan ir-Regolament. Il-Koordinatur tas-Servizzi Diġitali msemmi fl-Artikolu 49 tar-Regolament (UE) 2022/2065 f’kull Stat Membru għandu jkun responsabbli biex jiżgura l-koordinament fil-livell nazzjonali fir-rigward tal-fornituri ta’ “servizzi intermedjarji” kif definit mir-Regolament (UE) 2022/2065. L-Artikolu 49, 58(1) sa (4) u l-Artikolu 60(1) tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandhom ikunu applikabbli għal kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi intermedjarji. L-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2022/2065 għandu japplika mutatis mutandis fir-rigward tas-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti maħtura skont dan il-paragrafu.

4.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar biex ikunu responsabbli għall-applikazzjoni u għall-infurzar tal-aspetti ta’ dan ir-Regolament mhux imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jkunu differenti minn dawk imsemmija fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-Artikolu u jistgħu jkunu l-istess bħal dawk imsemmija fl-Artikolu 30 tad-Direttiva 2010/13/UE. Kull awtorità kompetenti maħtura skont dan il-paragrafu għandha tgawdi strutturalment minn indipendenza sħiħa kemm mis-settur kif ukoll minn kwalunkwe intervent estern jew pressjoni politika. Hija u taġixxi b’indipendenza sħiħa, għandha timmonitorja b’mod effettiv u tieħu l-miżuri neċessarji u proporzjonati biex tiżgura s-superviżjoni, il-konformità u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament.

5.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 4, meta jwettqu l-kompiti fir-rigward ta’ dan ir-Regolament, għandu jkollhom is-setgħa li:

(a)

jitolbu l-aċċess għad-data, għad-dokumenti jew għal kwalunkwe informazzjoni neċessarja, b’mod partikolari mill-isponsor jew mill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku kkonċernati, li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jużaw biss għal finijiet ta’ monitoraġġ u valutazzjoni tal-konformità ma’ dan ir-Regolament, fir-rispett tal-leġiżlazzjoni rilevanti fil-qasam tal-protezzjoni tad-data personali u tal-informazzjoni kunfidenzjali;

(b)

joħorġu twissijiet indirizzati lill-fornituri tas-servizzi ta’ reklamar politiku dwar in-nuqqas ta’ konformità tagħhom mal-obbligi skont dan ir-Regolament;

(c)

jordnaw il-waqfien tal-ksur u jirrikjedu li l-isponsors jew il-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jieħdu l-passi neċessarji biex jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament;

(d)

jimponu jew jitolbu l-impożizzjoni, min-naħa tal-awtoritajiet ġudizzjarji, ta’ multi jew penali finanzjarji jew miżuri finanzjarji oħra, skont il-każ;

(e)

jimponu, skont il-każ, pagament perjodiku ta’ penali, jew jitolbu lil awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan;

(f)

jimponu, skont il-każ, rimedji li jkunu proporzjonati għall-ksur u neċessarji biex effettivament jinġieb fi tmiemu jew jitolbu lil awtorità ġudizzjarja fl-Istat Membru tagħhom tagħmel dan;

(g)

jippubblikaw dikjarazzjoni li tidentifika l-persuna/i fiżika/ċi jew ġuridika/ċi responsabbli għall-ksur ta’ obbligu stabbilit f’dan ir-Regolament u n-natura ta’ dak il-ksur;

(h)

iwettqu, jew jitolbu lil awtorità ġudizzjarja tordna jew tawtorizza, spezzjonijiet tal-bini li l-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku jużaw għal finijiet relatati mal-attività kummerċjali, imprenditorjali, artiġjanali jew professjonali, jew jitolbu lil awtoritajiet pubbliċi oħra jagħmlu hekk, bil-għan li jeżaminaw, jissekwestraw, jieħdu jew jiksbu kopji jew estratti tal-informazzjoni fi kwalunkwe forma, indipendentement mill-mezz ta’ ħżin.

