EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52023DC0439

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL EVALWAZZJONI tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar il-Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet ġodda għall-adulti

COM/2023/439 final

Brussell, 17.7.2023

COM(2023) 439 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

EVALWAZZJONI tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar il-Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet ġodda għall-adulti


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

EVALWAZZJONI tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar il-Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet ġodda għall-adulti

 

1.Introduzzjoni

It-tħaffif fit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi jfisser li l-ħiliet miksuba matul l-edukazzjoni u t-taħriġ inizjali m’għadhomx biżżejjed biex jissodisfaw id-domandi li qed jevolvu tas-suq tax-xogħol, u l-adulti jeħtieġu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom matul ħajjithom. Barra minn hekk, ix-xejriet demografiċi li jwasslu għal tnaqqis fil-forza tax-xogħol mistennija jaċċelleraw fl-għaxar snin li ġejjin, u b’hekk qed tiżdied il-pressjoni biex jintuża l-potenzjal kollu tal-ħiliet ta’ kulħadd fis-suq tax-xogħol. Huwa għalhekk li l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi l-mira li mill-inqas 60 % tal-adulti għandhom jipparteċipaw fit-taħriġ kull sena sal-2030. Il-mexxejja tal-UE kienu sodisfatti b’din il-mira ambizzjuża fis-Summit Soċjali ta’ Porto fl-2021, u l-Istati Membri żiduha fil-miri nazzjonali tagħhom 1 .

L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa tipprevedi strateġija biex tgħin lill-individwi u lin-negozji jiżviluppaw aktar ħiliet li jkunu aħjar. Twettaq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u b’mod partikolari l-ewwel prinċipju tiegħu li jispjega d-dritt għal edukazzjoni, għal taħriġ u għal apprendiment tul il-ħajja inklużivi u ta’ kwalità, kif ukoll hija interkonnessa mal-inizjattivi ta’ politika oħra li jappoġġaw l-approċċ tal-apprendiment tul il-ħajja. Il-ħiliet bażiċi – il-litteriżmu, in-numeriżmu u l-ħiliet diġitali – huma l-pedament għal parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol. Madankollu, hemm wisq adulti fl-UE li m’għandhomx livell funzjonali ta’ dawn il-ħiliet 2 u dawn qegħdin fir-riskju li jispiċċaw f’“nassa ta’ impjiegi b’livell baxx ta’ ħiliet” 3 . Dan jitlob azzjoni politika li tappoġġa l-kisba tal-ħiliet bażiċi.

L-objettiv tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Perkorsi ta’ Titjib tal-Ħiliet 4 huwa li tindirizza dan ir-riskju u li l-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet, ta’ għarfien jew ta’ kompetenzi, pereżempju adulti bi kwalifika taħt il-livell sekondarju, jingħataw l-opportunitajiet biex jiżviluppaw il-ħiliet bażiċi u/jew jiksbu sett usa ta’ ħiliet, rilevanti għall-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol.

L-ispariġġ bejn id-domandi tas-suq tax-xogħol u l-provvista tal-ħaddiema b’ħiliet speċjalizzati instiga wkoll id-deċiżjoni dwar is-Sena Ewropea tal-Ħiliet li tenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-ħiliet u li n-nies jitħarrġu mill-ġdid fil-ħiliet, kif ukoll li jiġu attivati aktar għas-suq tax-xogħol 5 . Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni li ħabbar il-proposta, il-President von der Leyen enfasizzat li “għandna bżonn li kulħadd jagħti sehmu” għaliex l-Ewropa mhux biss għandha nuqqas ta’ professjonisti ta’ livell għoli iżda wkoll nuqqas ta’ “sewwieqa tat-trakkijiet, ta’ waiters u ta’ ħaddiema fl-ajruport” 6 . Il-Pjan Industrijali riċenti tal-Patt Ekoloġiku 7 jenfasizza aktar il-ħtieġa li nindirizzaw in-nuqqas mifrux ta’ ħiliet li għandna llum li jżomm lura l-investiment u t-tkabbir tal-UE.

Biex jintlaħqu l-objettivi tar-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri ġew mistiedna jipprovdu appoġġ personalizzat lill-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet permezz ta’ perkors integrat li jikkonsisti fi tliet passi.

