EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010CJ0503

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tal-21 ta' Diċembru 2011.
Evroetil AD vs Direktor na Agentsia "Mitnitsi".
Talba għal deċiżjoni preliminari: Varhoven administrativen sad - il-Bulgarija.
Direttiva 2003/30/KE - Artikolu 2(2)(a) - Kunċett ta’ bijo-etanol - Prodott miksub mill-bijomasssa, li fih iktar minn 98.5 % alkoħol etiliku u li ma huwiex żnaturat - Rilevanza tal-użu effettiv bħala bijokarburant - Regolament (KEE) Nru 2658/87 - Nomenklatura Magħquda - Klassifikazzjoni tariffarja tal-bijo-etanol għall-finijiet ta’ ġbir ta’ dazji tas-sisa - Direttiva 2003/96/KE - Prodott ta’ enerġija - Direttiva 92/83/KEE - L-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 u Artikolu 27(1)(a)(b) - Kunċett ta’ alkoħol etiliku - Eżenzjoni mis-sisa armonizzata - Żnaturament.
Kawża C-503/10.

ECLI identifier: ECLI:EU:C:2011:872

Kawża C-503/10

Evroetil AD

vs

Direktor na Agentsia “Mitnitsi”

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad)

“Direttiva 2003/30/KE — Artikolu 2(2)(a) — Kunċett ta’ bijoetanol — Prodott miksub mill-bijomassa, li fih iktar minn 98.5 % alkoħol etiliku u li ma huwiex żnaturat — Rilevanza tal-użu effettiv bħala bijokarburant — Regolament (KEE) Nru 2658/87 — Nomenklatura Magħquda — Klassifikazzjoni tariffarja tal-bijoetanol għall-finijiet ta’ ġbir ta’ dazji tas-sisa — Direttiva 2003/96/KE — Prodotti ta’ enerġija — Direttiva 92/83/KEE — L-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 u Artikolu 27(1)(a)(b) — Kunċett ta’ alkoħol etiliku — Eżenzjoni mis-sisa armonizzata — Żnaturament”

Sommarju tas-sentenza

1.        Ambjent — Promozzjoni tal-użu ta’ bijokarburanti jew ta’ karburanti oħra rinnovabbli għat-trasport — Direttiva 2003/30 — Bijoetanol — Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/30, Artikolu 2(2)(a))

2.        Dispożizzjonijiet fiskali — Armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni — Dazji tas-sisa — Direttiva 92/83 — Alkoħol u xorb alkoħoliku — Alkoħol etiliku — Kunċett

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/30, Artikolu 2(2)(a), Direttiva tal-Kunsill 92/83, Artikolu 19(1))

1.        Id-definizzjoni tal-bijoetanol li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasporti, għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi prodott li huwa miksub b’mod partikolari mill-bijomassa u li fih iktar minn 98.5 % alkoħol etiliku, ladarba jiġi offrut għall-bejgħ bħala bijokarburant għat-trasport.

(ara l-punt 47 u d-dispożittiv 1)

2.        Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott, li fih iktar minn 98.5 % alkoħol etiliku u li ma ġiex żnaturat permezz ta’ proċedura ta’ żnaturament prevista espressament, għandu japplika għalih id-dazju tas-sisa previst fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 92/83, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, anki jekk huwa miksub mill-bijomassa permezz ta’ teknoloġija differenti minn dik użata għall-produzzjoni ta’ alkoħol etiliku ta’ oriġin agrikola, fih sustanzi li jrenduh mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem, jissodisfa r-rekwiżiti previsti mill-abbbozz ta’ standards Ewropew pr EN 15376 għall-bijoetanol użat bħala karburant u eventwalment jikkorrispondi għad-definizzjoni tal-bijoetanol li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasporti.

(ara l-punt 66 u d-dispożittiv 2)







SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla)

21 ta’ Diċembru 2011 (*)

“Direttiva 2003/30/KE – Artikolu 2(2)(a) – Kunċett ta’ bijoetanol – Prodott miksub mill-bijomassa, li fih iktar minn 98.5 % alkoħol etiliku u li ma huwiex żnaturat – Rilevanza tal-użu effettiv bħala bijokarburant – Regolament (KEE) Nru 2658/87 – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja tal-bijoetanol għall-finijiet ta’ ġbir ta’ dazji tas-sisa – Direttiva 2003/96/KE – Prodotti ta’ enerġija – Direttiva 92/83/KEE – L-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 u Artikolu 27(1)(a)(b) – Kunċett ta’ alkoħol etiliku – Eżenzjoni mis-sisa armonizzata – Żnaturament”

Fil-Kawża C‑503/10,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari taħt l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Varhoven administrativen sad (il‑Bulgarija), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Settembru 2010, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-20 ta’ Ottubru 2010, fil-proċedura

Evroetil AD

vs

Direttur na Agentsia “Mitnitsi”,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tmien Awla),

komposta minn K. Schiemann, li qed jaġixxi bħala President tat-Tmien Awla, L. Bay Larsen u E. Jarašiūnas (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: J. Mazák,

Reġistratur: R. Şereş, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-14 ta’ Settembru 2011,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Evroetil AD, minn I. Raychinova, advokat,

–        għad-Direttur na Agentsia “Mitnitsi”, minn V. Tanov kif ukoll minn S. Valkova, N. Yotsova u S. Yordanova, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Bulgaru, minn T. Ivanov u E. Petranova, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Grieg, minn K. Paraskevopoulou u Z. Chatzipavlou, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Mölls kif ukoll minn K. Herrmann u S. Petrova, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Din id-domanda preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Mejju 2003, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasporti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 31, p. 188), tan-Nomenklatura Magħquda tat-tariffa doganali komuni (iktar ’il quddiem in-“NM” li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87, tat-23 ta’ Lulju 1987, dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2587/91, tas-26 ta’ Lulju 1991 (ĠU L 259, p. 1), tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE, tas-27 ta’ Ottubru 2003, li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 405) u tal-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Evroetil AD (iktar ’il quddiem “Evroetil”) u d-Direttur na Agentsia “Mitnitsi” (Direttur tal-Aġenzija “Doganali”, iktar ’il quddiem id-“Direttur” dwar il-legalità ta’ avviż għal irkupru ta’ dazji tas-sisa fir-rigward ta’ Novembru u ta’ Diċembru 2006 kif ukoll ta’ Jannar, Marzu u Mejju 2007.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 92/83 u r-Regolament (KE) Nru 3199/93

3        L-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 92/83 jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom japplikaw taxxa tas-sisa lil alkoħol etiliku skond din id-Direttiva.”

4        Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83:

“Għall-għanijiet ta’ din id-Direttiva l-‘alkoħol etiliku’ jkopri:

–        il-prodotti kollha b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-1,2 % volum u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2207 u 2208, anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti ta’ prodott li jaqa’ taħt Kapitolu ieħor tan-NM”.

5        Skont l-Artikolu 26 tad-Direttiva 92/83, ir-riferimenti għall-kodiċi tan-NM għandhom ikunu għal dawk tal-verżjoni fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tal-imsemmija direttiva, jiġifieri għal dak li jirriżulta mir-Regolament Nru 2587/91.

