EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0267

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 267/2010 tal- 24 ta’ Marzu 2010 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 83, 30.3.2010, p. 1–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/03/2017

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/267/oj

30.3.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 83/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 267/2010

tal-24 ta’ Marzu 2010

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1534/91 tal-31 ta’ Mejju 1991 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 85(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(1)(a), (b), (c) u (e) tiegħu,

Wara li ppubblikat abbozz ta’ dan ir-Regolament,

Wara li kkonsultat il-Kumitat Konsultattiv dwar Prattiċi Restrittivi u Pożizzjonijiet Dominanti,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KEE) Nru 1534/91 jagħti l-poter lill-Kummissjoni biex tapplika l-Artikolu 101(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (2) permezz ta’ regolament għal ċerti kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni li għandhom bħala l-għan tagħhom il-kooperazzjoni fir-rigward ta’:

l-istabbiliment ta’ tariffi komuni ta’ premium ta’ riskju bażati fuq statistiċi aċċertati kollettivament jew fuq in-numru ta’ pretensjonijiet,

it-twaqqif ta’ kundizzjonijiet komuni ta’ polza standard,

il-kopertura komuni ta’ ċerti tipi ta’ riskji,

ir-riżoluzzjoni ta’ pretensjonijiet,

l-ittestjar u l-aċċettazzjoni ta’ apparat ta’ sigurtà,

reġistri ta’, u informazzjoni dwar, riskji aggravati.

(2)

Skont ir-Regolament (KEE) Nru 1534/91, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 358/2003 tas-27 ta’ Frar 2003 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 81(3) tat-Trattat għal ċerti kategoriji ta’ ftehim, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma fis-settur tal-assigurazzjoni (3). Ir-Regolament (KE) Nru 358/2003 jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2010.

(3)

Ir-Regolament (KE) Nru 358/2003 ma jipprovdix għall-eżenzjoni ta’ akkordji li jikkonċernaw ir-riżoluzzjoni ta’ pretensjonijiet u reġistri ta’, u informazzjoni dwar, riskji aggravati. Il-Kummissjoni kkunsidrat li kienet nieqsa minn esperjenza suffiċenti fit-trattazzjoni ta’ każijiet individwali biex tagħmel użu mill-awtorità mogħtija mir-Regolament (KEE) Nru 1534/91 f’dawn l-oqsma. Dik is-sitwazzjoni ma tbiddlitx. Barra dan, minkejja li r-Regolament (KE) Nru 358/2003 ta eżenzjoni għall-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet ta’ politika standard u l-ittestjar u l-aċċettazzjoni ta’ apparat ta’ sigurtà, dan ir-Regolament m’għandux jagħmel dan minħabba li l-analiżi tal-Kummissjoni dwar it-tħaddim tar-Regolament (KE) Nru 358/2003 wriet li ma kienx iktar neċessarju li tali akkordji jiġu inklużi f’regolament ta’ eżenzjoni sħiħa ta’ kategorija speċifika. Fil-kuntest ta’ fejn dawk iż-żewġ kategoriji ta’ akkordji mhumiex speċifiċi għas-settur tal-assigurazzjoni u, kif uriet ir-reviżjoni, jistgħu jagħtu lok għal ċertu tħassib dwar il-kompetizzjoni, huwa aktar adatt li jkunu suġġetti għall-awto-valutazzjoni.

(4)

Wara konsultazzjoni pubblika mnedija fis-17 ta’ April 2008, il-Kummissjoni adottat, fl-24 ta’ Marzu 2009, rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tar-Regolament (KE) Nru 358/2003 (4) (ir-Rapport). Fir-Rapport u d-Dokument ta’ Ħidma li jakkumpanjah saru proposti preliminari għall-emendar tar-Regolament (KE) Nru 358/2003. Fit-2 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni organizzat laqgħa pubblika mal-partijiet interessati, inklużi r-rappreżentanti tas-settur tal-assigurazzjoni, l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u l-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni, dwar ir-riżultati u l-proposti fir-Rapport u d-Dokument ta’ Ħidma.

(5)

Dan ir-Regolament għandu jiżgura ħarsien effettiv tal-kompetizzjoni filwaqt li jipprovdi benefiċċji għall-konsumaturi u ċertezza legali adegwata għall-impriżi. L-insegwiment ta’ dawn l-għanijiet għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenza tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, u r-riżultati tal-konsultazzjonjiet li wasslu għall-adozzjoni tar-Regolament.

(6)

Ir-Regolament (KEE) Nru 1534/91 jitlob li r-regolament ta’ eżenzjoni tal-Kummissjonij iddefinixxi l-kategoriji ta’ akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma li japplika għalihom, jispeċifika r-restrizzjonijiet jew klawżoli li jistgħu, jew ma jistgħux, jidhru fl-akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma, u jispeċifika l-klawżoli li għandhom jidhru fl-akkordji, deċiżjonijiet u prattiċi miftiehma jew il-kundizzjonijiet l-oħra li jridu jiġu sodisfatti.