1) Valutazzjoni tal-ħiliet – identifikazzjoni tal-ħiliet eżistenti tal-adulti u kwalunkwe diskrepanza fis-sett tal-ħiliet li jeħtieġ titneħħa.

2) Għoti ta’ offerta ta’ apprendiment imfassla apposta u flessibbli – l-għoti ta’ offerta ta’ apprendiment li tneħħi d-diskrepanzi tal-ħiliet speċifiċi identifikati permezz tal-valutazzjoni tal-ħiliet.

3) Validazzjoni u rikonoxximent – il-valutazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tal-ħiliet miksuba u l-inkoraġġiment taċ-ċertifikazzjoni tagħhom għal kwalifika formali.

L-Istati Membri ngħataw ir-rakkomandazzjoni li jidentifikaw gruppi fil-mira prijoritarji, jiżguraw koordinazzjoni u sħubija effettiva fost il-partijiet ikkonċernati, u jimplimentaw miżuri ta’ sensibilizzazzjoni, gwida u appoġġ biex il-benefiċjarji potenzjali jkunu jafu bl-opportunitajiet eżistenti u jiggwidawhom tul il-passi kollha tal-proċess. Ir-Rakkomandazzjoni titlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni fl-Istati Membri u fil-livell tal-UE. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq id-dokument ta’ ħidma tal-persunal dwar l-evalwazzjoni 8 .

2.Sejbiet ewlenin tal-evalwazzjoni

Dan il-kapitolu jippreżenta kemm ir-Rakkomandazzjoni hija effettiva, effiċjenti u koerenti, kemm tipprovdi valur miżjud tal-UE u kemm għadha rilevanti biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet attwali, filwaqt li jqis li Rakkomandazzjoni tal-Kummissjonijiet mhijiex vinkolanti.

Effettività

L-evidenza disponibbli tagħti stampa tal-effettività moderata ġenerali tar-Rakkomandazzjoni.

L-indikaturi rilevanti juru xejriet pożittivi moderati u l-implimentazzjoni kienet irregolari fost l-Istati Membri b’miżuri li spiss ma jkollhomx skala u koordinazzjoni. Filwaqt li xi partijiet ikkonċernati jaraw ir-Rakkomandazzjoni bħala katalizzatur għal enfasi mġedda fuq l-appoġġ għall-adulti biex jiksbu l-ħiliet bażiċi 9  u jqisu l-approċċ ta’ tliet passi bħala punt ta’ referenza utli, l-evalwazzjoni ħarġet fid-dieher it-titjib fl-implimentazzjoni tat-tliet passi tar-Rakkomandazzjoni f’14-il Stat Membru biss 10 .  

L-opportunitajiet għall-valutazzjoni tal-ħiliet issa huma mifruxa fl-Istati Membri, iżda jeħtieġu aktar professjonalizzazzjoni u perċezzjoni soċjali mingħajr stigma. Dan ifisser li l-valutazzjoni tal-ħiliet tista’ tiġi komunikata b’mod aktar pożittiv u motivanti billi jiġu enfasizzati l-ħiliet eżistenti li wieħed jista’ jibni fuqhom. Diversi Stati Membri ħadu passi biex itejbu l-forniment tal-offerti ta’ apprendiment imfassla apposta u flessibbli lill-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet 11 , iżda l-isfidi ma jonqsux minħabba li m’hemmx biżżejjed finanzjament – ħafna drabi jkun hemm finanzjament tal-UE bbażat fuq il-proġetti biss minflok finanzjament strutturali domestiku – biex jappoġġa il-gruppi fil-mira differenti u l-ostakli għall-aċċess u għall-adozzjoni. Bl-istess mod, il-validazzjoni u r-rikonoxximent tal-ħiliet tjiebu f’xi Stati Membri, iżda ħafna drabi l-integrazzjoni għadha limitata fis-sistema tat-taħriġ u tal-edukazzjoni, u għad m’hemmx biżżejjed sensibilizzazzjoni u adozzjoni fost l-adulti 12 . 

Is-sehem tal-adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki 13 , li għandhom bejn il-25 u l-64 sena, naqas minn 23,4 % fl-2016 (56,1 miljun) għal 20,7 % fl-2021 14 (48,7 miljun). Madankollu, minbarra din ir-rakkomandazzjoni x’aktarx li l-fatturi esterni ikkontribwew għal dawn ix-xejriet, b’mod partikolari l-bidliet demografiċi 15 .