6        L-Artikolu 27(1) tad-Direttiva 92/83 jipprovdi li:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż:

(a)      Meta mqassam fil-forma ta’ alkoħol denaturalizzat [li ġie żnaturat] skond il-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru, u dawn il-ħtiġijiet kienu notifikati u aċċettati kif xieraq [...];

(b)      meta jkun denaturalizzat skond il-ħtiġijiet ta’ kwalunkwe Stat Membru kif ukoll użat għall-manifattura ta’ xi prodott mhux għall-konsum tal-bnedmin;

[...]”

7        Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3199/93, tat-22 ta’ Novembru 1993 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ proċeduri għall-iżnaturar komplet tal-alkoħol għall-iskopijiet ta’ eżenzjoni mit-taxxa tas-sisa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 249) jistabbilixxi l-aġenti li jiżnaturaw li huma awtorizzati f’kull Stat Membru sabiex jintużaw għall-finijiet tal-iżnaturament komplet tal-alkoħol skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(a) tad-Direttiva 92/82. Il-lista tal-aġenti li jiżnaturaw li huma awtorizzati għar-Repubblika tal-Bulgarija ġiet introdotta fir-Regolament Nru 3199/93 mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 67/2008, tal-25 ta’ Jannar 2008 (ĠU L 23, p. 13), li daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Jannar 2008.

 In-NM

8        In-NM, stabbilita mir-Regolament Nru 2658/87, hija bbażata fuq is-sistema armonizzata mondjali għad-deskrizzjoni u l-kodifikazzjoni ta’ oġġetti (iktar ’il quddiem is-“SA”), imfassla mill-Kunsill tal-Kooperazzjoni Doganali, li sar l-Organizzazzjoni Mondjali tad-Dwana, imwaqqfa mill-Konvenzjoni Internazzjonali konkluża fi Brussell, fl-14 ta’ Ġunju 1983, u approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE, tas-7 ta’ April 1987, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u l-Kodifika ta’ Oġġetti u tal-Protokoll li Jemendaha (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288). In-NM, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament Nru 2587/91, fit-Taqsima IV tat-Tieni Parti tagħha tinkludi l-Kapitolu 22 intitolat “Xorb, spirti u ħall”. F’dan il-kapitolu, l-intestatura 2207 hija fformulata kif ġejja:

“2207 Alkoħol etiliku mhux żnaturat b’saħħa alkoħolika bil-volum ta’ 80 % vol jew aktar; alkoħol etiliku u spirti oħrajn, żnaturati, ta’ kull saħħa:

2207 10 00 – Alkoħol etiliku mhux żnaturat ta’ saħħa alkoħolika bil-volum ta’ 80 % vol jew aktar

2207 20 00– Alkoħol etiliku u spirti oħrajn, żnaturati, ta’ kull saħħa”.

 Id-Direttiva 2003/30

9        Skont il-premessi 4 sa 7, 10, 14 u 23 tad-Direttiva 2003/30:

“(4)      Is-settur tat-trasport jgħodd għal iktar minn 30 % tal-konsum finali ta’ l-enerġija fil-Komunità u qiegħed jikber, xejra li għandha tiżdied, flimkien ma’ l-emissjonijiet tal-karbonju dijossidu u din l-espansjoni se tkun ikbar f’termini ta’ perċentwali fil-pajjiżi kandidati wara l-adezjoni tagħhom ma’ l-Unjoni Ewropea.

(5)      [...] Mil-lat ekoloġiku, il-White Paper [tal-Kummissjoni ‘Il-politika Ewropea dwar t-trasport għas-sena 2010: iż-żmien tad-deċiżjonijiet’] […] għalhekk issejjaħ għat-tnaqqia tad-dipendenza fuq iż-żejt (bħalissa 98 %) fis-settur tat-trasport billi jintużaw karburanti alternattivi bħalma huma l-bijokarburanti.

(6)      Użu akbar tal-bijokarburanti għat-trasport jagħmel parti mill-pakkett tal-miżuri meħtieġa għalbiex jitħares il-Protokoll ta’ Kyoto, u minn kull pakkett ta’ politika għalbiex tissodisfa iktar impenji f’dan ir-rigward.

(7)      L-użu akbar tal-bijokarburanti għat-trasport […] huwa wieħed mill-għodda li bihom il-Komunità tista’ tnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-enerġija importata u tinfluwenza s-suq tal-karburanti [...]

[...]

(10)      Il-promozzjoni ta’ l-użu tal-bijokarburanti fit-trasport tikkostitwixxi pass lejn l-applikazzjoni iktar wiesgħa tal-bijomassa li tippermetti li l-bijokarburant jiġi żviluppat iktar fil-ġejjieni [...]

[...]

(14)      Il-bijo-etanol u l-bijo-diesel, meta użati fil-vetturi fl-għamla pura jew bħala taħlita, għandhom jikkonformaw ma’ l-istandards tal-kwalità stabbiliti għalbiex jiġi żgurat it-twettiq ottimu tal-prestazzjoni tal-magna. [...]

(23)      Ġaladarba l-mira ta’ l-azzjoni proposta, jiġifieri l-introduzzjoni ta’ prinċipji ġenerali li jipprovdu perċentwal minimu ta’ bijokarburanti li jiġi mqiegħed fis-suq u mqassam, ma tistax tinkiseb biżżejjed mill-Istati Membri [...]”

10      L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/30 jipprovdi li:

“Din id-Direttiva timmira li tippromwovi l-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli sabiex jieħdu l-post tad-diesel jew il-petrol għall-iskopijiet tat-trasport f’kull Stat Membru, bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-miri bħalma huma li jiġu sodisfatti l-impenji tal-bdil fil-klima, is-sigurtà tal-provvista li tiffavorixxi l-ambjent u l-promozzjoni ta’ għejun ta’ l-enerġija rinnovabbli.”

11      Fl-Artikolu 2 l-imsemmija direttiva tipprovdi li:

“1.      Għall-iskopijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

a)      ‘bijokarburanti’ tfisser il-karburant [kombustibbli] likwidu jew gassus [għ]at-trasport [u li huwa] prodott mill-biomassa;

[...]

2.      Għandhom jiġu kkunsidrati bħala bijokarburanti mill-inqas il-prodotti elenkati hawn taħt:

a)      ‘bijo-etanol’: etanol prodott mill-bijomassa u/jew il-frazzjon degradabbli ta’ l-iskart, għalbiex jintuża bħala bijokarburant;

[...]”

12      Skont l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva:

“(a) L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi proporzjon minimu tal-bijokarburanti u karburanti oħra rinnovabbli jitqiegħed fis-swieq tagħhom, u, għal dan l-effett, għandhom jiffissaw miri indikattivi nazzjonali.

[...]”

 Id-Direttiva 2003/96

13      Il-premessa 27 tad-Direttiva 2003/96 tipprovdi li:

“Din id-Direttiva se tkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ disposizzjonijiet relavanti tad-Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal-25 ta’ Frar 1992 fuq l-arranġamenti ġenerali ta’ prodotti li huma suġġett għat-taxxa tas-Sisa u fuq iż-żamma, moviment u kontroll ta’ dawn il-prodotti [ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179] u d-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE [...] meta l-prodott li se jiġi użat, offrut għall-bejgħ jew użat bħala karburant tal-karozzi jew addittiv mal-karburant ikun alkoħol etiliku kif definit fid-Direttiva 92/83/KEE.”

