EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R1239

Regolament (UE) 2019/1239 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE

PE/38/2019/REV/1

ĠU L 198, 25.7.2019, p. 64–87 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/1239/oj

25.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 198/64


REGOLAMENT (UE) 2019/1239 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tal-20 ta’ Ġunju 2019

li jistabbilixxi sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea u li jħassar id-Direttiva 2010/65/UE

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

Wara li kkonsultaw lill-Kumitat tar-Reġjuni,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (2),

Billi:

(1)

Id-Direttiva 2010/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) titlob lill-Istati Membri jaċċettaw li josservaw l-obbligi ta’ rapportar tal-vapuri li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Unjoni f’format elettroniku u li jiżguraw it-trażmissjoni tagħhom permezz ta’ single window sabiex jiffaċilitaw u jħaffu t-trasport marittimu.

(2)

It-trasport marittimu huwa s-sinsla tal-kummerċ u tal-komunikazzjonijiet fi ħdan u ’l barra mis-suq uniku. Għall-faċilitazzjoni tat-trasport marittimu, u sabiex jitnaqqas iktar il-piż amministrattiv għall-kumpanniji tat-tbaħħir, il-proċeduri ta’ informazzjoni biex jiġu ssodisfati l-obbligi ta’ rapportar imposti fuq kumpanniji tat-tbaħħir permezz ta’ atti legali tal-Unjoni, ta’ atti legali internazzjonali u ta’ leġislazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri jenħtieġ li jkunu simplifikati u armonizzati iktar u jenħtieġ li jkunu newtrali fir-rigward tat-teknoloġija, filwaqt li jippromwovu soluzzjonijiet ta’ rapportar li jibqgħu validi fil-futur.

(3)

Kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill spiss appellaw għal aktar interoperabbiltà u għal komunikazzjoni u flussi ta’ informazzjoni aktar komprensivi u faċli biex jintużaw, sabiex jitjieb il-funzjonament tas-suq intern u jintlaħqu l-ħtiġijiet taċ-ċittadini u n-negozji.

(4)

L-għan ewlieni ta’ dan ir-Regolament hu li jistipula regoli armonizzati għall-għoti ta’ informazzjoni li tkun meħtieġa għal waqfiet f’portijiet, partikolarment billi jiżguraw li l-istess settijiet ta’ data jistgħu jiġu rappurtati il kull Single Window Nazzjonali marittima bl-istess mod. Dan ir-Regolament għandu l-għan ukoll li jiffaċilita t-trażmissjoni ta’ informazzjoni bejn id-dikjaranti, l-awtoritajiet rilevanti u l-fornituri ta’ servizzi portwarji fil-port tal-waqfa, u Stati Membri oħra. L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li ma tibdilx l-iskedi ta’ żmien tal-obbligi ta’ rapportar jew is-sustanza tagħhom, u jenħtieġ li ma taffettwax il-ħażna u l-ipproċessar ta’ informazzjoni sussegwenti fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell nazzjonali.

(5)

Is-Single Window Nazzjonali marittima eżistenti f’kull Stat Membru jenħtieġ li tinżamm bħala l-bażi għal sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea (“EMSWe”) teknoloġikament newtrali u interoperabbli. Is-Single Window Nazzjonali marittima jenħtieġ li tikkostitwixxi punt tad-dħul komprensiv ta’ rapportar għall-operaturi tat-trasport marittimu, li twettaq il-funzjonalitajiet tal-ġbir ta’ data mid-dikjaranti u d-distribuzzjoni ta’ data lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti u l-fornituri ta’ servizzi portwarji kollha.

(6)

Sabiex tiżdied l-effiċjenza tas-Single Windows Nazzjonali marittimi u biex issir tħejjija għal żviluppi futuri, jenħtieġ li jkun possibbli li jinżammu l-arranġamenti preżenti jew jiġu stabbiliti oħrajn ġodda fl-Istati Membri biex is-Single Window Nazzjonali marittima tintuża għar-rapportar ta’ informazzjoni simili għal mezzi oħrajn ta’ trasport.

(7)

L-interfaċċi front-end ta’ dawk is-Single Windows Nazzjonali marittimi, fuq in-naħa tad-dikjaranti, jenħtieġ li jkunu armonizzati fil-livell tal-Unjoni, sabiex ikun iffaċilitat ir-rapportar u jitnaqqas iktar il-piż amministrattiv. Din l-armonizzazzjoni jenħtieġ li tinkiseb bl-użu f’kull Single Window Nazzjonali marittima ta’ softwer ta’ interfaċċa komuni għal skambju ta’ informazzjoni minn sistema għal sistema żviluppat fil-livell tal-Unjoni. L-Istati Membri jenħtieġ li jkollhom ir-responsabbiltà biex jintegraw u jiġġestixxu l-modulu ta’ interfaċċa u jaġġornaw is-softwer b’mod regolari u f’waqtu meta jiġu pprovduti verżjonijiet ġodda mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżviluppa dan il-modulu u tipprovdi aġġornamenti meta meħtieġa, peress li l-iżvilupp tat-teknoloġiji diġitali għaddej b’ritmu mgħaġġel u kwalunkwe soluzzjoni teknoloġika malajr tista’ ssir skaduta fid-dawl ta’ żviluppi ġodda.

(8)

Mezzi ta’ rappurtar oħra pprovduti mill-Istati Membri u l-fornituri tas-servizzi, bħas-Sistemi tal-Komunità tal-Port, jistgħu jinżammu bħala punti ta’ dħul fakultattivi għar-rappurtar u jenħtieġ li jkunu jistgħu jservu ta’ fornituri ta’ servizzi tad-data.

(9)

Sabiex ma jiġix impost piż amministrattiv sproporzjonat fuq Stati Membri mingħajr kosta li ma jkollhomx portijiet marittimi, tali Stati Membri jenħtieġ li jkunu eżentati mill-obbligu li jiżviluppaw, jistabbilixxu, joperaw u jagħmlu disponibbli Single Window Nazzjonali marittima. Dan ifisser li, sakemm jagħmlu użu minn din l-eżenzjoni, jenħtieġ li tali Stati Membri ma jkunux meħtieġa li jissodisfaw l-obbligi marbuta mal-iżvilupp, l-istabbiliment, l-operazzjoni u d-disponibbiltà ta’ Single Window Nazzjonali marittima.

(10)

Interfaċċa grafika u faċli li tintuża tal-utenti b’funzjonalitajiet komuni jenħtieġ li tkun parti mis-Single Windows Nazzjonali marittimi għar-rapportar manwali mid-dikjaranti. L-Istati Membri jenħtieġ li joffru l-interfaċċa grafika tal-utenti biex id-dikjaranti jdaħħlu d-data manwalment anki billi jtellgħu spreadsheets diġitali armonizzati. Minbarra li jiżguraw funzjonalitajiet komuni, jenħtieġ li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jikkoordinaw l-isforzi tagħhom bil-għan li jiżguraw li l-esperjenza tal-utent ta’ dawk l-interfaċċi grafiċi tal-utenti tkun kemm jista’ jkun simili.

(11)

Teknoloġiji diġitali ġodda emerġenti jippreżentaw opportunitajiet dejjem jikbru biex iżidu l-effiċjenza tas-settur tat-trasport marittimu u jitnaqqas il-piżijiet amministrattivi. Sabiex il-benefiċċji ta’ dawn it-teknoloġiji l-ġodda jagħtu l-frott kmieni kemm jista’ jkun, il-Kummissjoni jenħtieġ li jkollha s-setgħa li temenda, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi, l-istandards u l-proċeduri tas-sistema armonizzata ta’ rapportar permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dan jippermetti flessibbiltà għall-atturi fis-suq biex jiżviluppaw teknoloġiji diġitali ġodda u jenħtieġ li teknoloġiji ġodda jkunu kkunsidrati wkoll meta dan ir-Regolament ikun rivedut.

(12)

Jenħtieġ li jingħataw appoġġ u informazzjoni adegwati dwar il-proċessi u r-rekwiżiti tekniċi b’rabta mal-użu ta’ Single Window Nazzjonali marittima lid-dikjaranti permezz ta’ websajts nazzjonali faċilment aċċessibbli u faċli għall-utent bi standards ta’ “dehra u forma” komuni.

