EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62015CJ0686

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tas-7 ta’ Diċembru 2016.
Vodoopskrba i odvodnja d.o.o. vs Željka Klafurić.
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Općinski sud u Velikoj Gorici.
Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ambjent – Direttiva 2000/60/KE – Qafas għal politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma – Irkupru tal-ispejjeż ta’ servizzi marbuta mal-użu tal-ilma – Kalkolu tal-ammont dovut mill-konsumatur – Parti varjabbli marbuta mal-konsum effettiv u parti fissa indipendenti minn dan il-konsum.
Kawża C-686/15.

Court reports – general

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2016:927

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

7 ta’ Diċembru 2016 ( *1 )

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari — Ambjent — Direttiva 2000/60/KE — Qafas għal politika tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-ilma — Irkupru tal-ispejjeż ta’ servizzi marbuta mal-użu tal-ilma — Kalkolu tal-ammont dovut mill-konsumatur — Parti varjabbli marbuta mal-konsum effettiv u parti fissa indipendenti minn dan il-konsum”

Fil-Kawża C‑686/15,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Općinski sud u Velikoj Gorici (qorti muniċipali ta’ Velika Gorica, il-Kroazja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Diċembru 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-18 ta’ Diċembru 2015, fil-proċedura

Vodoopskrba i ododnvja d.o.o.

vs

Željka Klafurić,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn J. C. Bonichot (Relatur), li qed jaġixxi bħala President tal-Awla, A. Arabadjiev u C. G. Fernlund, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Szpunar,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

għal Vodoopskrba i odvodnja d.o.o., minn D. Crnković, avukat,

għall-Gvern Kroat, minn A. Metelko-Zgombić, bħala aġent,

għall-Gvern Taljan, minn G. Palmieri bħala aġent, assistita minn F. Varrone, avvocato dello Stato,

għall-Kummissjoni Ewropea, minn E. Manhaeve u M. Mataija, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1

It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 5, p. 275).

2

Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Vodoopskrba i odvodnja d.o.o. u Željka Klafurić dwar ir-rifjut ta’ din tal-aħħar li tħallas il-parti fissa inkluża fil-prezz tal-konsum tagħha tal-ilma.

Il-kuntest ġuridiku

Id-dritt tal-Unjoni

3

Il-premessi 1, 11, 19 u 38 tad-Direttiva 2000/60 jipprevedu:

“(1)

L-ilma mhuwiex prodott kummerċjali bħal kull prodott ieħor imma, pjuttost, wirt li għandu jiġi protett, difiż u ttrattat bħala tali.

[…]

(11)

Kif stabbilit fl-Artikolu 174 tat-Trattat, il-politika Komunitarja fuq l-ambjent għandha tikkontribwixxi għal għanijiet ta’ priservar, protezzjoni u titjib tal-kwalità ta’ l-ambjent, f’użu prudenti u razzjonali tar-riżorsi naturali, u li din tkun bażata fuq il-prinċipju prekawzjonarju, u fuq il-prinċipji li, azzjonijiet preventivi għandhom jittieħdu, il-ħsara għall-ambjent trid, bħala prijorità, tkun ikkoreġuta fil-bidu u li minn iniġġeż iħallas.

[…]

(19)

Din id-Direttiva timmira sabiex iżżomm [fi stat tajjeb] u ttejjeb l-ambjent akwatiku fil-Komunità. Dan l-iskop huwa primarjament konċernat mal-kwalità tal-ilmijiet konċernati. Il-kontroll tal-kwantità huwa element anċillari fl-assigurazzjoni tal-kwalità ta’ l-ilma u b’hekk miżuri fuq il-kwantità, li għandhom l-għan li jassiguraw kwalità tajba, iridu jkunu stabbiliti wkoll.

[…]

(38)

L-użu ta’ strumenti ekonomiċi mill-Istati Membri jista’ jkun xieraq bħala parti minn programm ta’ miżuri. Il-prinċipju tal-irkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, inklużi l-ispejjeż ambjentali u tar-riżorsi assoċjati ma’ ħsara jew impatt negattiv fuq l-ambjent akkwatiku jrid jiġi kunsidrat bi qbil, partikolarment, mal-prinċipju ta’ minn iniġġes iħallas. Analiżi ekonomika tas-servizzi ta’ l-ilma bbażata fuq previżjonijiet fit-tul tal-forniment u t-talba għall-ilma fid-distrett tal-baċin tax-xmara ser tkun meħtieġa għal dan l-iskop.

