EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1149

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1149/2012 tal- 4 ta' Diċembru 2012 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ Estratti tal-klin (E 392) fil-mili ta’ għaġin niexef mimli Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 333, 5.12.2012, p. 40–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1149/oj

5.12.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 333/40


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1149/2012

tal-4 ta' Diċembru 2012

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu ta’ Estratti tal-klin (E 392) fil-mili ta’ għaġin niexef mimli

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3), u l-Artikolu 30(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kondizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Din il-lista tista’ tiġi emendata bil-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2).

(3)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista ta’ addittivi tal-ikel tal-Unjoni tista’ tiġi aġġornata jew fuq inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(4)

Ġiet ippreżentata applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ Estratti tal-klin (E 392) bħala antiossidant fil-mili ta’ għaġin niexef mimli u saret disponibbli għall-Istati Membri.

(5)

L-antiossidanti huma sustanzi li jipproteġu l-ikel kontra d-deterjorazzjoni kkawżata mill-ossidazzjoni, bħas-snuħija tax-xaħam u t-tibdil fil-kulur. L-estratti tal-klin (E 392) użati fil-mili ta’ għaġin niexef mimli jtejbu l-istabbiltà tax-xaħmijiet u ż-żjut fir-riċetta (eż. żejt veġetali, xaħam fil-laħam, ġobon u ingredjenti tal-ħalib) matul il-ħajja tal-ħażna tal-prodott sħiħ. It-togħma tal-għaġin niexef mimli hija aktar stabbli mingħajr id-difetti organolettiċi u t-togħmiet strambi kkawżati mill-ossidazzjoni tax-xaħam.

(6)

L-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà fl-Ikel evalwat l-użu tal-estratti tal-klin bħala addittiv fl-ikel (3). Skont il-marġini tas-sigurtà identifikati bl-użu tal-NOAELs (4) minn studji differenti, li fihom ġeneralment l-NOAELs kienu l-ogħla livelli ta’doża ttestjati, u bl-bl-użu ta’ stimi ta’ espożizzjoni djetetika konservattivi, ġie konkluż li l-użu ta’ estratti tal-klin deskritt fl-opinjoni xjentifika fl-użi u l-livelli tal-użu proposti ma jkunux ta’ tħassib għas-sigurtà. Dan il-konsum addizzjonali bbażat fuq l-użu l-ġdid fil-mili ta’ għaġin niexef ma jikkontribwixxix b’mod sinifikanti għall-konsum ġenerali. Huwa għalhekk xieraq li jkun permess l-użu ta’ estratti tal-klin (E 392) bħala antiossidant fil-mili ta’ għaġin niexef mimli.

(7)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, ħlief meta l-aġġornament inkwistjoni ma jkunx mistenni li jħalli effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ estratti tal-klin (E 392) bħala antiossidant fil-mili ta’ għaġin niexef mimli jikkostitwixxi aġġornament ta’ dik il-lista li mhux mistenni li jkollu effett fuq is-saħħa tal-bniedem, l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel mhix meħtieġa.

(8)

Skont id-dispożizzjonijiet transitorji tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 tal-11 ta’ Novembru 2011 li jemenda l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill billi jistabbilixxi lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel (5), l-Anness II li jistabbilixxi l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu, jibda japplika mill-1 ta’ Ġunju 2013. Sabiex l-użu ta’ Estratti tal-klin (E 392) f’mili ta’ għaġin niexef ikun permess qabel dik id-data, huwa meħtieġ li wieħed jispeċifika data aktar bikrija tal-applikazzjoni fir-rigward ta’ dan l-użu ta’ dak l-addittiv.

(9)

Għaldaqstant, l-Anness II għar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Diċembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  EFSA Journal (2008) 721, 1-29.

(4)  NOAEL (Livell Bla Effett Ħażin Osservat) — doża jew konċentrazzjoni ta’ sustanza ttestjata li ma nstab l-ebda effett negattiv fiha.

(5)  ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, fil-kategorija tal-ikel 06.4.5 “Mili ta’ għaġin mimli (ravjul u simili)”:

(a)

tiddaħħal l-annotazzjoni li ġejja wara l-annotazzjoni għal E 200-203:

 

“E 392

Estratti tal-klin

250

(41) (46)

biss f’mili ta’ għaġin niexef mimli

Il-perjodu tal-applikazzjoni:

Mill-25 ta' Diċembru 2012”

(b)

in-noti ta’ qiegħ il-paġna li ġejjin huma miżjuda wara n-nota ta' qiegħ il-paġna 2:

“(41):

Espress fuq bażi ta’ xaħam

(46):

Bħala s-somma ta’ karnosol u aċidu karnosiku”


Top