(13)

Il-Konvenzjoni dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali (“il-Konvenzjoni FAL”) (4) tipprevedi li l-awtoritajiet pubbliċi jridu fil-każijiet kollha jitolbu biss rapportar ta’ informazzjoni essenzjali u jżommu l-għadd ta’ elementi fil-minimu. Madankollu, il-kundizzjonijiet lokali jistgħu jeħtieġu informazzjoni speċifika biex tiġi żgurata s-sikurezza tan-navigazzjoni.

(14)

Sabiex ikun jista’ jitħaddem l-EMSWe, huwa neċessarju li jkun stabbilit sett ta’ data EMSWe komprensiv li jkopri l-elementi kollha ta’ informazzjoni li jistgħu jintalbu minn awtoritajiet nazzjonali jew operaturi tal-port għal raġunijiet amministrattivi jew operazzjonali meta vapur jagħmel waqfa f’port. Meta tistabbilixxi s-sett ta’ data għall-EMSWe, il-Kummissjoni għandha tqis il-ħidma rilevanti li saret fuq livell internazzjonali. Peress li l-ambitu tal-obbligi ta’ rapportar ivarja minn Stat Membru għal ieħor, Single Window Nazzjonali marittima fi Stat Membru partikolari jenħtieġ li tkun imfassla biex taċċetta sett ta’ data EMSWe mingħajr l-ebda modifika, u biex ma tagħti kas l-ebda informazzjoni li mhijiex rilevanti għal dak l-Istat Membru.

(15)

F’ċirkostanzi eċċezzjonali, Stat Membru jenħtieġ li jkun jista’ jitlob elementi addizzjonali ta’ data mingħand id-dikjaranti. Ċirkostanzi eċċezzjonali bħal dawn jistgħu jseħħu, pereżempju, meta jkun hemm ħtieġa urġenti biex jitħarsu l-ordni u s-sigurtà interni jew biex tiġi indirizzata theddida serja għas-saħħa tal-bnedmin jew l-annimali jew għall-ambjent. Il-kunċett ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali jenħtieġ li jiġi interpretat b’mod strett.

(16)

L-obbligi ta’ rapportar rilevanti li jinsabu fl-atti legali tal-Unjoni u internazzjonali jenħtieġ li jkunu elenkati fl-Anness għal dan ir-Regolament. Dawk l-obbligi ta’ rapportar jenħtieġ li jipprovdu l-bażi għall-istabbiliment tas-sett ta’ data EMSWe komprensiv. L-Anness jenħtieġ li jirreferi wkoll għall-kategoriji rilevanti ta’ obbligi ta’ rapportar fil-livell nazzjonali, u l-Istati Membri jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu lill-Kummissjoni temenda s-sett ta’ data EMSWe abbażi tal-obbligi ta’ rapportar li jinsabu fil-leġislazzjoni u r-rekwiżiti nazzjonali tagħhom. L-atti legali tal-Unjoni li jemendaw is-sett ta’ data EMSWe abbażi ta’ obbligu ta’ rapportar li jinsab fil-leġislazzjoni u r-rekwiżiti nazzjonali jenħtieġ li jinkludu referenza espliċita għal dawk il-leġislazzjoni u r-rekwiżiti nazzjonali.

(17)

Kull meta l-informazzjoni mis-Single Window Nazzjonali marittima titqassam lill-awtoritajiet kompetenti, it-trażmissjoni jenħtieġ li tkun f’konformità mar-rekwiżiti komuni ta’ data, formats u kodiċijiet għall-obbligi ta’ rapportar u l-formalitajiet previsti fl-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness u jenħtieġ li ssir permezz tas-sistemi tal-IT stabbiliti fih, bħat-tekniki tal-ipproċessar elettroniku tad-data msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

(18)

L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tikkunsidra s-sistemi SafeSeaNet stabbiliti fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, li jenħtieġ li jkomplu jiffaċilitaw l-iskambju u d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni riċevuta permezz tas-Single Window Nazzjonali marittima bejn l-Istati Membri f’konformità mad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

(19)

Il-portijiet mhumiex id-destinazzjoni finali tal-merkanzija. L-effiċjenza tal-waqfiet tal-vapuri fil-portijiet għandha impatt fuq il-katina loġistika kollha relatata mat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri minn u lejn il-portijiet. Sabiex jiżguraw l-interoperabbiltà, il-multimodalità u l-integrazzjoni bla xkiel tat-trasport marittimu mal-katina loġistika b’mod ġenerali, u sabiex jiffaċilitaw modi oħra tat-trasport, is-Single Windows Nazzjonali marittimi jenħtieġ li jħallu l-possibbiltà ta’ skambju ta’ informazzjoni rilevanti, bħal ħinijiet ta’ wasla u tluq, ma’ oqfsa simili żviluppati għal mezzi oħra ta’ trasport.

(20)

Sabiex ittejjeb l-effiċjenza tat-trasport marittimu u tillimita d-duplikazzjoni tal-informazzjoni li trid tkun pprovduta għal raġunijiet operazzjonali meta vapur jagħmel waqfa f’port, l-informazzjoni pprovduta minn dikjaranti lis-Single Window Nazzjonali marittima jenħtieġ li tkun ukoll skambjata ma’ ċerti entitajiet oħra, bħal operaturi ta’ port jew ta’ terminal, meta dan ikun awtorizzat mid-dikjarant, u filwaqt li jitqiesu l-bżonn li jiġu rispettati l-kunfidenzjalità, l-elementi kummerċjali sensittivi u restrizzjonijiet legali. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jtejjeb it-trattament ta’ data skont il-prinċipju ta’ darba biss meta jitħarsu l-obbligi ta’ rapportar.

(21)

Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 jipprevedi li l-merkanzija li tiddaħħal fit-territorju doganali tal-Unjoni trid tkun koperta b’dikjarazzjoni sommarja tad-dħul li trid tkun sottomessa lill-awtoritajiet doganali b’mod elettroniku. Fid-dawl tal-importanza tal-informazzjoni tad-dikjarazzjoni sommarja tad-dħul għall-ġestjoni tar-riskji ta’ sigurtà u finanzjarji, bħalissa qed tkun żviluppata sistema elettronika speċifika għas-sottomissjoni u l-ġestjoni tad-dikjarazzjonijiet sommarji tad-dħul fit-territorju doganali tal-Unjoni. Għalhekk, mhux ser ikun possibbli li tkun ippreżentata dikjarazzjoni sommarja tad-dħul permezz tal-modulu ta’ interfaċċa ta’ rapportar armonizzata. Madankollu, peress li wħud mill-elementi ta’ data sottomessi fid-dikjarazzjoni sommarja tad-dħul huma mitluba wkoll sabiex ikunu ssodisfati obbligi oħra ta’ rapportar doganali u marittimu meta vapur jidħol f’port tal-Unjoni, is-sistema għall-EMSWe jenħtieġ li tkun tista’ tipproċessa l-elementi ta’ data tad-dikjarazzjoni sommarja tad-dħul. Il-possibbiltà li s-Single Window Nazzjonali marittima terġa’ taċċessa informazzjoni rilevanti li tkun diġà ġiet sottomessa permezz tad-dikjarazzjoni sommarja tad-dħul jenħtieġ li tkun prevista wkoll.

(22)

Sabiex jiġu armonizzati kompletament ir-rekwiżiti ta’ rappurtar, l-awtoritajiet doganali, dawk marittimi u oħrajn rilevanti jenħtieġ li jikkooperaw kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni. Koordinaturi nazzjonali b’responsabbiltajiet speċifiċi jenħtieġ li jtejbu l-effettività ta’ din il-kooperazzjoni u l-funzjonament tajjeb tas-Single Windows Nazzjonali marittimi.