(7)

Madankollu, huwa xieraq li jitkompla l-approċċ meħud fir-Regolament (KE) Nru 358/2003 li titqiegħed enfażi fuq id-definizzjoni ta’ kategoriji ta’ akkordji li huma eżenti sa ċertu livell ta’ sehem fis-suq u fuq il-preċiżazzjoni tar-restrizzjonijiet jew klawżoli li ma jinsabux f’dawn it-tipi ta’ akkordji.

(8)

Il-benefiċċju tal-eżenzjoni ta’ kategorija stabbilita b’dan ir-Regolament għandu jkun limitat għal dawk l-akkordji li fir-rigward tagħhom wieħed jista’ jassumi b’ċertezza suffiċjenti li jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Għall-applikazzjoni tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat permezz ta’ regolament, mhuwiex neċessarju li jiġu definiti dawk l-akkordji li jistgħu jaqgħu fl-ambitu tal-Artikolu 101(1) tat-Trattat. Fl-istess ħin, ma hemm l-ebda preżunzjoni li dawk l-akkordji li ma jibbenefikawx minn dan ir-Regolament jew jaqgħu taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat jew jonqsu milli jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 101(3) tat-Trattat. Fl-evalwazzjoni individwali tal-akkordji taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni diversi fatturi, u b’mod partikolari l-istruttura tas-suq fis-suq relevanti.

(9)

Il-kollaborazzjoni bejn l-impriżi ta’ assigurazzjoni jew fi ħdan l-assoċjazzjonijiet tal-impriżi fil-ġbir ta’ informazzjoni (li jista’ jinvolvi xi kalkoli statistiċi) li jippermetti l-kalkolu tal-ispiża medja tal-kopertura ta’ riskju speċifiku fil-passat jew, għal assigurazzjoni tal-ħajja, tabelli tar-rati tal-mortalità jew tal-frekwenza ta’ mard, inċidenti u invalidità, tagħmilha possibbli li jitjieb l-għarfien tar-riskji u tiffaċilita l-ikklassifikar tar-riskji għall-kumpaniji individwali. Dan min-naħa tiegħu jista’ jiffaċilita d-dħul fis-suq u b’hekk jibbenefika lill-konsumaturi. L-istess japplika għal studji konġunti dwar l-impatt probabbli ta’ ċirkostanzi estranji li jistgħu jinfluwenzaw il-frekwenza jew l-iskala tal-pretensjonijiet, jew kemm jirrendu tipi differenti ta’ investimenti. Madanakollu, huwa neċessarju li jiġi żgurat li tali kollaborazzjoni tkun eżentata biss sa fejn huwa neċessarju biex jintlaħqu dawn l-għanijiet. Huwa għalhekk xieraq li jiġi stabbilit b’mod partikolari li l-akkordji fuq premiums kummerċjali mhumiex eżentati. Fil-fatt, il-premiums kummerċjali jistgħu jkunu inqas mill-ammonti indikati mill-kumpilazzjonjiet, mit-tabelli jew mir-riżultati ta’ studji inkwistjoni, peress li l-assiguraturi jistgħu jużaw id-dħul mill-investimenti tagħhom sabiex inaqqsu l-premiums tagħhom. Barra dan, il-kumpilazzjonjiet, tabelli jew studji inkwistjoni għandhom ikunu mhux vinkolanti u jservu biss għal finijiet ta’ referenza. L-iskambju ta’ informazzjoni li mhijiex neċessarja sabiex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti f’din il-premessa m’għandux ikun kopert b’dan ir-Regolament.

(10)

Barra dan, aktar kemm ikunu stretti l-kategoriji li fihom huma miġbura l-istatistiki dwar l-ispiża tal-kopertura ta’ riskju speċifiku fil-passat, aktar ikun hemm lok għall-impriżi tal-assigurazzjonijiet li jiddifferenzjaw il-premiums kummerċjali tagħhom meta jikkalkolawhom. Huwa għaldaqstant xieraq li jiġu eżentati kumpilazzjonjiet konġunti ta’ spiża tar-riskju tal-passat bil-kundizzjoni li l-istatistiċi disponibbli jiġu pprovduti b’daqstant dettall u differenzjazzjoni daqskemm ikun attwalment adegwat.