Il-miżuri ta’ implimentazzjoni nazzjonali jidentifikaw għadd kbir ta’ gruppi fil-mira prijoritarji 16 , iżda l-partijiet ikkonċernati jirrapportaw li għad hemm sfidi biex dawn jintlaħqu b’mod effettiv 17 . Il-partijiet ikkonċernati jirrapportaw ukoll li l-impatt tad-diġitalizzazzjoni żied bil-kbir il-grupp fil-mira tar-Rakkomandazzjoni. Illum il-ġurnata, bil-bidla dejjem tiżdied lejn l-ambjenti diġitali, l-individwi kollha jeħtieġu mill-inqas il-ħiliet diġitali bażiċi. Barra minn hekk, enfasizzaw ukoll ir-responsabbiltà speċifika tal-appoġġ pubbliku għall-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi tal-adulti, filwaqt li għamlu premura dwar il-fatt li ħafna drabi l-impjegaturi jqisu dawn il-ħiliet ovvji 18 .

Il-gwida għall-karrieri hija disponibbli b’mod mifrux mis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, iżda m’hemmx biżżejjed sensibilizzazzjoni, tista’ tiġi perċepita bħala intimidanti 19 u mhijiex dejjem disponibbli għall-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet li mhumiex qiegħda 20 .  

L-Istati Membri wettqu l-miżuri ta’ implimentazzjoni bil-kooperazzjoni tal-partijiet ikkonċernati rilevanti, b’mod partikolari s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, is-sħab soċjali, l-NGOs u l-atturi lokali inkluż il-libreriji pubbliċi 21 . Madankollu, xi drabi r-rwoli u r-responsabbiltajiet mhumiex ċari biżżejjed u l-koordinazzjoni mhijiex effettiva, bħal pereżempju bejn il-ministeri tal-edukazzjoni u tax-xogħol, u bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali 22 .

Approċċ strateġiku konġunt bejn it-tliet passi kollha 23 huwa kruċjali biex jiġi żgurat li l-istudenti adulti jħossuhom appoġġati u jibqgħu impenjati lejn il-perkors ta’ titjib tal-ħiliet tagħhom, iżda dan mhux komuni 24 . Xi partijiet ikkonċernati jinnotaw li biex jassistu lill-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet l-aktar imbiegħda mill-apprendiment, l-approċċ li jikkonċerna t-tliet passi għandu jiġi integrat mas-servizzi soċjali u mal-programmi tas-suq tax-xogħol 25 .

Effiċjenza

Filwaqt li l-partijiet ikkonċernati jqisu l-kostijiet tal-implimentazzjoni bħala proporzjonati 26 għall-benefiċċji, irrispettivament mill-punt tat-tluq tal-Istat Membru, ma tista’ tintlaħaq l-ebda konklużjoni dwar l-effiċjenza peress li l-Istati Membri ma ġabrux id-data b’mod sistematiku dwar il-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri ta’ implimentazzjoni. Dan jirrifletti l-kostijiet ta’ implimentazzjoni baxxi fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri u l-benefiċċji komparattivament kbar mil-lat tal-miżuri diretti tat-titjib tal-ħiliet, iżda wkoll fl-għamla ta’ żieda fis-sensibilizzazzjoni u aktar attenzjoni għall-ħiliet bażiċi tal-adulti fid-dibattitu nazzjonali.

Il-fondi tal-UE kkofinanzjaw ħafna mill-miżuri ta’ implimentazzjoni waqt il-perjodu ta’ evalwazzjoni, b’mod partikolari, il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) 27 . L-effiċjenza tal-implimentazzjoni hija perċepita li tvarja skont kemm hemm karatteristiċi differenti: jiġifieri, ir-responsabbiltajiet ċari assenjati bejn l-atturi, il-proċessi fis-seħħ għall-għażla tal-fornituri tat-taħriġ ta’ kwalità, l-involviment ta’ persunal speċifikament imħarreġ u l-kooperazzjoni bejn l-impjegaturi, kif ukoll il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni użati biex itejbu l-implimentazzjoni.