14      Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2003/96, “Stati Membri għandhom jimponu tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku skond din id-Direttiva”. Fl‑Artikolu 2(1) din tagħti lista ta’ prodotti kkunsidrati bħala “prodotti ta’ enerġija” fis-sens ta’ din id-direttiva. Dawn il-prodotti huma identifikati permezz tal-kodiċi tan-NM li jaqgħu taħthom, li skont l-Artikolu 2(5) tal-istess direttiva jinftiehmu bħal dawk li jaqgħu taħt in-NM kif tirriżulta mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2031/2001, tas-6 ta’ Awwissu 2001, li jemenda l-Anness I tar-Regolament Nru 2658/87 (ĠU  L 279, p. 1), li fih l-intestatura 2207 hija identika għal dik li tihder fir-Regolament Nru 2587/91.

15      La l-kodiċi 2207 tan-NM, la l-kodiċi 2207 10 00 tan-NM u lanqas il-kodiċi 2207 20 00 tan-NM ma jidhru fil-lista stabbilita fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96.

16      Skont l-Artikolu 2(3) ta’ din id-direttiva:

“Meta l-prodotti ta’ l-enerġija, minbarra dawk li għalihom hemm livell ta’ tassazzjoni speċifikata f’din id-Direttiva, ikunu intenzjonati għall-użu, għall-bejgħ jew użati bħala karburant tal-karozzi jew karburant li jsaħħan, dawn għandhom jiġu intaxxati skond l-użu, bl-istess rata tal-karburant li jsaħħan u l-karburant tal-karozzi.

Minbarra dawn il-prodotti taxxabli kif imniżżla fil-paragrafu 1, kull prodott li se jintuża, jinbiegħ jew jiġi użat bħala karburant tal-karozzi, jew bħala addittiv jew sustanza miżjuda fil-karburanti tal-karozzi, għandu jiġi intaxxat bl-istess rata tal-karburant tal-karozzi.

[...]”

17      It-tielet u r-raba’ inċiż tal-Artikolu 16(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdu li:

“Stati Membri jistgħu [...] japplikaw xi eżenzjoni jew rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni taħt kontroll fiskali fuq prodotti taxxabli li hemm riferenza għalihom fl-Artikolu 2 fejn dawn il-prodotti ikunu magħmula minn, jew ikollhom, wieħed jew iktar minn dawn il-prodotti li ġejjin:

[...]

–        prodotti li jaqgħu taħt Kodiċi NM 22072000 u 290511 00 li mhumiex ta’ oriġini sintetika;

–        prodotti magħmula minn bijomass, li jinkludu prodotti li jaqgħu taħt Kodiċi NM 4401 u 4402.”

 Id-dritt nazzjonali

18      Il-Liġi dwar id-dazji tas-sisa u l-imħażen tat-taxxa (Zakon za aktsizite i danachnite skladove, DV n° 91, tal-15 ta’ Novembru 2005), fil-verżjoni tagħha applikabbli għall-perijodi fiskali inkwistjoni (DV Nru 81, tas-6 ta’ Ottubru 2006, u Nru 105, tat-22 ta’ Diċembru 2006, iktar ’il quddiem il-“liġi dwar id-dazji tas-sisa”), fl-Artikolu 2 tipprovdi li huma suġġetti għad-dazju tas-sisa:

“1)      l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku;

[...]

3)      il-prodotti ta’ enerġija u l-enerġija elettrika;

[...]”

19      L-Artikolu 4 tal-liġi dwar id-dazji tas-sisa jipprovdi li:

“1)      ‘Il-prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa’ huma l-prodotti msemmija fl-Artikolu 2;

[...]

5)      Il-‘Kodiċi skont in-NM’ huma l-kodiċi tariffarji tan-[NM] skont l-Anness I tar-[Regolament Nru 2658/87]. Għall-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, il-kodiċi tan-NM jaqgħu taħt in-[NM] fis-seħħ fil-31 ta’ Diċembru 1992, mentri għall-prodotti ta’ enerġija u l-enerġija elettrika jaqgħu taħt in-[NM] applikabbli fl-1 ta’ Jannar 2002;

[...]

12)      L-‘Iżnaturament’ huwa l-proċess li jikkonsisti fiż-żieda ta’ sustanzi perikolużi jew sustanzi li għandhom togħma jew riħa xejn pjaċevoli (impuritajiet) mal-alkoħol etiliku li jrenduh perikoluż għas-saħħa jew mhux tajjeb għall-konsum;

[...]

23)      Il-bijo-etanol huwa etanol prodott mill-bijomassa u/jew mill-frazzjon bijodegradabbli tal-iskart u huwa intiż sabiex jintuża bħala bijokarburant.

[...]”

20      Skont l-Artikolu 9 tal-liġi dwar id-dazji tas-sisa:

“Huwa alkoħol etiliku (alkoħol) kull prodott li:

1.      jaqa’ taħt il-kodiċi NM 2207 u 2208, li l-qawwa alkoħolika skont il-volum reali tiegħu hija iktar minn 1.2 %, anki jekk dan il-prodott jagħmel parti minn prodott li jaqa’ taħt kapitolu ieħor tan-[NM] tar-Repubblika tal-Bulgarija;

[...]”

21      Fl-Artikolu 13 tal-liġi dwar id-dazji tas-sisa tinsab lista ta’ prodotti meqjusa bħala “prodotti ta’ enerġija” fis-sens tal-imsemmija liġi. Din il-lista hija essenzjalment identika għal dik li tinsab fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2003/96.

22      Il-punt 5 tal-Artikolu 31 tal-liġi dwar id-dazji tas-sisa jiffissa d-dazji tas-sisa fir-rigward tal-alkoħol etiliku għal BGN 1 100 għal kull ettolitru ta’ alkoħol pur. Il-punt 7 tal-Artikolu 32(1) ta’ din il-liġi jipprevedi d-dazji tas-sisa għall-karburanti li, għall-bijoetanol li jaqa’ taħt il-kodiċi 2207 20 00 tan-NM, huma ffissati għal BGN 0 għal 1 000 litru.

23      L-Artikolu 35(1)(2) tal-liġi dwar id-dazji tas-sisa jipprovdi li:

“1.      Il-prodotti ta’ enerġija fis-sens tal-Artikolu 13 li ser jintużaw, jiġu offruti għall-bejgħ jew użati bħala kombustibbli jew bħala karburanti u li l-Artiklu 32(1) u l-Artikolu 33(1) ma jiddeterminawx l-ammont tad-dazji tas-sisa għalihom, huma ntaxxati bir-rata użata għall-kombustibbli jew il-karburant ekwivalenti.

