EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014R0078

Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 78/2014 tat- 22 ta’ Novembru 2013 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fir-rigward ta’ ċerti ċereali li jikkawżaw l-allerġiji jew l-intolleranzi u ikel b’fitosteroli, l-esteri fitosteroli, il-fitostanoli u l-esteri fitostanoli miżjuda

ĠU L 27, 30.1.2014, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2014/78/oj

30.1.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 27/7


REGOLAMENT TA’ DELEGA TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 78/2014

tat-22 ta’ Novembru 2013

li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi, fir-rigward ta’ ċerti ċereali li jikkawżaw l-allerġiji jew l-intolleranzi u ikel b’fitosteroli, l-esteri fitosteroli, il-fitostanoli u l-esteri fitostanoli miżjuda

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2011 dwar l-għoti ta’ informazzjoni dwar l-ikel lill-konsumaturi (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 10(2) u 21(2) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistabbilixxi lista ta’ sustanzi jew prodotti li jikkaġunaw allerġiji jew intolleranzi. Il-punt 1 tal-Anness II jelenka, fost l-oħrajn, “il-kamut” u “l-ispelt”. Madankollu, “il-kamut” hija marka rreġistrata ta’ tip ta’ qamħ, magħrufa bħala “qamħ Khorasan” u l-ispelt huwa wkoll tip ta’ qamħ. Il-“qamħ Khorasan” u “l-ispelt” għandhom għalhekk jiġu indikati bħala tipi ta’ qamħ fil-punt 1 ta’ dak l-Anness.

(2)

L-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jistabbilixxi l-lista ta’ ikel li t-tikkettar tiegħu jrid jinkludi partikular wieħed jew aktar addizzjonali. Il-punt 5.1 ta’ dak l-Anness jipprovdi li t-tikkettar ta’ ikel jew l-ingredjenti ta’ ikel li għandhom il-fitosteroli, l-esteri fitosteroli, il-fitostanoli u l-esteri fitostanoli miżjuda jridu jinkludu, inter alia, stqarrija li l-ikel huwa maħsub esklussivament għan-nies li jixtiequ jbaxxu l-livell ta’ kolesterol f’demmhom.

(3)

Dik id-dikjarazzjoni, flimkien mal-indikazzjonijiet dwar is-saħħa awtorizzati għal dak l-ikel jew l-ingredjenti tal-ikel, tista’ potenzjalment twassal lill-konsumaturi li ma jeħtiġilhomx jikkontrollaw il-livell ta’ kolesterol f’demmhom biex jużaw il-prodott u għalhekk għandhom ikunu emendati. Tali emenda għandha tirrifletti l-kliem tad-dikjarazzjoni attwalment stipulat fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 (2). Ir-Regolament se jiġi rrevokat u sostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 mit-13 ta’ Diċembru 2014.

(4)

Ir-Regolament (UE) Nru 1169/2011 għandu għalhekk jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-sentenza tal-bidu fil-punt 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011 jinbidel b’dan li ġej:

“1.

Iċ-ċereali li fihom il-gluteina, b’mod partikolari: il-qamħ (bħall-ispelt u l-qamħ Khorasan), is-segala, ix-xgħir, il-ħafur jew il-pjanti ibridizzati tagħhom, u prodotti tagħhom, minbarra:”

Artikolu 2

Fit-tieni kolonna tal-punt 5.1 tal-Anness III tar-Regolament (UE) Nru 1169/2011, il-punt (3) jinbidel b’dan li ġej:

“(3)

għandu jkun hemm dikjarazzjoni li l-prodott mhuwiex maħsub għal persuni li ma jeħtiġux li jikkontrollaw il-livell ta’ kolesterol f’demmhom;”

Artikolu 3

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Novembru 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 304, 22.11.2011, p. 18.

(2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 608/2004 tal-31 ta’ Marzu 2004 li jikkonċerna l-ittikkettar ta’ ikel u ingredjenti tal-ikel b’fitosteroli miżjuda, esteri fitosteroli, fitostanoli u/jew esteri fitostanoli (ĠU L 97, 1.4.2004, p. 44).


Top