[…]”

4

Skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Definizzjonijiet”:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

[…]

38)

‘Servizzi ta’ l-ilma’: ifisser is-servizzi kollha li jipprovdu, għad-djar, istituzzjonijiet pubbliċi jew kull attività ekonomika:

(a)

estrazzjoni, teħid, ħażna, trattament u distribuzzjoni ta’ ilma tal-wiċċ jew tal-qiegħ;

(b)

kollezzjoni ta’ skart ta’ l-ilma u faċilitajiet ta’ trattament li sussegwentement joħorġu fl-ilma tal-wiċċ.

39)

‘Użu ta’ l-ilma’: ifisser servizzi ta’ l-ilma flimkien ma’ kull attività oħra identifikata taħt l-Artikolu 5 u l-Anness II li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-istat ta’ l-ilma.

Dan il-kunċett japplika għall-iskopijiet tal-Artikolu 1 u tal-analiżi ekonomiċi magħmula skond l-Artikolu 5 u l-Anness III, punt (b);

[…]”

5

L-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60, intitolat “Irkupru ta’ l-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma”, jistabbilixxi:

“1.   L-Istati Membri jridu jikkunsidraw il-prinċipju ta’ rkuprar ta’ l-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, inklużi l-ispejjeż ta’ l-ambjent u tar-riżorsi, wara li jiġu kkunsidrati l-analiżi ekonomiċi imwettqa skond l-Anness III, u bi qbil partikolarment mal-prinċipju ta’ minn iniġġes iħallas.

L-Istati Membri jridu jiżguraw sa’ s-sena 2010

li l-politika ta’ l-apprezzament [tat-tariffi] ta’ l-ilma tipprovdi inċentivi adegwati għall-utenti biex jużaw ir-riżorsi ta’ l-ilma effiċjentament, u b’hekk jikkontribwixxu għall-għanijiet ambjentali ta’ din id-Direttiva,

kontribuzzjoni adegwata ta’ użu effiċjenti ta’ l-ilma, imqassam għall-anqas ġo l-industrija, djar u agrikoltura, għall-irkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, bażati fuq l-analiżi ekonomiċi imwettqa skond l-Anness III u jiġi kunsidrat il-prinċipju ta’ minn iniġġes iħallas.

L-Istati Membri jistgħu meta qed jagħmlu dan, jikkunsidraw l-effetti soċjali, ambjentali u ekonomiċi tal-irkupru kif ukoll il-kundizzjonijiet ġeografiċi u klimatiċi tar-reġjun jew reġjuni affetwati.

2.   L-Istati Membri għandhom jirraportaw fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara fuq il-passi pjanati għall-implimentazzjoni ta’ paragrafu 1 li għandhom jikkontribwixxu għall-kisba ta’ l-għanijiet ambjentali ta’ din id-Direttiva u fuq il-kontribuzzjoni magħmula minn użi varji ta’ l-ilma għall-irkuprar ta’ l-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma.”

3.   Xejn f’dan l-Artikolu ma’ għandu jipprevjeni l-finanzjament ta’ miżuri preventivi partikolari jew miżuri rimedjali sabiex jinkisbu l-għanjiet ta’ din id-Direttiva.

4.   L-Istati Membri ma’ jkunux qe [qed] jiksru din id-Direttiva jekk jiddeċiedu bi qbil ma’ prattiċi stabbiliti biex ma’ japplikawx id-disposizzjonijiet ta’ paragrafu 1, it-tieni sentenza, u għal dak l-iskop id-disposizzjonijiet relevanti ta’ paragrafu 2, għal attività partikolari ta’ użu ta’ l-ilma, fejn din ma’ tikkompromettix l-iskopijiet u l-kisba ta’ l-għanijiet ta’ din id-Direttiva. L-Istati Membri jridu jirraportaw ir-raġunijiet għalfejn ma’ japplikawx paragrafu 1 it-tieni sentenza, b’mod sħiħ, fil-pjanijiet ta’ mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara.”

