EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0012

Kawża T-12/21: Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Jannar 2021 – PJ vs EIT

ĠU C 79, 8.3.2021, p. 34–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

8.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 79/34


Rikors ippreżentat fl-14 ta’ Jannar 2021 – PJ vs EIT

(Kawża T-12/21)

(2021/C 79/43)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: PJ (rappreżentant: N. de Montigny, avukat)

Konvenut: L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tas-17 ta’ Diċembru 2020 li biha d-direttur eżekuttiv irrifjuta lir-rikorrenti l-benefiċċju tal-eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni tat-telexogħol lil hinn mill-pajjiż tal-impjieg u ċaħad it-talba tagħha għal telexogħol mill-pajjiż tal-oriġini tagħha mressqa fil-15 ta’ Diċembru 2020;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur, minn naħa, tal-Artikolu 5.1.b tal-Linji Gwida applikabbli għall-Kummissjoni u trasposti għall-EIT u, min-naħa l-oħra, tad-drittijiet miksuba mir-rikorrenti. Ir-rikorrenti sussegwentement tinvoka l-ksur tal-obbligu ta’ premura tal-amministrazzjoni. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll l-interpretazzjoni arbitrarja tal-kunċett ta’ “restrizzjonijiet ta’ safar”, in-nuqqas ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali, il-ksur tal-interpretazzjonijiet nazzjonali ta’ dawn l-istess miżuri sanitarji implimentati f’kull Stat Membru. Finalment, ir-rikorrenti tinvoka l-ksur tad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, in-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tagħha lil hinn minn kull interess reali u ġġustifikat tas-servizz u l-ksur sproporzjonat tal-interessi tagħha.

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq eċċezzjoni ta’ illegalità tar-regoli fis-seħħ f’każ li għandu jitqies li dawn ma jawtorizzawx lir-rikorrenti tagħmel telexogħol mill-pajjiż tal-oriġini tagħha fis-sitwazzjoni tagħha minħabba l-ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fitt-trattament, tad-dritt għall-ħajja privata u tal-familja, tal-benessri fuq il-post tax-xogħol, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ prevedibbiltà. Ir-rikorrenti tinvoka wkoll il-forza maġġuri u l-ksur tal-Artikolu 52 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn ir-restrizzjoni fuq id-drittijiet tagħha hija illeġittima u sproporzjonata.


Top