6.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali jkollhom il-mezzi kollha neċessarji biex iwettqu l-kompiti tagħhom fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament, fosthom biżżejjed riżorsi tekniċi, finanzjarji u umani għas-superviżjoni adegwata tal-konformità tal-isponsors u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku, fi ħdan il-kompetenza tagħhom fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament.

7.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jkun hemm kooperazzjoni u koordinament effettivi u strutturati fil-livell nazzjonali bejn l-awtoritajiet rilevanti kollha msemmija fil-paragrafi 1 sa 4, biex jiffaċilitaw l-iskambju rapidu u sigur ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-eżerċizzju tal-kompiti u tas-setgħat ta’ superviżjoni u ta’ infurzar tagħhom skont dan ir-Regolament billi jinnotifikaw il-ksur li jinqabad li jkun rilevanti għall-awtoritajiet l-oħra, jikkondividu sejbiet u għarfien espert, u jikkoordinaw fir-rigward tal-applikazzjoni u tal-infurzar tar-regoli rilevanti.

8.   Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali maħtura mill-Istati Membri skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 9 għandhom jiltaqgħu perjodikament fil-livell tal-Unjoni f’network tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali. In-network tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali għandu jservi ta’ pjattaforma għall-iskambju regolari tal-informazzjoni, tal-aħjar prattiki u għall-kooperazzjoni strutturata bejn il-punti ta’ kuntatt nazzjonali u l-Kummissjoni dwar l-aspetti kollha ta’ dan ir-Regolament. B’mod partikolari, in-network tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni fil-livell tal-Unjoni fir-rigward tal-applikazzjoni u tal-infurzar ta’ dan ir-Regolament u għandu jiffaċilita t-tħejjija, f’kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, tal-linji gwida għad-dispożizzjoni tal-isponsors u tal-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku biex jikkonformaw mar-rekwiżiti ta’ dan ir-Regolament. In-network tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali għandu jiltaqa’ tal-anqas darbtejn fis-sena u, meta neċessarju, fuq talba debitament ġustifikata tal-Kummissjoni jew ta’ Stat Membru. Għandu jikkollabora mill-qrib man-Network Ewropew ta’ Kooperazzjoni dwar l-Elezzjonijiet, mal-Grupp ta’ Regolaturi Ewropej għas-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u ma’ networks jew organi rilevanti oħrajn, biex jiffaċilita l-iskambju rapidu u sigur ta’ informazzjoni dwar kwistjonijiet marbuta mas-superviżjoni u mal-infurzar ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tieħu sehem fil-laqgħat tan-network tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali u tagħti appoġġ amministrattiv.

9.   Meta Stat Membru jaħtar aktar minn awtorità kompetenti waħda, għandu jiżgura li l-kompiti rispettivi ta’ dawk l-awtoritajiet ikunu definiti b’mod ċar u li jikkooperaw mill-qrib u b’mod effikaċi fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.

Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti bħala punt ta’ kuntatt nazzjonali fil-livell tal-Unjoni għall-finijiet tal-aspetti kollha ta’ dan ir-Regolament.

Il-punti ta’ kuntatt nazzjonali għandhom jappoġġjaw u jiffaċilitaw il-kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u mal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tal-Istati Membri l-oħra. L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli għall-pubbliku d-dettalji ta’ kuntatt tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali tagħhom. L-Istati Membri kkonċernati għandhom, meta jkun rilevanti, jikkomunikaw l-isem tal-awtoritajiet kompetenti l-oħra u l-kompiti rispettivi tagħhom lin-network tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali.

Artikolu 23

Kooperazzjoni transfruntiera

1.   Il-konformità ma’ dan ir-Regolament min-naħa tal-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku u tal-isponsors għandha tkun suġġetta għall-kompetenza tal-Istat Membru li fih il-fornitur ikun stabbilit. Fl-eventwalità li l-fornitur ikun stabbilit f’aktar minn Stat Membru wieħed, għandu jitqies li huwa fil-ġuriżdizzjoni tal-Istat Membru li fih ikollu l-istabbiliment prinċipali tiegħu.

2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 22(1) u (2) u għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kollha għandhom jikkooperaw bejniethom u jassistu lil xulxin kif ikun meħtieġ.