6

L-Anness III tad-Direttiva 2000/60 intitolat “Analiżi ekonomiċi” huwa redatt kif ġej:

“L-analiżi ekonomiċi jridu jikkontjenu biż-żejjed informazzjoni f’dettal suffiċenti (b’kunsiderazzjoni tal-ispejjeż assoċjati mal-kollezzjoni tad-data relevanti) sabiex:

(a)

isiru l-kalkolazzjonijiet relevanti meħtieġa biex jiġu konsidrati taħt l-Artikolu 9 il-prinċipju ta’ rkuprar tal-ispejjeż tas-servizzi ta’ l-ilma, b’konsiderazzjoni ta’ previżjonijiet ta’ żmien twil jew forniment u talba għal ilma fid-distrett tal-baċin tax-xmara u, fejn meħtieġ:

stimi tal-volum, prezzijiet u spejjeż assoċjati mas-servizzi ta’ l-ilma, u

stimi ta’ investimenti relevanti inklużi previżjonijiet ta’ ċerta investimenti;

(b)

isiru ġudiżżji fuq l-aktar kombinazzjonijiet ta’ miżuri li jiffrankaw il-flus fir-rigward ta’ l-użu ta’ l-ilma biex jiġu inklużi fil-programm ta’ miżuri taħt l-Artikolu 11 bbażat fuq stimi ta’ l-ispejjeż potenzjali ta’ dawn il-miżuri.”

Id-dritt Kroat

Iz-ZOV

7

Skont l-Artikolu 197(5) taz-Zakon o vodama (liġi dwar l-ilma) (Narodne novine, br. 153/09, 63/11, 130/11, 56/13 u 14/14, iktar ’il quddiem iz-“ZOV”):

“Il-prezzijiet tas-servizzi tal-ilma huma ddeterminati konformement mal-prinċipju tal-irkupru sħiħ tal-ispejjeż kif iddefinit mil-liġi li tirregola l-finanzjament tal-ġestjoni tal-ilma, mal-prinċipju ta’ aċċettabbiltà soċjali tal-prezz tal-ilma u mal-prinċipju ta’ protezzjoni kontra l-monopolju.

[…]”

8

Skont l-Artikolu 205(1) u (2) taz-ZOV:

“Il-mezzi meħtieġa għat-tħaddim tas-servizz pubbliku ta’ distribuzzjoni tal-ilma u tas-servizz pubbliku tas-saħħa huma pprovduti mill-prezz tas-servizzi tal-ilma.

Il-prezz tas-servizzi tal-ilma jikkostitwixxi d-dħul tal-fornitur tas-servizz tal-ilma u l-obbligu tal-ħlas huwa fuq il-proprjetarju jew fuq kwalunkwe detentur legali tal-proprjetà immobbli fejn is-servizz huwa użat (utent).

[…]”

9

L-Artikolu 206(1)(2) u (7) taz-ZOV jiddikjara:

“L-ammont tal-prezz tas-servizzi tal-ilma huwa stabbilit permezz ta’ deċiżjoni tal-fornitur tas-servizzi tal-ilma, bi ftehim mal-awtorità lokali.

Il-prezz tas-servizzi tal-ilma ma jistax ikun inqas minn dak iddeterminat mill-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-paragrafu 7 ta’ dan l-artikolu.

[…]

Il-Gvern tar-Repubblika tal-Kroazja, li jaġixxi fuq proposta tal-Kunsill tas-Servizz tal-Ilma, jiffissa permezz ta’ regolament il-kriterji għall-kalkolu tal-prezz bażiku minimu tas-servizzi tal-ilma u t-tipi ta’ spejjeż li l-prezz ta’ dawn servizzi jkopri. Il-kwantità minima tal-ilma pprovduta li hija neċessarja sabiex ikunu ssodisfatti l-ħtiġijiet domestiċi bażiċi hija wkoll iffissata permezz ta’ regolament.