(11)

Barra minn hekk, l-aċċess għall-kumpilazzjonijiet, tabelli u riżultati ta’ studji konġunti huwa meħtieġ kemm għall-impriżi ta’ assigurazzjoni attivi fis-suq ġeografiku jew ta’ prodotti inkwistjoni kif ukoll għal dawk li jkunu qed jikkunsidraw jekk jidħlux f’dak is-suq. B’mod simili l-aċċess għal tali kumpilazzjonjiet, tabelli u riżultati tal-istudji jista’ jkun ta’ valur għall-organizzazzjonijiet tal-konsumatur jew organizzazzjonijiet tal-klijenti. L-impriżi tal-assigurazzjoni li għadhom mhux attivi fis-suq inkwistjoni u l-organizzazzjonijiet tal-konsumatur jew tal-klijenti jridu jingħataw aċċess għal tali kumpilazzjonijiet, tabelli u riżultati tal-istudji b’termini raġonevoli, mhux projbittivi ekonomikament u mhux diskriminatorji, ipparagunati mill-impriżi tal-assigruazzjoni li diġà huma preżenti f’dak is-suq. Tali termini jistgħu pereżempju jinkludu impenn minn impriża tal-assigurazzjoni li għadha mhix preżenti fis-suq li tipprovdi informazzjoni statistika fuq il-pretensjonijiet, jekk qatt tidħol fis-suq u tista’ tinkludi wkoll sħubija fl-assoċjazzjoni tal-assiguraturi responsabbli għall-produzzjoni tal-kumpilazzjonijiet. Eċċezzjoni għal dan l-obbligu li jingħata aċċess lill-organizzazzjonijiet tal-konsumatur u organizzazzjonijiet tal-klijenti għandu jkun possibbli għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, pereżempju fejn l-informazzjoni għandha x’taqsam ma’ sistemi ta’ sigurtà ta’ impjanti nukleari jew id-dgħjufija ta’ sistemi ta’ prevenzjoni tal-għargħar.

(12)

L-affidabbiltà tal-kumpilazzjonjiet, tabelli u studji konġunti tikber iktar ma jiżdied l-ammont ta’ statistiċi li fuqhom huma bbażati. L-assiguraturi li għandhom ishma kbar fis-suq jistgħu jiġġeneraw biżżejjed statistiċi internament biex ikunu jistgħu jagħmlu kumpilazzjonijiet ta’ min jorbot fuqhom, iżda jista’ jkun li dawk li għandhom ishma żgħar fis-suq ma jkunux jistgħu jagħmlu hekk, u dawk li jidħlu ġodda għandhom anqas probabbiltà li jiġġeneraw tali statistiċi. L-inklużjoni f’tali kumpilazzjonijiet, tabelli u studji konġunti ta’ informazzjoni mill-assiguraturi kollha f’suq, inklużi dawk li huma kbar, fil-prinċipju tippromwovi l-kompetizzjoni billi tgħin lill-assiguraturi iżgħar, u tiffaċilita d-dħul fis-suq. Minħabba din l-ispeċifiċità tas-settur tal-assigurazzjoni, mhux xieraq li xi eżenzjoni għal tali kumpilazzjonijiet, tabelli u studji konġunti tiġi soġġetta għal limiti tas-sehem fis-suq.

(13)

Pools ta’ ko-assigurazzjoni jew ko-riassigurazzjoni, f’ċerti ċirkostanzi limitati, jistgħu jkunu neċessarji sabiex jippermettu lill-impriżi parteċipanti ta’ pool jipprovdu assigurazzjoni jew riassigurazzjoni għal riskji li għalihom huma jkunu jistgħu joffru biss kopertura insuffiċjenti fin-nuqqas tal-pool. Dawn it-tipi ta’ Pools ġeneralment ma jagħtux lok għal restrizzjoni tal-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 101(1) tat-Trattat u għaldaqstant mhux projbiti minnu.

(14)

Pools ta’ ko-assigurazzjoni jew ko-riassigurazzjoni jistgħu jippermettu lill-assiguraturi u lir-riassiguraturi jipprovdu assigurazzjoni jew riassigurazzjoni għal riskji anki jekk il-pooling imur lil hinn minn dak li jkun neċessarju jiġi żgurat li tali riskju jiġi kopert. Madanakollu, tali pools jistgħu jinvolvu restrizzjonjiet tal-kompetizzjoni, bħalma hija l-istandardizzazzjoni tal-kundizzjonjiet tal-polza u anki tal-ammonti tal-kopertura u l-premiums. Huwa għalhekk xieraq li jiġu stabbiliti ċ-ċirkustanzi li fihom tali pools jistgħu jibbenefikaw mill-eżenzjoni.