(23)

Sabiex l-informazzjoni pprovduta permezz tas-Single Windows Nazzjonali marittimi tkun tista’ terġa’ tintuża u tiffaċilita s-sottomissjoni ta’ informazzjoni mid-dikjaranti, huwa neċessarju li jkunu pprovduti bażijiet ta’ data komuni. Jenħtieġ li tiġi stabbilita bażi ta’ data ta’ vapur EMSWe li tinkludi lista ta’ referenza ta’ partikolaritajiet ta’ vapuri u l-eżenzjonijiet ta’ rapportar tagħhom, kif irrapportati lis-Single Window Nazzjonali marittima rispettiva. Sabiex tiffaċilita s-sottomissjoni ta’ informazzjoni minn dikjaranti, jenħtieġ li tiġi stabbilita Bażi ta’ Data Komuni ta’ Lokalizzazzjoni li jkollha lista ta’ referenza ta’ kodiċijiet ta’ lokalizzazzjoni, li jinkludu l-Kodiċi tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Lokalizzazzjonijiet tal-Kummerċ u t-Trasport (UN/LOCODE), il-kodiċijiet SafeSeaNet speċifiċi, u l-kodiċijiet ta’ faċilità tal-port kif irreġistrati fis-Sistema ta’ Informazzjoni dwar it-Trasport bil-Baħar Integrat u Globali (GISIS) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI). Barra minn hekk, jenħtieġ li tiġi stabbilita Bażi ta’ Data Komuni dwar il-Hazmat li tinkludi lista ta’ merkanzija perikoluża u ta’ tniġġis li għandha tkun nnotifikata lis-Single Window Nazzjonali marittima skont id-Direttiva 2002/59/KE u l-IMO FAL 7, b’kunsiderazjoni tal-elementi ta’ data rilevanti mill-Konvenzjonijiet u Kodiċi tal-IMO.

(24)

L-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). L-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jkun konformi mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8).

(25)

L-EMSWe u s-Single Windows Nazzjonali marittimi jenħtieġ li ma jipprovdux xi raġuni oħra għall-ipproċessar tad-data personali minbarra dak li huwa meħtieġ għall-funzjonijiet tagħhom, u jenħtieġ li ma jintużawx sabiex jagħtu xi drittijiet ġodda ta’ aċċess għal data personali.

(26)

Is-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jenħtieġ li tkun delegata lill-Kummissjoni fir-rigward tas-supplimentar ta’ dan ir-Regolament billi tistabbilixxi u temenda s-sett ta’ data EMSWe u billi tistabbilixxi definizzjonijiet, kategoriji u speċifikazzjonijiet tad-data għall-elementi ta’ data, u fir-rigward tal-emendar tal-Anness biex jiġu inkorporati l-obbligi ta’ rapportar eżistenti fil-livell nazzjonali kif ukoll sabiex tikkunsidra kwalunkwe obbligu ta’ rapportar ġodda adottati mill-atti legali tal-Unjoni. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiżgura li r-rekwiżiti komuni ta’ data, formats u kodiċijiet stabbiliti fl-Unjoni u f’atti legali internazzjonali elenkati fl-Anness ikunu osservati. Huwa ta’ importanza partikolari li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet adattati matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet isiru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (9). B’mod partikolari, biex tkun żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin bħall-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(27)

Fit-tħejjija ta’ atti delegati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li l-esperti tal-Istati Membri u l-komunità tan-negozji jiġu kkonsultati b’manjiera trasparenti, u minn qabel sew.

(28)

Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawn is-setgħat ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

(29)

B’mod partikolari, is-setgħat ta’ implimentazzjoni jenħtieġ li jingħataw lill-Kummissjoni sabiex tistipula l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi, il-mekkaniżmi ta’ kontroll ta’ kwalità u l-proċeduri sabiex jinbeda, jinżamm u jintuża l-modulu ta’ interfaċċa armonizzat u l-elementi armonizzati relatati tas-Single Windows Nazzjonali marittimi. Setgħat ta’ implimentazzjoni jenħtieġ ukoll li jingħataw lill-Kummissjoni sabiex tistipula speċifikazzjonijiet tekniċi, standards u proċeduri għal servizzi komuni tal-EMSWe.

(30)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jibni fuq ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) li jistipula l-kundizzjonijiet li taħthom l-Istati Membri jirrikonoxxu ċerti mezzi ta’ identifikazzjoni elettronika għal persuni fiżiċi u ġuridiċi li jaqgħu taħt skema ta’ identifikazzjoni elettronika notifikata ta’ Stat Membru ieħor. Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-utenti sabiex ikunu jistgħu jużaw il-mezzi ta’ identifikazzjoni u awtentikazzjoni elettroniċi sabiex ikollhom aċċess għal servizzi pubbliċi onlajn f’sitwazzjonijiet transfruntiera.

(31)

Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li tinġabar informazzjoni biex tingħata għal din l-evalwazzjoni u li ssir evalwazzjoni dwar kemm dan ir-Regolament qed jilħaq l-għanijiet tiegħu. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tevalwa wkoll, fost possibilitajiet oħra, il-valur miżjud tal-ħolqien ta’ sistema ta’ rappurtar Ewropea ċentralizzata u armonizzata, bħal interfaċċa ċentrali ta’ rappurtar.

(32)

Għaldaqstant, id-Direttiva 2010/65/UE jenħtieġ li titħassar, b’effett mid-data ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(33)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat skont l-Artikolu 28(2) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12),

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament jistabbilixxi qafas għal sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea (“EMSWe”) teknoloġikament newtrali u interoperabbli b’interfaċċi armonizzati, sabiex jiffaċilita t-trażmissjoni elettronika ta’ informazzjoni relatata mal-obbligi ta’ rapportar għall-vapuri li jaslu fi jew jitilqu minn port tal-Unjoni.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“sistema ta’ Single Window Marittima Ewropea” (“EMSWe”) tfisser il-qafas legali u tekniku għat-trażmissjoni elettronika ta’ informazzjoni relatata mal-obbligi ta’ rapportar għal waqfiet fil-portijiet fl-Unjoni, li jikkonsisti f’netwerk ta’ Single Windows Nazzjonali marittimi b’interfaċċi armonizzati ta’ rapportar u jinkludi l-iskambji ta’ data permezz ta’ SafeSeaNet u sistemi rilevanti oħra kif ukoll servizzi komuni għall-ġestjoni tar-reġistru tal-utenti u tal-aċċess, li jindirizzaw, l-identifikazzjoni ta’ vapuri, il-kodiċijiet ta’ lokalizzazzjoni u informazzjoni dwar merkanzija perikoluża u li tniġġes u dwar is-saħħa;

(2)

“vapur” tfisser kwalunkwe bastiment jew inġenju tal-baħar li jopera fl-ambjent tal-baħar li jkun soġġett għal obbligu ta’ rapportar partikolari elenkat fl-Anness;

(3)

“Single Window Nazzjonali marittima” tfisser pjattaforma teknika nazzjonalment stabbilita u operata għar-riċeviment, għall-iskambju u t-trażmissjoni b’mod elettroniku ta’ informazzjoni biex jiġu sodisfatti obbligi ta’ rapportar, li tinkludi l-ġestjoni definita b’mod komuni tad-drittijiet ta’ aċċess, modulu ta’ interfaċċa ta’ rapportar armonizzat u interfaċċa grafika tal-utent għall-komunikazzjoni ma’ dikjaranti, kif ukoll rabtiet mas-sistemi u l-bażijiet ta’ data tal-awtoritajiet rilevanti fil-livell nazzjonali u dak tal-Unjoni, li tippermetti li jintbagħtu messaġġi jew rikonoxximenti li jkopru għażla usa’ ta’ deċiżjonijiet meħuda mill-awtoritajiet rilevanti parteċipanti kollha komunikati lid-dikjaranti, u li tista’ tippermetti wkoll, meta applikabbli, il-konnessjoni ma’ mezzi oħra ta’ rapportar;

(4)

“modulu ta’ interfaċċa ta’ rapportar armonizzat” tfisser komponent ta’ softwer intermedju tas-Single Window Nazzjonali marittima li permezz tiegħu l-informazzjoni tista’ tiġi skambjata bejn is-sistema ta’ informazzjoni użata mid-dikjarant u s-Single Window Nazzjonali marittima rilevanti;

(5)

“obbligu ta’ rapportar” tfisser l-informazzjoni mitluba mill-Unjoni u atti legali internazzjonali elenkati fl-Anness, kif ukoll mil-leġislazzjoni u r-rekwiżiti nazzjonali li għaliha ssir referenza fl-Anness li trid tingħata b’rabta ma’ waqfa f’port;

(6)

“waqfa f’port” tfisser il-wasla ta’ vapur fi, il-waqfa ta’ vapur fi u t-tluq ta’ vapur minn port marittimu fi Stat Membru;

(7)

“element ta’ data” tfisser l-iċken unità ta’ informazzjoni li jkollha definizzjoni unika u karatteristiċi tekniċi preċiżi bħall-format, it-tul u t-tip ta’ karattru;

(8)

“sett ta’ data EMSWe” tfisser il-lista sħiħa tal-elementi ta’ data li jirriżultaw mill-obbligi ta’ rapportar;

(9)