3.   Malli tirċievi talba ġustifikata mingħand awtorità kompetenti oħra, awtorità kompetenti għandha, mill-aktar fis u mhux aktar tard minn xahar wara li tirċievi t-talba, tagħti assistenza lill-awtorità kompetenti l-oħra biex il-miżuri ta’ superviżjoni jew ta’ infurzar imsemmija fl-Artikolu 22(5) jkunu jistgħu jiġu implimentati b’mod effettiv, effiċjenti u konsistenti. Malli tirċievi t-talba ġustifikata għal informazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor, permezz tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali msemmija fl-Artikolu 22(9), awtorità kompetenti għandha tforni lil dik l-awtorità kompetenti l-informazzjoni mitluba mill-aktar fis u mhux aktar tard minn 14-il jum wara li tirċievi t-talba. Dak it-terminu jista’ jiġi pprorogat b’xahar f’każijiet li jeħtieġu investigazzjoni addizzjonali jew informazzjoni minn diversi awtoritajiet kompetenti.

4.   Jekk awtorità kompetenti ta’ Stat Membru jkollha raġuni li tissuspetta li dan ir-Regolament inkiser fit-territorju tagħha, għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti tal-istabbiliment prinċipali tal-fornitur u titlobha, meta jkun il-każ, tivvaluta l-kwistjoni u tieħu l-miżuri investigattivi u ta’ infurzar msemmija fil-paragrafu 7.

5.   Notifika skont il-paragrafu 4 għandha tkun korroborata, debitament motivata u proporzjonata u tal-anqas tindika:

(a)

l-informazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni tal-isponsor jew tal-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku;

(b)

deskrizzjoni tal-fatti rilevanti, tad-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ dan ir-Regolament u r-raġunijiet għala l-awtorità kompetenti notifikanti tissuspetta ksur ta’ dan ir-Regolament, inkluża, skont kif ikun rilevanti, deskrizzjoni taċ-ċirkostanzi li jippermettu l-valutazzjoni tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 25(4);

(c)

l-informazzjoni dwar il-post fejn ir-reklam politiku rilevanti jew kopja tiegħu jistgħu jiġu rkuprati;

(d)

kwalunkwe informazzjoni oħra li l-awtorità kompetenti notifikanti tqis rilevanti, inkluża, skont il-każ, l-informazzjoni miġbura fuq inizjattiva proprja.

6.   Jekk l-awtorità kompetenti tal-istabbiliment prinċipali ma jkollhiex biżżejjed informazzjoni biex tagħti segwitu lin-notifika li rċeviet skont il-paragrafu 4, tista’ titlob informazzjoni addizzjonali lill-awtorità kompetenti li tkun għamlet in-notifika. Meta tirċievi tali talba, l-awtorità kompetenti għandha tforni l-informazzjoni mitluba mill-aktar fis.

It-terminu msemmi fil-paragrafu 7 għandu jiġi sospiż sa meta tiġi fornuta dik l-informazzjoni addizzjonali.

7.   L-awtorità kompetenti tal-istabbiliment prinċipali għandha, mill-aktar fis u mhux aktar tard minn xahar minn meta tirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 4 jew, fejn applikabbli, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 6, tikkomunika lill-awtorità kompetenti li tkun għamlet in-notifika u lin-network tal-punti ta’ kuntatt nazzjonali l-valutazzjoni tagħha tal-ksur suspettat u informazzjoni dwar il-miżuri investigattivi jew ta’ infurzar li jittieħdu, jew li hemm il-ħsieb li jittieħdu, bil-għan li tkun żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament.

