EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1419

Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2020/1419 tas-7 ta’ Ottubru 2020 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-aċidu askorbiku (E 300) u tal-aċidu ċitriku (E 330) fuq il-ħxejjex bojod maħsuba biex jiġu pproċessati ulterjorment (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/6804

ĠU L 326, 8.10.2020, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/1419/oj

8.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 326/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1419

tas-7 ta’ Ottubru 2020

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-aċidu askorbiku (E 300) u tal-aċidu ċitriku (E 330) fuq il-ħxejjex bojod maħsuba biex jiġu pproċessati ulterjorment

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi aġġornata f’konformità mal-proċedura komuni msemmija fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(3)

Skont l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-aċidu askorbiku (E 300) u l-aċidu ċitriku (E 330) bħalissa huma awtorizzati għall-użu bħala addittivi tal-ikel f’varjetà kbira ta’ ikel.

(4)

Fis-17 ta’ Diċembru 2018, il-Kummissjoni rċeviet applikazzjoni għall-modifika tal-kundizzjonijiet tal-użu tal-aċidu askorbiku (E 300) u tal-aċidu ċitriku (E 330) li jinsabu fil-kategorija tal-ikel 04.1.2 “Frott u ħxejjex imqaxxra, imqatta’ u mqatta’ bċejjeċ bċejjeċ”, biex jiġi awtorizzat l-użu ta’ dawn is-sustanzi fuq il-ħxejjex bojod maħsuba biex jiġu pproċessati ulterjorment, inkluż it-trattament bis-sħana bħal pereżempju l-inkaljar, is-sajran bl-istim jew ix-xiwi, qabel ma jiġu kkunsmati mill-konsumaturi finali.

(5)

Meta jinqatgħu jew jitqattgħu f’fetti, fi bċejjeċ jew f’dadi, il-ħxejjex bojod huma suxxettibbli għal skurar enzimatiku minħabba li ċ-ċelloli jinkisru u jilliberaw l-enzimi, b’mod partikolari l-ossidażi tal-polifenol, mit-tessuti. L-iskurar enzimatiku jista’ jiġi kkontrollat billi l-ħxejjex jitpoġġew għal ftit minuti f’soluzzjoni ta’ ilma li jkun fiha l-aċidu askorbiku (E 300) u l-aċidu ċitriku (E 330) b’konċentrazzjoni massima ta’ 1 %. Mill-applikazzjoni jirriżulta li l-użu propost ta’ dawn l-addittivi bħala antiossidanti fuq ħxejjex mhux ipproċessati maħsuba biex jiġu pproċessati ulterjorment, inkluż it-trattament bis-sħana, qabel il-konsum, jirriżulta f’inqas ħela ta’ ikel billi tittejjeb l-kwalità globali tal-ikel u tiżdied il-ħajja fuq l-ixkaffa tal-ħxejjex ittrattati, sa ħamest ijiem.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni trid titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (“l-Awtorità”) biex taġġorna l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni x’aktarx ma jkollux effett fuq is-saħħa tal-bniedem.

(7)

Fis-6 ta’ Mejju 2015, l-Awtorità ppubblikat opinjoni xjentifika li fost oħrajn tirrivaluta s-sikurezza tal-aċidu askorbiku (E 300) bħala addittiv tal-ikel. L-Awtorità kkonkludiet li ma hemm l-ebda tħassib dwar is-sikurezza għall-użu tal-aċidu askorbiku (E 300) bħala addittiv tal-ikel fl-użi u fil-livell tal-użu rrappurtati u ma hemmx bżonn ta’ doża aċċettabbli ta’ kuljum (“ADI”) għall-aċidu askorbiku u l-imlieħ tiegħu. Din il-konklużjoni tfisser li s-sustanza hija ta’ tħassib żgħir ħafna rigward is-sikurezza, li teżisti informazzjoni affidabbli kemm dwar l-esponiment kif ukoll dwar it-tossiċità u li l-probabbiltà li jkun hemm effetti negattivi fuq is-saħħa tal-bniedem f’dożi li ma jwasslux għal żbilanċ nutrittiv fl-annimali hija żgħira (3).