“interfaċċa grafika tal-utent” tfisser interfaċċa tal-web għat-trażmissjoni bidirezzjonali online ta’ data mill-utent għal sistema lejn Single Window Nazzjonali marittima, li tħalli lid-dikjaranti jdaħħlu data manwalment, fost l-oħrajn permezz ta’ spreadsheets diġitali u funzjonijiet li jippermettu li elementi ta’ data tar-rappurtar jiġu estratti minn dawk l-ispreadsheets, kif ukoll jinkludu funzjonalitajiet u fatturi komuni li jiżguraw fluss ta’ navigazzjoni komuni u esperjenza ta’ upload ta’ data għad-dikjaranti;

(10)

“servizz komuni ta’ indirizzar” tfisser servizz volontarju addizzjonali għad-dikjaranti biex jinbdew konnessjonijiet diretti tad-data bejn sistema u oħra bejn is-sistema ta’ dikjarant u l-modulu ta’ interfaċċa ta’ rapportar armonizzat tas-Single Window Nazzjonali marittima rispettiva tagħha;

(11)

“dikjarant” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika soġġetta għall-obbligi ta’ rapportar jew kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika debitament awtorizzata li taġixxi f’isem dik il-persuna fil-limiti tal-obbligu ta’ rapportar rilevanti;

(12)

“awtoritajiet doganali” tfisser l-awtoritajiet iddefiniti fil-punt (1) tal-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013;

(13)

“fornitur ta’ servizz ta’ data” tfisser persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi servizzi ta’ informazzjoni u teknoloġija tal-komunikazzjoni lil dikjarant fir-rigward tal-obbligi ta’ rapportar;

(14)

“trażmissjoni elettronika ta’ informazzjoni” tfisser il-proċess li bih jiġi trażmess tagħrif b’mod diġitali, bl-użu ta’ format strutturat li jista’ jiġi rivedut u li jista’ jintuża direttament għall-ħżin ta’ data u l-ipproċessar bil-kompjuters;

(15)

“fornitur ta’ servizzi portwarji” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li tipprovdi kategorija waħda jew aktar tas-servizzi f’portijiet elenkati fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13).

KAPITOLU II

SETT TA’ DATA EMSWe

Artikolu 3

Stabbiliment tas-sett ta’ data EMSWe

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u temenda s-sett ta’ data EMSWe skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Sal-15 ta’ Frar 2020, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni bi kwalunkwe obbligu ta’ rapportar li jirriżulta mil-leġislazzjoni u r-rekwiżiti nazzjonali, kif ukoll bl-elementi ta’ data li għandhom jiġu inklużi fis-sett ta’ data EMSWe. Huma għandhom jidentifikaw b’mod preċiż dawk l-elementi ta’ data.

3.   Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 23 sabiex jemendaw l-Anness għal dan ir-Regolament għall-fini tal-introduzzjoni, it-tħassir jew l-adattament ta’ referenzi għal-leġislazzjoni jew ir-rekwiżiti nazzjonali, jew għall-atti legali internazzjonali, u sabiex jistabbilixxu u jemendaw is-sett ta’ data EMSWe.

L-ewwel tali att delegat għandu jiġu adottat sal-15 ta’ Awwissu 2021.

Kif stabbilit fl-Artikolu 4, Stat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi jew temenda elementi ta’ data fis-sett ta’ data EMSWe, f’konformità mal-obbligi ta’ rapportar li jinsabu fil-leġislazzjoni u r-rekwiżiti nazzjonali. Waqt li tkun qed tivvaluta jekk l-elementi tad-data għandhomx jiġu inklużi fis-sett ta’ data EMSWe, il-Kummissjoni għandha tieħu kont tat-tħassib dwar is-sikurezza kif ukoll tal-prinċipji tal-Konvenzjoni FAL, jiġifieri l-prinċipju li jkun rikjest biss rapportar ta’ informazzjoni essenzjali u li l-għadd ta’ elementi jinżamm għal minimu.

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi, fi żmien tliet xhur wara t-talba, jekk tintroduċix l-elementi ta’ data fis-sett ta’ data EMSWe. Il-Kummissjoni għandha tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha.

Att delegat li jintroduċi jew jemenda element tad-data fis-sett ta’ data EMSWe, għandu jinkludi referenza espliċita għal-leġislazzjoni u r-rekwiżiti nazzjonali msemmija fit-tielet subparagrafu.

F’każ li l-Kummissjoni tiddeċiedi li ma tintroduċix l-element ta’ data mitlub, il-Kummissjoni għandha tipprovdi raġunijiet sostanzjati għar-rifjut tagħha, b’referenza għas-sikurezza tan-navigazzjoni u l-prinċipji tal-Konvenzjoni FAL.

Artikolu 4

Emendi għas-sett ta’ data EMSWe

1.   Fejn Stat Membru beħsiebu jemenda obbligu ta’ rapportar skont il-leġislazzjoni u r-rekwiżiti nazzjonali tiegħu, li jkun jinvolvi l-forniment ta’ informazzjoni oħra minbarra l-informazzjoni inkluża fis-sett ta’ data EMSWe, dak l-Istat Membru għandu jinnotifika immedjatament lill-Kummissjoni. F’dik in-notifika, l-Istat Membru għandu jidentifika b’mod preċiż l-informazzjoni li mhijiex koperta bis-sett ta’ data EMSWe u għandu jindika l-perjodu maħsub li matulu jrid tapplika l-obbligu ta’ rapportar inkwistjoni.

2.   Stat Membru ma għandux jintroduċi obbligi ta’ rapportar ġodda sakemm tali introduzzjoni ma tkunx ġiet approvata mill-Kummissjoni permezz tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 3 u l-informazzjoni korrispondenti ma tkunx ġiet inkorporata fis-sett ta’ data EMSWe u applikata fl-interfaċċi armonizzati ta’ rapportar.

3.   Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ħtieġa li temenda s-sett ta’ data EMSWe skont l-Artikolu 3(3). L-emendi għas-sett ta’ data EMSWe għandhom jiġu introdotti biss darba fis-sena, ħlief f’każijiet debitament iġġustifikati.

4.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, Stat Membru jista’ jitlob lid-dikjaranti jipprovdu elementi ta’ data addizzjonali mingħajr l-approvazzjoni tal-Kummissjoni matul perijodu ta’ anqas minn tliet xhur. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw dawk l-elementi ta’ data lill-Kummissjoni mingħajr dewmien. Il-Kummissjoni tista’ tippermetti lill-Istat Membru jkompli jitlob l-elementi ta’ data addizzjonali għal żewġ perjodi oħra ta’ tliet xhur jekk jippersistu ċ-ċirkostanzi eċċezzjonali.

Mhux aktar tard minn xahar qabel tmiem l-aħħar perijodu ta’ tliet xhur imsemmi fl-ewwel subparagrafu, l-Istat Membru jista’ jitlob lill-Kummissjoni li l-elementi ta’ data addizzjonali jsiru parti mis-sett ta’ data EMSWe, skont l-Artikolu 3(3). L-Istat Membru jista’ jkompli jitlob lid-dikjaranti jipprovdu l-elementi ta’ data addizzjonali sakemm tittieħed deċiżjoni mill-Kummissjoni, u f’każ ta’ deċiżjoni pożittiva, sakemm ma jkunx ġie implimentat is-sett ta’ data EMSWe emendat.

KAPITOLU III

GĦOTI TA’ INFORMAZZJONI

Artikolu 5

Single Window Nazzjonali Marittima

1.   Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi Single Window Nazzjonali marittima li permezz tagħha, f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 7 u 11, l-informazzjoni kollha meħtieġa għat-twettiq tal-obbligi tar-rapportar għandha tingħata darba, permezz ta’ u f’konformità mas-sett ta’ data EMSWe, bl-użu tal-modulu ta’ interfaċċa ta’ rapportar armonizzat u l-interfaċċa grafika tal-utent kif stabbilit fl-Artikolu 6, u fejn applikabbli, mezzi oħra ta’ rapportar kif imsemmija fl-Artikolu 7, sabiex din l-informazzjoni ssir disponibbli għall-awtoritajiet rilevanti tal-Istati Membri sa fejn ikun meħtieġ biex dawk l-awtoritajiet ikunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet rispettivi tagħhom.

L-Istati Membri għandhom ikunu responsabbli għall- operat tas-Single Window Nazzjonali marittima tagħhom.