[…]”

Ir-regolament dwar il-prezz bażiku minimu tas-servizzi tal-ilma u tat-tipi ta’ spejjeż li l-prezz ta’ dawn is-servizzi jkopri

10

L-Artikolu 6 tal-Uredba o najnižoj osnovoj cijeni vodnih usluga i vrsti troškova koje cijena vodnih usluga pokriva (regolament dwar il-prezz bażiku minimu tas-servizzi tal-ilma u tat-tipi oħra ta’ spejjeż li l-prezz ta’ dawn is-servizzi jkopri) tas-16 ta’ Settembru 2010 (Narodne novine, Nru 112/10) jipprevedi li l-prezz bażiku minimu tas-servizzi tal-ilma jikkonsisti minn parti varjabbli u minn parti fissa relatata mal-konnessjoni tal-proprjetà immobbli bini max-xogħlijiet muniċipali ta’ provvista tal-ilma, li tinkludi l-ispejjeż sabiex jinqara l-arloġġ tal-ilma, tal-ipproċessar tad-data li nqrat, tal-kalibrazzjoni u tal-manutenzjoni tal-arloġġi tal-ilma, tal-manutenzjoni regolari u fit-tul tal-konnessjoni tal-proprjetà immobbli ma’ dawn ix-xogħlijiet muniċipali, tal-monitoraġġ regolari tal-funzjonament tajjeb tal-imsemmija xogħlijiet muniċipali kif ukoll tal-analiżi u ż-żamma fi stat nadif tal-ilma tax-xorb.

It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

11

Vodoopskrba i odvodnja hija l-fornitur tas-servizzi muniċipali ta’ distribuzzjoni tal-ilma fit-territorju ta’ diversi bliet tal-Kroazja, b’mod partikolari Żagreb.

12

Hija ressqet quddiem il-qorti tar-rinviju proċeduri għal nuqqas ta’ ħlas kontra Ž. Klafurić li tikkontesta parti mill-ammont tal-kontijiet relatati għas-servizz tal-ilma għall-perijodu bejn Diċembru 2013 u Ġunju 2014.

13

Ž. Klafurić tikkontesta l-parti fissa tal-prezz tas-servizzi tal-ilma, li huwa kkalkolat indipendentement mill-konsum reali tal-ilma.

14

Il-qorti tar-rinviju tqis li l-konsumatur għandu jħallas biss għall-konsum tiegħu tal-ilma skont dak li jinqara fuq l-arloġġ tal-ilma tiegħu u li jikkorrispondi għall-parti varjabbli tal-kont tiegħu. Skontha, il-leġiżlazzjoni nazzjonali applikabbli “ma ġietx armonizzata” mad-Direttiva 2000/60 sa fejn tikkonċerna d-determinazzjoni tal-press u l-modalitajiet ta’ ħlas tal-ilma.

15

F’dawn iċ-ċirkustanzi, l’Općinski sud u Velikoj Gorici (qorti muniċipali ta’ Velika Gorica, il-Kroazja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)

Kif jiġi kkalkolat, skont id-dritt tal-Unjoni, il-prezz tal-ilma pprovdut li huwa ffatturat għal kull appartament fi proprjetà immobbli ta’ abitazzjoni jew għal dar individwali?

2)

Iċ-ċittadini tal-Unjoni jħallsu l-fatturi dwar il-konsum tal-ilma tagħhom billi jħallsu biss għall-konsum effettivament irrilevat [moqri] mill-arloġġ tal-ilma jew iħallsu wkoll spejjeż u tariffi oħra?”

Fuq id-domandi preliminari

16

Għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita permezz tal-Artikolu 267 TFUE, hija l-ġurisdizzjoni ta’ din tal-aħħar li tagħti lill-qorti nazzjonali risposta utli li tgħinha taqta’ l-kawża quddiemha. F’din il-perspettiva, jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tifformula mill-ġdid id-domandi magħmula lilha. F’dan ir‑rigward, il‑Qorti tal‑Ġustizzja tista’ tieħu mill‑elementi li tkun ipprovditilha din il‑qorti, u b’mod partikolari mill‑motivazzjoni tad‑deċiżjoni tar‑rinviju, il‑punti tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fid‑dawl tas‑suġġett tal‑kawża (ara, b’mod partikolari, is‑sentenza tal‑14 ta’ April 2016, Cervati u Malvi, C‑131/14, EU:C:2016:255, punt 26).