2.      Bl-eċċezzjoni tal-prodotti ta’ enerġija fis-sens tal-Artikolu 13 u tal-bijo‑etanol, il-prodotti l-oħra kollha li ser jintużaw, jiġu offruti għall-bejgħ jew użati bħala karburanti jew bħala adittivi jew sabiex il-karburanti jiġu ddilwati, huma ntaxxati bir-rata prevista fl-Artikolu 32(1) għall-karburant ekwivalenti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

24      Evroetil, magazziniera awtorizzata għall-ġestjoni ta’ maħżen tat-taxxa, hija awtorizzata tipproduċi l-alkoħol u l-bijoetanol. Hija kienet suġġetta għal kontroll għall-perijodi fiskali mill-1 ta’ Lulju 2006 sal-10 ta’ Mejju 2007, li matulu hija kienet ipprovdiet għall-konsum 124 346.05 litri ta’ prodott iddikjarat bħala bijoetanol li jaqa’ taħt il-kodiċi 2207 20 00 tan-NM. Għaldaqstant, dan il-prodott ġie suġġett għal dazju tas-sisa ta’ BGN o. Sussegwentement, 111 425 litru ta’ dan il-prodott kienu ġew irritornati lil Evroetil u kienu jinsabu f’dan il-maħżen matul il-kontroll. Għand ix-xerrej 10 555.55 litri kienu ddaħħlu fil-kotba tal-kontabbiltà bħala bijoetanol u mibjugħin minn dan tal-aħħar bħala karburant imħallat mal-petrol.

25      Matul il-kontroll tagħhom, l-awtoritajiet doganali ħadu diversi kampjuni tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Wara analiżi, ġie ddeterminat li kien fih qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ 98.5 % jew iktar, li kien fih esters, jiġifieri etile aċitat, alkoħol superjuri, aldeide kif ukoll alkoħol etiliku u ma kienx ġie żnaturat Dan ma huwiex ikkontestat. Minn dan, l-awtoritajiet doganali kkonkludew li dan il-prodott kellu jiġi ddikjarat bħala jaqa’ taħt il-kodiċi 2207 10 00 tan-NM bħala alkoħol etiliku mhux żnaturat u li għaldaqstant kellu jiġi suġġett għal dazju tas-sisa ta’ BGN 1 100 għal kull ettolitru ta’ alkoħol pur. Konsegwentement, huma ħarġu avviż għal irkupru li jikkonstata djun tas-sisa tal-ammont ta’ BGN1 397 973.17 flimkien mal-interssi li sal-5 ta’ Novembru 2007 kienu jammontaw għal BGN 148 897,89 BGN.

26      Peress li d-dejn tas-sisa u l-interessi dovuti għal Novembru u Diċembru 2006 kif ukoll għal Jannar, Marzu u Mejju 2007, jiġifieri BGN 1 372 000.41 f’dazji tas-sisa u BGN 144 292.54 f’interessi, ġew ikkonfermati wara rikors ippreżentat quddiem l-Administrativen sad gr. Ruse (Qorti Amministrattiva ta’ Ruse), Evroetil appellat fil-kassazzjoni quddiem il-qorti tar-rinviju.

27      Din il-qorti tal-aħħar tindika li, fil-kuntest tar-rikors ippreżentat quddiem l-Administrativen sad gr. Ruse, espert essenzjalment ikkonkluda li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma kienx xieraq għall-konsum mill-bniedem, peress li kien karċinoġenu, li seta’ jintuża bħala bijokarburant, sa fejn il-kompożizzjoni tiegħu tissodisfa l-kundizzjonijiet previsti mill-ispeċifikazzjoni teknika żviluppata minn Evroetil għall-bijoetanol intiż sabiex jintuża bħala bijokarburant, li kien jissodisfa r-rekwiżiti tal-abbozz ta’ standards Ewropew pr EN 15376 dwar il-bijoetanol użat bħala karburant u li kien prodott permezz ta’ teknoloġija differenti minn dik użata għall-produzzjoni ta’alkoħol etiliku. Il-qorti tar-rinviju tindika li hija taċċetta dawn il-konklużjonijiet.

28      Evroetil issostni quddiem din tal-aħħar li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma għandhomx jiġu suġġetti għal dazju tas-sisa ta’ żero. F’dan ir-rigward hija tenfasizza li l-iżnaturament tiegħu kien irendih mhux xieraq sabiex jintuża bħala karburant. Hija tgħid ukoll li kellha tinħeles mill-ħlas tas-sisa għal dak li jikkonċerna l-parti tal-prodott irritornat mix-xerreja.

29      Id-Direttur isostni li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa alkoħol etiliku li ma ġiex żnaturat skont ir-Regolament Nru 3199/93 u li, konsegwentement, jaqa’ taħt il-kodiċi 2207 10 00 tan-NM u għandu jiġi suġġett għal dazju tas-sisa. Skont id-Direttur, il-fatt li dan il-prodott ma huwiex xieraq għall-konsum mill-bniedem ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, huwa jqis li r-ritorn ta’ parti mill-prodott fil-maħżen ta’ Evroetil ma jippermettix li din tal-aħħar tiġi eżentata mill-obbligu li tħallas id-dazji tas-sisa.

30      Il-qori tar-rinviju tindika li l-issuġġettar tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali għal dazju tas-sisa u s-somma eventwalment dovuta minħabba f’hekk jiddependu direttament fuq il-klassifikazzjoni tiegħu fin-NM u għaldaqstant min-natura ta’ dan il-prodott. F’dan ir-rigward hija tindika li għandha diffikultajiet sabiex tiddetermina, minn naħa, jekk l-imsemmi prodott huwiex bijoetanol fis-sens tad-Direttiva 2003/30, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li din id-direttiva tirreferi għall-użu bħala bijokarburant u li parti mill-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie rritornat fil-maħżen ta’ Evroetil, u min-naħa l-oħra, jekk il-bijoetanol jistax jitqies bħala prodott ta’ enerġija, filwaqt li tali klassifikazzjoni jkollha konsegwenzi fuq it-trattament fiskali tiegħu skont id-dritt nazzjonali. Il-qorti tar-rinviju għandha dubji wkoll dwar il-possibbiltà li l-bijoetanol jitqies li huwa alkoħol, peress li l-bijoetanol ma jissemmhiex fin-NM.

31      Huwa f’dawn il-kundizzjonijiet li l-Varhoven administrativen sad iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin filwaqt li tippreċiża li huma jirrigwardaw biss id-djun tas-sisa relatati mal-perijodi fiskali ta’ wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Bulgarija mal-Unjoni Ewropea, jiġifieri Jannar, Marzu u Mejju 2007:

“1)      L-Artikolu 2(2)(a) tad-[Direttiva 2003/30] għandu jiġi interpretat fis-sens li d-definizzjoni tal-bijo-etanol tinkludi wkoll prodotti bħal dak inkwistjoni, li għandu l-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi li ġejjin:

–        jiġi prodott mill-bijomassa;

–        il-produzzjoni ssir permezz ta’ teknoloġija speċjali deskritta fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi dwar il-produzzjoni tal-bijo-etanol, imfasslin [minn Evrotil] u din it-teknoloġija hi differenti minn dik użata għall-produzzjoni tal-alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola, skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi mfasslin mill-istess produttur;

–        fih iktar minn 98.5 % alkoħol u s-sustanzi li ġejjin, li jrenduh mhux tajjeb għall-konsum: tipi ta’ alkoħol qawwijin – minn 714.49 sa 8311 mg/dm3; aldeide - minn 238.16 sa 411 mg/dm3; ester (etile aċetat) – minn 1014 sa 8929 mg/dm3;

–        jissodisfa r-rekwiżiti tal-[abbozz ta’] standard Ewropew prEN 15376 għall-bijo-etanol użat bħala karburant;

–        huwa intiż biex jintuża bħala karburant u, fil-prattika, jintuża bħala bijokarburant billi jiżdied mal-petrol A95 u jinbigħ fil-pompi tal-petrol;

–        ma jiġix żnaturat permezz ta’ proċedura ta’ żnaturament speċjali [?]