L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu single window marittima b’mod konġunt ma’ Stat Membru wieħed jew aktar. Dawk l-Istati Membri għandhom jindikaw dik is-single window marittima bħala s-Single Window Nazzjonali marittima tagħhom u għandhom jibqgħu responsabbli għat-tħaddim tagħha skont dan ir-Regolament.

2.   L-Istati Membri li ma għandhomx portijiet marittimi għandhom ikunu eżentati mill-obbligu li jiżviluppaw, jistabbilixxu, joperaw u jagħmlu disponibbli Single Window Nazzjonali marittima li tinsab fil-paragrafu 1.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw:

(a)

il-kompatibbiltà tas-Single Window Nazzjonali marittima mal-modulu ta’ interfaċċa ta’ rapportar armonizzat u l-konformità mill-interfaċċa grafika tal-utent tas-Single Window Nazzjonali tagħhom mal-funzjonalitajiet komuni skont l-Artikolu 6(2);

(b)

l-integrazzjoni f’waqtha tal-interfaċċi armonizzati ta’ rapportar f’konformità mad-dati ta’ implimentazzjoni stabbiliti fl-att ta’ implimentazzjoni msemmi fl-Artikolu 6 u kwalunkwe aġġornamenti sussegwenti f’konformità mal-Pjan ta’ Implimentazzjoni Pluriennali (MIP);

(c)

konnessjoni mas-sistemi rilevanti tal-awtoritajiet kompetenti, sabiex ikun hemm it-trasferiment ta’ data, li għandha tkun rappurtata lil dawk l-awtoritajiet, permezz tas-Single Window Nazzjonali marittima, u lil dawk is-sistemi, skont l-atti legali tal-Unjoni u l-leġislazzjoni u r-rekwiżiti nazzjonali, u b’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi ta’ dawk is-sistemi;

(d)

id-disponibbiltà ta’ helpdesk matul l-ewwel 12-il xahar mill-15 ta’ Awwissu 2025, u sit web ta’ appoġġ online għas-Single Window Nazzjonali marittima tagħhom bi struzzjonijiet ċari fil-lingwa/i uffiċjali ta’ dak l-Istat Membru u, fejn rilevanti, b’lingwa li tintuża internazzjonalment;

(e)

l-għoti ta’ taħriġ adegwat u meħtieġ għall-persunal li huwa direttament involut fit-tħaddim tas-Single Window Nazzjonali marittima.

4.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni mitluba tasal għand l-awtoritajiet inkarigati mill-applikazzjoni tal-leġislazzjoni inkwistjoni, u hija limitata għall-ħtiġijiet ta’ kull waħda minn dawk l-awtoritajiet. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw konformità mar-rekwiżiti legali relatati mat-trażmissjoni ta’ informazzjoni, prevista fl-atti legali tal-Unjoni elenkati fl-Anness u, fejn applikabbli, jużaw it-tekniki ta’ pproċessar ta’ data elettronika msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll l-interoperabbiltà mas-sistemi ta’ informazzjoni użati minn dawk l-awtoritajiet.

5.   Is-Single Window Nazzjonali marittima għandha tipprevedi l-possibbiltà teknika għad-dikjaranti li jagħmlu disponibbli, separatament, lil fornituri ta’ servizzi portwarji fil-port ta’ destinazzjoni subsett ta’ elementi ta’ data definit minn qabel fuq livell nazzjonali.

6.   Fejn Stat Membru ma jeħtieġx l-elementi kollha tas-sett ta’ data EMSWe għat-twettiq tal-obbligi ta’ rapportar, is-Single Window Nazzjonali marittima għandha taċċetta sottomissjonijiet li huma limitati għall-elementi ta’ data li huma meħtieġa minn dak l-Istat Membru. Is-Single Window Nazzjonali marittima għandha taċċetta wkoll sottomissjonijiet minn dikjaranti li jinkludu elementi addizzjonali tas-sett ta’ data EMSWe; madankollu, huwa ma għandux bżonn jipproċessa u jaħżen dawk l-elementi addizzjonali.

7.   L-Istati Membri għandhom jaħżnu l-informazzjoni sottomessa lis-Single Windows Nazzjonali marittimi rispettivi tagħhom biss għall-perijodu ta’ żmien meħtieġ biex jiġi żgurat l-issodisfar tar-rekwiżiti li jinsabu f’dan ir-Regolament u biex jiżguraw il-konformità mal-atti legali tal-Unjoni, internazzjonali u nazzjonali elenkati fl-Anness. L-Istati Membri għandhom iħassru tali informazzjoni immedjatament wara.

8.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu disponibbli pubblikament il-ħinijiet tal-wasla u tat-tluq stmati u reali tal-vapuri f’format elettroniku armonizzat fil-livell tal-Unjoni, abbażi tad-data mogħtija mid-dikjaranti lis-Single Window Nazzjonali marittima. Dan l-obbligu m’għandux japplika għal vapuri li jġorru merkanzija sensittiva, fejn il-pubblikazzjoni ta’ tali informazzjoni mis-Single Window Nazzjonali marittima tista’ tkun ta’ theddida għas-sigurtà.

9.   Is-Single Windows Nazzjonali marittimi għandu jkollhom indirizz uniformi tal-Internet.

10.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw struttura armonizzata għas-sit web ta’ appoġġ imsemmi fil-punt (d) tal-paragrafu 3, speċifikazzjonijiet tekniċi għad-disponibbiltà ta’ ħinijiet tal-wasla u tat-tluq imsemmija fil-paragrafu 8, u format uniformi għall-indirizzi tal-Internet imsemmi fil-paragrafu 9. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).

L-ewwel tali att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat sal-15 ta’ Awwissu 2021.

Artikolu 6

Interfaċċi Armonizzati ta’ Rapportar

1.   Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi għall-modulu ta’ interfaċċa ta’ rapportar armonizzat għas-Single Windows Nazzjonali marittimi. L-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi għandu jkollhom l-għan li jiffaċilitaw l-interoperabbiltà ma’ teknoloġiji u sistemi ta’ rapportar differenti tal-utenti.

L-ewwel tali att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat sal-15 ta’ Awwissu 2021.

2.   Il-Kummissjoni għandha, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tiżviluppa sal-15 ta’ Awwissu 2022 u wara dan taġġorna l-modulu ta’ interfaċċa ta’ rapportar armonizzat għas-Single Windows Nazzjonali marittimi f’konformità mal-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 5 ta’ dan l-Artikolu.

3.   Il-Kummissjoni għandha tipprovdi lill-Istati Membri l-modulu ta’ interfaċċa ta’ rapportar armonizzat u l-informazzjoni rilevanti kollha għall-integrazzjoni fis-Single Window Nazzjonali marittima tagħhom.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-funzjonalitajiet komuni tal-interfaċċa grafika tal-utent u l-mudelli tal-ispreadsheets diġitali armonizzati msemmija fl-Artikolu 2(9).

L-ewwel tali att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat sal-15 ta’ Awwissu 2021.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jemendaw l-ispeċifikazzjonijiet, l-istandards u l-proċeduri tekniċi, sabiex tiżgura li l-interfaċċi armonizzati ta’ rapportar huma miftuħa għal teknoloġiji futuri.

6.   L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu għandhom ikunu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).

Artikolu 7

Mezzi oħra ta’ rapportar

1.   L-Istati Membri għandhom iħallu lid-dikjaranti jipprovdu, fuq bażi volontarja, informazzjoni lis-Single Window Nazzjonali marittima permezz ta’ fornituri ta’ servizzi tad-data li jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-modulu ta’ interfaċċa ta’ rapportar armonizzat.

2.   L-Istati Membri jistgħu jippermettu lid-dikjaranti jipprovdu l-informazzjoni permezz ta’ mezzi oħra ta’ rapportar dment li dawk il-mezzi jkunu volontarji għad-dikjaranti. F’tali każijiet, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li dawk il-mezzi l-oħra jagħmlu l-informazzjoni rilevanti disponibbli għas-Single Window Nazzjonali marittima.

3.   L-Istati Membri jistgħu jużaw mezzi alternattivi biex jipprovdu l-informazzjoni f’każ li s-sistemi elettroniċi msemmija fl-Artikoli 5 u 6 u fl-Artikoli 12 sa17, ma jibqgħux jaħdmu b’mod temporanju.