Koerenza

Il-partijiet ikkonċernati kkonsultati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali jqisu li r-Rakkomandazzjoni hija koerenti internament, b’objettivi, rakkomandazzjonijiet u impatti mistennija konsistenti. Il-miżuri proposti fir-Rakkomandazzjoni jitqiesu li jipprovdu qafas ta’ politika komprensiv biex jiggwidaw l-azzjonijiet ta’ implimentazzjoni fil-livell nazzjonali. Il-partijiet ikkonċernati jirrapportaw ukoll livell għoli ta’ koerenza bejn ir-Rakkomandazzjoni u l-politiki u l-istrateġiji rilevanti fil-livell nazzjonali u dak reġjonali. Madankollu, l-integrazzjoni insuffiċjenti tat-tliet passi f’perkors uniku u n-nuqqas ta’ koordinazzjoni strateġika bejn il-miżuri ta’ implimentazzjoni u partijiet oħra tas-sistema ta’ apprendiment għall-adulti huma ta’ sfida għall-implimentazzjoni koerenti fil-livell nazzjonali.

Ir-Rakkomandazzjoni titqies ukoll bħala koerenti u komplementari ma’ inizjattivi rilevanti oħra tal-UE relatati mal-ħiliet u mal-impjiegi 28 . 

Kważi l-partijiet ikkonċernati kollha kkonsultati kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali, qiesu li hemm koerenza politika tajba bejn ir-Rakkomandazzjoni u l-mekkaniżmi ta’ finanzjament rilevanti tal-UE 29 .

Valur miżjud tal-UE

Minħabba li r-Rakkomandazzjoni mhijiex vinkolanti, il-valur miżjud tal-UE mmaterjalizza l-aktar fl-għamla ta’ żieda fl-attenzjoni politika fuq il-livell baxx ta’ ħiliet bażiċi fost l-adulti f’diversi Stati Membri. Barra minn hekk, ir-Rakkomandazzjoni pprovdiet qafas komuni għall-azzjoni politika nazzjonali, rawmet il-kollaborazzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-Istati Membri u bejniethom, u/jew immobilizzat il-finanzjament u l-appoġġ tekniku għall-esperimentazzjoni politika. F’xi Stati Membri, ir-Rakkomandazzjoni swiet ta’ ispirazzjoni għar-riformi tas-sistema tal-apprendiment għall-adulti 30 . F’oħrajn, serviet bħala punt ta’ riferiment li miegħu tqabblu s-sistemi ta’ appoġġ eżistenti, u biex jiġu ppilotati jew introdotti dispożizzjonijiet immirati dwar wieħed mit-tliet passi.

Il-partijiet ikkonċernati apprezzaw ir-rwol tar-Rakkomandazzjoni fit-trawwim tal-kondiviżjoni tal-għarfien fost l-Istati Membri 31 . L-assistenza teknika ngħatat permezz tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) jew is-suċċessur tiegħu, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI) 32 , kif ukoll indirettament bl-appoġġ tal-OECD fl-iżvilupp tal-istrateġiji nazzjonali dwar il-ħiliet u r-rapporti dijanjostiċi f’diversi Stati Membri 33 . Fl-aħħar nett, il-partijiet ikkonċernati enfasizzaw li r-Rakkomandazzjoni għenet biex il-fondi tal-UE jiġu diretti mid-diversi flussi ta’ finanzjament lejn il-proġetti għall-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi għad-diversi gruppi fil-mira.

Rilevanza

Il-partijiet ikkonċernati kienu kważi unanimi fl-opinjoni tagħhom li l-objettivi tar-Rakkomandazzjoni għadhom rilevanti 34 , li hija wkoll riflessa fil-miri riċenti tal-ogħla livell tal-UE. Bl-istess mod, il-partijiet ikkonċernati jqisu li l-miżuri definiti fir-Rakkomandazzjoni għadhom rilevanti biex jintlaħqu l-objettivi tagħha: huma enfasizzaw il-ħtieġa kontinwa li jingħata appoġġ lil dawk b’livell baxx ta’ ħiliet permezz ta’ miżuri mfassla apposta u r-rilevanza kontinwa tal-approċċ ta’ “bini tas-sistema” tar-Rakkomandazzjoni.  