(15)

Għal riskji ġenwinament ġodda mhuwiex possibbli li jkun hemm għarfien minn qabel ta’ x’kapaċità ta’ sottoskrizzjoni hija neċessarja biex tkopri r-riskju, lanqas jekk żewġ pools jew aktar jistgħux jikkoeżistu sabiex jipprovdu t-tip speċifiku ta’ assigurazzjoni kkonċernat. Arranġament ta’ pools li joffri l-ko-assigurazzjoni jew il-ko-riassigurazzjoni ta’ tali riskji ġodda jista’ għalhekk jiġi eżentat għal perjodu limitat ta’ żmien mingħajr limitu tas-sehem fis-suq. Tliet snin għandhom ikunu perjodu adegwat għall-kostituzzjoni ta’ informazzjoni storika suffiċjenti dwar pretensjonijiet biex tiġi stmata n-neċessità jew inkella n-nuqqas ta’ neċessità ta’ pool.

(16)

Riskji li ma kinux jeżistu qabel għandhom jiġu meqjusa bħala riskji ġodda. Madankollu, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, riskju jista’ jitqies bħala riskju ġdid fejn analiżi oġġettiva tindika li n-natura tar-riskju tant inbidlet materjalment li mhux possibbli li wieħed ikun jaf minn qabel x’kapaċità ta’ sottoskrizzjoni hija meħtieġa biex jiġi kopert tali riskju.

(17)

Dwar riskji li mhumiex ġodda, pools ta’ ko-assigurazzjoni u ko-riassigurazzjoni li jinvolvu restrizzjoni tal-kompetizzjoni jistgħu wkoll, f’ċerti ċirkostanzi limitati, jinvolvu benefiċċji tant li jiġġustifikaw eżenzjoni taħt l-Artikolu 101(3) tat-Trattat, anke jekk dawn jistgħu jiġu sostitwiti b’żewġ entitajiet tal-assigurazzjoni kompetituri jew aktar. Dawn jistgħu, pereżempju, iħallu lill-impriżi parteċipanti tagħhom jiggwadanjaw l-esperjenza neċessarja fis-settur tal-assigurazzjoni kkonċernat, jew jistgħu jħallu riżerva ta’ nfiq, jew tnaqqis fil-premiums kummerċjali permezz ta’ riassigurazzjoni konġunta fuq termini vantaġġjużi. Madankollu, tali eżenzjoni għandha tkun limitata għal akkordji li ma jagħtux lill-impriżi involuti l-possibbiltà li jeliminaw il-kompetizzjoni fir-rigward ta’ parti sostanjzali tal-prodotti inkwistjoni. Il-konsumaturi jistgħu effettivament jibbenefikaw biss minn pools jekk ikun hemm kompetizzjoni biżżejjed fl-oqsma li fihom joperaw il-pools. Din il-kundizzjoni għandha titqies li tkun ġiet sodisfatta meta s-sehem fis-suq ta’ pool jibqa’ taħt limitu partikolari u għaldaqstant jista’ jiġi preżunt li jkun soġġett għal kompetizzjoni effettiva attwali jew potenzjali minn impriżi li ma jkunux qed jipparteċipaw f’dak il-pool.

(18)

Dan ir-Regolament għandu għalhekk jagħti eżenzjoni lil kull tali pool ta’ ko-assigurazzjoni jew ko-riassigurazzjoni li ilu jeżisti għal aktar minn tliet snin, jew li mhux magħmul sabiex ikopri xi riskju ġdid, bil-kondizzjoni li s-sehem fis-suq magħqud tal-impriżi parteċipanti ma jeċċedix ċerti limiti. Il-limitu għal pools ta’ ko-assigurazzjoni jrid ikun anqas minħabba li l-pools ta’ ko-assigurazzjoni jistgħu jinvolvu kondizzjonijiet ta’ polza uniformi u premiums kummerċjali. Għall-valutazzjoni dwar jekk il-pool jissodisfax il-kundizzjoni tas-sehem fis-suq, għandu jiżdied is-sehem globali tas-sehem fis-suq tal-impriżi parteċipanti. Is-sehem fis-suq ta’ kull impriża parteċipanti huwa bbażat fuq id-dħul gross globali mill-premiums ta’ dik l-impriża parteċipanti kemm f’dak il-pool kif ukoll barra minnu fl-istess suq rilevanti. Dawn l-eżenzjonijiet madankollu għandhom japplikaw biss jekk il-pool in kwistjoni jissodisfa l-kondizzjonijiet ulterjuri stabbiliti f’dan ir-Regolament, liema kondizzjonijiet huma ntiżi li jnaqqsu kemm jista’ jkun ir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-impriżi parteċipanti tal-pool. Tinħtieġ analiżi individwali f’każijiet bħal dawn, sabiex jiġi determinat jekk il-kundizzjonjiet stabbiliti f’dan ir-Regolament humiex sodisfatti jew le.

(19)

Sabiex tiġi faċilitata l-konklużjoni ta’ akkordji, li ftit minnhom jistgħu jinvolvu deċiżjonijiet sinifikattivi ta’ investiment, il-perjodu ta’ validità ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi ffissat għal seba’ snin.