Artikolu 8

Prinċipju ta’ darba biss

1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 11(1), sakemm ma jkunx meħtieġ mod ieħor mil-liġi tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li d-dikjarant jintalab jipprovdi l-informazzjoni skont dan ir-Regolament darba biss għal kull waqfa f’port u li l-elementi ta’ data rilevanti tas-sett ta’ data EMSWe jsiru disponibbli u jintużaw mill-ġdid f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni, il-partikolaritajiet u l-eżenzjonijiet tal-vapur li jiġu pprovduti permezz tas-Single Window Nazzjonali marittima jkunu reġistrati fil-bażi ta’ data tal-vapuri EMSWe msemmija fl-Artikolu 14 u jsiru disponibbli għal kwalunkwe waqfa f’port sussegwenti fl-Unjoni.

3.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-elementi ta’ data tas-sett ta’ data EMSWe ipprovduti mat-tluq minn port fl-Unjoni jsiru disponibbli għad-dikjarant għall-fini tal-issodisfar tal-obbligi ta’ rapportar mal-wasla fil-port li jmiss fl-Unjoni, dment li l-vapur ma jkunx waqaf f’port barra mill-Unjoni matul dak il-vjaġġ. Dan il-paragrafu ma għandux japplika għal informazzjoni riċevuta skont ir-Regolament (UE) Nru 952/2013, ħlief jekk il-possibbiltà li tali informazzjoni ssir disponibbli għal dan l-għan tkun prevista f’dak ir-Regolament.

4.   Kwalunkwe element tad-data rilevanti tas-sett ta’ data EMSWe riċevut f’konformità ma’ dan ir-Regolament għandu jsir disponibbli lil Single Windows Nazzjonali marittimi oħra permezz tas-SafeSeaNet.

5.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-lista ta’ elementi ta’ data rilevanti msemmija fil-paragrafi 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).

Artikolu 9

Responsabbiltà għall-informazzjoni komunikata

Id-dikjarant għandu jkun responsabbli li jiżgura s-sottomissjoni ta’ elementi ta’ data f’konformità mar-rekwiżiti legali u tekniċi applikabbli. Id-dikjarant għandu jibqa’ responsabbli għad-data u għall-aġġornament ta’ kwalunkwe informazzjoni li tkun inbidlet wara s-sottomissjoni lis-Single Window Nazzjonali marittima.

Artikolu 10

Protezzjoni tad-data u kunfidenzjalità

1.   L-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet kompetenti fil-qafas ta’ dan ir-Regolament għandu jkun konformi mar-Regolament (UE) 2016/679.

2.   L-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni fil-qafas ta’ dan ir-Regolament għandu jkun konformi mar-Regolament (UE) 2018/1725.

3.   L-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa f’konformità mal-liġi nazzjonali jew tal-Unjoni applikabbli biex jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni kummerċjali u informazzjoni sensittiva oħra skambjata skont dan ir-Regolament.

Artikolu 11

Dispożizzjonijiet addizzjonali għad-dwana

1.   Dan ir-Regolament ma jipprekludix l-iskambju ta’ informazzjoni bejn awtoritajiet doganali tal-Istati Membri, jew bejn awtoritajiet doganali u operaturi ekonomiċi, li jużaw tekniċi elettroniċi ta’ pproċessar ta’ data msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013.

2.   L-informazzjoni rilevanti fid-Dikjarazzjoni Sommarja tad-Dħul imsemmija fl-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013, fejn kompatibbli mal-liġi doganali tal-Unjoni, għandha ssir disponibbli għas-Single Window Nazzjonali marittima bħala referenza u, fejn adatt, użata mill-ġdid għal obbligi oħra ta’ rapportar elenkati fl-Anness.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw il-lista ta’ informazzjoni rilevanti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).

L-ewwel tali att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat sal-15 ta’ Awwissu 2021.

KAPITOLU IV

SERVIZZI KOMUNI

Artikolu 12

Sistema ta’ ġestjoni tar-reġistru ta’ utent u ta’ aċċess EMSWe

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi u tiżgura d-disponibbiltà ta’ sistema komuni ta’ ġestjoni tar-reġistru ta’ utenti u ta’ aċċess għal dikjaranti u fornituri ta’ servizzi ta’ data li jużaw is-Single Window Nazzjonali marittima, kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali li jaċċessaw is-Single Window Nazzjonali marittima, f’każijiet fejn tinħtieġ awtentikazzjoni. Dik is-sistema komuni ta’ ġestjoni tar-reġistru ta’ utent u ta’ aċċess għandha tipprevedi reġistrazzjoni ta’ utent wieħed permezz ta’ reġistru eżistenti tal-Unjoni b’rikonoxximent fil-livell tal-Unjoni, ġestjoni federata tal-utenti u monitoraġġ tal-utenti fil-livell tal-Unjoni.

2.   Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità nazzjonali biex tkun responsabbli għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ utenti ġodda u l-modifika u t-terminazzjoni ta’ kontijiet eżistenti permezz tas-sistema msemmija fil-paragrafu 1.

3.   Għall-fini li jaċċedi għas-Single Window Nazzjonali marittima fi Stati Membri differenti, dikjarant jew fornitur ta’ servizz ta’ data li jkun rreġistrat fis-sistema ta’ ġestjoni tar-reġistru ta’ utent u ta’ aċċess EMSWe għandu jitqies bħala rreġistrat mas-Single Window Nazzjonali marittima fl-Istati Membri kollha, u għandu jopera fil-limiti tad-drittijiet ta’ aċċess mogħtija minn kull Stat Membru skont ir-regoli nazzjonali.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-ispeċifikazzjonijiet, l-istandards u l-proċeduri tekniċi għall-istabbiliment tas-sistema komuni ta’ ġestjoni tar-reġistru ta’ utent u ta’ aċċess imsemmija fil-paragrafu 1, inkluż il-funzjonalitajiet imsemmija fil-paragrafu 2. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).

L-ewwel tali att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat sal-15 ta’ Awwissu 2021.

Artikolu 13

Servizz Komuni ta’ Indirizzar

1.   Il-Kummissjoni għandha tiżviluppa, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, servizz komuni ta’ indirizzar volontarju addizzjonali, sakemm il-modulu ta’ interfaċċa ta’ rapportar armonizzat ikun ġie implimentat bis-sħiħ skont l-Artikolu 6.

2.   Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-ispeċifikazzjonijiet funzjonali u tekniċi, il-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-kwalità u proċeduri biex jinbeda, jinżamm u jitħaddem is-servizz komuni ta’ indirizzar. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2). L-ewwel tali att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat sal-15 ta’ Awwissu 2024

Artikolu 14

Bażi ta’ Data ta’ Vapuri EMSWe

1.   Skont l-Artikolu 8(2), il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi bażi ta’ data ta’ vapuri EMSWe li jkun fiha lista ta’ informazzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ vapuri u partikolaritajiet, kif ukoll rekords ta’ eżenzjonijiet tal-vapuri minn rapportar.

2.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw il-provvista tad-data msemmija fil-paragrafu 1 lill-bażi ta’ data ta’ vapuri EMSWe abbażi tad-data ppreżentata mid-dikjaranti lis-Single Window Nazzjonali marittima.

3.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura d-disponibbiltà tad-data tal-bażi ta’ data ta’ vapuri lis-Single Windows Nazzjonali marittimi għall-faċilitazzjoni ta’ rapportar tal-vapuri.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta, atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-ispeċifikazzjonijiet, l-istandards u l-proċeduri tekniċi għall-istabbiliment tal-bażi ta’ data msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-ġbir, il-ħażna, l-aġġornament u l-għoti tal-informazzjoni ta’ identifikazzjoni u tal-partikolaritajiet tal-vapur kif ukoll rekords dwar l-eżenzjonijiet ta’ rapportar tal-vapuri. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).

L-ewwel tali att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat sal-15 ta’ Awwissu 2021.

Artikolu 15

Bażi ta’ Data Komuni ta’ Lokalizzazzjoni

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi bażi ta’ data komuni ta’ lokalizzazzjoni li jkun fiha lista ta’ referenza tal-kodiċijiet ta’ lokalizzazzjoni (14) u kodiċijiet tal-faċilità ta’ port kif reġistrati fil-bażi ta’ data tal-IMO GISIS.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura d-disponibbilità tal-bażi ta’ data ta’ lokalizzazzjoni fis-Single Windows Nazzjonali marittimi għall-faċilitazzjoni ta’ rapportar tal-vapuri.

3.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni mill-bażi ta’ data ta’ lokalizzazzjoni disponibbli fil-livell nazzjonali permezz tas-Single Window Nazzjonali marittima.