8.   Jekk l-investigazzjoni dwar il-ksur suspettat tikkonċerna l-forniment ta’ servizzi ta’ reklamar politiku fi Stat Membru wieħed jew aktar li fih(om) il-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku ma jkollux l-istabbiliment prinċipali, l-awtorità kompetenti tal-istabbiliment prinċipali tista’ tibda jew tmexxi investigazzjoni konġunta bil-parteċipazzjoni tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kompetenti ta’ dawk l-Istati Membri:

(a)

fuq l-inizjattiva proprja u wara li tikseb il-kunsens tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kompetenti li lilha/hom ġiet ippreżentata t-talba; jew

(b)

wara talba ta’ awtorità jew awtoritajiet kompetenti oħra, fuq il-bażi tas-suspett raġonevoli li s-servizzi ta’ reklamar politiku mwettqa mill-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku stabbilit fl-Istat Membru tal-istabbiliment prinċipali kisru dan ir-Regolament jew laqtu b’mod sostanzjali l-individwi fit-territorju tal-awtorità jew tal-awtoritajiet kompetenti li għamlu t-talba.

9.   Għall-finijiet tal-paragrafu 8, l-awtorità kompetenti li titlob li tinbeda investigazzjoni konġunta għandha tforni lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 5. Jekk awtorità kompetenti tiddeċiedi li ma tipparteċipax f’investigazzjoni konġunta, għandha tagħti lill-awtorità jew lill-awtoritajiet kompetenti l-oħra spjegazzjoni motivata għal dak l-għan.

10.   Fit-twettiq ta’ investigazzjoni konġunta, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkooperaw bona fide u jeżerċitaw is-setgħat investigattivi tagħhom kif meħtieġ għall-investigazzjoni tal-ksur allegat. L-awtoritajiet kompetenti li jwettqu investigazzjoni konġunta għandhom jinformaw lil xulxin bi kwalunkwe miżura ta’ infurzar rilevanti li jibdew jew li għandhom l-ħsieb li jibdew.

Artikolu 24

Dritt li jitressaq ilment

Mingħajr preġudizzju għall-proċeduri amministrattivi jew għar-rimedji ġudizzjarji l-oħra, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindirizzaw b’mod debitu kull notifika ta’ ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament u, fuq talba, jinformaw lill-persuna jew lill-entità li tkun għamlet in-notifika bis-segwitu mogħti. Matul l-aħħar xahar qabel elezzjonijiet jew referenda, kwalunkwe notifika li tasal fir-rigward ta’ dawk l-elezzjonijiet jew dawk ir-referenda għandha tiġi indirizzata mill-aktar fis.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom, mill-aktar fis, jittrażmettu l-ilmenti li jaqgħu fil-kompetenza ta’ awtorità kompetenti oħra fi Stat Membru ieħor lil dik l-awtorità kompetenti.

Artikolu 25

Sanzjonijiet

1.   L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet jew il-miżuri l-oħra, skont kif neċessarju, applikabbli għall-isponsors jew għall-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku għall-ksur tal-Artikoli 5 sa 17, 20 u 21 u għandhom jieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiżguraw li jiġu implimentati fil-ħin.

Is-sanzjonijiet previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Fl-iffissar tar-regoli dwar is-sanzjonijiet, l-Istati Membri għandhom iqiesu r-regoli li jirregolaw il-libertà tal-istampa u l-libertà tal-espressjoni f’mezzi ta’ komunikazzjoni oħra u r-regoli jew il-kodiċijiet li jirregolaw il-professjoni ta’ ġurnalist.

2.   L-ammont massimu tal-penali finanzjarji li jistgħu jiġu imposti għandu jkun ibbażat fuq il-kapaċità ekonomika tal-entità suġġetta għal sanzjonijiet, li għandha tkun:

(a)

6 % tal-introjtu jew tal-baġit annwali tal-isponsor jew tal-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku, skont il-każ, u skont liema valur ikun l-ogħla; jew

(b)

6 % tal-fatturat dinji annwali tal-isponsor jew tal-fornitur ta’ servizzi ta’ reklamar politiku fis-sena finanzjarja preċedenti.

3.   L-Istati Membri għandhom, sal-10 ta’ Jannar 2026, jinnotifikaw lill-Kummissjoni b’dawk ir-regoli u b’dawk il-miżuri u għandhom jinnotifikawha, mingħajr dewmien, bi kwalunkwe emenda sussegwenti li tolqothom.