(20)

Il-Kummissjoni tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament, skont l-Artikolu 29(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (5), meta ssib li f’każ partikolari akkordju li japplikaw għalih l-eżenzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament ikollu madankollu effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat.

(21)

L-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru tista’ tirtira l-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament skont l-Artikolu 29(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 fir-rigward tat-territorju ta’ dak l-Istat Membru, jew parti minnu, meta, f’każ partikolari, akkordju li japplikaw għalih l-eżenzjonijiet previsti f’dan ir-Regolament ikollu madankollu effetti li huma inkompatibbli mal-Artikolu 101(3) tat-Trattat fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru, jew parti minnu, u fejn tali territorju għandu l-karatteristiċi kollha ta’ suq ġeografiku distint.

(22)

Fid-deċiżjoni dwar jekk il-benefiċċju ta’ dan ir-Regolament għandux jiġi rtirat skont l-Artikolu 29 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003, għandhom importanza partikolari l-effetti antikompetittivi li jistgħu jirriżultaw mill-eżistenza ta’ rabtiet bejn pool ta’ ko-assigurazzjoni jew ko-riassugurazzjoni u/jew l-impriżi parteċipanti u pools oħra u/jew l-impriżi parteċipanti tagħhom fl-istess suq rilevanti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I

DEFINIZZJONIJIET

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“akkordju” tfisser akkordju, deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi jew prattika miftiehma;

(2)

“impriżi parteċipanti” tfisser impriżi li huma parti fl-akkordju u l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom;

(3)

“impriżi konnessi” tfisser:

(a)

impriżi li fihom parti fl-akkordju, direttament jew indirettament:

(i)

ikollha s-setgħa li teżerċita iktar minn nofs id-drittijiet tal-vot, jew

(ii)

ikollha s-setgħa li taħtar aktar minn nofs il-membri tal-bord ta’ superviżjoni, tal-bord ta’ tmexxija jew ta’ korpi li jirrappreżentaw lill-impriża legalment, jew

(iii)

ikollha d-dritt li tiġġestixxi l-affarijiet tal-impriża;

(b)

impriżi li direttament jew indirettament ikollhom iddrittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) fuq parti fl-akkordju;

(c)

impriżi li fihom impriża msemmija fil-punt (b) ikollha, direttament jew indirettament, id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(d)

impriżi li fihom parti fl-akkordju flimkien ma’ waħda jew aktar mill-impriżi msemmija fil-punti (a), (b) jew (c), jew li fihom tnejn jew aktar mill-impriżi tal-aħħar, konġuntament ikollhom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a);

(e)

impriżi li fihom id-drittijiet jew is-setgħat elenkati fil-punt (a) ikunu miżmuma konġuntament minn:

(i)

partijiet fl-akkordju jew l-impriżi konnessi rispettivi tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d), jew

(ii)

parti waħda jew aktar fl-akkordju jew impriża konnessa waħda jew aktar tagħhom imsemmija fil-punti (a) sa (d) u terz wieħed jew aktar.

(4)

“pools ta’ ko-assigurazzjoni” tfisser gruppi stabbiliti minn impriżi tal-assigurazzjoni direttament jew permezz ta’ sensala jew aġenti awtorizzati, bl-eċċezzjoni ta’ akkordji ta’ ko-assigurazzjoni ad-hoc fis-suq tas-sottoskrizzjoni, li permezz tagħhom ċerta parti minn riskju partikolari tkun koperta minn assiguratur ewlieni u l-parti li tibqa’ tar-riskju tkun koperta minn assiguraturi li jsegwu li jiġu mistiedna jkopru l-kumplament, li:

(a)

jiftiehmu li jissottoskrivu fl-isem u fl-interess tal-parteċipanti kollha, l-assigurazzjoni ta’ kategorija speċifika ta’ riskju; jew

(b)

jafdaw is-sottoskrizzjoni u l-amministrazzjoni tal-assigurazzjoni ta’ kategorija speċifika ta’ riskju, f’isimhom u fl-interess tagħhom, lil waħda mill-impriżi tal-assigurazzjoni, lil sensar komuni jew lil korp komuni stabbilit għal dan il-għan;

(5)

“pools ta’ ko-riassigurazzjoni” tfisser gruppi stabbiliti minn impriżi tal-assigurazzjoni direttament jew permezz ta’ sensar jew aġenti awtorizzati, possibbilment bl-għanjuna ta’ impriża ta’ riassigurazzjoni waħda jew aktar, bl-eċċezzjoni ta’ akkordji ta’ ko-riassigurazzjoni ad-hoc fis-suq tas-sottoskrizzjoni, li permezz tagħhom ċerta parti minn riskju partikolari tkun koperta minn assiguratur ewlieni u l-parti li tibqa’ tar-riskju tkun koperta minn assiguraturi li jsegwu li jiġu mistiedna jkopru l-kumplament, sabiex:

(a)

jirriassiguraw reċiprokament il-passiv kollu tagħhom jew parti minnu fir-rigward ta’ kategorija speċifika ta’ riskju;

(b)

jaċċettaw inċidentalment, fl-isem u fl-interess tal-parteċipanti kollha, ir-riassigurazzjoni tal-istess kategorija ta’ riskji;

(6)

“riskji ġodda” tfisser:

(a)

riskji ma kinux jeżistu qabel, u li għalihom il-kopertura tal-assigurazzjoni tirrikjedi l-iżvilupp ta’ prodott tal-assigurazzjoni li huwa interament ġdid, u li ma jinvolvix estensjoni, titjib jew is-sostituzzjoni ta’ prodott tal-assigurazzjoni li jeżisti diġà; jew

(b)

f’każijiet eċċezzjonali, riskji li n-natura tagħhom, fuq il-bażi ta’ analiżi oġġettiva, tant inbidlet materjalment li mhux possibbli li wieħed ikun jaf minn qabel x’kapaċità ta’ sottoskrizzjoni hija meħtieġa biex jiġi kopert tali riskju;

(7)

“premium kummerċjali” tfisser il-prezz li hu addebitat kontra x-xerrej ta’ polza tal-assigurazzjoni.

KAPITOLU II

KUMPILAZZJONIJIET, TABELLI, U STUDJI KONĠUNTI

Artikolu 2

Eżenzjoni

Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat m’għandux japplika għall-akkordji konklużi bejn żewġ impriżi jew aktar fis-settur tal-assigurazzjoni fir-rigward ta’:

(a)

il-kumpilazzjoni konġunta u d-distribuzzjoni ta’ informazzjoni neċessarja għall-għanijiet segwenti:

(i)

il-kalkolu tal-ispiża medja tal-kopertura ta’ riskju speċifiku fil-passat (minn hawn ‘il quddiem ‘kumpilazzjonijiet’);

(ii)

it-tiswir ta’ tabelli tal-mortalità, u tabelli li juru l-frekwenza ta’ mard, inċidenti u invalidità b’konnessjoni mal-assigurazzjoni li tinvolvi element ta’ kapitalizzazzjoni (minn hawn ‘il quddiem ‘tabelli’);

(b)

it-twettiq konġunt ta’ studji dwar l-impatt probabbli ta’ ċirkostanzi ġenerali esterni għall-impriżi interessati, fuq il-frekwenza jew skala ta’ pretensjonijiet futuri għal riskju speċifiku jew għal kategorija ta’ riskju jew fuq kemm jirrendu tipi differenti ta’ investiment (minn hawn ‘il quddiem ‘studji’), u d-distribuzzjoni tar-riżultati ta’ tali studji.

Artikolu 3

Kundizzjonijiet għall-eżenzjoni

1.   L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 2(a) għandha tapplika bil-kundizzjoni li l-kumpilazzjonijiet jew it-tabelli:

(a)

ikunu bbażati fuq il-ġbir ta’ dejta, mifruxa fuq numru ta’ snin ta’ riskju magħżula bħala perjodu ta’ osservazzjoni, li jirrelataw ma’ riskji identiċi jew komparabbli f’numri suffiċjenti biex jikkostitwixxu bażi li tista’ tiġi ttrattata statistikament u li tagħti ċifri fuq, fost l-oħrajn:

(i)

in-numru ta’ pretensjonijiet waqt dan il-perjodu;

(ii)

in-numru ta’ riskji individwali assigurati f’kull sena ta’ riskju tal-perjodu tal-osservazzjoni magħżul;

(iii)

l-ammonti totali mħallsa jew dovuti fil-każ ta’ pretensjonijiet li jinqalgħu waqt l-imsemmi perjodu;

(iv)

l-ammont totali ta’ kapital assigurat għal kull sena ta’ riskju waqt il-perjodu tal-osservazzjoni magħżul;

(b)

jinkludu brejkdawn tal-istatistiċi disponibbli li jkun dettaljat daqskemm ikun attwarjalment adegwat;

(c)

ma jinkludu bl-ebda mod elementi għal kontinġenzi, dħul li jiġi mir-riżervi, infiq amministrattiv jew kummerċjali jew kontribuzzjonijiet fiskali jew para-fiskali, u la jieħdu inkunsiderazzjoni d-dħul minn investimenti u lanqas il-profitti antiċipati.