Il-partijiet ikkonċernati jqisu wkoll li l-attenzjoni fil-livell tal-UE għall-implimentazzjoni għadha rilevanti 35 peress li għamlet differenza tul il-perjodu ta’ evalwazzjoni billi żiedet l-attenzjoni politika għall-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi tal-adulti, u rawmet ir-riforma nazzjonali u l-esperimentazzjoni politika.

3.Modi ta’ progress biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni

Minkejja l-progress li sar, għad fadal sfidi sinifikanti għall-implimentazzjoni:

·L-ewwel sfida prinċipali hija l-progress irregolari fl-implimentazzjoni fost l-Istati Membri, b’diskrepanzi kbar fl-opportunitajiet ta’ titjib tal-ħiliet disponibbli għall-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet.

·It-tieni sfida prinċipali hija li l-miżuri ta’ implimentazzjoni meħuda mill-Istati Membri spiss għad għandhom livell baxx ta’ sensibilizzazzjoni li mhijiex biżżejjed effettiva 36 .

·It-tielet sfida prinċipali hija r-rwol dominanti tal-finanzjament tal-UE bbażat fuq il-proġetti meta mqabbel mal-finanzjament domestiku strutturali.

·Ir-raba’ sfida prinċipali hija l-integrazzjoni insuffiċjenti tat-tliet passi tar-Rakkomandazzjoni f’perkors komprensiv, li tirrifletti livell insuffiċjenti ta’ koordinazzjoni strateġika. L-approċċ konġunt tar-Rakkomandazzjoni spiss ma jiġix rifless fil-miżuri ta’ implimentazzjoni tal-Istati Membri. Dan jillimita l-ambitu għall-monitoraġġ u għall-evalwazzjoni, u l-kapaċità li jinsiltu tagħlimiet mill-evidenza.

Peress li n-nuqqas ta’ ħaddiema u l-ispariġġ fil-ħiliet qed jiżdiedu, il-Kummissjoni tqis li hemm iktar xi jsir biex tittejjeb l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet. Dan meħtieġ biex kulħadd jingħata l-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà u biex tiġi evitata “in-nassa ta’ impjiegi b’livell baxx ta’ ħiliet”. Dan huwa meħtieġ bl-istess mod biex jitneħħew id-diskrepanzi fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol u biex jiżdiedu l-kompetittività u t-tranżazzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tal-UE. Ir-Rakkomandazzjoni tirrikonoxxi wkoll li l-iżvilupp tal-ħiliet matul il-ħajja huwa dritt individwali kif minqux fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 37  u kif deskritt fil-Pjan ta’ Azzjoni tiegħu 38 .  

Biex tissaħħaħ l-implimentazzjoni, l-Istati Membri, appoġġati mill-Kummissjoni, għandhom jiġu mistiedna:

·Isaħħu l-kooperazzjoni strateġika fil-livell nazzjonali biex joħolqu perkorsi integrati ta’ titjib tal-ħiliet u jiftħu komunitajiet ta’ apprendiment, inkluż billi jiżviluppaw u jirrieżaminaw l-istrateġiji nazzjonali għall-gvern sħiħ bi sħubija mill-qrib mas-sħab soċjali, mas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra.

·Jinkoraġġixxu azzjoni kollettiva u approċċ ta’ sħubija wiesa’ dwar il-ħiliet bażiċi fost il-partijiet ikkonċernati privati u pubbliċi, inkluż permezz tal-Patt għall-Ħiliet 39 , b’enfasi fuq il-post tax-xogħol bħala ambjent ta’ apprendiment.

·Jiddefinixxu aħjar il-benefiċjarji tat-titjib tal-ħiliet biex jirriflettu x-xejriet bħad-diġitalizzazzjoni u l-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija, filwaqt li jiġi żgurat li ħadd ma jintesa u jiġu adattati l-miżuri ta’ appoġġ skont dan, kif ukoll jitfasslu skont il-ħtiġijiet speċifiċi fuq bażi individwali.

·Iżidu s-sensibilizzazzjoni komunikattiva b’mod partikolari għal “dawk l-aktar diffiċli li jintlaħqu” filwaqt li tiġi evitata l-istigmatizzazzjoni permezz ta’ enfasi fuq il-benefiċċji fil-ġejjieni tat-titjib tal-ħiliet meta mqabbla man-nuqqasijiet attwali fil-ħiliet.