2)      L-Artikolu 2(2)(a) tad-[Direttiva 2003/30] għandu jiġi interpretat fis-sens li, sabiex il-prodott inkwistjoni jkun jista’ jiġi ddefinit bħala bijo-etanol, jeħtieġ li fil-prattika jintuża bħala bijokarburant, jew huwa biżżejjed li jkun intiż biex jintuża bħala bijokarburant u/jew ikun oġġettivament adattat biex jintuża bħala bijokarburant?

3)      Jekk, fid-dawl tar-risposti mogħtija [lill-ewwel u t-tieni domanda][…], jiġi aċċettat li l-prodott inkwistjoni jew parti minnu jikkorrispondi għall-bijo-etanol, taħt liema kodiċi għandu jiġi kklassifikat fin-[NM]?

a)      Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu 22 tan-NM u, b’mod partikolari, l-intestatura 2207 għandhom jiġu interpretati fis-sens li jinkludu l-klassifikazzjoni tal-bijo-etanol?

b)      F’każ ta’ risposta affermattiva għa[t-tielet] domanda [punt (a)], meta ssir il-klassifikazzjoni tal-bijo-etanol u b’mod partikolari tal-prodott inkwistjoni, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-kwistjoni jekk il-prodott ġiex żnaturat (b’mod konformi mal-proċeduri previsti fir-[Regolament Nru 3199/93] jew skont xi proċedura ammissibbli oħra)?

ċ)      F’każ ta’ risposta affermattiva għa[t-tielet] domanda [punt (b)], id-dispożizzjonijiet tan-NM dwar l-intestatura 2207 għandhom jiġu interpretati fis-sens li huwa biss il-bijo-etanol żnaturat li għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi 2207 20 [00] tan-NM?

d)      F’każ ta’ risposta affermattiva għa[t-tielet] domanda [punt (ċ)], id-dispożizzjonijiet tan-NM dwar l-intestatura 2207 għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-bijo-etanol mhux żnaturat għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi 2207 10 [00] tan-NM?

e)      F’każ ta’ risposta affermattiva għa[t-tielet] domanda [punt (a)], u negattiva għa[t-tielet] domanda [punt (b)], taħt liema waħda mill-intestaturi għandu jiġi kklassifikat il-prodott inkwistjoni: 2207 10 [00] jew 2207 20 [00]?

f)      F’każ ta’ risposta negattiva għa[t-tielet] domanda [punt (a)], il-bijo‑etanol għandu jiġi kklassifikat taħt wieħed mill-kodiċijiet tan-NM inklużi fid-definizzjoni prevista fl-Artikolu 2(1) tad-[Direttiva 2003/96] u, jekk ikun il-każ, taħt liema wieħed?

4)      Jekk, fid-dawl tar-risposti mogħtija għa[ll-ewwel u t-tieni domanda] [...], jiġi aċċettat li l-prodott inkwistjoni jew parti minnu ma huwiex bijo-etanol, il-prodott inkwistjoni, li għandu l-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi speċifikati f[l-ewwel domanda] [...], għandu jiġi ddefinit bħala alkoħol etiliku fis-sens tal-ewwwl inċiż [...] tal-Artikolu 20 tad-[Direttiva 92/83]?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ammissibbiltà

32      Evroetil tikkontesta l-ammissibbiltà tad-domandi kollha magħmula, li huma fattwali u li għandhom natura konsultattiva. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet li qed tintalab l-interpretazzjoni tagħhom fl-ewwel, fit-tieni u fir-raba’ domanda huma ċari u r-risposta li tista’ tingħata għat-tielet domanda ma hijiex utli għall-eżitu tal-kawża prinċipali.

33      L-ewwel nett għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal‑Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, kif prevista fl-Artikolu 267 TFUE, hija l-qorti nazzjonali, li quddiemha tressqet il-kawża u li għandha tassumi r‑responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tittieħed, li għandha l-obbligu li tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża quddiemha, kemm il-ħtieġa ta’ deċiżjoni preliminari biex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha, kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. (sentenza tal-14 ta’ Diċembru 2006, Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, C‑217/05, Ġabra p. I‑11987, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). tat-2 ta’ April 2009, Pedro IV Servicios, C‑260/07, Ġabra p. I‑2437, punt 28).

34      Peress li d‑domandi magħmula minn qorti nazzjonali jirrigwardaw l‑interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad‑dritt tal-Unjoni, il‑Qorti tal‑Ġustizzja hija għaldaqstant, bħala regola ġenerali, marbuta li tagħti deċiżjoni, sakemm ma jidhirx manifestament li d‑domanda għal deċiżjoni preliminari tkun tali li, fil‑verità, twassalha biex tagħti deċiżjoni permezz ta’ kawża fittizja jew li tagħti opinjonijiet konsultattivi fuq kwistjonijiet ġenerali jew ipotetiċi, li l‑interpretazzjoni tad‑dritt tal-Unjoni mitluba ma għandha l‑ebda relazzjoni mal‑fatti jew mas‑suġġett tal‑kawża, jew inkella li l‑Qorti tal‑Ġustizzja ma għandhiex l‑elementi ta’ fatt jew ta’ liġi meħtieġa sabiex twieġeb b’mod effettiv għad‑domandi li jkunu tressqu quddiemha (sentenza Confederación Española de Empresarios de Estaciones de Servicio, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

35      Madankollu, dan ma huwiex il-każ ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari. Fil-fatt, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta ċar li l-qorti nazzjonali tqis li r-risposti għad-domandi magħmula, li jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, huma neċessarji sabiex tiddetermina t-trattament fiskali li, skont id-dritt tal-Unjoni, għandu jingħata lil prodott bħal dak deskritt fl-ewwel domanda u, għaldaqstant issolvi l-kawża li għandha quddiemha.

36      It-tieni nett, l-allegata ċarezza tar-risposti għad-domandi magħmula, bl-ebda mod ma tipprojbixxi lil qorti nazzjonali li tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja domanda preliminari u ma għandhiex l-effett li ċċaħħad lill-Qorti tal-Ġustizzja mill-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi fuq kwistjonijiet bħal dawn (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2008, UGT-Rioja et, C‑428/06 sa C‑434/06, Ġabra p. I‑6747, punti  42 u 43 u l-ġurisprudenza ċċitata.

37      Minn dan isegwi li għandhom jingħataw risposti għad-domandi magħmula.

 Fuq l-ewwel u t-tieni domanda

38      Permezz tal-ewwel u t-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-definizzjoni tal-bijoetanol li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30 għandhiex tiġi interpretata fis-sens li, minn naħa, hija tinkludi prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jinkiseb mill-bijomassa skont teknoloġija li hija differenti minn dik użata għall-produzzjoni ta’ alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola, li fih iktar minn 98.5 % alkoħol etiliku, li fih sustanzi li jrenduh mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem, li jissodisfa r-rekwiżiti previsti mill-abbozz ta’ standards Ewropew pr EN 15376 għall-bijoetanol użat bħala karburant u li ma ġiex żnaturat permezz ta’ proċedura ta’ żnaturament prevista espressament u, min-naħa l-oħra, li hija teħtieġ użu effettiv ta’ dan il-prodott bħala bijokarburant.