2.   L-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 għandhom japplikaw bil-kundizzjoni li l-kumpilazzjonijiet, it-tabelli jew ir-riżultati ta’ studji:

(a)

ma jidentifikawx l-impriżi tal-assigurazzjoni konċernati jew xi parti assigurata;

(b)

meta miġbura u mqassma, jinkludu dikjarazzjoni li mhumiex vinkolanti;

(c)

li ma jkun fihom l-ebda indikazzjoni tal-livell tal-premiums kummerċjali;

(d)

ikunu disponibbli b’termini raġonevoli, mhux projbittivi ekonomikament u mhux diskriminatorji, għal kwalunkwe impriża tal-assigurazzjoni li titlob kopja tagħhom, inklużi impriżi tal-assigurazzjoni li mhumiex attivi fis-suq ġeografiku jew fis-suq tal-prodott li dawn il-kumpilazzjonijiet, tabelli jew riżultati ta’ studji jirrferu għalihom;

(e)

ħlief fejn in-non-żvelar ikun oġġettivament ġustifikat għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika, ikunu disponibbli b’termini raġonevoli, mhux projbittivi ekonomikament u mhux diskriminatorji, għal organizzazzjonijiet tal-konsumatur jew organizzazzjonijiet tal-klijenti li jitolbu aċċess għalihom b’termini speċifiċi u preċiżi għal raġuni debitament ġustifikata.

Artikolu 4

Akkordji mhux koperti bl-eżenzjoni

L-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 2 m’għandhomx japplikaw fejn l-impriżi parteċipanti jidħlu f’obbligu jew rabta bejniethom, jew jobbligaw impriżi oħra, li ma jużawx kumpilazzjonijiet jew tabelli li huma differenti minn dawk imsemmija fl-Artikolu 2(a), jew li ma jitbegħdux mir-riżultati tal-istudji msemmija fl-Artikolu 2(b).

KAPITOLU III

KOPERTURA KOMUNI GĦAL ĊERTI TIPI TA’ RISKJI

Artikolu 5

Eżenzjoni

Skont l-Artikolu 101(3) tat-Trattat u soġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 101(1) tat-Trattat m’għandhux japplika għal akkordji konklużi bejn żewġ impriżi jew aktar fis-settur tal-assigurazzjoni fir-rigward tat-twaqqif u l-operazzjoni ta’ pools ta’ impriżi tal-assigurazzjoni jew ta’ impriżi tal-assigurazzjoni u impriżi tar-riassigurazzjoni għall-kopertura komuni ta’ kategorija speċifika ta’ riskji fil-forma ta’ ko-assigurazzjoni u ko-riassigurazzjoni.

Artikolu 6

Applikazzjoni tal-eżenzjoni u limiti tas-sehem fis-suq

1.   Fir-rigward tal-pools ta’ ko-assigurazzjoni jew ko-riassigurazzjoni li jinħolqu sabiex ikopru esklużivament riskji ġodda, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 5 għandha tapplika għal perjodu ta’ tliet snin mid-data tal-kostituzzjoni tal-pool, indipendentement mis-sehem fis-suq tal-pool.

2.   Fir-rigward tal-pools ta’ ko-assigurazzjoni jew ko-riassigurazzjoni li ma jaqgħux fl-ambitu tal-paragrafu 1, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 5 għandha tapplika sakemm dan ir-Regolament jibqa’ fis-seħħ, bil-kundizzjoni li s-sehem fis-suq aggregat miżmum mill-impriżi parteċipanti ma jeċċedix:

(a)

fil-każ ta’ pools ta’ ko-assigurazzjoni, 20 % ta’ kwalunkwe suq rilevanti;

(b)

fil-każ ta’ pools ta’ ko-riassigurazzjoni, 25 % ta’ kwalunkwe suq rilevanti.

3.   Meta jiġi kalkolat is-sehem fis-suq ta’ impriża parteċipanti fis-suq rilevanti, għandu jittieħed kont ta’:

(a)

is-sehem fis-suq tal-impriża parteċipanti fi ħdan il-pool inkwistjoni;

(b)

is-sehem fis-suq tal-impriża parteċipanti fi ħdan pool ieħor fl-istess suq rilevanti bħal dak tal-pool inkwistjoni, li fih l-impriża parteċipanti hija parti; u wkoll

(c)

is-sehem fis-suq ta’ impriża parteċipanti fl-istess suq rilevanti bħall-pool inkwistjoni, ‘il barra minn kull pool.