4.   Meta tittieħed deċiżjoni dwar it-tip ta’ sanzjoni u l-livell tagħha, għandha tingħata attenzjoni xierqa f’kull każ individwali, fost l-oħrajn, għal dan li ġej:

(a)

in-natura, il-gravità, ir-rikorrenza u t-tul ta’ żmien tal-ksur;

(b)

il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;

(c)

kwalunkwe azzjoni meħuda biex jittaffa l-eventwali dannu;

(d)

kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti u kwalunkwe fattur ieħor aggravanti jew attenwanti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ;

(e)

il-grad ta’ kooperazzjoni mal-awtorità kompetenti; u

(f)

id-daqs u l-kapaċità ekonomika tal-entità suġġetta għal sanzjonijiet, fejn applikabbli.

5.   Il-ksur tal-Artikoli 5, 7, 11, 12, 13, 15, 16 u 18 għandu jitqies bħala partikolarment gravi meta jikkonċerna r-reklamar politiku ppubblikat jew disseminat matul l-aħħar xahar qabel elezzjoni jew referendum u indirizzat lejn iċ-ċittadini fl-Istat Membru li fih tkun qed tiġi organizzata l-elezzjoni jew ikun qed jiġi organizzat ir-referendum. L-Istati Membri jistgħu jimponu wkoll pagamenti perjodiċi ta’ penali biex iġiegħlu lill-isponsors, lill-fornituri ta’ servizzi ta’ reklamar politiku u lill-pubblikaturi ta’ reklamar politiku iġibu fi tmiemu l-ksur gravi u ripetut ta’ dan ir-Regolament.

6.   Għall-ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-Regolament, l-awtoritajiet superviżorji msemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) 2016/679 jistgħu, fl-ambitu tal-kompetenza tagħhom, jimponu multi f’konformità mal-Artikolu 83 tar-Regolament (UE) 2016/679 u sal-ammont imsemmi fl-Artikolu 83(5) ta’ dak ir-Regolament.

7.   Għall-ksur tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 18 u 19 ta’ dan ir-Regolament, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data msemmi fl-Artikolu 52 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jista’ jimponi multi, fl-ambitu tal-kompetenza tiegħu f’konformità mal-Artikolu 66 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u sal-ammont imsemmi fl-Artikolu 66(3) ta’ dak ir-Regolament.

8.   L-Istati Membri għandhom jirrapportaw kull sena lill-Kummissjoni dwar is-sanzjonijiet imposti biex jinfurzaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dwar it-tip ta’ sanzjonijiet applikati u l-ammont tal-multi u tal-penali finanzjarji. Il-Kummissjoni għandha tqis din l-informazzjoni meta tfassal ir-rapport meħtieġ skont l-Artikolu 27.

Artikolu 26

Pubblikazzjoni tad-dati tal-elezzjonijiet u tar-referenda

1.   L-Istati Membri għandhom jippubblikaw id-dati tal-elezzjonijiet u tar-referenda u, fejn applikabbli, tal-perjodi elettorali tagħhom, f’post faċilment aċċessibbli, u b’referenza xierqa għal dan ir-Regolament.

2.   Il-Kummissjoni għandha tqiegħed għad-dispożizzjoni portal li permezz tiegħu l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw, immedjatament wara t-tħabbir, id-dati tal-elezzjonijiet, tar-referenda u, fejn applikabbli, tal-perjodi elettorali tagħhom. Il-portal għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.

KAPITOLU V

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 27

Evalwazzjoni u rieżami

Fi żmien sentejn wara kull elezzjoni għall-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-evalwazzjoni u r-rieżami ta’ dan ir-Regolament. Dan ir-rapport għandu jkun pubbliku u għandu jivvaluta l-ħtieġa għal emenda għal dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward ta’ dawn li ġejjin:

(a)

il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u d-definizzjoni ta’ reklamar politiku fl-Artikolu 3, il-punt 2;

(b)

l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament fir-rigward ta’ mezzi speċifiċi ta’ reklamar politiku;

(c)

l-effikaċja tal-miżuri ta’ trasparenza, speċjalment id-dikjarazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ identifikazzjoni tan-natura politika ta’ servizz ta’ reklamar jew ta’ reklam kif previst fl-Artikoli 7 u 8;