39      Id-Direttur, il-Gvern Bulgaru u l-Gvern Grieg, kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea jqisu li d-definizzjoni li tinsab fl-imsemmija dispożizzjoni tinkludi tali prodott. Barra minn hekk, id-Direttur u l-Gvern Bulgaru jqisu li huwa għandu effettivament jintuża bħala karburant u l-Gvern Grieg jikkunsidra li l-kunċett ta’ “bijo-etanol” fis-sens tad-Direttiva 2003/30 ma jistax jiġi interpretat indipendentement mill-użu li huwa intenzjonat ta’ dan il-prodott. Fuq dan l-aħħar punt, matul is-seduta, il-Kummissjoni sostniet li l-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni ta’ prodott bħala “bijo-etanol” fis-sens ta’ din l-istess dispożizzjoni huwa l-użu effettiv ta’ dan il-prodott bħala bijokarburant, filwaqt li meta kienet interrogata dwar dan il-punt, hija enfasizzat li d-Direttiva 2003/30 tiffoka fuq il-kapaċità tal-imsemmi prodott li jintuża bħala tali.

40      Skont l-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30, il-bijoetanol huwa etanol, jiġifieri fi kliem ieħor, alkoħol etiliku, prodott b’mod partikolari mill-bijomassa u użat bħala bijokarburant. Skont l-Artikolu 2(1)(a) bijokarburant huwa kombustibbli likwidu jew bil-gass użat għat-trasport u prodott mill-bijomassa. Minn dan isegwi li prodott li fih iktar minn 98.5 % alkoħol etiliku u li huwa miksub mill-bijomassa jissodisfa d-definizzjoni tal-bijoetanol li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-direttiva jekk huwa “użat bħala bijokarburant”.

41      Fir-rigward ta’ din il-kundizzjoni tal-aħħar, u hekk kif irrileva l-Gvern Bulgaru, minn eżami komparattiv tad-diversi verżjonijiet lingwistiċi tal-imsemmija dispożizzjoni jirriżulta li wħud mill-verżjonijiet, bħall-verżjoni Ċeka u Franċiża, jagħtu x’jifthiem li l-użu effettiv bħala bijokarburant huwa meħtieġ. Madankollu, verżjonijiet oħrajn, bħall-verżjoni Taljana u Litwana, donnhom jindikaw li s-sempliċi fatt li l-prodott ikun ser jintuża bħala bijokarburant huwa biżżejjed. Verżjonijiet lingwistiċi oħrajn, bħal dik Spanjola u Pollakka jistgħu jinftiehmu li jagħtu lok kemm għall-ewwel interpretazzjoni kif ukoll għat-tieni waħda.

42      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-ħtieġa ta’ applikazzjoni waħda u għaldaqstant interpretazzjoni uniformi ta’ diversi verżjonijiet lingwistiċi ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni teħtieġ, f’każ ta’ diverġenzi bejniethom, li d‑dispożizzjoni inkwistjoni għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-istruttura ġenerali u tal-għan tal-leġiżlazzjoni li din id-dispożizzjoni tifforma parti minnha (sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C‑72/95, Ġabra p. I‑5403, punt 28, kif ukoll tad-19 ta’ April 2007, Profisa, C‑63/06, Ġabra p. I‑3239, punt 14).

43      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2003/30 jirriżulta li l-bijoetanol, li huwa deskritt fl-Artikolu 2(2)(a) huwa biss eżempju ta’ prodott li jista’ jitqies bħala bijokarburant fis-sens tal-imsemmija direttiva. Hekk kif diġà ġie rrilevat fil-punt 40 tas-sentenza preżenti, dan il-kunċett tal-aħħar jirrigwarda speċifikament kombustibbli li huwa prodott mill-bijomassa u użat għat-trasport. Barra minn hekk, mill-premessi 4 sa 7, 10 u 14 tad-Direttiva 2003/30 kif ukoll mit-titolu tagħha u mill-Artikolu 1 jirriżulta b’mod partikolari li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tippromwovi l-użu ta’ bijokarburanti u karburanti rinnovabbli oħrajn fit-trasport, sabiex jissostitwixxu d-diżil jew il-petrol użati attwalment.

44      Jekk il-kunċett ta’ bijoetanol jiġi interpretat fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30 li jkun limitat biss għas-sempliċi fakultà tal-prodott partikolari li jintuża bħala bijokarburant, dan imur kontra l-għan tad-direttiva. Madankollu, jekk jitqies li prodott jikkorrispondi biss għal dan il-kunċett meta effettivament jintuża bħala bijokarburant dan jirriżulta f’li tali klassifikazzjoni tkun tiddependi fuq verifiki fattwali ulterjuri, tali li jagħmluha diffiċili li tkun prattikabbli. Huwa importanti wkoll li jiġi rrilevat li, skont il-premessa 23 u l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2003/30 huwa permezz li jiġu offruti għall-bejgħ fis-suq bijokarburanti u karburanti rinnovabbli oħrajn li l-użu tagħhom, bħala karburanti alternattivi għat-trasport, għandu jiġi mħeġġeġ.

45      Minn dan isegwi li etanol prodott mill-bijomassa ma huwiex bijoetanol fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30 ħlief jekk jiġi offrut għall-bejgħ bħala bijokarburant għat-trasport.

46      Barra minn hekk, peress li din id-dispożizzjoni ma tipprevedix kundizzjonijiet oħrajn li huma relatati mat-teknoloġija ta’ produzzjoni użata, mas-sustanzi li l-prodott ikun fih, mal-istandards li jissodisfa jew mal-iżnaturament eventwali tiegħu, dawn l-elementi ma għandhomx effett fuq il-possibbiltà li prodott partikolari jitqies li huwa bijoetanol fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni.

47      Minn dak li ntqal jirriżulta li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domanda għandha tkun li d-definizzjoni tal-bijoetanol li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30 għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa miksub b’mod partikolari mill-bijomassa u li fih iktar minn 98.5 % alkoħol etiliku, ladarba jiġi offrut għall-bejgħ bħala bijokarburant għat-trasport.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domanda

48      Skont ġurisprudenza stabbilta, fil-kuntest tal-proċedura ta’ kooperazzjoni bejn il-qrati nazzjonali u l-Qorti tal-Ġustizzja, stabbilita mill-Artikolu 267 TFUE, huwa l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tagħti lil qorti nazzjonali risposta utli li tippermettilha taqta’ l-kawża li jkollha quddiemha. Minn din il-perspettiva, huwa obbligu, jekk ikun il-każ, tal-Qorti tal-Ġustizzja li tifformula mill-ġdid id-domandi li ġew sottomessi lilha (sentenzi tas-17 ta’ Lulju 1997, Krüger, C‑334/95, Ġabra p. I‑4517, punti 22 u 23, kif ukoll tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager, C‑420/06, Ġabra p. I‑1315, punt 46).

49      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tat-tielet u r-raba’ domanda, il-qorti nazzjonali fir-realtà tistaqsi fuq is-sistema fiskali li jaqa’ taħtha prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali u li eventwalment jikkorrispondi għad-definizzjoni tal-bijoetanol li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30. Fil-fatt, mid-Direttivi 92/83 u 2003/96 jirriżulta li t-trattament fiskali ta’ dan il-prodott jiddependi, b’mod partikolari, fuq il-klassifikazzjoni fin-NM.