·Jużaw ir-riżorsi sinifikanti tal-UE fil-qafas tal-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza 40 u fil-programmi tal-Fond Soċjali Ewropew Plus biex jixprunaw l-investiment fil-ħiliet, fl-infrastruttura u fir-riformi domestiċi, u jsostnuhom permezz ta’ finanzjament domestiku fuq terminu minn medju sa twil biex iwasslu għal titjib strutturali.

·Jużaw l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar kontijiet individwali tal-apprendiment 41 biex iżidu l-forniment ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ mingħajr stigma, imfassla, flessibbli u ta’ kwalità, u jiffaċilitaw l-integrazzjoni faċli għall-utent tagħhom mal-valutazzjoni tal-ħiliet, il-validazzjoni u l-gwida għall-karrieri appoġġati minn finanzjament domestiku adegwat.

·Jużaw l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mikrokredenzjali 42 biex iżidu t-trasparenza u r-rikonoxximent tal-korsijiet qosra ta’ taħriġ.

(1)     Ara IP_22_3782
(2) Il- Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jinkludi mira tal-UE li mill-inqas 80 % tan-nies bejn is-16 u l-74 sena jkollhom il-ħiliet diġitali bażiċi sal-2030. Skont l- Indikatur tal-Ħiliet Diġitali ta’ Eurostat , fl-2021, 54 % biss tal-individwi bejn is-16 u s-74 sena fl-EU27 kellhom mill-inqas il-ħiliet diġitali bażiċi. Il-Kummissjoni stabbiliet il-Kumpass Diġitali biex l-ambizzjonijiet diġitali tal-UE għall-2030 jissarrfu f’miri konkreti ħalli jiġi żgurat li dan l-objettiv jintlaħaq. Id-Deċennju Diġitali tal-Ewropa: miri diġitali għall-2030 (europa.eu)
(3) Ara Burdett and Smith (2002), The low skill trap , European Economic Review.
(4)     EUR-Lex - 32016H1224(01) - MT - EUR-Lex (europa.eu)
(5)

  Id-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Sena Ewropea tal-Ħiliet (2023) .

(6)   Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni (2022).
(7) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni, Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku għal Żmien l-Emissjonijiet Żero Netti, COM(2023) 62 final
(8) Ara SWD(2023) 460 final. Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal kien appoġġat minn studju estern minn Ecorys u 3S bl-isem, Study supporting the evaluation of the Council Recommendation of 19 December 2016 on Upskilling Pathways: New Opportunities for Adults .
(9) Pereżempju, skont id-dokument ta’ pożizzjoni mill-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Edukazzjoni tal-Adulti (EAEA), “il-Perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet wasslu biex l-istrateġiji nazzjonali jiffokaw fuq il-ħiliet bażiċi u fuq il-validazzjoni tal-ħiliet miksuba permezz tal-apprendiment mhux formali u informali, filwaqt li l-attenzjoni tal-programmi titpoġġa fuq l-istudenti b’livell (aktar) baxx ta’ ħiliet bażiċi”.
(10) Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, Malta, il-Polonja u s-Slovakkja. Dan l-immappjar tal-miżuri ta’ politika huwa bbażat fuq l-istudju estern li jappoġġa l-evalwazzjoni. Ara t-Taqsima 3.1 tal-evalwazzjoni ta-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal għad-dettalji.
(11) Il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, l-Estonja, Malta u l-Polonja. Għal analiżi ulterjuri tal-ostakli għall-aċċess u għall-adozzjoni, ara wkoll il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment, SWD(2021) 369 final.
(12) Il-Belġju, il-Bulgarija, Ċipru, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Italja, il-Latvja u s-Slovakkja skont l-istudju ta’ sostenn. Dawn il-konklużjonijiet huma konformi mal-evalwazzjoni tal-2020 rigward ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tal-apprendiment mhux formali u informali, SWD(2020) 121 final .
(13)

 Adulti b’livell baxx ta’ kisba edukattiva (jiġifieri l-livelli 0-2 tal-ISCED).