4.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-ispeċifikazzjonijiet, l-istandards u l-proċeduri tekniċi għall-istabbiliment ta’ bażi ta’ data komuni ta’ lokalizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-ġbir, il-ħażna, l-aġġornament u l-provvista tal-kodiċijiet ta’ lokalizzazzjoni u ta’ faċilità tal-port. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).

L-ewwel tali att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat sal-15 ta’ Awwissu 2021.

Artikolu 16

Bażi ta’ Data Komuni dwar il-Hazmat

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi bażi ta’ data komuni ta’ hazmat li jkun fiha lista ta’ merkanzija perikoluża u ta’ tniġġis li għandha tiġi notifikata f’konformità mad-Direttiva 2002/59/KE u l-IMO FAL 7, b’kont meħud tal-elementi ta’ data rilevanti mill-Konvenzjonijiet u Kodiċijiet tal-IMO.

2.   Il-Kummissjoni għandha tiżgura d-disponibbiltà tal-bażi ta’ data komuni dwar il-hazmat għas-Single Windows Nazzjonali marittimi għall-faċilitazzjoni ta’ rapportar tal-vapuri.

3.   Il-bażi ta’ data għandha tkun konnessa mal-entitajiet rilevanti fil-bażi ta’ data MAR-CIS kif żviluppata mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA) fir-rigward tal-informazzjoni dwar perikoli u riskji assoċjati mal-merkanzija perikoluża u ta’ tniġġis.

4.   Il-bażi ta’ data għandha tintuża kemm bħala referenza kif ukoll bħala għodda ta’ verifika, fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, matul il-proċess ta’ rapportar permezz tas-Single Window Nazzjonali marittima.

5.   L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-informazzjoni mill-bażi ta’ data komuni dwar il-hazmat disponibbli fil-livell nazzjonali permezz tas-Single Window Nazzjonali marittima.

6.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-ispeċifikazzjonijiet, l-istandards u l-proċeduri tekniċi għall-istabbiliment tal-bażi ta’ data komuni dwar il-hazmat imsemmija fil-paragrafu 1 fir-rigward tal-ġbir, il-ħażna u l-provvista tal-informazzjoni ta’ referenza hazmat. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).

L-ewwel tali att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat sal-15 ta’ Awwissu 2021.

Artikolu 17

Bażi ta’ Data Komuni tal-Kundizzjonijiet Sanitarji fuq il-Vapuri

1.   Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi bażi ta’ data komuni tal-kundizzjonijiet sanitarji fuq il-vapuri li tkun tista’ tirċievi u taħżen data marbuta mad-Dikjarazzjonijiet Marittimi tas-Saħħa skont l-Artikolu 37 tar-Regolamenti Internazzjonali tas-Saħħa 2005 (IHR). Data personali relatata ma’ persuni morda abbord vapuri ma għandhiex tinħażen f’dik il-bażi ta’ data.

L-awtoritajiet tas-saħħa kompetenti tal-Istati Membri għandu jkollhom aċċess għall-bażi ta’ data sabiex jirċievu u jagħmlu skambju ta’ data.

2.   L-Istati Membri li jużaw il-bażi ta’ data tal-kundizzjonijiet sanitarji fuq il-vapuri għandhom jindikaw lill-Kummissjoni l-awtorità nazzjonali tagħhom responsabbli għall-ġestjoni tal-utenti fir-rigward ta’ dik il-bażi ta’ data inkluż ir-reġistrazzjoni ta’ utenti ġodda kif ukoll il-modifika u l-għeluq ta’ kontijiet.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jistipulaw l-ispeċifikazzjonijiet, l-istandards u l-proċeduri tekniċi biex tiġi stabbilita l-bażi ta’ data msemmija fil-paragrafu 1. Dawk l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu adottati skont il-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 24(2).

KAPITOLU V

KOORDINAZZJONI TAL-ATTIVITAJIET EMSWe

Artikolu 18

Koordinaturi nazzjonali

Kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità nazzjonali kompetenti b’mandat legali ċar biex taġixxi bħala koordinatur nazzjonali għall-EMSWe. Il-koordinatur nazzjonali għandu:

(a)

jaġixxi bħala l-punt ta’ kuntatt nazzjonali għall-utenti u għall-Kummissjoni għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;

(b)

jikkoordina l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-Istat Membru u l-kooperazzjoni tagħhom;

(c)

jikkoordina l-attivitajiet immirati biex jiżguraw id-distribuzzjoni tad-data u l-konnessjoni mas-sistemi rilevanti tal-awtoritajiet kompetenti kif imsemmija fil-punt (c) tal-Artikolu 5(3).

Artikolu 19

Pjan ta’ Implimentazzjoni Pluriennali

Sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni f’waqtha ta’ dan ir-Regolament u tipprovdi mekkaniżmi u proċeduri tal-kontroll tal-kwalità biex jinbdew, jinżammu u jiġu aġġornati l-modulu ta’ interfaċċa armonizzat u l-elementi armonizzati relatati tal-EMSWe, il-Kummissjoni għandha tadotta, u tirrevedi fuq bażi annwali, wara konsultazzjonijiet adatti mal-esperti tal-Istati Membri, Pjan ta’ Implimentazzjoni Pluriennali li għandu jipprevedi:

(a)

pjan għall-iżvilupp u l-aġġornament tal-interfaċċi armonizzati ta’ rapportar u l-elementi armonizzati relatati tal-EMSWe matul it-18-il xahar li ġejjin;

(b)

pjan għall-iżvilupp tas-servizz ta’ indirizzar komuni sal-15 ta’ Awwissu 2024;

(c)

dati indikattivi għall-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti;

(d)

skadenzi indikattivi għall-Istati Membri għall-integrazzjoni sussegwenti tal-interfaċċi armonizzati ta’ rapportar mas-Single Windows Nazzjonali marittimi;

(e)

skadenzi indikattivi għall-iżvilupp mill-Kummissjoni ta’ servizz ta’ indirizzar komuni wara l-implimentazzjoni tal-modulu ta’ interfaċċa ta’ rappurtar armonizzat;

(f)

perjodi ta’ ttestjar għall-Istati Membri u d-dikjaranti biex jittestjaw il-konnessjonijiet tagħhom ma’ kwalunkwe verżjoni ġdida tal-interfaċċi armonizzati ta’ rapportar;

(g)

perjodi ta’ ttestjar għas-servizz ta’ indirizzar komuni;

(h)

skadenzi indikattivi għall-eliminazzjoni gradwali tal-verżjonijiet iktar antiki tal-interfaċċi armonizzati ta’ rapportar għall-Istati Membri u d-dikjaranti.

KAPITOLU VI

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Spejjeż

Il-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għandu jkopri l-ispejjeż ta’:

(a)

l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-għodod tal-ICT mill-Kummissjoni u l-EMSA li jappoġġaw l-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament fil-livell tal-Unjoni;

(b)

il-promozzjoni tal-EMSWe fil-livell tal-Unjoni, inkluż fost il-partijiet ikkonċernati rilevanti, u fil-livell ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali rilevanti.

Artikolu 21

Kooperazzjoni ma’ sistemi jew servizzi oħra li jiffaċilitaw il-kummerċ u t-trasport

Fejn ikunu nħolqu sistemi jew servizzi li jiffaċilitaw il-kummerċ u t-trasport permezz ta’ atti legali oħra tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tikkoordina l-attivitajiet relatati ma’ dawk is-sistemi jew servizzi bil-għan li jkun hemm sinerġiji u tkun evitata duplikazzjoni.

Artikolu 22

Rieżami u rapport

L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw l-applikazzjoni tal-EMSWe, u jirrapportaw is-sejbiet tagħhom lill-Kummissjoni. Ir-rapport għandu jinkludi l-indikaturi li ġejjin:

(a)

l-użu tal-modulu ta’ interfaċċa ta’ rapportar armonizzat;

(b)

l-użu tal-interfaċċa grafika tal-utent;

(c)

l-użu ta’ mezzi oħra ta’ rapportar kif imsemmija fl-Artikolu 7.

L-Istati Membri għandhom jissottomettu dak ir-rapport lill-Kummissjoni fuq bażi annwali, billi jużaw mudell li għandu jiġi pprovdut mill-Kummissjoni.