50      Sabiex tingħata risposta utli lill-qorti tar-rinviju, it-tielet u r-raba’ domanda preliminari għandhom għaldaqstant jinftiehmu bħala essenzjalment jistaqsu, jekk id-dritt tal-Unjoni għandux jiġi interpretat fis-sens li prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li eventwalment jikkorrispondi għad-definizzjoni tal-bijoetanol li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30, li jinkiseb mill-bijomassa skont teknoloġija li hija differenti minn dik użata għall-produzzjoni ta’ alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola, li fih iktar minn 98.5 % alkoħol etiliku, li fih sustanzi li jrenduh mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem, li jissodisfa r-rekwiżiti previsti mill-abbozz ta’ standards Ewropew pr EN 15376 għall-bijoetanol użat bħala karburant u li ma ġiex żnaturat permezz ta’ proċedura ta’ żnaturament prevista espressament huwa, għal dak li jikkonċerna id-dazju tas-sisa applikabbli, suġġett għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/83 jew dawk tad-Direttiva 2003/96.

51      Evroetil tqis li tali prodott jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96, b’mod partikolari minħabba li, peress li ma huwiex tajjeb għall-konsum mill-bniedem, ma jistax jiġi ntaxxat bħall-alkoħol alimentari. Min-naħa l-oħra, id-Direttur, il-Gvern Bulgaru u l-Gvern Grieg kif ukoll il-Kummissjoni jqisu li, għat-trattament fiskali tiegħu, tali prodott jaqa’ taħt id-Direttiva 92/83. Il-Kummissjoni tosserva, b’mod partikolari, li l-applikazzjoni tad-Direttiva 92/83 tieħu l-preċedenza fuq dik tad-Direttiva 2003/96.

52      F’dan ir-rigward, għandu jiftakkar, l-ewwel nett, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/30 ma jimponux fuq l-Istati Membri l-obbligu li jdaħħlu jew li jżommu fis-seħħ sistema ta’ eżenzjoni fiskali favur il-bijokarburanti. Konsegwentement, ma jista’ jiġi dedott l-ebda dritt għal eżenzjoni fiskali mid-dispożizzjonoijiet tal-imsemmija direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, Ġabra p. I‑8343, punti 33 sa 38). Għaldaqstant, bil-kontra ta’ dak li jidhru jikkunsidraw Evroetil u l-qorti tar-rinviju, il-klassifikazzjoni ta’ “bijo-etanol” fis-sens tad-Direttiva 2003/30 ma għandhiex effett fuq it-trattament fiskali li, skont id-dritt tal-Unjoni, għandu jingħata lil prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

53      It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li, skont il-premessa 27 tad-Direttiva 2003/96, din ma tippreġudikax l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 92/83 meta l-prodott ser jintuża, jiġi offrut għall-bejgħ jew użat bħala karburanti jew bħala adittivi ta’ karburant, huwa alkoħol etiliku kif iddefiniti fid-Direttiva 92/83. Għaldaqstant, kif ġustament irrilevat il-Kummissjoni, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96 hija, fir-rigward tal-alkoħol etiliku fis-sens tad-Direttiva 92/83, sussidjarja meta mqabbla mal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/83. Għaldaqstant, huwa biss fil-każ li prodott ikklassifikat bħala “alkoħol etiliku” fis-sens ta’ din id-direttiva tal-aħħar huwa eżentat mis-sisa taħt din l-istess direttiva, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/96 jistgħu, jekk ikun il-każ, jiġu applikati għal dan il-prodott.

54      Skont l-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83, il-kunċett ta’ “alkoħol etiliku” ikopri b’mod partikolari, “il-prodotti kollha b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l-1.2 % volum u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2207 u 2208”. Il-kodiċi 2207 tan-NM ikopri, b’mod partikoliar, l-alkoħol etiliku mhux żnaturat b’qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ 80 % jew iktar kif ukoll l-alkoħol etiliku żnaturat ta’ kull qawwa.

55      Prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa alkoħol etiliku li għandu qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ iktar minn 80 % jaqa’, għaldaqstant, taħt il-kodiċi 2207 tan-NM.

56      Il-fatt li l-kelma “bijo-etanol” ma tidhirx fost il-kliem ta’ din l-intestatura tan-NM ma għandux effett f’dan ir-rigward. Fil-fatt, fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-prodotti għandu jitfittex, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tal-prodotti, kif iddefiniti mill-kliem tal-intestatura tan-NM u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Lulju 2007, Olicom, C‑142/06, Ġabra p. I‑6675, punt 16 u l-ġurisprudenza ċċitata). Prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, anki jekk għandu ċerti partikolaritajiet marbuta b’mod partikolari mal-metodu ta’ produzzjoni tiegħu, xorta jibqa’, fid-dawl tal-karatteristiċi u proprjetajiet oġġettivi tiegħu, alkoħol etiliku b’qawwa alkoħolika skont il-volum ta’ iktar minn 80 %.

57      Il-fatt li tali prodott ma huwiex xieraq għall-konsum mill-bniedem huwa wkoll irrilevanti fir-rigward tal-klassifikazzjoni tiegħu fl-intestatura 2207 tan-NM. Hekk kif jirriżulta mit‑titolu stess tad‑Direttiva 92/83, din hija intiża sabiex tarmonizza l‑istrutturi tad-dazju tas‑sisa kemm fuq ix‑xorb alkoħoliku u kemm fuq l‑alkoħol b’mod ġenerali (sentenza tad-9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire, C‑163/09, Ġabra p. I‑12717, punti 27 u 29).

58      Minn dak li ntqal jirriżulta li prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jaqa’ taħt il-kodiċi 2207 tan-NM u b’qawwa alkoħolika skont il-volum li teċċedi l‑1.2 %, jikkorrispondi għad-definizzjoni tal-alkoħol etiliku li tinsab fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83. Konsegwentement, huwa għandu jiġi suġġett, skont l-Artikolu 19(1) ta’ din id-direttiva, għas-sisa armonizzata prevista mill-imsemmija direttiva, bla ħsara, madankollu, għall-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(a) u (b) tal-istess direttiva.

59      Mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-għoti jew ir-rifjut tal-eżenzjoni mis-sisa jiddependu mill-metodu ta’ żnaturament. Jekk dan ġie approvat fil-kuntest tal-Unjoni, l-alkoħol jevita s-sisa taħt l-Artikolu 27(1)(a) tal-imsemmija dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, jekk l-akoħol li jinsab f’prodott li ma huwiex intiż għall-konsum mill-bniedem ġie żnaturat skont metodu approvat fi Stat Membru, għandha tapplika l-eżenzjoni prevista mill-Artikolu 27(1)(b). Barra minn hekk, jekk il-metodu ta’ żnaturament ma jikkorrispondi għall-ebda wieħed minn dawn approvati mir-regoli tal-Unjoni jew mis-sistemi legali nazzjonali, il-prodott ma jistax jiġi eżentat (sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2000, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑482/98, Ġabra p. I‑10861, punti 40 u 41).