(14) Ara Eurostat: il-kodiċi tad-data online EDAT_LFSE_03 u EDAT_LFS_9901 .
(15) Koorti akbar u aktar antiki huma dejjem aktar barra mill-faxxa ta’ età rilevanti (25-64 sena), u koorti iżgħar li qed isiru parti minn din il-faxxa ta’ età, għalkemm iżgħar fin-numru, għandhom it-tendenza li jkollhom kisbiet edukattivi ogħla.
(16) Is-sitwazzjoni fl-Istati Membri hija varjata, u l-grupp tal-adulti b’livell baxx ta’ ħiliet jista’ jkun magħmul minn sottogruppi differenti (bħal - iżda mhux biss - impjegati, persuni qiegħda, persuni ekonomikament inattivi, migranti, gruppi żvantaġġati, persuni f’żoni rurali, eċċ) skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali.
(17) Id-dokument ta’ pożizzjoni minn “Literacy 100” jisħaq li “l-edukazzjoni fil-ħajja adulta tista’ tkun prospett inkwetanti għall-adulti b’livelli baxxi ta’ reżiljenza personali u awtostima”.
(18) Ara d-dokument ta’ pożizzjoni min-Network Ewropew għall-Ħiliet Bażiċi: “Biex tiżdied ir-reżiljenza individwali u soċjali huwa essenzjali li l-adulti kollha jkollhom aċċess għal forniment ta’ sett dinamiku ta’ ħiliet ta’ kwalità. Il-ħiliet bażiċi jibqgħu l-fokus ewlieni iżda għandhom jinkisbu f’kuntest li jirrikonoxxi u jiżviluppa l-ħiliet għall-ħajja.”
(19) Ara d-dokument ta’ pożizzjoni minn Eurodiaconia, li jiddikjara li “il-membri tagħna jisħqu li ħafna drabi dawn is-servizzi jitqiesu bħala intimidanti jew mhux affidabbli minn xi nies. Biex ikunu aċċessibbli u inklużivi, is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi għandhom jingħataw fi spazju sikur għal kulħadd ħalli kulħadd iħossu mħares mill-preġudizzju u minn kwalunkwe forma ta’ diskriminazzjoni”.
(20) Ara d-dokument ta’ pożizzjoni mill-EAEA, li tinnota li “il-miżuri ta’ gwida mhumiex disponibbli biżżejjed kullimkien; madankollu, dawn ikunu f’pożizzjoni ċentrali biex jindirizzaw il-gruppi fil-mira b’livell baxx ta’ ħiliet”.
(21) Id-dokument ta’ pożizzjoni minn “Public libraries 2030” jindika li “il-libreriji pubbliċi jaqdu rwol importanti fis-settur tal-edukazzjoni mhux formali peress li ħafna drabi huma l-ewwel organizzazzjonijiet li jipprovdu l-assistenza u l-appoġġ lill-gruppi vulnerabbli b’livell baxx ta’ litteriżmu”.
(22) Ara eż. id-dokument ta’ pożizzjoni tal-ILO, li tenfasizza l-importanza ta’ “approċċ ta’ gvern sħiħ għal governanza effettiva”.
(23) Id-dokument ta’ pożizzjoni tal-EAEA jenfasizza l-importanza li l-miżuri jiġu inkorporati f’qasam strateġiku usa’: “Ir-riżultat huwa li dawk il-pajjiżi li integraw il-Perkors ta’ titjib tal-ħiliet fi strateġija usa’ ta’ apprendiment tul il-ħajja huma l-aktar probabbli li jilħqu l-gruppi fil-mira u jibnu programmi innovattivi ta’ titjib tal-ħiliet, pereżempju s-Slovakkja, il-Finlandja u l-Awstrija.”
(24) Eżempji pożittivi dwar l-integrazzjoni tat-tliet passi identifikati mill-istudju ta’ appoġġ jinkludu l-Portugall, id-Danimarka u l-Iżvezja (diġà fil-bidu tal-perjodu ta’ evalwazzjoni) u, fil-livell tal-proġett, il-Polonja.
(25) Ara d-dokumenti ta’ pożizzjoni minn Eurodiaconia u minn “Literacy 100”.
(26) Saru diversi stħarriġiet biex tinġabar l-evidenza. Dan l-istħarriġ partikolari twettaq fost l-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet nazzjonali u reġjonali responsabbli fil-livell operazzjonali tal-perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet u l-organizzazzjonijiet involuti fl-implimentazzjoni tal-perkorsi ta’ titjib tal-ħiliet (stħarriġ tal-organizzazzjonijiet ta’ koordinazzjoni u ta’ implimentazzjoni).
(27) Issemmew ukoll fondi oħra, bħal: l-Erasmus+, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali (SRSP) (issa msejjaħ Strument ta’ Appoġġ Tekniku (TSI)) u l-Programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), kif ukoll l-aktar riċenti, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta (JTF) u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF).
(28) Partikolarment ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (2012), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta’ Garanzija għaż-Żgħażagħ (2013), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Pont għall-Impjiegi – It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ (2020), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni li ilhom qiegħda fis-suq tax-xogħol (2016), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja (2018), ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-mikrokredenzjali (2022), u r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-kontijiet individwali tal-apprendiment (2022).
(29) Eż. għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, l-FSE+ għandu baġit ta’ €99,3 biljun.
(30) Inkluż il-Greċja, il-Kroazja u s-Slovakkja.
(31) L-apprendiment reċiproku sar permezz ta’ avvenimenti ddedikati, iżda wkoll permezz tal-koordinaturi nazzjonali għall-apprendiment għall-adulti, il-grupp ta’ ħidma dwar l-apprendiment għall-adulti u b’mod aktar informali u axxendenti, permezz tal-Pjattaforma Ewropea għat-Tagħlim u l-Edukazzjoni tal-Adulti (EPALE). Is-Cedefop għen ir-riformi tal-Istati Membri billi pproduċa riċerka komparattiva dwar is-sistemi tat-titjib tal-ħiliet tagħhom, u billi organizza fora ta’ apprendiment dwar il-politika rigward ir-Rakkomandazzjoni.
(32) Lill-Belġju, lil Ċipru, lill-Italja, lill-Kroazja, lin-Netherlands, lill-Portugal, lil Spanja u lill-Ungerija.
(33) Inkluż il-Belġju, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, in-Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovakkja, is-Slovenja u Spanja; Strateġiji Nazzjonali għall-Ħiliet - OECD .
(34) 87 % tar-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika qablu ma’ din id-dikjarazzjoni.
(35)