Sal-15 ta’ Awwissu 2027, il-Kummissjoni għandha tirrevedi l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament u għandha tissottometti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ valutazzjoni dwar il-funzjonament tal-EMSWe abbażi tad-data u tal-istatistika miġbura. Ir-rapport ta’ valutazzjoni għandu jinkludi, fejn meħtieġ, evalwazzjoni tat-teknoloġiji emerġenti, li jistgħu jwasslu għal bidliet jew sostituzzjoni tal-modulu ta’ interfaċċa ta’ rapportar armonizzat.

Artikolu 23

Eżerċizzju tad-delega

1.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 3 hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ erba’ snin mill-14 ta’ Awwissu 2019. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ erba’ snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni sa mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikolu 3 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. M’għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lil esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 3 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 24

Proċedura ta’ kumitat

1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn Kumitat tat-Trasport Diġitali u Faċilitazzjoni tal-Kummerċ. Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.   Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 25

Tħassir tad-Direttiva 2010/65/UE

Id-Direttiva 2010/65/UE titħassar mill-15 ta’ Awwissu 2025.

Ir-referenzi għad-Direttiva 2010/65/UE għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal dan ir-Regolament.

Artikolu 26

Dħul fis-seħħ

1.   Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.   Għandu japplika mill-15 ta’ Awwissu 2025.

3.   Il-funzjonalitajiet imsemmija fl-Artikolu 11(2) u dawk relatati mal-obbligi ta’ rapportar tad-dwana speċifikati fil-punt 7 tal-Parti A tal-Anness għandhom isiru effettivi meta jkunu operazzjonali s-sistemi elettroniċi msemmija fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 li huma meħtieġa għall-applikazzjoni ta’ dawk l-obbligi ta’ rapportar, f’konformità mal-programm ta’ ħidma stabbilit mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 280 u 281 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Il-Kummissjoni għandha tippubblika d-data li fiha kienu ssodisfatti l-kondizzjonijiet ta’ dan il-paragrafu fis-serje “C” ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Ġunju 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

A. TAJANI

Għall-Kunsill

Il-President

G. CIAMBA


(1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 265.

(2)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ April 2019 (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2019.

(3)  Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2010/65/UE tal-20 ta’ Ottubru 2010 dwar il-formalitajiet ta’ rappurtar għal bastimenti li jaslu fi u/jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri u li tħassar id-Direttiva 2002/6/KE (ĠU L 283, 29.10.2010, p. 1).

(4)  Il-Konvenzjoni tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (OMI) dwar il-Faċilitazzjoni tat-Traffiku Marittimu Internazzjonali (il-“Konvenzjoni FAL”), adottata fid-9 ta’ April 1965 u emendata fit-8 ta’ April 2016, Standard 1.1.

(5)  Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1).

(6)  Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

(7)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

(8)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(9)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(10)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

(11)  Ir-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73).

(12)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni tal-individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(13)  Ir-Regolament (UE) 2017/352 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Frar 2017 li jistabbilixxi qafas għall-forniment tas-servizzi portwarji u regoli komuni dwar it-trasparenza finanzjarja tal-portijiet (ĠU L 57, 3.3.2017, p. 1).

(14)  “Kodiċi tan-Nazzjonijiet Uniti għal-Postijiet tal-Kummerċ u tat-Trasport”.


ANNESS

OBBLIGI TA’ RAPPORTAR

A.   Obbligi ta’ rapportar li jirriżultaw minn atti legali tal-Unjoni

Din il-kategorija ta’ obbligi ta’ rapportar tinkludi l-informazzjoni li trid tkun ipprovduta skont id-dispożizzjonijiet li ġejjin:

1.

Notifika għal vapuri li jaslu fi jew jitilqu minn portijiet tal-Istati Membri

L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

2.

Verifiki fil-fruntiera fuq persuni

L-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, p. 1).

3.

Notifika ta’ merkanzija perikoluża jew li tniġġes li tinġarr abbord

L-Artikolu 13 tad-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema għall-monitoraġġ u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità (ĠU L 208, 5.8.2002, p. 10).

4.

Notifika ta’ skart u residwi

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Novembru 2000 dwar il-faċilitajiet tal-akkoljenza fil-portijiet għall-iskart iġġenerat mill-bastimenti u għall-fdalijiet mill-merkanzija (ĠU L 332, 28.12.2000, p. 81).

5.

Notifika ta’ informazzjoni relatata mas-sigurtà

L-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 725/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 31 ta’ Marzu 2004 dwar it-titjib fis-sigurtà fuq il-bastimenti u fil-portijiet (ĠU L 129, 29.4.2004, p. 6).

Il-formola stabbilita fl-Appendiċi ta’ dan l-Anness għandha tintuża għall-identifikazzjoni tal-elementi ta’ data meħtieġa skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 725/2004.

6.

Informazzjoni dwar persuni abbord

L-Artikoli 4(2) u 5(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 98/41/KE tat-18 ta’ Ġunju 1998 dwar ir-reġistrazzjoni ta’ persuni li jbaħħru abbord vapuri tal-passiġġieri li joperaw lejn jew minn portijiet tal-Istati Membri tal-Komunità (ĠU L 188, 2.7.1998, p. 35).

7.

Formalitajiet doganali

(a)

Formalitajiet tal-wasla:

Notifika tal-wasla (l-Artikolu 133 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013);

Preżentazzjoni tal-merkanzija lid-dwana (l-Artikolu 139 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013);

Dikjarazzjoni ta’ ħażna temporanja ta’ merkanzija (l-Artikolu 145 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013);

Status doganali tal-merkanzija (l-Artikoli 153 sa 155 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013);

Dokumenti ta’ trasport ekonomiku użati għat-tranżitu (l-Artikolu 233(4)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013).

(b)

Formalitajiet tat-tluq:

Status doganali tal-merkanzija (l-Artikoli 153 sa 155 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013);

Dokumenti ta’ trasport ekonomiku użati għat-tranżitu (l-Artikolu 233(4)(e) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013);

Notifika tal-ħruġ (l-Artikolu 267 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013);

Dikjarazzjoni sommarja tal-ħruġ (l-Artikoli 271 u 272 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013);

Notifika ta’ esportazzjoni mill-ġdid (l-Artikoli 274 u 275 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013).

8.

Tagħbija u ħatt sikuri ta’ bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa

L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2001/96/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Diċembru 2001 li tistabbilixxi l-ħtiġiet u l-proċeduri armonizzati għat-tagħbija u l-ħatt b’sigurtà ta’ bastimenti ta’ tagħbija bl-ingrossa (ĠU L 13, 16.1.2002, p. 9).

9.

Kontroll tal-Istat tal-Port

L-Artikolu 9 u l-Artikolu 24(2) tad-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, p. 57).

10.

Statistika tat-trasport marittimu

L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2009/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar il-prospetti statistiċi fir-rigward tat-trasport ta’ merkanzija u passiġġieri bil-baħar (ĠU L 141, 6.6.2009, p. 29).

B.   Dokumenti FAL u obbligi ta’ rapportar li jirriżultaw minn strumenti legali internazzjonali

Din il-kategorija ta’ obbligi ta’ rapportar tinkludi l-informazzjoni li għandha tkun ipprovduta skont il-Konvenzjoni FAL u strumenti legali internazzjonali rilevanti oħra.

1.

FAL 1: Dikjarazzjoni Ġenerali

2.

FAL 2: Dikjarazzjoni tal-Merkanzija

3.

FAL 3: Dikjarazzjoni tal-Ħażniet tal-Vapur

4.

FAL 4: Dikjarazzjoni tal-Effetti Personali tal-Ekwipaġġ

5.

FAL 5: Lista tal-Ekwipaġġ

6.

FAL 6: Lista tal-Passiġġieri

7.

FAL 7: Merkanzija Perikoluża

8.

Dikjarazzjoni Marittima tas-Saħħa

C.   Obbligi ta’ rapportar li jirriżultaw mil-leġislazzjoni u r-rekwiżiti nazzjonali

APPENDIĊI

FORMOLA TA’ TAGĦRIF TA’ SIGURTÀ DWAR IL-VAPURI QABEL IL-WASLA GĦALL-VAPURI KOLLHA QABEL ID-DĦUL FIL-PORT TA’ STAT MEMBRU TAL-UE

(Il-Konvenzjoni Internazzjonali tal-1974 għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar (SOLAS) regolament 9 tal-Kapitolu XI-2 u l-Artikolu 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 725/2004)

Image 1 Test ta 'immaġni Image 2 Test ta 'immaġni Image 3 Test ta 'immaġni

Top