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar ukoll li l-iżnaturament huwa proċess li permezz ta’ żieda intenzjonata ta’ ċerti materjali, irendi l-alkoħol tossiku sabiex ikun impossibbli li ssir rikonverżjoni għall-użu alimentari [ara, f’dan is-sens, is-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 21 u 22 ; ara wkoll, għall-informazzjoni, in-noti ta’ spjega tas-SA dwar l-intestatura 2207 tas-SA, imfassla mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, li jirreferu għan-noti ta’ spjega tan-NM dwar il-kodiċi 2207 tan-NM, adottati mill-Kummissjoni skont it-tieni inċiż tal-Artikolu 9(1)(a) u l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 2658/87, kif emenda bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal-31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), fil-verżjoni tagħhom fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007 (ĠU 2006, C 50, p. 1)].

61      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ebda materja żnaturata ma kienet intenzjonalment miżjuda mal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex trendih mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem b’mod irreversibbli. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li ma ġiex żnaturat fis-sens tal-Artikolu 27(1)(a) u (b) tad-Direttiva 92/83, mingħajr ma hemm lok li jiġi magħruf jekk il-metodu ta’ żnaturament użat jikkorrispondix għal wieħed minn dawn approvati mir-regoli tal-Unjoni jew mis-sistema legali Bulgara.

62      Konsegwentement, huwa irrilevanti l-fatt li, fir-rigward tar-Repubblika tal-Bulgarija, kien biss permezz tar-Regolament Nru 67/2008 li d-deskrizzjoni ta’ aġenti li jiżnaturaw, li għandhom jintużaw għall-finijiet ta’ żnaturament komplet tal-alkoħol skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(a) tad-Direttiva 92/83, ġiet introdotta fir-Regolament Nru 3199/93, l-istess bħall-fatt allegat minn Evroetil matul is-seduta, u anki jekk jiġi preżunt li jiġi stabbilit li d-dispożizzjonijiet speċifikament relatati mal-iżnaturament tal-bijo-etano, ma ġewx introdotti fil-leġiżlazzjoni Bulgara ħlief matul is-sena 2011. Barra minn hekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li fid-dati tal-fatti li dwarhom jirrigwardaw id-domandi magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 4 tal-liġi dwar id-dazji tas-sisa kien diġà jistabbilixxi fil-punt 12 tiegħu li “l-‘Iżnaturament’ huwa l-proċess li jikkonsisti fiż-żieda ta’ sustanzi perikolużi jew sustanzi li għandhom togħma jew riħa xejn pjaċevoli (impuritajiet) mal-alkoħol etiliku li jrenduh perikoluż għas-saħħa jew mhux tajjeb għall-konsum”.

63      Barra minn hekk, il-fatt li prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċpali huwa fih innifsu mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem ma huwiex biżżejjed sabiex ikun jista’ jiġi kkunsidrat li ġie żnaturat fis-sens tal-Artikolu 27(1)(a) u (b) tad-Direttiva 92/83. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-punt 60 tas-sentenza preżenti, l-iżnaturament jikkonsisti fiż-żieda mhux intenzjonata ta’ ċerti materji ma’ alkoħol sabiex huwa jsir mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem, b’mod irreversibbli. Is-sempliċi fatt li dan l-alkoħol huwa fih innifsu tossiku ma jeskludix li sussegwentement huwa jista’ jiġi pproċessat sabiex tiġi eliminata t-tossiċità tiegħu. F’dan ir-rigward, fid-dawk tar-rekwiżit tan-natura irriversibbli tal-iżnaturament hija intiża sabiex tiġi evitata kwalunkwe eventwali frodi, evażjoni jew abbuż fil-qasam tal-eżenzjonijiet ta’ dazji tas-sisa, is-sempliċi kost ta’ dan l-ipproċessar, anki jekk ikun għoli ħafna, ma jistax ikun biżżejjed, bil-kontra ta’ dak li ssuġġeriet Evroetil, sabiex tiġi evitata tali possibbiltà.

64      Fl-aħħar nett, bħalma ġustament indikat il-Kummissjoni waqt is-seduta, l-abbozz ta’ standards Ewropew pr EN 15376, li minn dak iż-żmien ġie ssostitwit bl-istandard EN 15376:2011, intitolat “Karburanti għall-karozzi – Etanol bħala bażi għat-taħlit mal-petrol – Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar” u approvat mill-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni fl-24 ta’ Diċembru 2010, fil-punt 4.3 tiegħu jagħti lista ta’ aġenti li jiżnaturaw, li huma rrakkomandati, li ma għandhomx effett ħażin fuq il-vetturi. Għaldaqstant, l-argument ta’ Evroetil li l-iżnaturament tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jistax jintalab peress li jrendih mhux xieraq għall-użu bħala bijokarburant, għandu jiġi miċħud.

65      Minn dak li ntqal jirriżulta li prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkorrispondi għad-definizzjoni ta’ alkoħol etiliku li tinsab fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 u li ma ġiex żnaturat skont l-Artikolu 27(1)(a) u (b) ta’ din id-direttiva, ma jistax jiġi eżentat mis-sisa armonizzata prevista mill-imsemmija direttiva. Hekk kif jirriżulta mill-punt 53 tas-sentenza preżenti, tali konstatazzjoni teskludi li dan il-prodott jista’ jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/96.

66      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-risposta għat-tielet u r-raba’ domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih iktar minn 98.5 % alkoħol etiliku u li ma ġiex żnaturat permezz ta’ preċedura ta’ żnaturament prevsita espressament, għandu japplika għalih id-dazju tas-sisa previst fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 92/83, anki jekk huwa miksub mill-bijomassa permezz ta’ teknoloġija differenti minn dik użata għall-produzzjoni ta’ alkoħol etiliku ta’ oriġini agrikola, fih sustanzi li jrenduh mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem, jissodisfa r-rekwiżiti previsti mill-abbbozz ta’ standards Ewropew pr EN 15376 għall-bijoetanol użat bħala karburant u eventwalment jikkorrispondi għad-definizzjoni tal-bijoetanol li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30.

 Fuq l-ispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-definizzjoni tal-bijoetanol li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-8 ta’ Mejju 2003, dwar il-promozzjoni tal-użu tal-bijokarburanti jew karburanti oħra rinnovabbli għat-trasporti, għandha tiġi interpretata fis-sens li tinkludi prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li huwa miksub b’mod partikolari mill-bijomassa u li fih iktar minn 98.5 % alkoħol etiliku, ladarba jiġi offrut għall-bejgħ bħala bijokarburant għat-trasport.

2)      Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li prodott bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fih iktar minn 98.5 % alkoħol etiliku u li ma ġiex żnaturat permezz ta’ preċedura ta’ żnaturament prevista espressament, għandu japplika għalih id-dazju tas-sisa previst fl-Artikolu 19(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE, tad-19 ta’ Ottubru 1992, dwar l-armonizzazzjoni tal-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku, anki jekk huwa miksub mill-bijomassa permezz ta’ teknoloġija differenti minn dik użata għall-produzzjoni ta’ alkoħol etiliku ta’ oriġin agrikola, fih sustanzi li jrenduh mhux tajjeb għall-konsum mill-bniedem, jissodisfa r-rekwiżiti previsti mill-abbbozz ta’ standards Ewropew pr EN 15376 għall-bijoetanol użat bħala karburant u eventwalment jikkorrispondi għad-definizzjoni tal-bijoetanol li tinsab fl-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2003/30.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru.

Top