EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32013R0256

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 256/2013 tal- 20 ta’ Marzu 2013 li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-askorbat tas-sodju (E 301) fi preparazzjonijiet tal-vitamina D maħsubin biex jintużaw f’ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 79, 21.3.2013, p. 24–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2013/256/oj

21.3.2013   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 79/24


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 256/2013

tal-20 ta’ Marzu 2013

li jemenda l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tal-askorbat tas-sodju (E 301) fi preparazzjonijiet tal-vitamina D maħsubin biex jintużaw f’ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 10(3) u 30(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel, enżimi tal-ikel, aromatizzanti tal-ikel, nutrijenti u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi emendata bil-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2).

(3)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista ta’ addittivi tal-ikel tal-Unjoni tista’ tiġi aġġornata jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(4)

Applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tal-askorbat tas-sodju (E 301) bħala antiossidant fi preparazzjonijiet tal-vitamina D maħsuba għall-użu f’formulae tat-trabi u formulae tal-prosegwiment kif definit bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/141/KE tat-22 ta' Diċembru 2006 dwar formuli tat-trabi u formuli tal-prosegwiment u li temenda d-Direttiva 1999/21/KE (3), tressqet fil-15 ta’ Diċembru 2009 u saret disponibbli għall-Istati Membri.

(5)

L-ingredjenti użati fil-manifattura ta’ formulae għat-trabi u formulae tal-prosegwiment għandhom jissodisfaw standard mikrobijoloġiku ħafna aktar strett mill-ikel ġenerali, b’mod partikolari għall-Enterobacteria u Cronobacter sakazakii. Sabiex jintlaħaq dan, l-ingredjenti bħal preparazzjonijiet tal-vitamina D huma soġġetti għal trattament tas-sħana. Trattament bħal dan min-naħa tiegħu jeħtieġ il-preżenza ta’ antiossidant li huwa solubbli fl-ilma u ta’ pH newtrali. L-askorbat tas-sodju (E 301) ġie identifikat u ppruvat li huwa l-antiossidant xieraq biex tintlaħaq din il-ħtieġa teknoloġika.

(6)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha tfittex l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel sabiex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel imniżżla fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008.

(7)

L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel evalwat l-użu tal-askorbat tas-sodju (E 301) bħala addittiv fl-ikel fi preparazzjonijiet tal-vitamina D maħsuba għal ikel għat-trabi u t-tfal żgħar u esprimiet l-opinjoni tagħha nhar it-8 ta’ Diċembru 2010 (4). Hija kkonkludiet li l-estensjoni proposta tal-użu tal-addittiv tal-ikel l-askorbat tas-sodju (E 301) biex jintuża bħala antiossidant għal preparazzjonijiet tal-vitamina D għall-użu f’formulae tat-trabi u formulae tal-prosegwiment, mhijiex ta’ tħassib għas-sigurtà.

(8)

Huwa għalhekk xieraq li jkun awtorizzat l-użu tal-askorbat tas-sodju (E 301) bħala antiossidant fi preparazzjonijiet tal-vitamina D maħsuba għall-użu fl-ikel għat-trabi u għat-tfal żgħar.

(9)

Għaldaqstant, l-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Marzu 2013.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 401, 30.12.2006, p. 1.

(4)  Il-Bord tal-EFSA dwar l-Addittivi tal-Ikel u s-Sorsi tan-Nutrijenti miżjuda mal-Ikel (ANS); Opinjoni Xjentifika dwar l-użu tal-askorbat tas-sodju bħala addittiv tal-ikel fi preparazzjonijiet tal-vitamina D maħsuba sabiex jintużaw f’formulae u ikel tal-ftim għat-trabi u għat-tfal żgħar. EFSA Journal 2010;8(12):1942.


ANNESS

Fit-Taqsima B tal-Parti 5 tal-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, l-annotazzjoni dwar l-addittiv E 301 tinbidel b’ dan li ġej:

“E 301

Askorbat tas-sodju

100 000  mg/kg fi preparazzjoni tal-vitamina D u

Massimu ta’ trasferiment ta’ 1 mg/l f’ikel finali

Preparazzjonijiet tal-vitamina D

Formulae tat-trabi u formulae tal-prosegwiment, kif iddefiniti fid-Direttiva 2006/141/KE

Trasferiment totali ta’ 75 mg/l

Kisjiet ta’ preparazzjonijiet tan-nutrijenti li jkollhom aċidi xaħmin mhux polisaturati

Ikel għat-trabi u tfal żgħar”


Top