87 % tar-rispondenti tal-konsultazzjoni pubblika qablu li l-gwida politika tal-UE għadha meħtieġa mhux ħażin jew fil-biċċa l-kbira. Ara wkoll id-dokument ta’ pożizzjoni tal-World Employment Confederation Europe, li tiddikjara li “il-gwida tal-UE hija meħtieġa sa ċertu punt biex tippromwovi l-iskambju ta’ prattiki tajba u tippromwovi l-apprendiment reċiproku u l-apprendiment komparattiv”.

(36) Hawnhekk mifhuma f’termini tas-sehem tal-adulti fil-bżonn ta’ żvilupp tal-ħiliet bażiċi li jirċievu appoġġ. Sensibilizzazzjoni effettiva jaf ma tkunx biżżejjed minħabba kopertura formali baxxa/l-eliġibbiltà tal-miżuri ta’ appoġġ, jew minħabba nuqqas ta’ sensibilizzazzjoni u adozzjoni.
(37)   Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali .
(38)   Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali .
(39)   Il-paġna ewlenija tal-Patt għall-Ħiliet (europa.eu)
(40)   Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (europa.eu)
(41) Ir- Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar kontijiet individwali tal-apprendiment tiddeskrivi kif l-Istati Membri jistgħu jżewġu s-sostenn finanzjarju u mhux finanzjarju b’mod effettiv biex jagħtu s-setgħa lill-adulti kollha ħalli jiżviluppaw il-ħiliet tul il-ħajja tax-xogħol tagħhom, u jagħmlu progress fil-miri tal-apprendiment tal-adulti maqbula f’Porto.
(42) Ir- Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-16 ta’ Ġunju 2022 dwar approċċ Ewropew għall-mikrokredenzjali għall-apprendiment tul il-ħajja u għall-impjegabbiltà , tipprovdi definizzjoni komuni u format standard għad-deskrizzjoni tal-eżiti tal-korsijiet qosra, sabiex tiżdied it-trasparenza u tiġi ffaċilitata l-komunikazzjoni tal-ħiliet miksuba waqt it-taħriġ matul il-ħajja tax-xogħol.
Top