EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32012R1057

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1057/2012 tat- 12 ta’ Novembru 2012 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tad-dimetilpolisilossan (E 900) bħala aġent għal kontra r-ragħwa fis-supplimenti tal-ikel Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 313, 13.11.2012, p. 11–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2012/1057/oj

13.11.2012   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 313/11


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1057/2012

tat-12 ta’ Novembru 2012

li jemenda l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-użu tad-dimetilpolisilossan (E 900) bħala aġent għal kontra r-ragħwa fis-supplimenti tal-ikel

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(3), u l-Artikolu 30(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 jistabbilixxi lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel approvati għall-użu fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom.

(2)

Dik il-lista tista’ tiġi emendata skont il-proċedura msemmija fir-Regolament (KE) Nru 1331/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 li jistabbilixxi proċedura ta’ awtorizzazzjoni komuni għall-addittivi tal-ikel, l-enżimi tal-ikel u l-aromatizzanti tal-ikel (2).

(3)

Skont l-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-lista ta’ addittivi tal-ikel tal-Unjoni tista’ tiġi aġġornata jew b’inizjattiva tal-Kummissjoni jew wara li ssir applikazzjoni.

(4)

Tressqet applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tal-użu tad-dimetilpolisilossan (E 900) bħala aġent għal kontra r-ragħwa fis-supplimenti tal-ikel u din saret disponibbli għall-Istati Membri.

(5)

Supplimenti tal-ikel fil-forma ta’ pilloli effervexxenti ġeneralment ikun fihom aċidi (bħal aċidu ċitriku) u mluħa idrokarbonati jew karbonati. Il-pilloli jitqegħdu fl-ilma u jiġi prodott gass tad-diossidu tal-karbonju waqt il-proċess li bih jinħallu. Dan il-gass normalment jiġġenera ragħwa li titla’ ‘l fuq u tfawwar it-tazza. Ir-rawgħa li titla’ ‘l fuq għaldaqstant jeħtieġ li tiġi parzjalment jew kompletament imrażżna biż-żieda ta’ aġent kontra r-ragħwa fil-pillola effervexxenti. Id-dimetilpolisilossan (E 900) jista’ jintuża bħala alternattiva aktar effiċjenti mill-polisorbati u l-esteri tas-sukrożju tal-aċidi xaħmin attwalment awtorizzati.

(6)

Ir-Rapport mill-Kummissjoni dwar il-Konsum fid-Dieta ta’ Addittivi fl-Ikel fl-Unjoni Ewropea (3) kkonkluda li d-Dimetilpolisilossan (E 900) ma jeħtieġx li jiġi eżaminat aktar, billi l-konsum teoretiku bbażat fuq suppożizzjonijiet konservattivi dwar l-inġestjoni tal-ikel u l-użu tal-addittiv ma kienx jaqbeż id-Doża Aċċettabbli ta’ Kuljum (“DAK”). Il-valur DAK ta’ 1,5 mg/kg bw ġie stabbilit fit-18 ta’ Mejju 1990 mill-Kumitat Xjentifiku għall-Ikel (4). Il-konsum addizzjonali bbażat fuq l-użu l-ġdid bħala aġent għal kontra r-ragħwa fis-supplimenti tal-ikel fil-forma ta’ pilloli effervexxenti huwa stmat li jkun taħt l-10 % tad-DAK. Huwa għalhekk xieraq li jkun permess l-użu tad-Dimetilpolisilossan (E 900) fis-supplimenti tal-ikel fil-forma ta’ pilloli effervexxenti.

(7)

Skont l-Artikolu 3(2) tar-Regolament (KE) Nru 1331/2008, il-Kummissjoni għandha titlob l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel biex taġġorna l-lista tal-Unjoni ta’ addittivi tal-ikel stipulata fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008, għajr meta l-aġġornament inkwistjoni x’aktarx ma jħallix effett fuq is-saħħa tal-bniedem. Billi l-awtorizzazzjoni għall-użu tad-Dimetilpolisilossan (E 900) fis-supplimenti tal-ikel fil-forma ta’ pilloli effervexxenti tikkostitwixxi aġġornament ta’ dik il-lista u li mhux suxxettibli li jkollha effett fuq is-saħħa tal-bniedem, mhux meħtieġ li tintalab l-opinjoni tal-Awtorità Ewropea għas-Sigurtà tal-Ikel.

(8)

Skont id-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1129/2011 (5) il-lista tal-addittivi tal-ikel stabbilita fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tapplika fil-prinċipju mill-1 ta’ Ġunju 2013. Biex jiġi permess l-użu tad-Dimetilpolisilossan (E 900) fis-supplimenti tal-ikel qabel dik id-data, jeħtieġ li tiġi speċifikata data aktar kmieni ta’ applikazzjoni fir-rigward ta’ dan l-użu ta’ dak l-addittiv tal-ikel.

(9)

Għaldaqstant, l-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiġi emendat skont dan.

(10)

Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali u la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma opponewhom,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 huwa emendat skont l-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-12 ta’ Novembru 2012.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 16.

(2)  ĠU L 354, 31.12.2008, p. 1.

(3)  COM(2001) 542 finali.

(4)  http://ec.europa.eu/food/fs/sc/scf/reports/scf_reports_32.pdf

(5)  ĠU L 295, 12.11.2011, p. 1.


ANNESS

Fil-Parti E tal-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 għandu jiddaħħal dan li ġej fil-kategorija tal-ikel 17.1 “Supplimenti tal-ikel ipprovduti f’forma solida inklużi kapsuli u pilloli u forom simili, minbarra f’forom li jistgħu jintmagħdu” wara l-annotazzjoni għal E 551-559:

 

“E 900

Dimetilpolisilossan

10

 

supplimenti tal-ikel f’forma ta’ pillola effervexxenti biss

Perjodu ta’ applikazzjoni:

Mit-3 ta’ Diċembru 2012

 

 

(79):

Il-livell massimu japplika għas-suppliment tal-ikel maħlul lest għall-konsum meta mħallat ma’ 200 ml ta’ ilma”


Top