4.   Għall-għanijiet tal-applikazzjoni tal-limiti tas-sehem fis-suq previsti fil-paragrafu 2, għandhom japplikaw ir-regoli li ġejjin:

(a)

is-sehem fis-suq għandu jiġi kalkolat fuq il-bażi tad-dħul gross mill-premiums; jekk dejta dwar id-dħul gross mill-premiums ma tkunx disponibbli, stimi bbażati fuq informazzjoni oħra fuq is-suq ta’ min joqgħod fuqha, inklużi l-kopertura tal-assigurazzjoni pprovduta jew il-valur tar-riskju assigurat, jistgħu jintużaw biex jistabbilixxu s-sehem fis-suq tal-impriża konċernata;

(b)

is-sehem fis-suq għandu jiġi kkalkolat abbażi ta’ dejta relatata mas-sena kalendarja preċedenti.

5.   Meta s-sehem fis-suq imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2 inizjalment ma jkunx aktar minn 20 % iżda sussegwentement jogħla l fuq minn dak il-livell mingħajr ma jaqbeż il-25 %, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 5 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ sentejn kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fiha l-limitu ta’ 20 % jkun inqabeż għall-ewwel darba.

6.   Meta s-sehem fis-suq imsemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 2 inizjalment ma jkunx aktar minn 20 % iżda sussegwentement jogħla l fuq minn 25 %, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 5 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ sena kalendarja wara s-sena li fiha l-limitu ta’ 25 % jkun inqabeż għall-ewwel darba.

7.   Il-benefiċċju tal-paragrafi 5 u 6 ma jistgħux jingħaqdu sabiex jaqbżu perjodu ta’ sentejn kalendarji.

8.   Meta s-sehem fis-suq imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2 inizjalment ma jkunx aktar minn 25 % iżda sussegwentement jogħla l fuq minn dak il-livell mingħajr ma jaqbeż it-30 %, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 5 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ sentejn kalendarji konsekuttivi wara s-sena li fiha l-limitu ta’ 25 % jkun inqabeż għall-ewwel darba.

9.   Meta s-sehem fis-suq imsemmi fil-punt (b) tal-paragrafu 2 inizjalment ma jkunx aktar minn 25 % iżda sussegwentement jogħla l fuq minn 30 %, l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 5 għandha tkompli tapplika għal perjodu ta’ sena kalendarja wara s-sena li fiha l-limitu ta’ 30 % jkun inqabeż għall-ewwel darba.

10.   Il-benefiċċju tal-paragrafi 8 u 9 ma jistgħux jingħaqdu sabiex jaqbżu perjodu ta’ sentejn kalendarji.

Artikolu 7

Kundizzjonijiet għall-eżenzjoni

L-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 5 għandha tapplika bil-kondizzjoni li:

(a)

kull impriża parteċipanti jkollha d-dritt tirtira mill-pool, billi tagħti preavviż raġonevoli, mingħajr ma tinkorri xi sanzjoni;

(b)

ir-regoli tal-pool ma jobbligaw lil ebda impriża parteċipanti tal-pool tassigura jew tirriassigura permezz tal-pool u ma jimpedixxu lil ebda impriża parteċipanti tal-pool milli tassigura jew tirriassigura barra mill-pool, kompletament jew parzjalment, kwalunkwe riskju tat-tip kopert mill-pool;

(c)

ir-regoli tal-pool ma jirrestrinġux l-attività tal-pool jew tal-impriżi parteċipanti tiegħu għall-assigurazzjoni jew għar-riassigurazzjoni ta’ riskji li jinsabu f’parti ġeografika partikolari tal-Unjoni;

(d)

l-akkordju ma jillimitax il-produzzjoni jew bejgħ;

(e)

l-akkordju ma jallokax swieq jew klijenti; u

(f)

l-impriżi parteċipanti tal-pool ta’ ko-riassigurazzjoni ma jaqblux fuq il-premiums kummerċjali li jitolbu għall-assigurazzjoni diretta.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 8

Perjodu tranżitorju

Il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 101(1) tat-Trattat m’għandhiex tapplika fil-perjodu mill-1 ta’ April 2010 sat-30 ta’ Settembru 2010 fir-rigward ta’ akkordji li diġà jkunu fis-seħħ fil-31 ta’ Marzu 2010 li ma jissodisfawx il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti f’dan ir-Regolament iżda li jissodisfaw il-kondizzjonijiet għall-eżenzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 358/2003.

Artikolu 9

Perjodu ta’ validità

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-1 ta’ April 2010.

Għandu jiskadi fil-31 ta’ Marzu 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-24 ta’ Marzu 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 143, 7.6.1991, p. 1.

(2)  B’effett mill-1 ta’ Diċembru 2009, l-Artikolu 81 tat-Trattat KE sar l-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Iż-żewġ Artikoli huma essenzjalment identiċi. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, referenzi għall-Artikolu 101 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom, fejn xieraq, jinftiehmu bħala referenzi għall-Artikolu 81 tat-Trattat KE.

(3)  ĠU L 53, 28.2.2003, p. 8.

(4)  COM(2009) 138.

(5)  ĠU L 1, 4.1.2003, p. 1.


Top