(d)

l-effikaċja tar-regoli li jillimitaw l-ipproċessar tad-data personali għal finijiet tat-tekniki tal-immirar u tat-tekniki tat-twassil tal-messaġġ tar-reklami;

(e)

l-effikaċja tal-istruttura ta’ superviżjoni u ta’ infurzar, kif ukoll it-tip u l-ammont tas-sanzjonijiet imposti mill-Istati Membri;

(f)

l-impatt ta’ dan ir-Regolament fuq l-operaturi tal-mezzi ta’ komunikazzjoni li jikkwalifikaw għall-kategoriji tal-Artikolu 3(1), (2) u (3) tad-Direttiva 2013/34/UE bħala mikroimpriżi u impriżi żgħar u ta’ daqs medju;

(g)

l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi, xjentifiċi u ta’ tip ieħor;

(h)

l-interazzjoni bejn dan ir-Regolament u l-atti leġiżlattivi tal-Unjoni msemmija fl-Artikolu 2(3);

(i)

il-progress li sar fl-istabbiliment tar-repożitorju Ewropew u l-funzjonament sussegwenti tiegħu.

Artikolu 28

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 12(6) u fl-Artikolu 19(5) għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba’ snin mid-9 ta’ April 2024. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ erba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 12(6) u fl-Artikolu 19(5) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 12(6) jew l-Artikolu 19(5) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 29

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 30

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mill-10 ta’ Ottubru 2025. Madankollu, fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 3 u l-Artikolu 5(1) għandhom japplikaw mid-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Strasburgu, it-13 ta’ Marzu 2024.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

R. METSOLA

Għall-Kunsill

Il-President

H. LAHBIB


(1)   ĠU C 275, 18.7.2022, p. 66.

(2)   ĠU C 301, 5.8.2022, p. 102.

(3)  Il-Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta’ Frar 2024 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2024.

(4)  Ir-Regolament (UE) 2022/2065 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Ottubru 2022 dwar Suq Uniku għas-Servizzi Diġitali u li jemenda d-Direttiva 2000/31/KE (l-Att dwar is-Servizzi Diġitali) (ĠU L 277, 27.10.2022, p. 1).

(5)  Id-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).

(6)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1141/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ottubru 2014 dwar l-istatut u l-finanzjament tal-partiti politiċi Ewropej u l-fondazzjonijiet politiċi Ewropej (ĠU L 317, 4.11.2014, p. 1).

(7)  Ir-Regolament (EU) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(9)  Id-Direttiva (UE) 2020/1828 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2020 dwar azzjonijiet rappreżentattivi għall-protezzjoni tal-interessi kollettivi tal-konsumaturi, u li tħassar id-Direttiva 2009/22/KE (ĠU L 409, 4.12.2020, p. 1).

(10)  Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-4 ta’ Lulju 2023, Meta Platforms u Oħrajn (Conditions générales d’utilisation d’un réseau social), C-252/21, ECLI:EU:C:2023:537.

(11)  Id-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta’ Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta’ servizzi tal-media awdjoviżiva (Direttiva dwar is-Servizzi tal-Media awdjoviżiva) (ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1).

(12)   ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(13)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(14)  Id-Direttiva 2000/31/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2000 dwar ċerti aspetti legali tas-servizzi minn soċjetà tal-informazzjoni, partikolarment il-kummerċ elettroniku, fis-Suq Intern (“Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku”) (ĠU L 178, 17.7.2000, p. 1).

(15)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika (Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).

(16)  Id-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (“Direttiva dwar Prattiċi Kummerċjali Żleali”) (ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22).

(17)  Id-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21).

(18)  Id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36).

(19)  Id-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64).

(20)  Ir-Regolament (UE) 2019/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-promozzjoni tal-korrettezza u tat-trasparenza għall-utenti kummerċjali tas-servizzi tal-intermedjazzjoni online (ĠU L 186, 11.7.2019, p. 57).

(21)   ĠU C 145, 1.4.2022, p. 12.


ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2024/900/oj

ISSN 1977-074X (electronic edition)


Top