17

F’dan il-każ, fid-dawl tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni tagħha, il-qorti tar-rinviju, permezz taż-żewġ domandi tagħha, tistaqsi, essenzjalment, jekk id-Direttiva 2000/60 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi li l-prezz tas-servizzi tal-ilma ffatturat lill-konsumatur jinkludi mhux biss parti varjabbli kkalkolata abbażi tal-volum ta’ ilma li jiġi kkonsmat realment mill-persuna kkonċernata, iżda wkoll parti fissa li tikkorrispondi għall-ispejjeż ta’ konnessjoni tal-proprjetà immobbli max-xogħlijiet ta’ provvista tal-ilma u mal-ispejjeż inerenti b’mod partikolari għall-manutenzjoni tal-provvista, tal-qari tal-arloġġi tal-ilma, tal-ipproċessar tad-data moqrija, tal-kalibrazzjoni u tal-manutenzjoni tal-arloġġi tal-ilma, kif ukoll tal-analiżi u ż-żamma fi stat nadif tal-ilma tax-xorb.

18

Kif diġà fakkret il-Qorti tal-Ġustizzja, id-Direttiva 2000/60 hija direttiva-qafas adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 175(1) KE (li sar l-Artikolu 192 TFUE). Hija tistabbilixxi l-prinċipji komuni u qafas globali ta’ azzjoni għall-protezzjoni tal-ilmijiet u tiżgura l-koordinament, l-integrazzjoni, kif ukoll, għal medda itwal ta’ żmien, l-iżvilupp tal-prinċipji ġenerali u tal-istrutturi li jippermettu l-protezzjoni u użu ekoloġikament vijabbli tal-ilma fl-Unjoni Ewropea. Il-prinċipji komuni u l-qafas globali ta’ azzjoni li hija twaqqaf għandhom jiġu żviluppati iktar mill-Istati membri li għandhom jadottaw serje ta’ miżuri partikolari b’konformità mat-termini previsti minn din id-direttiva. Madankollu, din tal-aħħar ma tirrigwardax armonizzazzjoni totali tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-ilma (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C‑32/05, EU:C:2006:749, punt 41; u tal-11 ta’ Settembru 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑525/12, EU:C:2014:2202, punt 50).

19

Kif jirriżulta mill-premessa 19 tad-Direttiva 2000/60, din tal-aħħar hija intiża li żżomm fi stat tajjeb u ttejjeb l-ambjent akwatiku tal-Unjoni. Dan l-iskop huwa primarjament konċernat mal-kwalità tal-ilmijiet ikkonċernati. Il-kontroll tal-kwantità huwa element anċillari fl-assigurazzjoni tal-kwalità tal-ilma u b’hekk miżuri fuq il-kwantità, li għandhom l-għan li jassiguraw kwalità tajba, iridu jkunu stabbiliti wkoll.

20

F’din il-perspettiva, l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60 jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni l-prinċipju tal-irkupru tal-ispejjeż marbuta mal-użu tal-ilma, inklużi l-ispejjeż għall-ambjent u r-riżorsi, fid-dawl tal-analiżi ekonomika mwettqa konformement mal-Anness III ta’ din id-direttiva u konformement, b’mod partikolari, mal-prinċipju ta’ min iniġġes iħallas. L-Istati għandhom, b’mod partikolari, jiżguraw li l-politika tat-tariffi tal-ilma tinkoraġġixxi lill-utenti sabiex jużaw ir-riżorsi b’mod effikaċi u jikkontribwixxu għalhekk għat-twettiq tal-għanijiet ambjentali stabbiliti bid-Direttiva 2000/60.

21

Il-mezzi sabiex jintlaħaq l-għan mogħti sabiex ikun żgurat li l-politika tat-tariffi tal-ilma tinkoraġġixxi lill-utenti sabiex jużaw ir-riżorsi b’mod effikaċi huma b’hekk imħollija għad-diskrezzjoni tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, ma jistax jiġi kkontestat li l-iffissar tal-prezzijiet tas-servizzi tal-ilma skont il-volum ta’ ilma realment ikkonsmat jikkostitwixxi wieħed mill-mezzi tali li jinkoraġġixxu lill-utenti sabiex jużaw ir-riżorsi b’mod effiċjenti.