(8)

Is-sikurezza tal-aċidu ċitriku (E 330) ġiet evalwata fl-1990 mill-Kumitat Xjentifiku dwar l-Ikel, li stabbilixxa l-ADI tiegħu bħala “mhux speċifikat” (4). It-terminu “mhux speċifikat” ifisser li, abbażi tad-data tossikoloġika, bijokimika u klinika disponibbli, id-doża aċċettabbli ta’ kuljum tas-sustanza, li tittieħed mill-preżenza naturali tagħha fl-ikel u mill-użu jew l-użi attwali tagħha fl-ikel fil-livelli meħtieġa biex jinkiseb l-effett teknoloġiku mixtieq, ma tipperikolax is-saħħa. Sakemm issir rivalutazzjoni tal-aċidu ċitriku (E 330) skont il-programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel stabbilit fir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 (5), il-Kummissjoni tqis li din il-valutazzjoni dwar is-sikurezza tibqa’ bażi valida għad-deċiżjoni tagħha għall-istess raġunijiet ta’ dak iż-żmien meta, abbażi tal-kriterji msemmijin fil-premessa 5 ta’ dak ir-Regolament, qieset li l-aċidu ċitriku (E 330) kien ta’ tħassib żgħir u li r-rivalutazzjoni ma kinitx prijorità għolja.

(9)

Minħabba li l-użu tal-aċidu askorbiku (E 300) u tal-aċidu ċitriku (E 330) bħala antiossidanti fuq ħxejjex bojod ippakkjati minn qabel maħsuba biex jiġu pproċessat ulterjorment, inkluż it-trattament bis-sħana, qabel il-konsum mhuwiex mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhuwiex meħtieġ li tintalab l-opinjoni tal-Awtorità.

(10)

Għalhekk, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(11)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-7 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enzimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1).

(3)  EFSA Journal 2014;12(6):3697.

(4)  Reports of the Scientific Committee for Food, Twenty-fifth series, 1991, p. 13 (https://ec.europa.eu/food/sites/food/files/safety/docs/sci-com_scf_reports_25.pdf).

(5)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 257/2010 tal-25 ta’ Marzu 2010 li jistabbilixxi programm għar-rivalutazzjoni tal-addittivi tal-ikel approvati skont ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-addittivi tal-ikel (ĠU L 80, 26.3.2010, p. 19).


ANNESS

Il-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 hija emendata kif ġej:

(1)   

fil-kategorija tal-ikel 04.1.2 “Frott u ħxejjex imqaxxra, imqatta’ u mqatta’ bċejjeċ bċejjeċ” l-entrata għall-aċidu askorbiku (E 300) hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“E 300

Aċidu askorbiku

quantum satis

 

frott u ħxejjex refriġerati, mhux ipproċessati u ppakkjati minn qabel lesti għall-konsum, patata mqaxxra, mhux ipproċessata u ppakkjata minn qabel u ħxejjex bojod ippakkjati minn qabel maħsuba biex jiġu pproċessat ulterjorment, inkluż it-trattament bis-sħana, qabel il-konsum biss”

(2)   

fil-kategorija tal-ikel 04.1.2 “Frott u ħxejjex imqaxxra, imqatta’ u mqatta’ bċejjeċ bċejjeċ” l-entrata għall-aċidu ċitriku (E 330) hija sostitwita b’dan li ġej:

 

“E 330

Aċidu ċitriku

quantum satis

 

frott u ħxejjex refriġerati, mhux ipproċessati u ppakkjati minn qabel lesti għall-konsum, patata mqaxxra, mhux ipproċessata u ppakkjata minn qabel u ħxejjex bojod ippakkjati minn qabel maħsuba biex jiġu pproċessat ulterjorment, inkluż it-trattament bis-sħana, qabel il-konsum biss”


Top