22

Madankollu, sabiex ikunu konformi mal-obbligu li jirkupraw l-ispejjeż marbuta mal-użu tal-ilma, imposta mid-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom l-għażla li jadottaw modalitajiet oħra ta’ tariffi tal-ilma li jippermettu, b’mod partikolari, li jirkupraw l-ispejjeż li jsostnu s-servizzi ta’ distribuzzjoni tal-ilma sabiex jagħmlu dan disponibbli għall-utenti, fi kwantità u fi kwalità suffiċjenti, indipendentement mill-konsum reali tagħhom.

23

Fil-fatt, sa fejn dawn josservaw l-obbligu li jirkupraw l-ispejjeż tas-servizzi marbuta mal-użu tal-ilma, inklużi l-ispejjeż għall-ambjent u r-riżorsi, kif imfakkar fil-punt 20 ta’ din is-sentenza, l-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejn metodi differenti ta’ tariffi l-iktar xierqa għas-sitwazzjoni tagħhom stess fi;-kuntest tas-setgħa ta’ diskrezzjoni mogħtija lilhom tad-Direttiva 2000/60, peress li din tal-aħħar ma timponilhom ebda metodu preċiż tat-tariffi.

24

F’dan ir-rigward, la mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2000/60 u lanqas minn kwalunkwe dispożizzjoni oħra tad-direttiva ma jirriżulta li l-leġiżlatur tal-Unjoni Ewropea kellu l-intenzjoni li jipprekludi lill-Istati Membri milli jadottaw politika tat-tariffi tal-ilma li hija bbażata fuq prezz tal-ilma mitlub lill-utenti inkluż parti varjabbli marbut mal-volum ta’ ilma realment ikkonsmat u parti fissa li ma tkunx marbut ma’ dan il-volum.

25

Barra minn hekk, mill-eżami tad-diversi leġiżlazzjonijiet nazzjonali jirriżulta li, kif tirrileva l-Kummissjoni, li tirreferi f’dan ir-rigward għall-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill, lill-Parlament Ewropew u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, tas-26 ta’ Lulju 2000 intitolat “Tariffi u ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-ilma [COM (2000) 477 finali]” u għar-rapport tekniku tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA 16/2013) intitolat “Assessment of cost recovery through water pricing”, hija prattika komuni fl-Istati Membri li l-prezz tas-servizzi relatati mal-ilma jikkonsisti minn parti fissa u minn parti varjabbli.

26

F’dan ir-rigward, mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali jirriżulta li din il-leġiżlazzjoni tieħu kont tal-prinċipju tal-irkupru sħiħ tal-ispejjeż marbuta mad-disponibbiltà u l-protezzjoni tal-ilma, kif ukoll mal-kostruzzjoni, mal-ġestjoni u mal-manutenzjoni ta’ sistemi ta’ provvista tal-ilma. Huwa jipprevedu, f’dan ir-rigward, li l-parti fissa tal-prezz tas-servizzi marbuta mal-użu tal-ilma hija intiża sabiex tkopri l-ispejjeż relatati mal-manutenzjoni tax-xogħol muniċipali ta’ provvista tal-ilma, kif ukoll mal-analiżi u maż-żamma fi stat nadif tal-ilma tax-xorb.

27

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li tingħata ngħata risposta għad-domandi magħmula li d-Direttiva 2000/60 għandha tiġu interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-prezz tas-servizzi tal-ilma ffatturat lill-konsumatur jinkludi mhux biss parti varjabbli kkalkolata abbażi tal-volum tal-ilma realment ikkonsmat mill-persuna kkonċernata, iżda wkoll parti fissa li ma hijiex marbuta ma’ dan il-volum.

Fuq l-ispejjeż

28

Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

 

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

 

Id-Direttiva 2000/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2000, li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-politika tal-ilma, għandha tiġu interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li l-prezz tas-servizzi tal-ilma ffatturat lill-konsumatur jinkludi mhux biss parti varjabbli kkalkolata abbażi tal-volum tal-ilma realment ikkonsmat mill-persuna kkonċernata, iżda wkoll parti fissa li ma hijiex marbuta ma’ dan il-volum.

 

Firem


( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Kroat.

Top